Laikos

 

VIA SAGRA GĦAT-TFAL

Miġjuba għall-Malti minn Dun Jimmy Xerri

 

L-EWWEL STAZZJON: ĠESÙ KKUNDANNAT GĦALL-MEWT.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Pilatu saqsihom, “Issa jien x’se nagħmel b’Ġesù li jsejħulu ‘Kristu’?” u huma weġbuh, “sallbu!”. Xħin Pilatu ra li ma jista’ jagħmel xejn, ħasel idejh quddiem il-folla biex juri li ma riedx ikun responsabbli.

Ħsieb: Pilatu kien jaf li Ġesù huwa innoċenti imma ma kienx kuraġġjuż biex jiddefendi lil Ġesù quddiem il-folla.

Talba: Mulej għallimna nkunu qrib kull min hu maħqur u imwarrab.

 

IT-TIENI STAZZJON: ĠESÙ MGĦOBBI S-SALIB.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Is-suldati ħadu lil Ġesù f’dik il-bitħa msejħa l-Pretorju. Hemmhekk libbsuh mantell aħmar u fuq rasu għamlulu kuruna tax-xewk. U qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu, “Sliem sultan tal-Lhud!”.

Ħsieb: Lil Ġesù ittrattaw ħażin miegħu. U anke aħna ġie li jaqbdu magħna, jidħqu bina. Ġesù refa’ s-salib u anke llum jgħidilna li hu qrib tagħna u jgħinna.

Talba: Ġesù għinni nerfa’ s-salib tiegħi, għax naf li inti qrib tiegħi.

 

IT-TIELET STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ FL-ART.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Iddisprezzat u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata. Ma kellhom l-ebda rispett lejh. Madanakollu kien hu li tgħabba bit-tbatijiet tagħna, għax iħobbna wisq.

Ħsieb: Il-Vanġelu ma jgħid xejn dwar il-waqgħat ta’ Ġesù. Maż-żmien l-Insara mmaġinaw kemm kien għajjien Ġesù. Ġesù għażel din t-tbatija biex isalvana. Nistħajluh li waqa’ fl-art għax iħobbna.

Talba: Ġesù għinna naċċettaw il-waqgħat u t-tbatijiet tagħna. Kultant aħna wkoll ngħejjew imma bl-għajnuna tiegħek inkomplu nimxu. 

 

IR-RABA’ STAZZJON: ĠESÙ JILTAQA’ M’OMMU MARIJA.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Xmun qal, “Dan Ġesù se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel. Lilek, Marija, sejf se jinfidlek ruħek.

Ħsieb: Marija kienet qrib Ġesù sa minn meta kien tifel żgħir. Baqgħet miegħu sal-aħħar. Saħansitra qagħdet taħt is-salib dakinhar li sallbuh. Anke l-ommijiet tagħna huma dejjem magħna anke meta ngħaddu minn xi affarijiet diffiċli.

Talba: Mulej agħmel li Marija omm Ġesù tkun dejjem qrib tagħna. (Sliema u Qaddisa).

 

IL-ĦAMES STAZZJON: IĊ-ĊIRINEW JGĦIN LIL ĠESÙ BILLI JERFAGĦLU S-SALIB.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Lil Ġesù obbligawh jerfa’ s-salib imma xħin kien għajjien ħafna kien għaddej wieħed Ċirinew u lil dan qalilu biex jgħin lil Ġesù jwassal is-salib sa fuq l-għolja tal-Golgota.

Ħsieb: Xmun iċ-Ċirinew ma kienx jaf lil Ġesù. Kien sema’ lin-nies jitkellmu fuqu. Min jaf x’ħaseb: kemm ħaqru lil Ġesù, bniedem daqshekk tajjeb. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna wkoll ngħinu lil nies oħrajn billi nerfgħulhom is-salib.

Talba: Ġesù jien noffrilek it-tbatijiet tiegħi. Agħmel li t-tbatija li ngħaddu minnha tkun ta’ ġid għall-oħrajn.  

 

IS-SITT STAZZJON: IL-VERONIKA TIXXOTTA L-WIĊĊ TA’ ĠESÙ.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari:  Mulej għalik nissaporti l-insulti u l-mistħija tgħattili wiċċi. Mulej lejk jien inressaq it-talba tiegħi. Mulej Alla isma t-talb tagħna. Mulej tħalliniex negħrqu u eħlisna mill-ħażin tal-għedewwa tagħna.

