IT-TIELET STAZZJON - Ġesù jaqa’ għal l-ewwel darba.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

Iżda hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, milqut minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal ngħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.(Is. 53:4-6)

 

Meditazzjoni

Il-bniedem waqa’, u jkompli jaqa’; bosta drabi jispiċċa karitatura tiegħu nnifsu, mhux aktar xbieha ta’ Alla, iżda dehra redikola tal-Ħallieq. M’għadux dak ir-raġel li, fi triqtu minn Ġerusalem għal Ġeriko, waqa’ f’idejn il-ħallelin li neżżgħuh u ħallewh mgħarrar f’demmu għall-mejjet fil-ġenb tat-triq, ix-xbieha awtentika ta’ l-umanità! Il-waqa’ ta’ Ġesù taħt is-Salib mhiex sempliċiment il-waqa’ ta’ Ġesù r-raġel eżawrit mis-swat li qala’. Hemm tifsira ferm aktar profonda f’din il-waqgħa, skond ma jgħidilna Pawlu fl-Ittra tiegħu lill-Filippini, Kap 2, versi 6 sa 8; “hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Fil-waqgħa ta’ Ġesù taħt it-toqol tas-Salib, naraw it-tifsira ta’ ħajtu kollha: ir-rieda tiegħu li jxejjen lilu nnifsu, tellgħet lilna mill-abbiss tal-kburija tagħna. In-natura tas-suppervja tagħna hija wkoll mikxufa: hija l-arroganza tagħna li ġġegħlna ninfirdu minn Alla biex inħossuna rajna f’idejna, mimlijin b’arroganza li ġġegħlna naħsbu li m’għandniex bżonn l-imħabba eterna Tiegħu, għax ħajjitna hi tagħna u nistgħu mmexxuha kif irridu aħna. F’din ir-rewwixta tagħna kontra l-verità, biex inkunu l-alla, il-ħallieq, u l-imħallef tagħna nfusna, nispiċċaw nitħarrbtu u nġarrfu lilna nfusna. L-umiltà ta’ Ġesù tisboq suppervja tagħna, bir-rieda li jxejjen lilu nnfisu tella’ lilna. Ejjew inħalluh jerfgħana. Ejjew ninżgħu mill-frugħa li kapaċi ngħixu mingħajru, ejjew intajru l-illużjoni li nistgħu nkunu indipendenti minnu, u nitgħallmu mingħandu, Hu li umilja lilu nnifsu, biex aħna niskopru l-kobor tagħna billi nitbaxxew quddiem Alla u quddiem dawk kollha li huma mkasbra.

 

Talba

Mulej Ġesù, it-toqol tas-salib  ġagħlek taqa’ ma’ l-art. It-toqol tad-dnub tagħna, il-piż tas-suppervja tagħna waqqgħuk ma’ l-art. Imma l-waqa’ tiegħek mhiex xi traġedja, jew sempliċiment xi dgħjufija umana. In ġejt qribna meta, fis-suppervja tagħna, waqajna tant fil-baxx. L-arroganza li ġġagħlna naħsbu li aħna stess nistgħu noħolqu bnedmin oħra bidlet lill-bniedem f’tip ta’ merkanzija, li tista’ tinbigħ u tinxtara, jew merfugħa biex biċċiet minnha jsiru esperimenti fuqha. B’dan l-għemil qed naħsbu li ser inkunu kapaċi negħlbu lill-mewt, imma fil-fatt qegħdin inbaxxu id-dinjità  umana sal-qigħan ta’ l-art. Għinna Mulej; waqajna. Għinna nwarrbu din is-suppervja li farrkitna, u billi nitgħallmu mill-umiltà tiegħek,  nerġgħu nqumu.

Ngħidu flimkien il-Missierna…

O kemm kienet sogħobiena u mweġġa’ l-Omm Imbierka ta’ l-Iben il-waħdieni t’Alla.