L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Unitatis Redintegratio

 

 

 

 

 

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

 DIGRIET DWAR

L-EKUMENIŻMU

"UNITATIS REDINTEGRATIO"

 

 

21 ta' Novembru  1964

 

 

© Edizzjoni Studia 1982, 2003

Riprodotta fil-Laikos bil-permess tal-Moviment Azzjoni Soċjali

Ħajr lil Ms Carmen Galea għat-typing

 

 


 

WERREJ

 

1 Daħla

 

Kap I: PRINĊIPJI KATTOLIĊI TAL-EKUMENIŻMU

2 Il-Knisja hija waħda u unika

3 Relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mal-Knisja Kattolika

4 Ekumeniżmu

 

Kap II: DWAR IT-TĦADDIM TAL-EKUMENIŻMU

5 L-għaqda tolqot lil kulħadd

6 Ir-riforma tal-Knisja

7 Il-konverżjoni tal-qalb

8 L-għaqda fit-talb

9 Kattoliċi u aħwa mifrudin għandhom jifhmu lil xulxin

10 Il-formazzjoni ekumenika

11 Kif għandha titfisser u tkun mgħallma d-duttrina kattolika

12 Ħidma għalenija mal-aħwa mifrudin

 

Kap III: DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN MIS-SEDE APPOSTOLIKA

13 Firdiet differenti mill-Knisja Kattollika

 

I        IL-KNEJJES TAL-LVANT ĦAQQHOM KONSIDERAZZJONI SPEĊJALI

14 Storja tal-Knejjes tal-Lvant

15 Tradizzjoni liturġika u spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

16 Id-dixxiplina tal-Knejjes tal-Lvant

17 Kif l-insara tal-Lvant ifissru l-misteri

18 Konklużjoni

 

II       DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN FIL-PUNENT

19 Il-qagħda ta' dawn il-komunitajiet

20 L-istqarrija ta' Kristu

21 L-istudju tal-Kotba Mqaddsa

22 I-ħajja sagramentali

23 Il-ħajja ma' Kristu

24 Konklużjoni

 


 

DIGRIET DWAR L-EKUMENIŻMU

"UNITATIS REDINTEGRATIO''

Daħla

1        Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa' tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu lMulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta' Ġesu' Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1] .Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta' Kristu, hija ta' skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

          Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b'għerf u b'sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b'kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sobgħa għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta' bnedmin f'kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal Moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa sseħħ l-għaqda ta' l-insara kollha. F'dan il-Moviment għall-għaqda, li jissejjaħ ekumeniku, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesu' huwa l-Mulej u s-Salvatur; f'dan il-Moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta' Alla. B'danakollu kważi kulħadd, min b'mod u min b'ieħor, jixtieq li jkun hemm knisja ta' Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta' Alla.

          Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà iddikjara d-dottrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa' iġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta' Kristu, irid jipproponi lill-kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.

 

 

Kap I

PRINĊIPJI KATTOLIĊI TAL-EKUMENIŻMU

 

Il-Knisja hija waħda u unika

2.       L-imħabba ta' Alla għalina dehret f'dan li l-Iben waħdieni ta' Alla ntbagħat fid-dinja mill-Missier sabiex magħmul bniedem jagħti l-ħajja mill-ġdid u jiġbor f'wieħed lin-nisel kollu tal-bnedmin billi jifdih[2] . U l-Iben, qabel qabel ma offra lilu nnifsu bħala vittma bla tebgħa fuq l-altar tas-salib, talab lill-Missier għal dawk li jemmnu u qal: "Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda kif inti fija, Missier, u jien fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni." (Ġw 17,21). U fil-Knisja tiegħu waqqaf is-sagrament tal-għaġeb tal-Ewkaristija li bih l-għaqda tal-Knisja titfisser u sseħħ. Lid-dixxipli tiegħu tahom kmandament ġdid li jħobbu lil xulxin[3]u wegħidhom l-Ispirtu s-Santu[4] li, bħala l-Mulej u dak li jagħti l-ħajja, kellu jibqa' magħhom għal dejjem.

          Il-Mulej Ġesù, wara li kien mgħolli fuq is-salib u gglorifikat, bagħat l-Ispirtu mwiegħed li bih huwa sejjah u ġabar il-poplu tal-Patt il-ġdid li hu l-Knisja u għaqqdu fil-fidi, fit-tama u l-karità, kif jgħallem l-Appostlu: "ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda." (Ef 4, 4-5). Għaliex "Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu 'l Kristu.... għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù." (Gal 3, 27-28 gr). L-Ispirtu s-Santu, li jgħammar f'dawk li jemmnu, li jimla u jmexxi l-Knisja kollha, jagħmel dik l-għaqda tal-għaġeb tal-fidili u jgħaqqadhom ilkoll fi Kristu b'mod hekk intimu illi Huwa jkun il-prinċipju ta' l-unità tal-Knisja. L-Ispirtu s-Santu jaħdem it-taqsim tal-grazzji u tal-ħidmiet[5] u jgħin il-Knisja ta' Ġesu' Kristu b'doni differenti u b'hekk"jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu." (Ef.4,12)   Sabiex iwaqqaf din il-Knisja qaddisa tiegħu fid-dinja kollha u tibqa' sa l-aħħar taż-żminijiet, Kristu ħalla f'idejn il-Kulleġġ tat-Tnax id-dmir li jgħallmu, imexxu u jqaddsu[6]. Fosthom Huwa għażel lil Pietru; fuqu, wara l-istqarrija ta' fidi, amar li tinbena l-Knisja tiegħu; lilu wiegħed l-imfietaħ tas-Saltan tasSmewwiet[7] u, wara l-istqarrija ta' l-imħabba tiegħu, lilu fada n-ngħaġ kollha sabiex iwettaqhom fit-twemmin[8] u jmexxihom f'għaqda perfetta[9] fil-waqt li Hu, Kristu Ġesu' nnifsu, jibqa' għal dejjem il-ġebla tax-xewka[10] u r-ragħaj ta' rwieħna[11]. Ġesu' Kristu ried li bix-xandir fidil tal-Evanġelju, bl-aministrazzjoni tas-sagramenti, bit-tmexxija fl-imħabba min-naħa ta' l-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, jiġifieri ta' l-isqfijiet fl-għaqda mas-suċċessur ta' Pietru bħala ras, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, il-poplu tiegħu jikber. Huwa jrid iwasslu għall-komunjoni sħiħa fl-unità fl-istqarrija ta' twemmin wieħed, fiċ-ċelebrazzjoni komuni tal-qima ta' Alla u fl-għaqda ta' l-aħwa tal-familja ta' Alla.

          B'hekk il-Knisja, il-merħla waħdanija ta' Alla, bħala għelm merfugħ fost il- ġnus[12], waqt li tqiegħed l-Evanġelju tal-paċi għall-qadi tal-ġens kollu tal-bnedmin[13], miexja bit-tama lejn is-sema pajjiżha[14].

          Dan hu l-misteru mqaddes tal-għaqda tal-Knisja fi Kristu u permezz ta' Kristu li l-Ispirtu s-Santu jaħdem bit-tqassim ta' kull xorta ta' doni. L-ogħla mudell u l-prinċipju ta' dan il-misteru hija l-unità, fit-Trinità tal-Persuni, ta' Alla wieħed, il-Missier u l-Iben fl-Ispirtu s-Santu.

