Ir-raba’ ħsieb li jikkumplimenta l-eżortazzjoni Appostolika, tal-Papa Franġisku IFIRĦU U THENNEW, mill-kitbiet tal-għorrief tal-Knisja dwar valuri relatati mal-Beatitudnijiet.

 

L-UMILTÀ FIL-KITBA TAL-QADDISIN

 

L-”Imitazzjoni ta’ Kristu”, tradizzjonalment attribwit lil Tommaso da Kempis (1380-1471) jsemmi li r-relazzjoni ma’ Alla tal-bniedem li jemmen tistrieħ fuq il-virtù tal-umiltà.  

 

“Alla ma tax lill-bniedem l-intelliġenza biżżejjed biex ikun jaf kollox. Dak li jrid minnek hu fidi soda u ħajja pura, u mhux li jkollok l-għarfien ta’ kollox li hu maħluq. Imxi fit-triq ta’ Alla b’fidi sempliċi u li ma titħarrikx; ersaq lejh b’rispett umli, u għal dak li hu lil hemm milli tista’ tifhem, erħi ruħek b’kunfidenza f’Alla li jista’ kollox. Alla ma jqarraq b’ħadd, imma min jafda wisq fih innifsu hemm riskju kbir li jaqa’ fl-iżball. Alla jinżel maġenb min hu sempliċi, juri ruħu lill-umli, “jagħti l-għerf liż-żgħar” (Salm 117, 129) u juri t-triq lill-erwieħ puri, imma jieħu lura l-grazzja lil min hu kurjuż u supperv.”

 

Sa minn żmien imbiegħed, l-umiltà kienet virtù preferita mill-Missirijiet tal-Knisja, kif jikteb

Iżakk is-Sirjan (VII seklu), monaku f’Mosul, l-Iraq.

 

 

“Għajnejn il-Mulej iħarsu lejn dawk li huma umli, biex jifraħ bihom. Imma wiċċ il-Mulej jitwarrab mill-kburin, biex jumiljahom. L-umli jirċievi dejjem il-mogħdrija ta’ Alla. Mela ċċekken għal kollox quddiem in-nies, u tiġi merfugħ fil-għoli daqs il-prinċpijiet ta’ din id-dinja. Inżel iktar fil-baxx minnek innifsek, u tara fik il-glorja ta’ Alla. Għax fejn tinbet l-umiltà, hemmhekk tinfirex il-glorja ta’ Alla.

 

Jekk għandek l-umiltà fil-qalb tiegħek, Alla hemm jirrevela l-glorja tiegħu. Tħobbx l-unuri, u inti qatt ma tkun diżunurat. L-unur jaħrab quddiem dawk li jfittxuh imma jimxi wara dawk li jaħarbuh, u jħabbar lil kulħadd l-umiltà tiegħu. Jekk int tmaqdar lilek innifsek biex ma tiġix unurat, huwa Alla li juri lilu nnifsu lilek.”

 

Dan il-qaddis jidħol fid-dettall dwar min jgħix il-virtù tal-umiltà.

 

“Bniedem umli ma jagħmel xejn bit-tferfix, bil-għaġla jew bl-aġitazzjoni. Ma jirraġunax bi sħana tal-moħħ jew jimla rasu bi ħsibijiet fiergħa, imma dejjem jibqa’ kalm. Ukoll jekk jaqa’ s-sema u jmiss mal-art, il-bniedem umli ma jiddiżappuntax ruħu. Mhux kulmin hu kwiet huwa bniedem umli, imma kulmin hu umli hu bniedem kwiet. M’hemm l-ebda bniedem umli li mhuwiex dixxiplinat miegħu nnifsu, imma għandek issib ħafna li huma dixxiplinati magħhom infushom mingħajr ma huma umli. Dan hu wkoll dak li fehem il-Mulej manswet u umli meta qal: “Itgħallmu minni, għax jien qalbi ħelwa umli, u intom issibu mistrieħ għal irwieħkom” (Mt 11, 29). Għax il-bniedem umli hu dejjem moħħu mistrieh għax m’hemm xejn li jista’ jtaqqallu qalbu jew iħawwad lil ħsiebu’.”

 

San Lwiġi-Marija Grignion de Montfort (1673-1716), predikatur, fundatur ta’ komunitajiet reliġjużi, jara f’Marija x-xempju tal-umiltà.

