L-GĦAXAR STAZZJON - Ġesù mneżża’ minn ħwejġu.

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

Meta waslu f’post jgħidulu l-Golgota, iġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob nbid b’taħlita morra; hu daqu, u ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu. (Matt. 27:33-36)

 

Meditazzjoni

Ġesù mneżża’ minn ħwejġu. L-ilbies jagħmel lill-bniedem parti mis-soċjetà; jagħtih ċerta identità, ċerta dinjità.  Il-fatt li Ġesù ġie mneżża’ pubblikament juri li hu tilef postu fis-soċjetà, imkeċċi, imżeblaħ minn kulħadd. Il-mument li fih Ġesù ġie mneżża’ ifakkarna fit-tkeċċija ta’ l-ewwel bnedmin mill-Ġenna: il-ġmiel spiċċa mill-bniedem, li issa hu għarwien, mikxuf, u mwaqqa’ għaż-żufjett. U hawnhekk Ġesù reġa’ refa’ fuqu l-piż ta’ bniedem tellief, umiljat! Mneżża’ minn ħwejġu, Hu jfakkarna li aħna lkoll tlifna l-ewwel ’lbies’ tagħna...id-dehra sabiħa.  ta’ Alla. F’riġlejn is-Salib, is-suldati qatgħu x-xorti għax xi ħaġa zgħira li kellu...ħwejġu. L-Evanġelisti jagħtuna d-dehra ta’ dak li ġara bi kliem meħud minn Salm 22, vers 19...ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi...b’hekk jgħidulna l-istess kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli fit-triq lejn Emmaws: li kollox isir skond l-Iskrittura. Xejn ma sar b’kumbinazzjoni; kull ma ġara jinstab fil-Kelma ta’ Alla u sostnut bil-pjan divin tiegħu. Il-Mulej jgħaddi minn dak kollu li għadda il-bniedem sa ma tilef il-grazzja, madankollu kull pass, minkejja l-qrusa tiegħu, dan l-istess pass qarribna lejn il-Fidwa tagħna; dan hu l-mod kif Hu jġorr in-nagħaġ il-mitlufa. Ejjew ma ninsewx li Ġwanni jsemmi li tefgħu x-xorti għat-tunika ta’ Ġesù...libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Din il-kitba tfakkarna fil-libsa tal-Qassis il-Kbir li kienet ...minsuġa minn ħajta waħda, bla punti tal-ħjata. Għax hu, l-Imsallab, il-veru Qassis il-Kbir.

 

Talba

Mulej Ġesù, int ġejt mneżża’ minn ħwejġek, espost għal l-għajb, imwarrab mis-soċjetà. Int ħadt fuqek l-għajb ta’ Adam, u fejjaqtu. Int ukoll ħadt fuqek

it-tbatijiet u bżonnijiet tal-fqar, ta’ l-imwarrba tad-dinja tagħna.U b’dan il-mod int wettaqt kliem il-profeti. Int tagħti tifsira lil dak li jidher li ma fihx tifsira.. B’dan il-mod int iġġegħlna nindunaw li Missierek iżomm lilek, lilna, u lid-dinja kollha fuq wiċċ idejh. Agħtina rispett li ma jispiċċa qatt għall-bniedem, f’kull sekonda li tgħaddi minn fuqu, u f’kull waqt li niltaqgħu miegħu. Libbisna

bid-dawl tal-grazzja tiegħek.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

Agħmel li qalbi tixgħel b’imħabba għal Kristu Alla biex Lilu nogħġob.