L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Sacrosanctum Concilium

 

 

 

 

 

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

KOSTITUZZJONI DWAR

 IL-LITURĠIJA MQADDSA

“SACROSANCTUM CONCILIUM”

KONĊILJU VATIKAN II

 

 

 

 

 

4 Diċembru 1963

© Edizzjoni Studia 1982, 2003

Riprodotta fil-Laikos bil-permess tal-Moviment Azzjoni Soċjali

Ħajr lil Ms Carmen Galea għat-typing


 

WERREJ

Daħla

2-4. Il-post tal-Liturġija fil-Misteru tal-Knisja

 

Kap I:        PRINĊIPJI ĠENERALI GĦAT-TIĠDID U GĦALL-PROGRESS TAL-LITURĠIJA MQADDSA

5. I     IN-NATURA TAL-LITURĠIJA U S-SIWI TAGĦĦA FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA

6. L-Opra tas-Salvazzjoni li tissokta l-Knisja sseħħ fil-Liturġija

7. Il-preżenza ta' Kristu fil-liturġija

8. Il-Liturġija tal-art u l-Liturġija tas-sema

9. Il-ħidma tal-Knisja mhix biss fil-qasam tal-Liturġija.

10. Il-liturġija hija l-quċċata u l-għajn tal-ħajja tal-Knisja

11. Ħtieġa tad-dispożizzjonijiet personali

12-13. Liturġija u Talb personali

 

14. II           IT-TAGĦLIM LITURĠIKU U S-SEHEM ĦAJ FIL-LITURĠIJA

15. Tħejjija tal-għalliema tal-Liturġija

16. It-Tagħlim tal-Liturġija

17. Formazzjoni liturġika ta’ dawk li ser isiru saċerdoti

18. Għajnuna lis-saċerdoti li jaħdmu fost il-poplu

19. It-tagħlim liturġiku u s-sehem tal-fidili

20. Użu tar-radju u tat-televiżjoni

 

21. III          IR-RIFORMA TAL-LITURĠIJA

A       NORMI ĠENERALI

22. Il-Ġerarkija biss tista’ tbiddel il-Liturġija

23. Tradizzjoni u Progress

24. Il-kotba Mqaddsa

25. Il-Kotba Liturġiċi


 

26- 7. B       NORMI LI ĠEJJIN MIN-NATURA TAL-LITURĠIJA BĦALA GĦEMIL ĠERARKIKU U KOMUNITARJU

28-29. Kulħadd jagħmel sehmu mill-aħjar li jista'.

30-31. Is-sehem ħaj tal-fidili

32. Liturġija u Klassijiet soċjali

 

33-34. C.     NORMI MEĦUDA MIN-NATURA DIDATTIKA U PASTORALI TAL-LITURĠIJA

35. Qari tal-kotba Mqaddsa; predikazzjoni u katekiżmu liturġiku.

36. L-Ilsien Liturġiku

 

37-40. D. NORMI BIEX TKUN ADDATTATA L-LITURĠIJA GĦALL-KARATTRU U T–TRADIZZONIJIET TAL-POPLI

 

41-42. IV.   L-IŻVILUPP TAL-ĦAJJA LITURĠIKA FID-DJOĊESI U FIL- PARROĊĊA

 

43. V.          L-IŻVILUPP TAL-ĦIDMA PASTORALI LITURĠIKA

44. Kummissjonijiet liturġiċi nazzjonali

45. Kummissjonijiet liturġiċi djoċesani

46. Kummissjonijiet oħra

 

Kap II         47. IL-MISTERU MQADDES TAL-EWKARISTIJA

48- 49. Is-sehem tal-fidili

50. Tiġdid tal-ordinarju tal-Quddiesa

51. Siwi tal-Kelma ta' Alla

52. L-Omelija

53. It-Talba tal-Fidili

54. L-Ilsien tal-Quddiesa

55. It-tqarbin fil-Quddiesa u t-tqarbin biż-żewġ speċi

56. L-unità tal-Quddiesa

57- 58. Il-Konċelebrazzjoni

 

