IR-RABA’ STAZZJON - Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

Xmun berikhom, u qal lil Ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”  U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.(Luqa.2:34-35, 51)

 

Meditazzjoni

Matul it-triq lejn il-Qorriegħa, insibu wkoll lil Marija, Omm Ġesù. Matul il-ħajja pubblika Tiegħu, Marija dejjem żammet fil-ġenb u dan biex tħalli lil Ġesù jibni l-familja ġdida Tiegħu, id-dixxipli Tiegħu. Kellha wkoll tisma’ kelmiet bħal: “Min hi ommi? U min huma ħuti? Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: ”Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”(Matt. 12: 48-50) Issa qegħdin narawha bħala Omm Ġesù, mhux fiżikament biss, imma anki ġewwa qalbha. Anki qabel ma ikkonċepitu, bl-ubbidjenza tagħha ġa kienet sawritu ġewwa qalbha. Kien intqal lil Marija: ”Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjah Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Luqa. 1:31-33). Kellha tisma’ wkoll minn fomm Xmun: ”sejf jinfidlek qalbek”. F’moħħha jimirħu l-kliem tal-profeti, bħal: ’Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu’ (Is. 53:7) Issa qed jitwettaq kollox. F’qalbha dejjem żammet il-kelmiet li kien beda bihom l-anġlu: “Tibżax, Marija” (Luqa 1:30) Id-dixxipli ħarbu, imma hi le. Hi baqgħet hemm, b’kuraġġ kbir ta’ Omm, b’fedeltà ta’ Omm, bit-tjubija ta’ Omm; u b’fidi sħiħa  li ma tmilx fis-siegħa tad-dlamijiet: “Iva, hienja dik li  li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Luqa 1:45) “Imma taħsbu intom li Bin il-Bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (Luqa 18:8) Iva, f’dan il-waqt Ġesù jaf: Hu ser isib fidi. F’din is-siegħa, din hi l-konsulazzjoni kbira Tiegħu.

 

Talba

Qaddisa Marija, Omm il-Mulej, inti bqajt fidila meta id-dixxipli Tiegħu ħarbu. Bħalma inti emmint il-messaġġ ta’ l-Anġlu – li int issir l-Omm ta’ l-aktar Għoli, int ukoll hekk emmint fis-siegħa ta’ meta Hu ġie kkalpestat. B’dan il-mod, fis-siegħa tas-Salib, fis-siegħa ta’ l-aktar lejl mudlam li qatt rat id-dinja, int sirt l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu, Omm il-Knisja. Nitolbuk:tgħallimna nemmnu, u li taqlagħlna l-grazzja li l-Fidi tagħna tati l-frott fl-għajnuna qalbiena li nagħtu u li  l-imħabba tkun bla heda tant li tkun dejjem lesta biex taqsam fit-tbatija ta’ l-oħrajn.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna…

Min hu dak li ma jibkix meta jara’ l-Omm Kristu f’tant tbatija?