 

“Marija kienet għalkollox moħbija f’ħajjitha; għalhekk hi msejħa mill-Ispirtu s-Santu u mill-Knisja “Alma Mater”, Omm Moħbija. L-umiltà tagħha kienet hekk profonda li ma riedet xejn għajr li tinħeba l-ħin kollu għal kull kreatura, biex ma tkunx magħrufa ħlief minn Alla. Alla, biex jismagħha fit-talbiet li għamlitlu biex jaħbiha, ifaqqarha u jumiljah.

 

Kemm ħwejjeġ kbar u moħbija dan Alla setgħani għamel f’din il-kreatura ammirabbbli; bħalma hi stess kellha tgħid, minkejja l-umiltà profonda tagħha: ‘Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” Id-dinja ma tafx bihom, għax m’għandhiex ħila tafhom u għax ma jixirqilhiex li tafhom.”

 

Minkejja r-rieda biex ngħixu f’attitudni ta’ umiltà, xi drabi nħossuna tqal biex nagħmlu dan. F’din it-talba, Santa Tereża ta’ Lisieux (1873-1897), tesprimi din id-diffikultà.

 

“Mulej, id-dgħufija tiegħi, inti tafha; kull filgħodu nagħmel ir-riżoluzzjoni li nitħarreġ fl-umiltà u filgħaxija ninduna li rġajt għamilt żbalji ta’ suppervja. Meta nara dan, inħoss ix-xewqa li niskuraġġixxi ruħi, imma jiena naf li l-iskuraġġiment hu wkoll suppervja. Għalhekk, Mulej tiegħi, irrid inqiegħed fuqek biss it-tama tiegħi.”

 

Fil-Verġni Marija, Tereża kienet tammira proprju din il-virtù, kif tindirizzaha f’dawn il-versi.

 

“It-triq dritta għall-ġenna, int għamiltha tidher

meta kuljum ipprattikajt il-virtujiet l-aktar umli.

 

Bħalek, Marija, jiena nħobb li nibqa’ ċkejkna;

fil-kobor t’hawn isfel nara l-vanità.”

 

San Piju ta’ Pietrelcina (1887-1968), Kapuċċin, ħallielna dawn il-pariri prattiċi dwar l-umiltà.

 

 

“L-umiltà hi l-verità, u l-verità hi li jien ma jiena xejn. Ir-raġuni hi li dak kollu li hu tajjeb fija hu ġej minn Ala. Issa jiġri spiss li aħna naħlu t-tajjeb li Alla qiegħed fina. Meta nara n-nies jitolbuni xi ħaġa, jiġrili li ma naħsibx f’dak li jien nista’ nagħtihom imma f’dak li m’għandix ħila nagħtihom; b’hekk ħafna erwieħ jibqgħu bl-għatx tagħhom għax jien m’għaraftx ngħaddilhom ir-rigal ta’ Alla. L-idea li, kuljum, il-Mulej jiġi għandna u jagħtina kollox, għandha tagħmilna iżjed umli. Jew jiġri l-kuntrarju, għax ix-xitan iqajjem fina buffuri ta’ suppervja. Mela hemm bżonn li niġġieldu kontra s-suppervja tagħna. U meta aħna ma nifilħux aktar li nagħmlu dan, nieqfu għal ftit, nagħmlu att ta’ umiltà; ħalli Alla, li jħobb il-qlub umli, jiġi biex jiltaqa’ magħna.”

 

Santa Tereża ta’ Calcutta (1910-1997), fundatriċi tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, tara l-umiltà ta’ Alla li jħallina fil-libertà jekk nilqgħux jew le l-istedina tiegħu.

 

“F’Alla hemm umiltà tassew kbira. Jasal biex jitbaxxa lejn nies bħalna u jsir jiddependi minna għal kif ngħixu, nikbru u nagħmlu l-frott. Seta’ għamel kollox mingħajrna. Madankollu niżel lejna u ġab hawn lil kull waħda minna, biex isejħilna flimkien ħalli nibnu dan il-komunità. Kieku intom irrifjutajtu, Alla ma setax jagħmel dan. Hu stenna bil-paċenzja sa ma xiħadd jgħidlu iva. Li jgħinni nifhem dan hu għaliex Ġesù qal: “Tgħallmu minni, għax jien għandi qalbi ħelwa u umli.” Ġesù riedna nifhmu li l-istedina lil kull waħda minna hi rigal minn Alla nnifsu.”

 

Joe Galea