Kap III       IS-SAGRAMENTI L-OĦRA U S-SAGRAMENTALI

59. Natura tas-Sagramenti

60. Is-Sagramentali

61. Siwi pastorali tal-Liturġija

62. Ħtieġa ta’ tiġdid tar-riti sagramentali

63. L-Ilsien li għandu jintuża

64. Il-Katekumenati tal-kbar

65-70. Ir-riti tal-magħmudija

71. Il-Griżma ta’ l-Isqof

72. Il-Qrar

73-75. Il-Griżma tal-morda

76. L-Ordinazzjonijiet

77-78. Iż-żwieġ

79-80. Is-Sagramentali u l-Barkiet

81-82. Id-dfin

 

Kap IV       L-UFFIĊĊJU DIVIN

83-85. L-uffiċċju ta' tifħir, għemil ta' Kristu u tal-Knisja

86-87. Ġid spiritwali li joħroġ mill-Uffiċċju divin

88-89. Il-medda tas-sigħat

90. L-Uffiċċju divin, għajn ta' tjieba

91. Is-Salterju

92. Il-Qari

93. L-Innijiet

94. Il-ħin meta jingħadu s-sigħat tal-Uffiċċju

95-97. L-obbligu ta' l-Uffiċċju divin

98. Ir-Reliġjużi

99-100. Ċelebrazzjoni komunitarja tal-Uffiċċju divin

101. L-ilsien li għandu jintuża fl-Uffiċċju

KAP V        IS-SENA LITURĠIKA

102-111. Il-ħsieb taċ-ċiklu liturġiku

 

KAP VI      IL-MUŻIKA SAGRA

112. Dinjità tal-mużika sagra

113-114. Il-Liturġija solenni

115. Il-formazzjoni mużikali

116-117. Kant gregorjan u polifoniku

118. Kant reliġjuż popolari

119. Il-Mużika sagra fil-missjonijiet

120. L-orgni u l-istrumenti mużikali

121. Missjoni tal-kompożituri

 

KAP VII     L-ARTI SAGRA U L-GĦAMARA MQADDSA

122. Dinjità tal-arti sagra

123-126. Libertà ta' stili artistiċi

127. Formazzjoni tal-artisti

128. Reviżjoni tal-leġislazzjoni fuq l-arti sagra.

129. Formazzjoni artistika tal-kleru

130. Insinji pontifikali

 

Appendiċi           STQARRIJA TAL-KONĊILJU VATIKAN II DWAR

RIFORMA TAL-KALENDARJU.

 


 

KOSTITUZZJONI DWAR IL-LITURĠIJA MQADDSA

“SACROSANCTUM CONCILIUM”

KONĊILJU VATIKAN II

 

Daħla

1.       Il-Konċilju Mqaddes, billi jrid ikattar dejjem iżjed il-ħajja nisranija fost il-fidili, jaddatta aħjar għall-ħtigiet ta’ żminijietna l-istituzzjoniet li jistgħu jitbiddlu, jgħin dak kollu li jista' jkun ta’ siwi għall-għaqda fost dawk kollha li jemmnu fi Kristu u jsaħħaħ dak kollu li jgħin biex isejjaħ lil kulħadd fi ħdan il-Knisja, iħossu dmir tiegħu li jieħu ħsieb b’mod speċjali li jagħti ħajja ġdida u jġib ’il quddiem il-Liturġija.

Il-post tal-Liturġija fil-Misteru tal-Knisja

2.       Għaliex il-Liturġija li biha, l-aktar fis-Sagrifiċċju divin tal-Ewkaristija “isseħħ il-fidwa tagħna”1, hi ta’ għajnuna l-iżjed kbira biex il-fidili jfissru bil-ħajja tagħhom u juru lill-oħrajn il-Misteru ta’ Kristu u n-natura ġenwina tal-knisja li għandha l-karatteristika li hi fl-istess ħin umana u divina viżibbli iżda mogħnija b’realtajiet li ma jidhrux, imħeġġa fix-xogħol u medhija fil-kontemplazzjoni, preżenti fid-dinja iżda wkoll miexja lejn is-Sema. Dan kollu jseħħ fiha b’mod illi dak li fiha huwa uman huwa ordinat u subordinat għal dak li hu divin, dak li jidher għal dak li ma jidhirx, l-azzjoni għall-kontemplazzjoni, ir-realtà preżenti għall-belt li għad trid tiġi u li aħna qegħdin infittxu.2 Għalhekk, billi l-Liturġija ssaħħaħ kull jum lil dawk li huma fil-Knisja u minnhom tagħmel tempju qaddis fil-Mulej, dar fejn jgħammar Alla fl-Ispirtu3, sakemm iseħħ il-kobor meħtieġ. għall-milja ta' Kristu4, hija ssaħħaħ fl-istess ħin u b’mod tal-għaġeb il-forzi tagħhom biex ixandru lil Kristu. B’hekk hija turi l-Knisja lil dawk li huma barra minnha bħala sinjal imwaqqaf fuq il-ġnus5 li taħtu wlied Alla li huma mxerrdin jinġabru f’ġemgħa waħda6 sakemm issir merħla waħda u ragħaj wieħed7.