 

 

 

Relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mal-Knisja Kattolika

3.       F'din il-Knisja waħda u unika ta' Alla, sa mil-bidu tagħha, qamu xi firdiet[15] li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta' min jikkundannahom[16]; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi kumunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta' xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f'dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja kattolika tħaddanhom b'qima u b'imħabba tal-aħwa. Għaliex dawk li jemmnu fi Kristu u ħadu l-magħmudija kif imiss huma b'xi mod f'komunjoni, għalkemm mhux perfetta, mal-Knisja kattolika. Tabilħaqq, ħtija tan-nuqqas ta' qbil ta' diversi għamliet li hemm bejnhom u l-Knisja kattolika – kemm fuq materji ta' dottrina u, xi drabi, ta' dixxiplina, kemm fuq l-istruttura tal-Knisja – ix-xkiel li jtellef il-komunjoni ekkleżjastika perfetta m'huwiex ftit u xi drabi huwa serju ħafna. Il-moviment ekumeniku għalhekk qed iħabrek biex jirbaħ l-ixkiel kollu. B'danakollu dawn l-aħwa li huma iġġustifikati bil-fidi fil-magħmudija huma ġisem wieħed ma' Kristu[17] u għalhekk bir-raġun huma mżejna bl-isem ta' nsara u jingħarfu minn ulied il-Knisja kattolika bħala aħwa fil-Mulej[18] .

          Barra minn dan, mill-ġid jew mill-elementi li minnhom, meħudin ilkoll flimkien, il-Knisja nnifisha tinbena u tiegħu l-għajxien tagħha, xi wħud, anzi ħafna minnhom u xi wħud mill-ogħla fosthom, jistgħu jinstabu barra mill-limiti viżibbli tal-Knisja kattolika: il-Kelma ta' Alla miktuba, il-ħajja tal-grazzja, il-fidi, it-tama u l-karità u doni interni oħra tal-Ispirtu s-Santu u elementi viżibbli oħra. Dawn kollha, li ġejjin minn Kristu u jwasslu għandu huma, bi dritt, tal-Knisja waħdanija ta' Kristu.

          L-aħwa mifrudin minna jagħmlu wkoll ħafna mill-azzjonijiet sagri tar-reliġjon nisranija; dawn l-azzjonijiet, b'modi differenti u skond iċ-ċirkustanzi ta' kull Knisja jew komunità partikolari, inisslu tassew il-ħajja tal-grazzja u għandhom jitqiesu tajbin biex jiftħu d-dħul għall-komunjoni li ssalva.

          Għalhekk l-istess Knejjes[19] u Komunitajiet mifrudin minna, għalkemm nemmnu li hemm xi ħaġa nieqsa fihom, bl-ebda mod ma huma għera minn tifsir u importanza fil-misteru tas-salvazzjoni. Għaliex l-Ispirtu ta' Kristu ma jiċħadx li jużahom bħala mezzi ta' salvazzjoni li jiksbu l-valur tagħhom mill-istess milja tal-grazzja u l-verità li ngħatat lill-Knisja kattolika.

          B'danakollu l-aħwa mifrudin minna, kemm individwi kemm il-komunitajiet u knejjes tagħhom, ma jgawdux minn dik l-unità li Ġesù Kristu ried jagħti lil dawk kollha li nissel mill-ġdid u tahom il-ħajja flimkien f'ġisem wieħed u f'ħajja ġdida – dik l-unità li jistqarru l-Kotba Mqaddsa u t-Tradizzjoni meqjuma tal-Knisja. Għaliex huwa biss permezz tal-Knisja kattolika ta' Kristu, li hi l-mezz ta' salvazzjoni li jħaddan lil kulħadd, li tista' tintlaħaq il-milja kollha tal-mezzi tas-salvazzjoni. Aħna nemmnu li l-Mulej ħalla f'idejn kulleġġ appostoliku wieħed taħt it-tmexxija ta' Pietru l-ġid kollu tar-Rabta l-Ġdida biex jitwaqqaf fuq l-art ġisem wieħed ta' Kristu li fih jeħtieġ li jingħaqdu għal kollox dawk kollha li b'xi mod diġà jagħmlu sehem mill-poplu ta' Alla. Dan il-poplu, matul il-pellegrinaġġ tiegħu fuq l-art, għalkemm jibqa' suġġett għad-dnub fil-membri tiegħu, jikber fi Kristu u jitmexxa bil-ħlewwa minn Alla skond il-pjanijiet misterjużi tiegħu sakemm jasal ħieni għall-mija kollha tal-glorja ta' dejjem . 

          B'danakollu l-aħwa mifrudin minna, kemm individwi kemm il-komunitajiet u knejjes tagħhom, ma jgawdux minn dik l-unità li Ġesù Kristu ried jagħti lil dawk kollha li nissel mill-ġdid u tahom il-ħajja flimkien f'ġisem wieħed u f'ħajja ġdida – dik l-unità li jistqarru l-Kotba Mqaddsa u t-Tradizzjoni meqjuma tal-Knisja. Għaliex huwa biss permezz tal-Knisja kattolika ta' Kristu, li hi l-mezz ta' salvazzjoni li jħaddan lil kulħadd, li tista' tintlaħaq il-milja kollha tal-mezzi tas-salvazzjoni. Aħna nemmnu li l-Mulej ħalla f'idejn kulleġġ appostoliku wieħed taħt it-tmexxija ta' Pietru l-ġid kollu tar-Rabta l-Ġdida biex jitwaqqaf fuq l-art ġisem wieħed ta' Kristu li fih jeħtieġ li jingħaqdu għal kollox dawk kollha li b'xi mod diġà jagħmlu sehem mill-poplu ta' Alla. Dan il-poplu, matul il-pellegrinaġġ tiegħu fuq l-art, għalkemm jibqa' suġġett għad-dnub fil-membri tiegħu, jikber fi Kristu u jitmexxa bil-ħlewwa minn Alla skond il-pjanijiet misterjużi tiegħu sakemm jasal ħieni għall-mija kollha tal-glorja ta' dejjem f'Ġerusalemm tas-sema..

 

Ekumeniżu

4.       Illum, f'ħafna nħawi tad-dinja bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu sSantu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjativi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, fil-waqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

          B'moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skond il-ħtiġiet differenti tal-knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu 'l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma: l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skond il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproċi. Mbagħad jiġi d-"djalogu" bejn esperti mħarrġin sewwa, f'laqgħat tal-insara minn diversi Knejjes jew Komunitajiet, li jsiru bi spirtu reliġjuż. F'dan id-djalogu kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b'mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b'dan id-djalogu kulħadd jista' jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta' kull waħda mill-komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed. Barra minn hekk dawn il-komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta' dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb. Fl-aħħarnett f'dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta' Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta' tiġdid u ta' riforma.

