IT-TNAX IL-STAZZJON - Ġesù jmut fuq is-Salib

Nadurawk O Ġesù u mberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nażaret, is-Sultan tal-Lhud.” Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin, u bil-Grieg. (Ġw 19: 19-20)

Minn nofsinhar  ‘il quddiem  waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta. U f’xi t-tlieta ta’ wara nofsinhar Ġesù  għajjat b’leħen qawwi u qal: “Eli, Eli, lema sabaqtani?”: iġifieri,  ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’  Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”  U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah  jixrob, waqt li l-oħrajn qalu: “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!” Imma Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira  u ta ruħu. Iċ-Ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżhżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu: “Dan kien tassew l-Iben ta’ Alla!”  (Mat 27:45-50, 54)

 

Meditazzjoni

Bil-Grieg u bil-Latin, iż-żewġ lingwi internazzjonali ta’ dak iż-żmien, u bl-Ebrajk, l-ilsien  tal-Poplu l-Magħżul, kien hemm kitba fuq is-Salib ta’ Ġesù, kitba li kienet turi min kien: ir-Re tal-Lhud, l-Iben imwiegħed ta’ David. Pilatu, l-imħallef mhux ġust, sar profeta mingħajr qatt ma basar. Ir-renju ta’ Ġesù  ġie mxandar mad-dinja kollha. Ġesù nnifsu qatt ma aċċetta t-titlu ta’ “Messija”, għax inkella dan it-titlu kien jagħti idea ta’ qawwa u ħelsien imsejsa fuq dak li hu uman. Madankollu issa dan it-titlu seta’ jiġi muri fuq Kristu Msallab. Hu verament ir-re tad-dinja. Issa Ġesù jista’ jiġi mtella’ fl-aktar għoli. Għax Hu li niżel  sa l-aktar fond issa tela’ fl-aktar għoli. B’dak kollu li għadda minnu Ġesù wera verament xi jfisser il-kmandament ta’ l-imħabba. Hu totalment offra lilu nnifsu, u b’dan kollu hu tana r-rivelazzjoni tal-veru Alla, Alla ta’ mħabba bla qjies. Issa lkoll nafu min hu Alla. Issa lkoll nafu liema hu l-veru renju Tiegħu. Ġesù jitlob b’Salm 22, li jibda bil-kelmiet: ”Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”  Hu ħa fuqu t-tbatija tal-poplu Lhudi, it-tbatija  ta’ l-umanità kollha, id-dlamijiet li jostru l-għarfien ta’ Alla, u poġġa lil Alla f’kull post fejn  kien imwarrab u nieqes. Is-Salib ta’ Ġesù hu grajja kosmika. Id-dinja iddalmet, meta l-Iben t’Alla ġie mogħti l-mewt. L-art theżżet. U fuq is-Salib, il-Knisja, li tilqa’ lil kulħadd, twieldet. Iċ-Ċenturjun Ruman fehem dan kollu, u stqarr li Ġesù kien verament l-Iben t’Alla. Minn fuq is-Salib Ġesù ħareġ rebbieħ għal dejjem.

Talba

Mulej tagħna Ġesù Kristu, fis-siegħa tal-mewt tiegħek, ix-xemx iddalmet. Anki issa, fi żmienna qed terġa’ tiġi msammar mas-Salib. F’dan il-waqt ta’ l-istorja tagħna qed ngħixu fid-dlamijiet li qed ibgħeduna minnek. Minn ġo t-tbatijiet tiegħek u l-ħażen tal-bniedem, il-wiċċ ta’ Alla, wiċċek, jidher imċajpar, ma jintarafx.  U madankollu, fuq is-Salib, int urejt lilek innifsek. Hekk hu! Preċiżament dak hu! Int li tant tbati u tant tħobb,  int imfaħħar. Mill-għoli tas-Salib int ħriġt rebbieħ. Għinna nagħrfu lil wiċċek f’din is-siegħa tad-dlamijiet u ta’ tribulazzjonijiet. Għinna nemmnu fik u nimxu warajk f’din is-siegħa ta’ dlamijiet u nuqqasijiet. Erġa’ uri lilek innifsek lid-dinja f’din is-siegħa mwergħa. Urina s-salvazzjoni tiegħek.

Ngħidu flimkien il-Missierna… 

Agħmel li verament nibki miegħek matul ħajti waqt li nbati mal-Kurċifiss.