 

3.       Għalhekk il-Konċilju Mqaddes jidhirlu illi biex imexxi l’quddiem u jirriforma l-Liturġija jeħtieġlu jfakkar il-prinċipji li ġejjin u jiddetermina normi prattiċi.

          Fost dawn il-prinċipji u dawn in-normi hemm uħud li jistgħu u għandhom ikun applikati kemm fir-rit Ruman kemm fir-riti l-oħra kollha; iżda l-liġijiet prattiċi li ġejjin għandhom jinftiehmu li għandhom x’jaqsmu mar-rit Ruman biss, barra minn meta dawn, mill-istess natura tagħom, jolqtu wkoll riti oħra.

 

4.       Fl-aħħarnett, waqt li jħares b’ qima u bil-fedeltà t-Tradizzjoni, il-Konċilju Mqaddes jiddikjara illi l-Knisja Mqaddsa Ommna tqis bħala l-istess fil-jedd u fid-dinjità r-riti kollha magħrufin bħala leġittmi u trid li għal li ġej tibqa’ żżommhom u ġġibhom ’il-quddiem b’kull mod. Il-Konċiliju jixtieq ukoll illi, fejn jenħtieġ, dawn ir-riti jkunu riveduti b’mod integrali iżda bil-prudenza fid-dawl tat-tradizzjoni ġenwina u jingħataw qawwa ġdida kif jitolbu ċ-ċirkustanzi u l-ħtiġiet tal-lum.

 

 

Kap I

PRINĊIPJI ĠENERALI GĦAT-TIĠDID

U GĦALL-PROGRESS TAL-LITURĠIJA MQADDSA

 

I           IN-NATURA TAL-LITURĠIJA U S-SIWI TAGĦĦA FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA

5.       Alla li “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim. 2, 4) u li “fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti” (Lhud 1,1), meta waslet il-milja taż-żminijiet bagħat lil Ibnu, il-Verb magħmul bniedem, ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu, biex jagħti l-bxara t-tajba lill-fqajrin, biex ifejjaq lil dawk ta’ qalb niedma[8]: huwa “t-tabib tal-ġisem u tar-ruħ[9]”, il-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin[10]. Għaliex l-umanità tiegħu, magħquda fil-persuna waħda tal-Verb, kienet l-għodda tal-Fidwa tagħna. Għalhekk fi Kristu “intemmet għalkollox ir-rikonċiljazzjomi tagħna ma’ Alla u ngħatat lilna l-milja tal-qima divina”[11].

          L-egħmejjel tal-għaġeb li Alla għamel fost il-poplu tat-Testment Qadim kienu biss tħejjija għall-opra tal-Fidwa tal-bnedmin u għall-glorifikazzjoni perfetta ta’ Alla li Kristu l-Mulej wettaq fuq kollox bil-misteru tal-Għid tal-Passjoni mbierka, tal-Qawmien mill-imwiet u tat-Tlugħ glorjuż tiegħu fis-sema; bil-misteru tal-Għid Kristu“ bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna, u bil-qawmien tiegħu mill-mewt raddilna l-ħajja mill-ġdid[12], għaliex kien minn ġenb Kristu mejjet fuq is-salib li ħareġ is-sagrament tal-għaġeb tal-Knisja kollha[13].

