IL-ĦDAX-IL STAZZJON - Ġesù msammar mas-salib

 

 Nadurawk O Ġesù u mberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.”  Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew  jgħajruħ, iċaqalqu rashom u jgħidu: “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben t’Alla, u inżel minn fuq is-salib!” Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva. Hu s-sultan ta’ Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih!”  (Matt 27:37-42)

Meditazzjoni

Ġesù msammar mas-Salib. Il-Liżar ta’ Turin jagħtina idea tal-kefrija u

tal-ħruxija ta’ dak li kien ġara. Ġesù ma xorobx mill-ħall li kien iħeddel: ried jgħaddi mit-tbatijiet  kollha li jsofri min jiġi msallab. Ġismu kollu kien  pjaga  waħda; il-kliem tas-Salm 22, vers 7, kien seħħ: ”Jien dudu ta’ l-art, u mhux bniedem, żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.”  Anki kliem il-Profeta Isaija, kap 53:versi 3... seħħ:”Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, in-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna.” Ejjew nieqfu ftit quddiem din id-dehra tat-tbatija, quddiem l-Iben t’Alla li bata dan kollu. Ejjew inġibu dan kollu quddiem għajnejna meta nkunu għaddejjin minn żmien ta’ tgawdija bla rażan biex nindunaw safejn għandna naslu għax kollox hu superfiċjali. Ejjew nġibu quddiem għajnejna lil Ġesù jbati kull meta aħna stess nkunu għaddejjin minn xi tbatija u naraw li f’dak il-waqt inkunu l-aktar qribu. Hekk kif aħna quddiem il-Mulej tagħna li hu kkundannat, Hu li ma użax il-qawwa tiegħu biex jinżel minn fuq is-Salib, imma bata sa l-aħħar, ħsieb ieħor jiġi f’moħħna. Injazju ta’ Antjokja, priġunier fil-ktajjen għall-fidi tiegħu fil-Mulej, faħħar lill-Kristjani ta’ Smirna għall-Fidi qawwija li kellhom, tant li kien jistħajjilhom msammrin, ħaġa waħda, mas-Salib tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Aħna, min-naħa tagħna, ejjew nissammru miegħu biex inkunu nifilħu negħlbu t-tentazzjonijiet li jbegħduna minnu, jew li jġgħeluna ningħaqdu  ma’ dawk li jwaqqgħuh għaż-żufjett.

 

Talba

Sinjur tagħna Ġesù Kristu, int ħallejt lilek innifsek tiġi msammar mas-Salib, ilqajt il-ħruxija tat-tbatija, il-qerda ta’ ġismek u tad-dinjità tiegħek. Int ħallejthom isammruk sew; ma ppruvajtx taħrab jew tnaqqas mit-tbatija.Għinna biex qatt ma naħarbu minn dak li niġu msejħa għalih. Għinna biex nibqgħu fidili lejk. Għinna inneħħu minn quddiem għajnejna dak il-ħelsien falz li jbegħdna minnek. Għinna biex naċċettaw dak il-ħelsien tiegħek li fl-istess waqt jgħaqqadna miegħek,  b’tant rabta soda, biex b’hekk inkunu  nistgħu nsibu l-veru ħelsien.

Ngħidu flimkien il-Missierna....

Għażiża Omm, li tant batejt, agħmel li qatt ma nitbiegħed mis-sejħa ta’ Ibnek.