L-EWWEL STAZZJON  - Ġesù kkundannat għall-mewt.

 

Nadurawek O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek,Inti fdejtna.

 

Qalilhom Pilatu: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?” Wieġbuh ilkoll: “Sallbu!”  Hu staqsiehom: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!” Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. (Matt, 27: 22-23, 26)

 

Meditazzjoni

L-Imħallef tad-dinja, li ġie biex jiġġudikana lkoll, jinsab hemm waħdu, mżebblah, bla ebda difiża, quddiem imħallef minn din id-dinja. Pilatu mhux daqstant ħajjen. Hu jaf li l-ikkundannat hu bla ebda ħtija, u qiegħed ifittex li jkun jista’ jeħilsu b’xi mod. Imma qiegħed bejn ħaltejn. U fl-aħħar ċeda, beża’ għalih innifsu, u l-ħażen rebah! Anki dawk li qed jgħajtu għall-mewt ta’ Kristu m’humiex ħżiena għal l-aħħar. Ħafna minnhom, f’Jum il-Pentekoste, ser iħossu qalbhom tingħafas meta Pietru jgħidilhom: “Ġesù ta’ Nazaret, li Alla telaqhulkom f’idejkom skond il-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħziena”(Atti 2:37; 2:22). Imma bħalissa huma maħkuma mill-agħaa tal-folla. Qegħdin jgħajtu għax kulħadd qed jgħajjat, u qed jgħidu dak li qed jgħidu l-oħrajn kollha. B’dan il-mod, il-ġustizzja hi mgħaffġa taħt is-saqajn minħabba d-dgħjufija, il-viljakkerija, u ta’ dak li ġie mfesfes fl-imħuħ. Il-leħen kwiet tal-kuxenza hu mgħarraq fl-agħjat tal-folla. Il-ħażen jikseb il-qawwa tiegħu mill-indeċiżjoni u li wieħed jinkwieta għal dak li jaħseb ħaddieħor.

 

Talba

Mulej, inti kont ikkundannat għall-mewt minħabba l-biża’ ta’ x’jistgħu jaħsbu l-oħrajn u dan fagà leħen il-kuxenza. Mal-medda taż-żmien l-innoċenti dejjem ġew ittrattati ħażin, ikkundannati, u maqtula. Kemm minna stess ippreferew is-suċċess mill-verità, ir-reputazzjoni tagħna nfusna mill-ġustizzja? Ħares lejja bħal ma ħarist lejn Pietru wara li ċaħdek. Agħmel li l-ħarsa tiegħek tinfdilna qlubna u turina lejn liema direzzjoni għandna niġbdu matul ħajjitna. Fil-Jum tal-Pentekoste inti ċaqlaqt il-qlub ta’ dawk li , fil-Ġimgħa l-Kbira, saħqu bis-sħih biex tiġi maqtul, u għenthom biex jikkonvertu. B’dan il-mod Int tajt it-tama lil kulħadd. Agħtina dejjem il-grazzja tal-konverżjoni.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

 O Marija, Omm id-Duluri, imbikkija mingħajr ma turi tara lil Binha mislub biex tarana mingħajr dnub.