 

L-Opra tas-Salvazzjoni li tissokta l-Knisja sseħħ fil-Liturġija

6.       Għalhekk, bħalma Kristu ntbagħat mill-Missier, hekk ukoll huwa bagħat lill-Appostli mimlijin bl-Ispirtu s-Santu mhux biss biex waqt li jxandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu [14] jħabbru li l-Iben ta’ Alla bil-mewt u l-qawmien tiegħu ħelisna mis-setgħa tax-xitan[15] u mill-mewt u daħħalna fis-saltna tal-Missier, iżda wkoll biex din l-opra tal-Fidwa li ħabbru jwettquha bis-Sagrifiċju u s-Sagramenti li madwarhom tinbena l-ħajja liturġika kollha. B’hekk bil-magħmudija l-bnedmin jidħlu fil-misteru tal-Għid ta’ Kristu: imutu miegħu, jindifnu miegħu, iqumu miegħu[16]; jirċievu l-ispirtu ta’ wlied addottivi “Li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abba! Missier” (Rum.8,15) u b’hekk isiru dawk li jaduraw fil-verità, li l-Missier ifittex[17]. Hekk ukoll kull darba li jieklu l-ikla tal-Mulej ixandru mewt il-Mulej sa ma jiġi[18]. Għalhekk, fil-jum stess ta’ Għid il-Ħamsin, meta l-Knisja dehret lid-dinja, “dawk li laqgħu kliem” Pietru “tgħammdu”. “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fil-għaqda bejniethom fil-qsim tal-ħobż u fit-talb… u kienu jfaħħru lil Alla u l-poplu kollu kien iġibhom.” (Atti 2, 41-47). Minn dak iż-żmien il-knisja ma naqset qatt li tinġabar biex tiċċelebra l-misteru tal-Għid billi taqra “kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” ( Lq. 24,27), billi tiċċelebra l-Ewkaristija li fiha “ jidħlu mill-ġdid ir-rebħa u t-trijonf tiegħu fuq il-mewt”[19], u wkoll billi tiżżi ħajr “ lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem” (2 Kor. 9, 15) fi Kristu Ġesu “għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Ef. 1, 12) bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Il-preżenza ta' Kristu fil-liturġija

7. Biex iseħħ dan ix-xogħol hekk kbir Kristu hu dejjem mal-Knisja tiegħu, fuq kollox fl-azzjonijiet tal-liturġija. Huwa preżenti fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa kemm fil-persuna tal-ministru- “l-istess wieħed li joffri issa bil-ministeru tas-saċerdoti dakinhar offra lilu nnifsu fuq is-salib”20-kemm, fuq kollox, taħt ix-xbihat ewkaristiċi. Huwa preżenti bil-qawwa tiegħu fis-sagramenti b’ mod li meta wieħed jgħammed huwa Kristu nnifsu li jgħammed21. Huwa preżenti fil-kelma tiegħu għaliex ikun hu nnfsu li jitkellem meta fil-Knisja jinqraw il-Kotba Mqaddsa. Fl-aħħarnett huwa preżenti meta l-Knisja titlob u tlissen is-salmi, hu li wiegħed li “ fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f 'ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt. 18,20).

            Tabilħaqq, f’dan ix-xogħol kbir li fih Alla jissebbaħ b’mod perfett u l-bnedmin jitqaddsu, Kristu jgħaqqad miegħu ’l-Knisja, l-għarusa l-aktar maħbuba tiegħu, li titolbu bħala sid tagħha u permezz tiegħu trodd qima lill-Missier ta’ dejjem.

            Bir-raġun il-Liturġija titqies bħala l-ħidma ta’ l-uffiċċju saċerdotali ta’ Ġesu' Kristu; fiha jitfisser u jseħħ, permezz ta’ sinjali sensibbli, t-tqaddis tal-bniedem skont l-mod propriju tiegħu; f’din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta’Ġesu Kristu, jiġifieri r-Ras u l-membri tiegħu, jagħtu qima pubblika sħiħa.

          Għalhekk kull ċelebrazzjoni liturġika, bħala għemil ta’ Kristu saċerdot u tal-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja, hija għemil imqaddes u ebda għemil ieħor tal-Knisja ma għandu daqshekk qawwa u ġieħ.