          Dawn il-ħwejjeġ kollha, meta jsiru bil-għaqal u bis-sabar mill-fidili tal-Knisja kattolika taħt il-ħarsien tar-rgħajja, jgħinu biex iġibu 'l quddiem l-ekwità u l-verità il-ftehim u l-ħidma għalenija, l-ispirtu tal-imħabba ta' l-aħwa u tal-għaqda. B'hekk, bil-mod il-mod wara li jkunu megħluba l-ostakli kollha li qegħdin ifixklu l-komunjoni ekkleżjali perfetta, l-insara kollha għad jingħaqdu f'ċelebrazzjoni waħda tal-Ewkaristija u fl-unità tal-Knisja waħda u waħdanija, f'dik l-unità li Kristu sa mill-bidu ta lill-Knisja tiegħu u li aħna nemmnu li għadha hemm bla ma tista' tintilef fil-Knisja kattolika u li nittamaw li tkompli tikber kuljum dejjem iżjed sa l-aħħar taż-żminijiet.

          Huwa ċar li x-xogħol ta' tħejjija u ta' rikonċiljazzjoni li qed jagħmlu dawk l-individwi li jixtiequ l-komunjoni kattolika sħiħa jingħażel min-natura tiegħu mill-ħidma ekumenika; iżda ma hemm ebda oppożizzjoni bejniethom għaliex it-tnejn ġejjin minn dak li b'mod tal-għaġeb iddispona Alla.

          Jenħtieġ mingħajr dubju li fil-ħidma ekumenika l-fidili kattoliċi jinteressaw irwieħom mill-aħwa mifrudin billi jitolbu għalihom, jagħtuhom tagħtif dwar il- ħwejjeġ tal-Knisja u jagħmlu l-ewwel passi lejhom. Iżda qabel xejn huma għandhom jeżaminaw bis-sinċerità u bl-attenzjoni dak li għandu bżonn jiġġedded jew jeħtieġ isir fl-istess familja kattolika biex il-ħajja tagħha tagħti xhieda iżjed fidila u ċara tat-tagħlim u tal-istituzzjonijiet mgħoddija minn Kristu permezz tal-Appostli.

          Għaliex għalkemm il-Knisja kattolika kienet mogħnija minn Alla b'kull verità rivelata u bil-mezzi kollha tal-grazzja, b'danakollu l-membri tagħha ma jgħixux bihom bil-ħerqa kollha xierqa u b'hekk wiċċ il-Knisja ma jidhirx jiddi quddiem l-aħwa mifrudin minna u s-Saltna ta' Alla ddum biex tixtered. Għalhekk il-kattoliċi kollha għandhom jippruvaw jilħqu l-perfezzjoni nisranija[20] u, kull wieħed skont il-qagħda tiegħu, jagħmlu ħilithom biex il-Knisja li ġġorr f'ġisimha l-umiltà u t-tbatija sal-mewt ta' Kristu[21] titnaddaf u tiġġedded minn jum għall-ieħor sakemm Kristu jagħmilha tidher quddiemu msebbħa, bla tebgħa jew tikmix[22] .

          Dawk kollha li qegħdin fil-Knisja skond l-uffiċċju mogħti lil kull wieħed minnhom, waqt li jżommu l-unità fil-ħwejjeġ neċessarji, għandhom iħarsu llibertà xierqa kemm fl-għamliet diversi ta' ħajja spiritwali u tad-dixxiplina, kemm fir-riti liturġiċi diversi, anzi fl-istess elaborazzjoni teoloġika tal-verità rivelata; f'kollox, mbagħad, għandhom iħarsu l-imħabba. Għaliex meta jagħmlu hekk ikunu qegħdin jagħtu xhieda kuljum iżjed sħiħa tal-kattoliċità u tal-appostoliċità tal-Knisja.

          Min-naħa l-oħra jeħtieġ li l-kattoliċi jagħrfu bil-ferħ u jistmaw il-valuri tassew insara li jinsabu fost l-aħwa mifrudin minna u li ġejjin minn wirt komuni. Huwa sewwa u ta' ġid li wieħed jagħraf l-għana ta' Kristu u l-għemejjel ta' tjieba fil-ħajja ta' l-oħrajn li jagħtu xhieda għal Kristu u xi drabi jaslu wkoll biex ixerrdu demmhom għalih; għaliex Alla huwa dejjem tal-għaġeb f'dak li jagħmel u jistħoqqlu l-ammirazzjoni tagħna.

          Lanqas m'għandu wieħed jinsa li dak kollu li bil-grazzja tal-Ispirtu sSantu jseħħ fl-aħwa mifrudin jista' jiswa għall-ġid tagħna wkoll. Dak kollu li hu tassew nisrani qatt ma jmur kontra dak li hu tassew ġenwin fil-fidi, anzi dejjem jista' jgħin biex iseħħ aħjar il-misteru ta' Kristu u tal-Knisja.

          B'danakollu l-firdiet bejn l-insara huma ta' xkiel għall-Knisja biex ittemm il-milja tal-kattoliċità tagħha f'dawk l-ulied li huma tabilħaqq imseħbin magħna bil-magħmudija iżda huma mifrudin mill-għaqda sħiħa magħha. Anzi jsir iżjed diffiċli għall-Knisja stess li tfisser f'kull aspett il-milja tal-kattoliċità tagħha fl-istess realtà tal-ħajja.

          Dan is-Sinodu Mqaddes jagħraf bil-ferħ li s-sehem tal-fidili kattoliċi fil-ħidma ekumenika qiegħed jikber kuljum iżjed u jirrkkmanda lill-isqfijiet f'kull naħa tad-dinja biex iġibuh 'il quddiem bil-ħerqa u jmexxuh bil-prudenza.


 

Kap II: DWAR IT-TĦADDIM TA' L-EKUMENIŻMU

 

 L-għaqda tolqot lil kulħadd

5.       Il-ħerqa biex terġa ssir l-għaqda tolqot lill-Knisja kollha, kemm lill-fidili kemm lir-rgħajja, u tinteressa lil kull wieħed skond il-ħila tiegħu kemm fil- ħajja nisranija ta' kuljum kemm għal dak li għandu x'jaqsam mal-istudji tat-teoloġija u tal-istorja. Din il-ħerqa stess diġà turi li b'xi mod teżisti rabta tal-aħwa fost l-insara kollha; hija twassal għall-għaqda sħiħa u perfetta kif iridha Alla fl-imħabba tiegħu.

 

Ir-riforma tal-Knisja

6.       Kull tiġdid tal-Knisja2[23]3 jikkonsisti essenzjalment f'impenn akbar ta' fedeltà għas-sejħa tagħha. Huwa bla dubju għalhekk li hemm moviment li qiegħed iħabrek għall-għaqda. Matul il-pellegrinaġġ tagħha f'din l-art Kristu jsejjaħ lill-Knisja għal dan it-tiġdid kontinwu tagħha nnifisha, tiġdid li l-Knisja, għax hija istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ. Għalhekk, jekk minħabba ċirkustanzi ta' ġrajjiet u ta' żminijiet xi ħwejjeġ ma tħarsux b'reqqa biżżejjed kemm fl-imġiba, kemm fid-dixxiplina ekkleżjastika, kemm fil-formulazzjoni tat-tagħlim – formulazzjoni li dejjem għandha tingħażel mid-depositu tal-fidi nnifsu – dawn il-ħwejjeġ ikunu korretti sewwa fil-waqt u kif imiss.

