IT-TIENI STAZZJON - Ġesù jieħu s-Salib

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu l-mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-lemenija, xteħtu għarrkobbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku biħ u jgħidulu: ”Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”  Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu. U ħaduh magħhom biex isallbuh. (Matt, 27:27-31)

 

Meditazzjoni

Ġesù, ikkundannat bħala re impostur, imwaqqa’ għaż-żufjett, imma mill-istess żufjett ħarġet verità li tweġġa’. Spiss jiġri li s-simboli tal-poter,  f’idejn is-setgħana ta’ din id-dinja, huma insult lill-verità, lill-ġustizja, u lid-dinjità tal-bniedem! Bosta drabi z-zina u l-kliem bombastiku li jgħidu mhu xejn għajr gideb imsebbaħ, kummiedja sħiħa, jekk mhux traġedja, ta’ dawk il-wegħdiet tajba li suppost ħalfu li jwettqu għal ġid ta’ kulħadd! U hu għax Ġesù hu mwaqqa’ għaż-żufjett u mlibbes il-kuruna tat-tbatija li jidher li hu l-veru Re.

Ix-xettru tiegħu hija l-ġustizzja. Il-prezz tal-ġustizzja f’din id-dinja hija it-tbatija: Ġesù, il-veru Re, ma jaħkimx bil-qawwa tal-vjolenza, imma bil-qawwa ta’ l-imħabba, mħabba li tbati għalina u li tbati magħna. Hu jieħu s-Salib, is-salib tagħna, il-piż li tkun bniedem, il-piż tad-dinja. U hu għalhekk li jmur qabilna u jurina t-triq li teħodna lejn il-ħajja vera.

 

Talba

Mulej, int minn jeddejk, ħallejt lilek innifsek tiġi mmaqdar u mwaqqa’ għaż-żufjett. Għinna nitolbuk biex ma ningħaqdux ma’ dawk li jżebilħu lid-dgħajfa u lill-batuti. Għinna biex naraw lilek f’dawk li huma fqajrin u f’dawk li huma emarġinati. Għinna biex qatt ma naqtgħu qalbna quddiem l-istmerrija li taf tagħti d-dinja, stmerrija li ġġagħlna nitbegħdu mir-rieda Tiegħek. Int erfajt

is-Salib, u għedtilna: min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi u għalhekk nitolbuk biex tgħinna nerfgħuh u mhux niskansaw minnu. Għinna biex ma ngorrux jew naqtgħu qalbna mill-flaġelli tal-ħajja.Għinna nimxu fit-triq ta’ l-imħabba, inċedu għal dak li titlob minna l-istess imħabba...biex insibu l-vera triq li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

 

 Ngħidu flimkien il-Missierna...

 Sejf nifidlek ruħek mnikkta, muġugħa u mbikkija.