 

Il-Liturġija tal-art u l-Liturġija tas-sema

8.       Fil-Liturġija tal-art nieħdu sehem billi ntiegħmu minn qabel il-Liturġija tas-sema li hija ċċelebrata fil-belt il-qaddisa ta’ Ġerusalemm li lejha aħna resqin bħala pellegrini, fejn Kristu qiegħed fuq il-Lemin ta’ Alla bħala ministru tas-smewwiet u tat-tabernaklu vera22, flimkien mal-qawwiet kollha tas-setgħat tas-sema aħna inkantaw l-innu ta’ sebħ lill-Mulej; waqt li nqimu t-tifkira tal-qaddisin, nittamaw li għad ikollna sehem fix-xirka tagħhom; nistennew bħala salvatur tagħna lil Sidna Ġesu Kristu sakemm huwa, il-ħajja tagħna, jidher, u mbagħad aħna wkoll nidhru flimkien miegħu fil-glorja23.

 

Il-ħidma tal-Knisja mhix biss fil-qasam tal-Liturġija.

9.       Il-Liturġija mqaddsa ma ttemmx fiha l-ħidma kollha tal-Knisja; għaliex qabel ma l-bnedmin ikunu jistgħu jersqu lejn il-Liturġija jeħtieġ li jkun msejħa biex jemmnu u jbiddlu ħajjithom: “Kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih?. Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jixandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (Rum.10, 14-15)

          Għalhekk il-Knisja xxandar l-aħbar tas-salvazzjoni lil dawk li ma jemmnux, biex il-bnedmin kollha jagħrfu lil Alla veru u lil dak li huwa bagħat, Ġesù Kristu, u jbiddlu triqathom u jindmu24. Waqt li hi għandha xxandar dejjem l-fidi u l-penitenza lil dawk li jemmnu, għandha wkoll tħejjihom għas-Sagramenti, tgħallimhom iħarsu dak kollu li Kristu amar25, u tiġbidhom għall-għemejjel kollha ta’ karità, ta’ tjieba u ta’ appostolat, li bihom jidher kemm hu minnu li l-insara mhumiex ta’ din id-dinja u b’danakollu huma d-dawl tad-dinja u jagħtu glorja lill-Missier quddiem il-bnedmin.

 

Il-liturġija hija l-quċċata u l-għajn tal-ħajja tal-Knisja

10.     Madankollu l-Liturgija hi l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha. Għaliex il-ħidma appostolika kollha tfittex li dawk kollha li saru wlied Alla bil-fidi u l-magħmudija jinġemgħu qalb waħda, ifaħħru lil Alla fil-Knisja, ikollhom sehem fis-Sagrifiċċju u jieklu mill-Ikla tal-Mulej.

          Min-naħa l-oħra, il-Liturġija nnifisha tħeġġeġ lill-fidili biex wara li jixbgħu “ bis-sagramenti tal Għid” huma “ jkunu qalb waħda fit-tjieba”26 u titlob biex “ iżommu f’ħajjithom dak li kisbu bit-twemmin”27; meta mbagħad fl-Ewkaristija l-fidili jġeddu l-Patt li Alla għamel mal-bnedmin. L-Ewkaristija tiġbidhom lejn il-Karità ta’ Kristu u tixgħelhom biha. Mil-Liturġija, għalhekk, u l-iżjed mill-Ewkaristja, bħallikieku minn għajn, tnixxi fina l-grazzja u minnhom tinkiseb b’qawwa akbar dik il-qdusija u sseħħ dik il-glorifikazzjoni ta’ Alla fi Kristu. Għaliha, din il-glorifkazzjoni ta’ Alla, isiru l-ħidmiet kollha tal-Knisja.

 

Ħtieġa tad-dispożizzjonijiet personali

11.     Iżda biex din il-qawwa tkun sħiħa jeħtieġ li-l-fidili jersqu lejn il-Liturġija mqaddsa bid-dispożizzjonijiet ta’ qalb tajba, li ħsiebhom ikun medhi f’dak li jkunu jgħidu, u li jaħdmu flimkien mal-grazzja soprannaturali biex ma jkunux laqgħuha fix-xejn28. Għalhekk ir-rgħajja mqaddsa għandhom jieħdu hsieb li fl-azzjoni liturġika mhux biss jitħarsu l-Liġiijiet meħtieġa għal ċelebrazzjoni valida u leċita, iżda wkoll li l-fidili jieħdu sehem ħaj fiha, ikunu jafu x’ikun qed isir, u jkollhom frott minnha.