          Għalhekk dan it-tiġdid jikseb importanza ekumenika mill-akbar. Għaliex it-tiġdid li diġà qed isir fil-ħajja tal-Knisja u l-modi diversi kif qed isir – bħalma huma l-moviment bibliku u liturġiku, il-predikazzjoni tal-kelma ta' Alla u l-katekeżi, l-appostolat tal-lajċi, l-għamliet ġodda ta' ħajja reliġjuża, l-ispiritwalità taż-żwieġ, it-tagħlim u l-ħidma soċjali tal-Knisja – għandhom jitqiesu bħala rahan u sinjal li huma awgurju tajjeb għall progoress tal-ekumeniżmu fil-ġejjieni.

 

 

 

Il-Konverżjoni tal-qalb

7.       M'hemmx ekumeniżmu li jistħoqqlu dan l-isem mingħajr konverżjoni minn ġewwa. Għaliex huwa bil-bidla tal-fehma[24]24, biċ-ċaħda tagħna nfusna, u bl-imħabba ġeneruża li jitnisslu u jimmaturaw ix-xewqat għall-għaqda. Għalhekk aħna għandna nitolbu mingħand l-Ispirtu divin il-grazzja li, meta naqdu, ikollna ċ-ċaħda sinċiera tagħna nfusna, l-umiltà il-manswetudni u l-ispirtu tal-ġenerożità tal-aħwa għall-oħrajn. "Inħeġġiġkom" jgħid l-Appostlu tal-ġnus, "Jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umilt kollha, bil- ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. Ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem." (Ef 4,1-3). Din l-eżortazzjoni tolqot l-iżjed lil dawk li tgħollew għall-ordni sagri bil-ħsieb li tissokta l-missjoni ta' Kristu li fostna "ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi" (Mt 20,28).

          Dwar il-ħtijiet kontra l-għaqda tiswa wkoll ix-xhieda ta' S. Ġwann: "Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina" (1 Ġw. 1,10). Għalhekk bl-umiltà nitolbu maħfra 'l Alla u lill-aħwa mifrudin, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.

          Il-fidili kollha għandhom jiftakru li iżjed ma jħabirku biex jgħixu ħajja safja skond l-Evanġelju aktar iġibu 'l quddiem, anzi jħaddmu, l-għaqda ta' l-insara. Għaliex aktar ma jingħaqdu f'għaqda intima mal-Missier, mal-Verb u mal-Ispirtu, aktar ikunu jistgħu jkabbru l-għaqda tal-aħwa b'intima u b'ħeffa.

 

L-għaqda fit-talb

8.       Din il-koverżjoni tal-qalb u l-qdusija tal-ħajja, flimkien mat-talb privat u pubbliku għall-għaqda tal-insara, għandhom jitqiesu bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu u jistgħu bil-ħaqq jissejħu ekumeniżmu spiritwali.

          Hija infatti drawwa tal-kattoliċi li jiltaqgħu ta' sikwit biex jgħidu dik it-talba għall-għaqda tal-Knisja li s-Salvatur innifsu fil-lejl qabel ma miet għamel bil-ħrara lill-Missier: "li jkunu lkoll ħaġa waħda" (Ġw 17,21)

          F'xi ċirkustanzi speċjali, bħal meta jkun ordnat it-talb għall-għaqda u fil-laqgħat ekumeniċi, ikun permess, anzi huwa ta' min jixtiequ, li l-kattoliċi jissieħbu fit-talb mal-aħwa mifrudin. Talb komuni bħal dan huwa mezz mill-aktar effikaċi biex tintalab il-grazzja tal-għaqda u huwa tifsira ġenwina tar-rabtiet li bihom il-kattoliċi għadhom magħqudin mal-aħwa mifrudin: "Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien f'nofshom." (Mt 18,20).

          B'danakollu l-komunikazzjoni fi ħwejjeġ sagri ma tistax titqies bħala mezz li jista' jintuża kif ġie ġie biex terġa ssir l-għaqda tal-insara. Din il-komunikazzjoni tiddependi l-aktar minn żewġ prinċipji: l-ewwel mill-unità tal-Knisja li għandha tkun imfissra u t-tieni mill-parteċipazzjoni fil-mezzi tal-grazzja. It-tifsira tal-għaqda ħafna drabi ma tippermettix il-komunikazzjoni fi ħwejjeġ sagri. Min-naħa l-oħra l-grazzja li jeħtieġ tinkiseb xi drabi tirrikkmandaha. L-awtorità episkopali tal-post għandha tiddeċiedi bil-prudenza dwar x'għandu jsir fil-prattika wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha taż-żmien, tal-post u tal-persuni sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mill-konferenza episkopali skond kif jitolbu l-istatuti proprji tagħha jew mis-Santa Sede.

 

Kattoliċi u aħwa mifrudin għandhom jifhmu lil xulxin

9.       Jenħtieġ li jingħaraf l-ispirtu tal–aħwa mifrudin. Għal dan jenħtieġ neċessarjament ħafna studju li għandu jsir skond il-verità u bi spirtu ta' rieda tajba. Il-kattoliċi, mħejjija kif imiss, għandhom jiksbu tagħrif aħjar tat-tagħlim u tal-istorja tal-aħwa mifrudin, tal-ħajja spiritwali u liturġika tagħhom, tal-psikoloġija reliġjuża u tal-kultura li jagħżluhom. Biex dan jintlaħaq jgħinu ħafna l-laqgħat bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat li jsiru speċjalment biex  ikunu diskussi kwistjonijiet teoloġiċi. F'dawn il-laqgħat kulħadd għandu jitqies indaqs, basta dawk li jieħdu sehem fihom taħt il-ħarsien tal-isqfijiet ikunu tassew kompetenti. Minn dan id-djalogu jkun jidher iżjed ċar ukoll xi tkun tabilħaqq il-pożizzjoni tal-Knisja. B'hekk jingħaraf aħjar il-ħsieb tal-aħwa mifrudin u t-twemmin tagħna jitfissrilhom b'mod aħjar.

 

Il-formazzjoni ekumenika

10.     Jenħieġ li t-tagħlim tat-teoloġija mqaddsa u tal-materji l-oħra, l-aktar tal-istorja, jingħata wkoll mill-aspett ekumeniku biex ikun jaqbel b'mod iżjed preċiż mal-verità tal-fatti.

          Infatti huwa importanti ħafna li r-rgħajja u s-saċerdoti tal-ġejjieni jittrawmu f'teoloġija elaborata bir-reqqa b'dan il-mod, u mhux f'kuntest ta' polemika, fuq kollox f'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mal-Knisja kattolika.

          Għaliex huwa mill-formazzjoni tas-saċerdoti li jiddependu ħafna t-tagħlim u l-formazzjoni spiritwali meħtieġa tal-fidili u tar-reliġjużi.

          Dawk il-kattoliċi li qegħdin jagħmlu ħidma missjunarja fl-istess artijiet fejn qegħdin jaħdmu nsara oħra għandhom ukoll ikunu jafu, l-iżjed il-lum, x'inhuma l-kwistjonijiet li jqumu u x'inhuma r-riżultati li jinkisbu mill-ekumeniżmu fl-appostolat tagħhom.

