L-ERBATAX-IL STAZZJON - Ġesù mpoġġi fil-qabar

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek,Inti fdejtna.

Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien mħaffer fil-blat, gerbeb il-ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar. (Matt, 27:59-61)

Meditazzjoni

Ġesù, b’ġieħu mitluf, u mmaltrattat, hu midfun b’rispett ġewwa qabar ġdid. Nikodemu ġab taħlita ta’ madwar mitt libbra mirra u fwejjaħ, li tagħti rieħa ta fwieħa ferm prezzjuża. Fl-offerta personali ta’ l-Iben, bħal l-ikkonsagrar tiegħu ġewwa Betanja, naraw dik l-imħabba ġeneruża u bla qjies ta’ Alla. Alla joffri lilu nnifsu bla limitu ta’ xejn. Jekk il-kejl ta’ Alla huwa superabbundanti, allura, aħna min-naħa tagħna, nagħmlu x’nagħmlu, noffru x’noffru,  qatt m’hu iżżejjed għal Alla. Dan hu t-tagħlim ta’ Kristu stess waqt  il-Priedka tal-Muntanja. Madankollu  għandna niftakru kliem San Pawl, li jgħid li Alla ”jxerred ma’ kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu. Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu”. Qalb it-tnawwir ta’ l-ideoloġiji, il-fidi tagħna reġa’ għandha bżonn li tkun il-fwieħa li twassalna lura lejn il-mogħdija tal-ħajja. Waqt id-difna tiegħu, kliem Ġesù ġie mwettaq: ”Tassew, tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott.” Ġesù huwa l-ħabba tal-qamħ li tmut. Minn din il-ħabba tal-qamħ bla ħajja toħroġ il-multiplikazzjoni tal-ħobż li tibqa’ tirreżisti sa l-aħħar tad-dinja. Ġesù hu l-ħobż tal-ħajja li jista’ jxebba b’aktar milli hu meħtieġ il-ġuħ ta’ l-umanità u fl-istess waqt joffrilha l-aqwa nutriment. Bis-saħħa tas-Salib u l-Qawmien mill-mewt, il-kelma eterna ta’ Alla saret laħam u ħobż għalina. Il-misteru ta’ l-Ewkaristija ġa ħiereġ b’dija qawwija waqt id-difna ta’ Ġesù.

Talba

Sinjur Ġesù Kristu, fid-difna tiegħek int ġejt tixbaħ lill-mewtha tal-ħabba tal-qamħ. Int sirt il-ħabba tal-qamħ bla ħajja li minnha toħroġ abbundanza ta’ frott għal kull żmien u għal l-eternità kollha. Minn ġol-qabar toħroġ, imdawla minn dija qawwija, il-wegħda tal-ħabba tal-qamħ li tfakkarna fil-veru manna, il-Ħobż tal-Ħajja, li hu l-offertà tiegħek innifsek għalina. Il-Kelma eterna, bl-Inkarnazzjoni u l-mewt Tiegħu, saret il-Kelma li dejjem hi qrib tagħna: Int tlaqt lilek innifsek f’idejna u fil-qlub tagħna, sabiex il-kelma tikber ġewwa fina u tagħti l-frott. Bis-saħħa tal-mewta tal-ħabba tal-qamħ int tajtna lilek innifsek, sabiex aħna wkoll nazzardaw nitilfu ħajjitna biex insibuha,  u biex aħna wkoll inkunu nistgħu nafdaw fil-wegħda tal-ħabba tal-qamħ. Għinna nikbru fl-imħabba u fil-qima lejn il-Misteru Ewkaristiku Tiegħek...biex nagħmlu lilek, il-Ħobż tas-Sema,  is-sors tal-ħajja tagħna. Għinna biex insiru l-fwieħa tiegħek, u biex ngħarrfu lid-dinja bix-xejriet misterjużi ta’ ħajtek. Bħall-ħabba tal-qamħ li tnibbet minn qiegħ l-art, biz-zokk jofroq minn ġol-ħamrija u mbagħad tisponta s-sbula, int ma stajtx tibqa’ magħluq fil-qabar: Il-qabar hu vojt għax Hu, il-Missier...”ma abbandunakx għal l-imwiet, u lanqas ħalla lil ġismek jara t-taħsir.” Le, int ma rajtx taħsir. Int qomt mill-imwiet, u lestejt post għall-ġisem transfigurat tagħna fil-qalb ta’ Alla. Għinna nifirħu f’din it-tama u nxerrduha b’ferħ kbir ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja. Ghinna biex insiru xhieda tal-Qawmien Tiegħek mill-imwiet.

Ngħidu flimkien il-Missierna...

Meta dan il-ġisem imut, agħmel li ruħi tgawdi l-glorja tal-Ġenna. Hekk ikun.