 

 

 

Liturġija u Talb personali

12.     Iżda l-ħajja spiritwali ma tinsabx biss fis-sehem fil- Liturġija mqaddsa. In-nisrani, barra milli hu msejjaħ biex jitlob flimkien mal-oħrajn, għandu wkoll jidħol f’kamartu biex, fil-moħbi, jitlob lill-Missieri29 u, kif jgħallem l-Appostlu, jitlob mingħajr waqfien30.U l-istess Appostlu jgħallimna biex inġibu dejjem it-tbatija ta’ Kristu f’ġisimna biex il-ħajja ta’ Kristu tidher fil-ġisem tagħna li jmut31. Għalhekk nitolbu lill-Mulej fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa biex “wara li jkun laqa’ l-offerta tas-sagrifiċċju spiritwali” jagħmel “ minna offerta ta’ dejjem”32 

 

13.     Id-devozzjonijet tal-poplu nisrani, sakemm ikunu jaqblu mal-liġijiet u n-normi tal-Knisja, huma ta’ min jirrikkmandahom ħafna, l-aktar meta jsiru bl-ordni tas-Sede Appostlika.

          Huma wkoll ta’ dinjità speċjali dawk id-devozzjonijiet tal-Knejjes partikolari, li jsiru bl-ordni ta’ l-isqfijiet, skond id-drawwiet jew il-kotba leġittimament approvati.

          Iżda jeħtieġ li dawn id-devozzjonijiet jintisġu b’mod li waqt li jitħarsu ż-żminijiet liturġiċi, ikunu jaqblu mal-Liturġija mqaddsa, ikunu b’xi mod ġejjin minnha u jwasslu lill-poplu għaliha billi min-natura tagħha hija ħafna ogħla minnhom.

 

II       IT-TAGĦLIM LITURĠIKU U S-SEHEM ĦAJ FIL-LITURĠIJA

14.     Ommna l-Knisja tixtieq ħafna li l-fidili kollha jitwasslu għal sehem sħiħ, ħaj u li jinftiehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, li hu mitlub min-natura nnifisha tal-Liturġija u li għalih il-poplu nisrani, “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih” ( 1 Pt., 2,9; cf. 2,4-5), għandu l-jedd u d-dmir bis-saħħa tal-magħmudija.

          Fit-tiġdid u l-promozzjoni tal-Liturġija jeħtieġ li wieħed ifttex dan is-sehem sħiħ u ħaj tal-poplu: għax dan is-sehem hu l-ewwel għajn indipensabbli li minnha l-fidili jieħdu l-ispirtu tabilħaqq nisrani; u għalhekk ir-rgħajja tal-erwieħ, fix-xogħol pastorali tagħhom, għandhom ifittxu li jkun hemm dan is-sehem bl-għajnuna tat-tagħlim meħtieġ.

          Iżda billi ħadd m’għandu jittama li dan jista’ jseħħ jekk ir-rgħajja nfushom tal-erwieħ ma jkunux tal-ewwel li jimtlew bl-ispirtu u l-qawwa tal-Liturġija u jsiru mgħallmin fiha, huwa ghalhekk meħtieġ li qabel xejn il-kleru jkollu tagħlim liturġiku. Għalhekk il-Konċilju Mqaddes iddegrieta li jsir dan li ġej.

 

Tħejjija tal-għalliema tal-Liturġija

15.     Dawk li jkollhom f’idejhom it-tagħlim tal-Liturġija mqaddsa fis-seminarji, fid-djar tal-istudji tar-reliġjużi u fil-fakultajiet tat-teoloġija għandhom jieħdu formazzjoni speċjali għal dan ix-xogħol f'istituti mwaqqfa għalhekk.