 

Kif għandha titfisser u tkun mgħallma d-dottrina kattolika

11.     Il-mod u l-metodu kif jitfisser it-twemmin kattoliku m'għandu bl-ebda mod ifixkel id-djalogu ma' ħutna mifrudin. Huwa għal kollox meħtieġ li jiitfisser b'mod ċar it-tagħlim sħiħ. Xejn ma huwa iżjed barrani għall-ekumeniżmu minn dak l-ireniżmu falz li bih issir ħsara lis-safa tad-dottrina kattolika u jiddallam is-sens ġenwin u ċert tagħha.

          Fl-istess ħin il-fidi kattolika għandha titfisser iżjjed fil-fond u b'reqqa akbar, b'mod u b'terminoloġija li l-aħwa mifrudin ukoll jistgħu jifhmuha.          Barra minnhekk, fid-djalogu ekumeniku t-teoloġiku kattoliċi, meta jistħarrġu flimkien mal-aħwa mifrudin dwar il-misteri divini, għandhom iġibu iirwieħhom b'imħabba għall-verità, bil-karità u bl-umiltà waqt li jżommu sħiħ mat-tagħlim tal-Knisja. Meta jkunu qegħdin iqabblu t-tagħlim ta' xulxin għandhom jiftakru li fid-dottrina kattolika hemm ordni jew "ġerarkija" ta' veritajiet għaliex diversa hija l-konnessjoni tagħhom mas-sisien tal-fidi kattolika. B'hekk titwitta t-triq u b'din l-emulazzjoni bejn l-aħwa kulħadd jitħeġġeġ biex jagħraf aktar biċ-ċar u aktar fil-fond l-għana ta' Kristu li ebda moħħ ma' jista' jifhem[25].

 

Ħidma għalenija mal-aħwa mifrudin

12.     L-insara kollha għandhom jistqarru quddiem il-ġnus kollha l-fidi f'Alla wieħed fi tliet Persuni, fl-Iben ta' Alla magħmul bniedem, Feddej u Mulej tagħna, u bi sforz komuni b'rispett lejn xulxin jagħtu xhieda tat-tama tagħna li ma tqarraqx. Billi fiż-żminijiet tal-lum qed tikber u tixtered il-koperazzjoni fil-qasam soċjali, il-bnedmin kollha huma msejħin għal ħidma komuni; iżda għal raġuni akbar huma msejħin għal din il-ħidma dawk li jemmnu f'Alla u speċjalment l-insara kollha bħala dawk li jiżżejnu bl-isem ta' Kristu. Il-ħidma għalenija tal-insara kollha tfisser b'mod ħaj dik ir-rabta li diġa' tgħaqqadhom flimkien u titfa' dawl akbar fuq il-wiċċ ta' Kristu qaddej. Jeħtieġ li din il-kooperazzjoni, li f'ħafna pajjiżi diġà bdiet isseħħ, issir dejjem iżjed aħjar l-aktar f'dawk l-inħawi fejn qiegħda ssir evoluzzoni soċjali u teknika. Din il-kooperazzjoni tiswa biex tkun rispettata kif imiss id-dinjità tal-persuna umana, il-ġid tal-paċi jitmexxa 'l quddiem, titwettaq l-applikazzjoni  soċjali tal-Evanġelju, ix-xjenzi u l-arti jimxu 'l quddiem bi spirtu nisrani, u jsir użu minn kull għamla ta' rimedji kontra l-hemm ta' żmienna bħala huma l-ġuħ u d-disgrazzji, l-analfabetiżmu u l-faqar, in-nuqqas ta' djar u nuqqas ta' ġustizzja fit-tqassim tal-ġid. B'din il-kooperazzjoni dawk kollha li jemmnu fi Kristu, jkunu jistgħu jsiru jafu aħjar u jistmaw iżjed lil xulxin u wkoll kif tista' titwitta t-triq għall-għaqda ta' l-insara.


 

Kap III

DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN

MIS-SEDE APPOSTOLIKA

 

Firdiet differenti mill-Knisja Kattolika

13.     Aħna nitfgħu ħarsitna fuq iż-żewġ kategoriji ewlenin ta' firdiet li ċarrtu l-libsa bla ħjata ta' Kristu.

          L-ewwel fosthom ġraw fil-Lvant sew minħabba l-kontestazzjonijiet dwar il-formuli dommatiċi tal-Konċilji ta' Efesu u ta' Kalċedonja sew, aktar tard, minħabba l-firda fil-komunjoni ekkleżjestika bejn il-partrijarkati tal-Lvant u s-Sede Rumana.

          Oħrajn, mbagħad, qamu fil-Punent iżjed minn erba' sekli wara minħabba l-ġrajjiet li komunement jissejħu r-Riforma. Minn dak iż-żmien ħafna komunjonijiet, kemm nazzjonali kemm konfessjonali, nfirdu mis-Sede Rumana. Fost dawk li fihom għad hemm, f'xi parti minnhom, it-tradizzjonijiet u l-istrutturi kattoliċi għandha post speċjali l-komunità Anglikana.

          Iżda dawn il-firdiet huma wisq differenti minn xulxin mhux biss għaliex għandhom oriġini differenti jew għaliex bdew f'pajjiżi jew fi żminijiet differenti iżda l-aktar minħabba n-natura u l-gravità tal-kwistjonijiet li qanqlu dwar il-fidi u l-istruttura ekkleżjastika.

           Għaldaqstant dan is-Sinodu Mqaddes, li ma jnaqqasx mill-importanza li għandhom il-kondizzjonijiet differenti li fihom qegħdin il-komunitajiet insara differenti u lanqas ma jagħlaq għajnejh għall-fatt li, minkejja l-firda, għad hemm ħafna rabtiet bejniethom, jiddeċiedi li jipproponi dawn il-konsiderazzjonijiet li ġejjin biex issir ħidma ekumenika prudenti.

 

I IL-KNEJJES TAL-LVANT ĦAQQHOM KONSIDERAZZJONI SPEĊJALI Storja tal-Knejjes tal-Lvant

14.     Għal ħafna sekli l-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent għażlu li jimxu mit-triqat tagħħom għalkemm baqgħu marbutin flimkien f'għaqda tal-aħwa fil-fidi u fil-ħajja sagramentali. Is-Sede Rumana kienet tintervjeni, b'kunsens komuni, meta kienu jqumu bejniethom kwistjonijiet dwar il-fidi jew id-dixxiplina. Fost ħwejjeġ oħra ta' importanza kbira l-Konċilju Mqaddes ifakkar bi pjaċir lil kulħadd li fil-Lvant hemm ħafna knejjes partikulari u lokali attivi. Fosthom fl-ewwel post hemm il-Knejjes Patrijarkali. Mhux ftit minn dawn huma kburin li waqqfuhom l-Appostli nnifishom. Għalhekk fost l-insara tal-Lvant kien hemm u għad hemm dik il-ħerqa u dik il-ħeġġa qawwija biex jinżammu, fl-għaqda tal-fidi u tal-karità, dawk ir-relazzjonijiet ta' mħabba tal-aħwa li, sewwa sew bħal bejn l-aħwa, għandu jkun hemm bejn il-knejjes lokali.     