Ħsieb: Ġesù jkompli l-mixja tiegħu lejn il-Kalvarju. Hemm nies li qed jgħajruh u jinsulentawh. Anke d-dixxipli tiegħu ħarbu għax qegħdin jibżgħu. Imma hemm mara waħda li resqet ‘l quddiem u xxuttat il-wiċċ għażiż ta’ Ġesù mill-għaraq u mid-demm.

Talba: Ġesù għinna biex ma nibżgħux noqogħdu qrib tiegħek. Agħmel li nimxu warajk anke meta ħafna nies jabbandunawk.

 

IS-SEBA’ STAZZJON:

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Ħaqruh umiljawh, tawh fuq wiċċu u ma fetaħx fommu. Ġesù kien qisu ħaruf meħud għall-qatla.

Ħsieb: Għat-tieni darba Ġesù jaqa’ taħt is-salib, fit-triqat ta’ Ġerusalemm. Kull meta nippruvaw nagħmlu kollox mingħajr Ġesù, aħna wkoll naqgħu fl-art. Xi drabi naqgħu fl-art billi ma mmorrux knisja. Hemm tfal li jgħidu li ma jridux imorru l-knisja. Dan mhux sewwa għax Ġesù dejjem ikun qed jistenniena.

Talba: Ġesù fakkarni li jien għandi bżonnok. Ġesù għandna bżonn l-imħabba tiegħek. Ġesù għandna bżonn niltaqgħu miegħek.

 

IT-TMIEN STAZZJON: ĠESÙ JSABBAR IN-NISA TA’ ĠERUSALEMM

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Wara Ġesù marret folla kbira ta’ nies. Kien hemm ukoll bosta nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibku. Inkeddu jaraw lil Ġesù f’dik is-sitwazzjoni.

Ħsieb: In-nisa li marru wara Ġesù bkew għax ħassew għalih meta rawh bla ħtija u maħqur. Ġesù qalilhom jibku, għax lilu ma kienux għarfuh bħala l-Messija.

Talba: Ġesù agħmel li nagħrfuk permezz ta’ dawk li jiġu jgħinuna għax iħobbuna.

 

ID-DISA’ STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ FL-ART GĦAT-TIELET DARBA.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Ħafna drabi jkollna nerfgħu piż tqil fil-ħajja. Kemm nies ibatu minħabba l-gwerra, kemm tfal imutu bla ħtija minħabba dawk li jibdew il-ġlied. Imma l-Mulej huwa dejjem magħna għax l-imħabba tiegħu għalina hija kbira.

Ħsieb: Xħin Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-salib, jien noqgħod naħseb u nintebaħ li Ġesù  jħobbna ħafna. Ġesù għażel li jbati. Ġesù jaf li anke xħin jinsab wiċċu fit-trab, il-Missier qiegħed miegħu u anke meta nbatu aħna, Ġesu jibqa’ magħna.

Talba: Mulej Ġesu, għinna sabiex meta ninżlu fit-tbatija, u aħna nitolbuk l-għajnuna, inti tkun hemm lest biex tgħina nqumu.

 

L-GĦAXAR STAZZJON: LIL ĠESÙ NEŻŻGĦUH MINN ĦWEJĠU.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

QARI: xħin is-suldati sallbu lil Ġesù, huma qabdu l-ħwejjeġ tiegħu u qassmuhom f’erba’, biċċa għal kull suldat. It-tunika ta’ Ġesu tellgħuha bix-xorti u ħadha wieħed minnhom.

Ħsieb: Is-suldati qed iħejju biex issallbu lil Ġesù, ma juru l-ebda rispett lejn Ġesù, jaqbdu u jneħħulu ħwejġu minn fuqu. Ġesù jħallihom jumiljawh. Jobdi għal dak kollu, biex ikompli jurina li jħobbna.

Talba: Ġesù għallimna nħobbu lill-iktar nies fqar, lil dawk li ma jħobbhom ħadd.

 

IL-ĦDAX-IL STAZZJON:

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh u jgħidulu, “Inti li teqred it-tempju u terġa’ tibnih fi tliet ijiem, inżel minn fuq is-salib”. Is-saċerdoti u x-xjuħ bdew jgħidu “Arah daqsxejn dan Ġesù, salva lill-oħrajn u issa mhux kapaċi jsalva lilu nnifsu”. Il-ħallelin li kien hemm ħdejh, insulentawh huma wkoll.

Ħsieb: Ġesù huwa l-Iben t’Alla, hu s-sultan ta’ Israel. Bis-setgħa li għandu jista’ jinżel mis-salib. Imma Ġesù ma jridx juri s-setgħa tiegħu. Huwa jagħżel li jmexxi minn fuq it-Tron tas-Salib.