 

It-Tagħlim tal-Liturġija

16.     It-tagħlim tal-Liturġija mqaddsa fis-seminarji u fid-djar tal-istudji tar-reliġjużi għandu jitqies mas-suġġetti meħtieġa u l-aktar important u, fil-fakultajiet teoloġiċi, fost is-suġġetti ewlenin. Dan it-tagħlim għandu jsir kemm b’bixra teoloġika u storika kemm b’bixra spiritwali, pastorali u ġuridika. Barra hekk l-għalliema tal-materji l-oħra, l-aktar tat-teoloġija dommatika, tal-Kotba Mqaddsa u tat-teoloġiji spiritwali u pastorali, għandhom fuq kollox jieħdu ħsieb li, skond ma titlob il-materja li huma jgħallmu, jesponu l-misteru ta’ Kristu u l-ġrajja tas-Salvazzjoni b’mod li tkun tidher aktar ċara r-rabta tagħhom mal-liturġija u toħroġ iżjed ċara r-rabta tagħhom mal-Liturġija u toħroġ iżjed ċara l-unità tal-formazzjoni saċerdotali.

 

Formazzjoni liturġika ta’ dawk li ser isiru saċerdoti

17.     Il-kjeriċi fis-seminarji u fid-djar reliġjużi għandu jkollhom formazzjoni liturġika tal-ħajja spiritwali, b’direzzjoni tajba, b’mod illi jifhmu r-riti mqaddsa u jieħdu sehem fihom bil-qalb kollha, kemm fiċ-ċelebrazzjoni nnifisha tal-misteri qaddisa kemm bl-eżerċizzji l-oħra ta’ tjieba li jkun mogħnija bl-ispirtu tal-Liturġija Mqaddsa. Hekk ukoll għandhom jitgħallmu kif għandhom iħarsu l-liġijiet liturġiċi b’mod illi l-ispirtu liturġiku jidħol profondament fil-ħajja tas-seminarji u tal-istituti reliġjużi.

 

Għajnuna lis-saċerdoti li jaħdmu fost il-poplu

18      Is-saċerdoti sekulari u reliġjużi li qegħdin jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej għandhom ikunu megħjuna bil-mezzi kollha meħtieġa biex jifhmu dejjem aktar fis-sħiħ dak li jkunu qegħdin jagħmlu fil-funzjonijiet imqaddsa, igħixu l-ħajja liturġika u jikkomunikawha lill-fidili fdati f’idejhom.

 

It-tagħlim liturġiku u s-sehem tal-fidili

19.     Ir-rgħajja tal-erwieħ għandhom bil-ħerqa u s-sabar imexxu ‘l quddiem il-formazzjoni liturġika tal-fidili u s-sehem ħaj tagħhom fiha kemm fl-imġiba interna u kemm fl-imġiba esterna tagħhom. Din il-formazzjoni għandha ssir skond l-età, il-kondizzjoni, l-għamla ta’ ħajja u l-livell ta’ kultura reliġjuża tagħhom. B’hekk ir-rgħajja jkun qegħdin jaqdu wieħed mid-dmirijiet ewlenin ta’ min bil-fedeltà jgħaddi lill-oħrajn il-misteru ta’ Alla. Huma għandhom imexxu l-merħla tagħhom f’dawn il-ħwejjeġ mhux biss bil-kelma iżda wkoll bl-eżempju.

 

Użu tar-radju u tat-televiżjoni

20. Ix-xandiriet tal-funzjonijiet imqaddsa bir-radju u t-televiżjoni, l-aktar ta’xi Quddiesa, għandhom isiru b’diskrezzjoni, bil-għaqal u kif jixraq, taħt it-tmexxija u l-garanzija ta’ persuni kompetenti mqabbdin għal dan ix-xogħol mill-isqfijiet.

 

III      IR-RIFORMA TAL-LITURĠIJA

21.     Biex il-poplu nisrani jkun aktar żgur li jaqla’ kotra ta' grazzji mil-Liturġija mqaddsa, Ommna l-Knisja mqaddsa tixtieq li b’ħerqa tagħmel riforma ġenerali tal-Liturġija nnifisha. Għaliex il-Liturġija hi magħmula minn parti li ma titbiddilx għax imwaqqfa minn Alla, u minn partijiet li jistgħu jitbiddlu u li matul iż-żminijiet jistgħu jew għandhom jinbidlu jekk fihom ikunu daħlu xi elementi li ma jaqblux ħafna man-natura intima tal-Liturġija nnifisha, jew li jkunu saru anqas addattati.