          L-anqas hu ta' min iħalli barra l-fatt li l-Knejjes tal-Lvant sa mill-bidu kellhom teżor li minnu ħadet ħafna l-Knisja tal-Punent – fil-qasam tal-liturġija, fit-tradizzjoni spiritwali u fl-ordni ġuridiku. Lanqas m'għandha titnaqqas l-importanza tal-fatt l-ieħor li d-dommi ewlenin tal-fidi nisranija dwar it-Trinità u l-Verb ta' Alla magħmul bniedem mill-Verġni Marija kienu definiti fil-Konċilji Ekumeniċi mlaqqgħin fil-Lvant. U biex iħarsu din il-fidi dawn il-Knejjes tal-Lvant batew u għadhom ibatu ħafna.

          Il-wirt mgħoddi mill-Appostli ntlaqa' f'għamliet u f'modi differenti u sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja tfisser u żvilluppa banda mod u banda mod ieħor minħabba l-fatt li l-mentalità u l-kondizzjonijiet tal-ħajja kienu jvarjaw minn post għall-ieħor. Dan kollu, u tgħodd miegħu l-kawżi esterni u n-nuqqas ta' mħabba għal xulxin u ta' komprensjoni reċiproka, ħejja t-triq għall-firdiet.

          Għalhekk is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lil kulħadd, iżda l-aktar lil dawk li fi ħsiebhom jaħdmu biex terġa ssir il-komunjoni sħiħa bejn il-Knejjes tal-Lvant u l-Knisja Kattolika, biex iqisu kif jixraq din il-qagħda speċjali ta' kif nibtu u kibra l-Knejjes tal-Lvant u n-natura tar-relazzjonijiet li kien hemm bejnhom u s-Sede Rumana qabel il-firda, u jiffurmaw ġudizzju tajjeb ta' dan kollu. Jekk dawn il-ħwejjeġ kollha jitħarsu bir-reqqa jgħinu ħafna biex isir id-djalogu mixtieq.

 

Tradizzjoni liturġika u spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

15.     Huwa magħruf ukoll minn kulħadd b'liema mħabba l-insara tal-Lvant jiċċelebraw il-Liturġija Mqaddsa, l-iżjed l-Ewkaristija, l-għajn tal-ħajja tal-Knisja u rahan tal-glorja ġejjiena. Biha l-fidili, f'għaqda mal-Isqof, waqt li jersqu lejn Alla l-Missier permezz tal-Iben, il-Verb magħmul bniedem li bata u kien imsebbaħ, fl-Ispirtu s-Santu li jissawwab fuqhom, jidħlu f'għaqda mat-Trinità l-aktar Qaddisa u "jissieħbu fin-natura ta' Alla" (2 Pt 1,4). Għalhekk biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Mulej f'kull waħda minn dawn il-Knejjes ta' Alla tinbena u tikber[26] u bil-konċelebrazzjoni tintwera l-komunjoni ta' bejniethom.

          F'dan il-kult liturġiku l-insara tal-Lvant isebbħu b'innijiet mill-isbaħ lil Marija dejjem Verġni li s-Sinodu Ekumeniku ta' Efesu ipproklama solennement bħal l-Omm l-aktar qaddisa ta' Alla biex Kristu jingħaraf skond il-Kotba Mqaddsa, kif tassew u proprjament hu, l-Iben ta' Alla u Bin il-Bniedem. Huma jqimu ukoll lil ħafna qaddisin, fosthom il-Padri tal-Knisja universali.

          Dawn il-Knejjes, għalkemm mifrudin, għandhom il-veri sagramenti u, fuq kollox, bis-saħħa tas-suċċessjoni appostolika, is-saċerdozju u l-Ewkaristija li bihom għadhom magħqudin magħna b'rabta l-iżjed kbira. Għalhekk meta jippreżentaw irwieħhom ċirkustanzi f'waqthom, bl-approvazzjoni ta' l-Awtorità tal-Knisja, ċerta komunikazzjoni magħhom fi ħwejjeġ sagri mhux biss hija possibli iżda ukoll konsiljabbli.

          Fil-Lvant jinsab ukoll l-għana ta' dawk it-tradizzjonijiet spiritwali mfissra l-iżjed mill-monakiżmu għaliex kien fil-Lvant, sa miż-żminijiet glorjużi tasSanti Padri, li kibret dik l-ispiritwalità monastika li mbagħad tferrxet lejn il-Punent. Minnha, bħal mill-għajn tagħha, tnisslet ir-regola monastika tal-Latini u minnha, maż-żmien, ħafna drabi reġgħet ħadet ħajja ġdida. Għalhekk il-kattoliċi huma mħeġġin bil-qawwa biex jersqu iżjed ta' sikwit lejn dan l-għana spiritwali tal-Padri tal-Lvant li jerfa' 'l-bniedem kollu kemm hu għall-kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ divini.

          Kulħadd għandu jkun jaf li l-fatt li wieħed jagħraf, iqim, iħares u jġib il quddiem il-wirt liturġiku u spiritwali l-aktar għani tal-insara tal-Lvant huwa ta' importanza mill-aktar biex titħares bil-fedeltà l-milja tat-tradizzjoni nisranija u biex terġa' ssir l-għaqda tal-insara tal-Lvant u tal-Punent.

Id-dixxiplina tal-Knejjes tal-Lvant.

16.     Barra minn hekk, sa mill-ewwel żminijiet, il-Knejjes tal-Lvant imxew fuq dixxiplini proprji tagħħom, approvati mis-Santi Padri u mis-Sinodi u wkoll mis-Sinodi Ekumeniċi. Iżda ċerta diversità ta' osservanzi u ta' drawwiet bl-ebda mod ma tfixkel l-unità tal-Knisja anzi żżid mal-ġmiel tagħha u tgħin mhux ftit biex hi taqdi l-missjoni tagħha. Għalhekk is-Sinodu Mqaddes, biex ineħħi kull dubju li jista' jkun hemm, jistqarr li l-Knisja tal-Lvant, fil-waqt li jiftakru fl-għaqda meħtieġa għall-Knisja kollha, għandhom is-setgħa li jirregolaw irwieħhom skond id-dixxiplini tagħhom li iżjed jaqblu max-xejra tal-fidili tagħhom u iżjed igħinu biex isir il-ġid lill-erwieħ. Il-ħarsien perfett ta' dan il-prinċipju tradizzjonali, għalkemm mhux dejjem inżamm, huwa waħda minn dawk il-ħwejjeġ li huma għal kollox meħtieġa bħala kondizzjoni biex titħejja t-triq biex terġa' ssir l-għaqda.

 

Kif l-Insara tal-Lvant ifissru l-misteri.

17.     Dak li ntqal hawn fuq dwar id-diversità leġittima nistqarruh ukoll bi pjaċir dwar id-differenzi ta' enunzjazzjoni teoloġika tad-dottrina. Għaliex fit-tiftix tal-verità rivelata tħaddmu fil-Lvant u fil-Punent metodi u triqat differenti biex jingħarfu l-ħwejjeġ divini u ssir stqarrija dwarhom. Għalhekk mhux ta' min jistgħġeb li fi tradizzjoni waħda jkun hemm xi aspetti tal-misteru rivelat li jingħarfu aktar ċar u jitqiegħdu f'dawl akbar milli fit-tradizzjoni oħra. Għandu għaldaqstant jingħad li dawn il-formulazzjonijiet differenti tal-istess verità teoloġika, aktar milli jmorru kontra xulxin ħafna drabi jikkompletaw lil xulxin. Għal dak li għandu x'jaqsam mat-tradizzjonijiet teoloġiċi awtentiċi tal-insara tal-Lvant jeħtieġ li wieħed jammetti li għeruqhom jinsabu b'mod tal-għaġeb fil-Kotba Mqaddsa, huma mħarsa u mfissra fil-ħajja liturġika, jieħdu l-għajxien mit-tradizzjoni appostolika ħajja u mill-kitba tal-Padri u tal-kittieba axxetiċi tal-Lvant, u jwasslu għal tiswir xieraq tal-ħajja, anzi għal kontemplazzjoni sħiħa tal-verità nisranija.

          Dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li jiżżi ħajr lil Alla talli ħafna orjentali, ulied il- Knisja Kattolika li jħarsu dan il-wirt u jixtiequ jgħixu b'mod iżjed safi u sħiħ, diġà qegħdin igħixu f'għaqda sħiħa mal-aħwa li jħaddnu t-tradizzjoni tal-Punent, jiddikjara li dan il-wirt kollu spiritwali u liturġiku, dixxiplinari u teoloġiku, fit-tradizzjonijiet diversi tiegħu, jagħmel sehem mill-kattoliċità u l-appostoliċità sħiħa tal-Knisja.

 

Konklużjoni

18.     Wara li qies sewwa dan kollu, is-Sinodu Mqaddes itenni dak li jiddikjaraw il-Konċilji Mqaddsa ta' l-imgħoddi u l-Papiet jiġifieri li, biex jerġgħu jseħħu u jitħarsu l-komunjoni u l-unità, jeħtieġ illi "ma ngħabbu b'ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ" (Atti 15,28). Dan is-Sinodu jixtieq ukoll bil-qawwa li minn issa 'l quddiem fl-istituzzjonijiet differenti u fl-għamliet differenti ta' ħajja l-isforzi kollha li jsiru jkollhom bħala skop illi bil-mod il-mod tintlaħaq l-għaqda, l-aktar bit-talb u bid-djalogu ta' l-aħwa, dwar id-dottrina u l-ħtiġiet l-aktar urġenti ta' żmienna fil-ħidma pastorali. Hekk ukoll is-Sinodu jirrikkmanda lir-rgħajja u lill-fidili, tal-Knisja kattolika li jżommu relazzjonijiet ma' dawk li ma għadhomx igħixu fil-Lvant iżda bogħod minn art twelidhom biex il-kollaborazzjoni ta' l-aħwa magħhom tikber fi spirtu ta' karità u jitrażżan kull spirtu ta' tilwim u pika. Is-Sinodu Mqaddes jittama li, jekk din il-ħidma titmexxa 'l quddiem bil-ħeġġa kollha wara li jkun twaqqa' l-ħajt li qed jifred il-Knisja tal-Lvant minn dik tal-Punent, issir fl-aħħar dar waħda li tkun mibnija fuq il-ġebla tax-xewka, Kristu Ġesù, li mit-tnejn għad jagħmel ħaġa waħda[27] .

 


 

II DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN FIL-PUNENT

Il-qagħda ta' dawn il-komunitajiet.

19.     Il-Knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali li nfirdu mis-Sede Rumana jew f'dik it-taqliba l-aktar gravi li kellha bidu fil-Punent sa mill-aħħar snin tal-Medju Evu jew fiż-żminijiet ta' wara, għandhom rabta u affinità speċjali mal-Knisja kattolika minħabba l-fatt li fis-sekli ta' qabel il-poplu nisrani kien għadda żmien twil fil-komunjoni ekkleżjastika.

          Iżda dawn il-knejjes jew komunitajiet ekkleżjali huma wisq differenti mhux biss minna imma wkoll minn xulxin kemm għaliex il-bidu tagħhom kien differenti kemm għaliex differenti huma d-dottrina u l-ħajja spiritwali tagħhom. Għalhekk huwa diffiċli ħafna li tiddeskrivihom sewwa, ħaġa li m'aħniex bil-ħsieb li nagħmlu hawn.

          Għalkemm il-Moviment ekumeniku u x-xewqa tal-paċi mal-Knisja kattolika għad ma xterdux kullimkien, aħna nittamaw li bil-mod il-mod is-sens ekumeniku u r-rispett għal xulxin jikbru f'kulħadd.

          B'danakollu, wieħed għandu jammetti illi bejn dawn il-knejjes u lkomunitajiet ekkleżjali u l-Knisja kattolika hemm diverġenzi ta' importanza kbira mhux biss ta' natura storika, soċjoloġika, psikoloġika u kulturali, iżda fuq kollox ta' interpretazzjoni tal-verità rivelata. Għalhekk biex id-djalogu ekumeniku, minkejja dawn id-differenzi, ikun jista' jibda b'ħeffa akbar, aħna rridu f'dan il-ġej nagħtu xi punti li jistgħu u għandhom ikunu s-sies ta' dan id-djalogu u jħeġġuh.

 

L-istudju tal-Kotba Mqaddsa

21.     L-imħabba u l-venerazzjoni – kważi kult – tal-Kotba Mqaddsa jwasslu lil ħutna mifrudin għal studju bla waqfien u bis-sengħa tal-Kitba Mqaddsa; għaliex l-Evanġelju "hu qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi" (Rum. 1,16).

          Waqt li jsejħu l-Ispirtu s-Santu huma ifittxu 'l Alla fil-Kotba Mqaddsa nnifsihom bħal dak li qed ikellimhom fi Kristu mħabbar mill-Profeti, il-Verb ta' Alla li sar bniedem għalina. Fihom huma jikkontemplaw il-ħajja ta' Kristu u dawk il-ħwejjeġ li l-Imgħallem divin għallem għas-salvazzjoni tal-bnedmin, l-aktar il-misteri tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

          Iżda meta l-insara mifrudin minna jaffermaw l-awtorità divina tal-Kotba Mqaddsa jifhmu xi ħaġa differenti minna – u fosthom stess diversi jifhmu b'mod differenti minn oħrajn – dwar ir-relazzjoni bejn il-Kotba Mqaddsa u l-Knisja li fiha, skond it-twemmin kattoliku, il-maġisteru awtentiku għandu post speċjali fit-tifsir u x-xandir tal-Kelma ta' Alla miktuba.

          B'danakollu fid-djalogu nnifsu l-Kotba Mqaddsa huma l-mezzi l-kbar fl-id setgħana ta' Alla biex tintlaħaq dik l-għaqda li s-Salvatur joffri lill-bnedmin kollha.

 

Il-ħajja sagramentali

22.     Bis-sagrament tal-magħmudija, kull meta jingħata kif imiss skond kif waqfu l-Mulej u jintlaqa' mid-dispożizzjoni xierqa tar-ruħ, il-bniedem jingħaqad tabilħaqq mal-ġisem ta' Kristu msallab u msebbaħ u jitissel mill-ġdid biex ikollu sehem mill-ħajja divina, kif igħid l-Appostlu: "Indfintu miegħu bil-magħmudija u bih irxuxtajtu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta' Alla li qajmu mill-imwiet." (Kol. 2, 12)[28].