Talba: Ġesù għallimna biex fil-mumenti tat-tbatija tagħna, aħna nħarsu lejn is-salib u nibqgħu marbutin miegħek.

 

IT-TNAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JMUT FUQ IS-SALIB.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Xħin sar nofsinhar waqgħet dalma fuq l-art kollha, sat-tlieta ta’ filgħaxija. F’dan il-ħin Ġesù għajjat b’leħen għoli, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Xi wħud qalu “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija”. Xarrbu sponża bil-ħall u ressquhielu lejn ħalqu. Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.

Ħsieb: Ġesù miet wara 3 siegħat ta’ tbatija fuq is-salib. Ġesù ħa fuqu t-tbatija tal-bnedmin kollha. Ġesù fuq is-salib ħassu waħdu. Imma jaf li Alla ma jinsa lil ħadd, jaf li Alla ma jabbandunax lil uliedu.

Talba: Ġesù, fakkarna dejjem li l-Missier qatt ma jħallina weħidna. Fakkarna li l-Missier huwa dejjem viċin tagħna.

 

IT-TLETTAX-IL STAZZJON: ĠESÙ MNIŻŻEL MINN FUQ IS-SALIB.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Wara li seħħu dawn il-ġrajjiet, Ġużeppi t’Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù, bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu tah il-permess. Lil Ġesù mbagħad difnuh fil-qabar ta’ Ġużeppi.

Ħsieb: Il-ġisem bla ħajja ta’ Ġesù kien għadu fuq is-salib. Fuq il-post waslu Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu, li kien jagħmel parti mis-Sinedrija imma li kellu rispett kbir lejn Ġesù. F’dak il-ħażen kollu kien hemm dawn iż-żewġ irġiel tajbin.

Talba: Mulej Ġesù, meta aħna naraw lil xi ħadd fid-dlam, abbandunat minn kulħadd agħmel li aħna nkunu għalih bħal raġġ ta’ dawl, sinjal ta’ tama. Ammen.

 

L-ERBATAX-IL STAZZJON: ĠESÙ MIDFUN FIL-QABAR.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Issa fil-post fejn kien imsallab Ġesù kien hemm ġnien u fil-ġnien kien hemm qabar ġdid, li fih kien għadu ma ndifen ħadd. Hemmhekk difnu lil Ġesu u għalqu l-qabar b’ħaġra tonda.

Ħsieb: L-Għid kien se jibda dalwaqt. Il-ġisem ta’ Ġesù  ma setax jibqa’ fuq is-salib fejn jidher, meta l-Lhud kienu se jibdew festa ta’ ferħ. Kif inħossuna quddiem il-mewt ta’ Ġesù? Hu jistenna tweġiba mingħandna.

Talba: Mulej Ġesù agħmel li fil-mumenti ta’ biża’ u tbatija ma nitbiegħdux minnek.

 

IL-ĦMISTAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JQUM MILL-MEWT.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari: Tibżgħu xejn! Intom qegħdin tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li kien imsallab. Huwa qam! Mhuwiex hawn! Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma intom morru, għidu lid-dixxipli u lil Pietru: ‘Huwa jmur qabilkom fil-Galilija. Hemmhekk taraw lilu’.

Ħsieb: Xħin intemmet il-festa xi nisa marru fil-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù bil-fwejjaħ. Kienu nkwetati għax ma kienux jafu kif se jwarrbu l-ġebla tal-qabar għall-ġenb. Xħin waslu raw li l-ġebla kienet diġà mwarrba. Kien hemm anġlu li għarrafhom li Ġesù kien qam mill-mewt.

Talba: Mulej Ġesù bil-qawmien tiegħek mill-imwiet irbaħt fuq il-mewt għal dejjem. Tina l-grazzja li nimxu warajk, li ngħaddu mit-triqat li fl-aħħar iwasslu għandek fil-Ġenna. Ammen.

 

TALBA TAL-AĦĦAR

Ġesù aħna lkoll nirringrazzjawk għall-imħabba li wrejt lilna meta offrejt li tmut għalina. Aħna issa rridu nwasslu l-imħabba tiegħek lil ħutna kollha. Eħles lil qalbna minn dak li hu ħażin. Agħti l-paċi lid-dinja kollha u speċjalment lil dawk il-pajjiżi fejn hemm il-gwerra u t-tbatija. Agħti l-paċi lit-tfal tal-Ukranja. Agħti l-paċi lill-familja tagħna. U inti Marija, Madonna ta’ Pinu, kun għalina Omm.

 

 

(1 Marzu 2022)