          Għalhekk il-magħmudija tikkostitwixxi rabta sagramentali tal-għaqda li hemm bejn dawk kollha li permezz tagħha jitwieldu mill-ġdid. B'danakollu l-magħmudija fiha nnifisha hija biss il-bidu u d-dħul għaliex hija kollha kemm hi diretta biex tinkiseb il-milja tal-ħajja fi Kristu. B'hekk il-magħmudija hija ordinata għall-istqarrija sħiħa tal-fidi, għall-inkorporazzjoni sħiħa fl-istituzzjoni tas-salvazzjoni hekk kif ried Kristu nnifsu, u biex twassal fl-aħħarnett għal inseriment sħiħ fil-komunjoni ewkaristika.

          Għalkemm bejnna u l-komunitajiet ekkleżjali mifrudin minna mhemmx dik l-unità sħiħa li tiġi mill-magħmudija u għalkemm aħna nemmnu li huma ma żammewx l-essenza ġenwina sħiħa tal-misteru ewkaristiku, l-aktar minħabba n-nuqqas tas-Sagrament tal-Ordni, b'danakollu, meta fiċ-Ċena Mqaddsa jagħmlu t-tifkira tal-mewt u tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej huma jkunu qed jistqarru li fil-komunjoni titfisser il-ħajja ta' Kristu u jkunu jistennewh jerġa jiġi fil-glorja. Għalhekk id-djalogu għandu jsir dwar it-tagħlim fuq iċ-Ċena tal-Mulej, is-sagramenti l-oħra, il-kult u l-misteri tal-Knisja.

 

Il-ħajja ma' Kristu.

23.     Il-ħajja nisranija ta' dawn l-aħwa tieħu l-għajxien mill-fidi fi Kristu u titħeġġeġ bil-grazzja tal-magħmudija u bil-kelma ta' Alla mismugħa. Hija tintwera tabilħaqq fit-talb privat, fil-meditazzjoni tal-Kotba Mqaddsa, fil- ħajja tal-familja nisranija, fil-kult tal-komunita' li tinġabar għat-tifħir ta' Alla. Fil-kult tagħhom jidhru xi drabi elementi importanti tal-liturġija komuni antika.

          Il-fidi li biha huma jemmnu fi Kristu tagħti l-frott fit-tifħir u fir-radd tal-ħajr għall-ġid milqugħ minn Alla; mal-fidi jingħadd sens ħaj ta' ġustizzja u ta' karità għall-proxxmu. Din il-fidi attiva tat bidu wkoll għal ħafna istituzzjonijiet li għandhom l-iskop li jtaffu l-miżerji tar-ruħ u tal-ġisem, li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, li jagħmlu iżjed umani l-kondizzjonijiet soċjali tal-ħajja u jgħinu biex isseħħ bis-sod il-paċi kullimkien fid-dinja.

          U jekk f'materji ta' moralità ħafna fost l-insara mhux dejjem jifhmu l-Evanġelju l-istess u lanqas jammettu l-istess soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet l-aktar diffiċli tas-soċjetà tal-lum, b'danakollu huma bħalna jridu jibqgħu jżommu sħiħ mal-kelma ta' Kristu bħala l-għajn tat-tjieba nisranija u jobdu l-amar tal-Appostlu: "Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu." (Kol. 3,17). Minn dan jista' jkollu bidu d-djalogu ekumeniku dwar l-applikazzjoni morali ta' l-Evanġelju.

 

Konlużjoni

24.     Hekk, wara li fil-qosor urejna liema huma l-konizzjonijiet biex issir il-ħidma ekumenika u liema huma l-prinċipji li fuqhom għandha titmexxa, aħna nħarsu b'difuċja lejn il-ġejjieni. Dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili biex jevitaw kull frugħa u kull ħrara bla għaqal li jistgħu jagħmlu ħsara lill-progress tassew lejn l-għaqda. Għaliex il-ħidma ekumenika tal-fidili ma tistax tkun għajr għal kollox u sinċerament kattolika, jiġifieri tkun fidila lejn il-verità li aħna irċevejna mill-Apposotli u l-Padri, tkun taqbel mal-fidi li l-Knisja dejjem stqarret u, fl-istess ħin, twassal għal dik il-milja li biha l-Mulej irid li l-ġisem tiegħu jikber u joktor mal-medda taż-żmien.           Dan is-Sinodu Mqaddes jixtieq ħafna li l-inizjativi meħuda minn ulied il-Knisja kattolika jibqgħu mexjin 'il quddiem f'għaqda ma' dawk mibdija mill-aħwa mifrudin mingħajr ma jitqiegħed ebda xkiel lit-toroq tal-Provvidenza u bla tfixkil għat-tqanqil tal-Ispirtu s-Santu fil-ġejjieni. Barra minn hekk dan is-Sinodu jiddikjara li hu jagħraf sewwa li dan il-ħsieb u din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fil-Knisja waħda u unika ta' Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk huwa jqiegħed it-tama kollha fit-talb ta' Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. "U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta' Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna." (Rum. 5.5)

 

21 ta' Novembru, 1964.

 

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

            IVA: 2137.       LE :11.            (Total 2148).

 


 

[1]Cf. 1 Kor. 1,13.

[2] Cf. 1Ġw 4,9; Kol.1,18; Ġw 11,52.

[3] Cf. Ġw 13,34.

[4] Cf.4 Ġw 16,7.

[5] Cf. 1 Kor. 12,4-11

[6] Cf. Mt. 28,18-20 flimkien ma' Ġw 20, 21-23.

[7] Cf. Mt. 16,19 fliimkien ma' Mt 18,18.

[8] Cf. Lq 22,32.

[9] Cf. 9 Ġw 21,15-17.

[10] Cf. Ef, 2,20

[11] Cf.1Piet 2,25; Vat. I, Sess.IV (1870), K Pastor Aeternus: Coll. Loc. 7,82a

[12] Cf. Is. 11, 10-12.

[13] Cf. Ef. 2,17-18 flimkien ma' Mk 16,15.

[14] Cf. 1 Piet. 1,3-9.

[15] Cf.1 Kor 11,18-19; Gal.1,6-9; 1Ġw 2,18-19.

[16] Cf.1 Kor, 1,11ss; 11,22.

[17] Cf. KONĊILJU TA' FIRENZE, |Sezz VIII (1439), Digr, Exultate Deo, MANSI 31, 1055A.

[18] Cf.S.WISTIN. In Ps. XXXII, Enarr. II, 29; PL. 36.299.

[19] Cf. KONĊILJU LATERAN IV, (1215); MANSI 22,990; KONĊILJU TA' LYONS II(1274); Professio Fidei Mchaelis Paleologi; MANSI, 24,7 1E; KONĊILJU TA' FIRENZE, Sezz VI (1430); Definizzjoni Laetentur Coeli, MANSI 31, 1026E.

[20] Cf. Ġak 1,4; Rum 12,1-2.

[21] Cf.2 Kor. 4,10; Fil,2.5-8.

[22] 2 Ef. 5,27

[23] CF. KONĊILJU LATERAN V.Sezz XII (1517), K. Constituti, MANSI 32,988 B.C.

[24]Cf. Ef. 4,23.

[25] Cf. Ef. 3,8.

[26] Cf. S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Joannem Homilia XLVI:PG 59,260-262

[27] KONĊILJU TA' FIRENZE, Sezz VI(1439), Definizzjoni Laetentur coeli: MANSI 31, 1026 E.

[28] Rum. 6,4.