          F’din ir-riforma jkun jenħtieġ illi t-testi u r-riti jintgħamlu b’mod illi b’hekk juru b’mod aktar ċar il-ħwejjeġ qaddisa li jridu jfissru, u l-poplu nisrani, kem hu possibbli, ikun jista’ jifhimhom malajr u jieħu sehem b’ċelebrazzjoni sħiħa, ħajja u komunitarja.

          Għalhekk il-konċilju Mqaddes waqqaf dawn in-normi ġenerali.

 

A       NORMI ĠENERALI

Il-Ġerarkija biss tista’ tbiddel il-Liturġija

22.     §1. Li tirregola l-Liturġija hu biss kompetenza tal-awtorità tal-Knisja, li qiegħda fis-Sede Appostolika, u skond id-dritt fl-Isqof.

          §2. Bis-setgħa li d-dritt jagħti, L-Assemblei Episkopali territorjali kompetenti, leġittimament imwaqqfa u li jistgħu jkunu ta’ għamliet waħda mhux bħall-oħra, jistgħu huma wkoll, fil-limiti stabbiliti, jirregolaw il-Liturġija.

          §3. Għalhekk ħadd aktar, ukoll jekk saċerdot, m’għandu minn rajh iżid, inaqqas jew ibiddel xi ħaġa fil-Liturġija.

 

Tradizzjoni u Progress

23.     Biex tinżamm it-tradizzjoni tajba u tinfetaħ ukoll it-triq għal progress xieraq, qabel ma jkun hemm reviżjoni ta’ partijiet singoli tal-Liturġija għandu jkun hemm dejjem tiftix teoloġiku, storiku u pastorali bir-reqqa. Fuq kollox għandhom jittieħdu f’konsiderazzjoni kemm il-liġijiet ġenerali tal-istruttura u l-ispirtu tal-liturġija, kemm l-esperjenza tal-aħħar tibdiliet liturġiċi u l-indulti li ġieli ngħataw. Fl-aħħarnett m’għandu jsir ebda tiġdid jekk dan ma titolbux xi utilità vera u żgura tal-Knisja; jekk isir, għandu jsir b’manjiera li tkun b’xi mod torbot organikament mal-forma liturġika ġa eżistenti. 

          Wieħed għandu jfittex ukoll li kemm jista’ jkun ma jkunx hemm differenzi kbar fir-riti ta’ reġjunijiet qrib xulxin.

 

 Il-kotba Mqaddsa

24.     Il-kotba Mqaddsa huma ta’ importanza l-iżjed kbira fiċ-ċelebrazzzjoni tal-Liturġija. Għaliex minnhom jinqraw il-lezzjoniet li jitfissru fl-omelija u jitkantaw is-salmi; it–talbiet, il-kolletti u l-innijiet liturġiċi jittieħdu mill-ispirtu u n-nebh tagħhom; u minnhom jieħdu tifsira l-egħmejjel u s-simboli liturġiċi. Għalhekk, biex ingibu ’l quddiem it-tiġdid, il-progress u l-addattament tal-Liturġija, jeħtieġ li nġibu ’l quddiem ukoll l-imħabba għat-tagħrif ħelu u ħaj tal-kotba Mqaddsa kif tixhed għaliha t-tradizzjoni venerabli tar-riti kemm tal-Lvant kemm tal-Punent.

 

Il-Kotba Liturġiċi

25.     Il-kotba liturġiċi għandhom ikunu riveduti mill-aktar fis taħt il-ħarsien ta’ persuni kompetenti u b’konsultazzjoni mal-isqfijiet minn pajjiżi differenti tad-dinja.

 

B       NORMI LI ĠEJJIN MIN-NATURA TAL-LITURĠIJA BĦALA GĦEMIL ĠERARKIKU U KOMUNITARJU

26.     L-azzjonijiet liturġiċi mhumiex għemejjel privati iżda ċelebrazzjonijiet tal-Knisja li hi “ sagrament ta’ l-unità”, jiġifieri poplu qaddis magħqud u organizzat taħt it-tmexxija ta’ l-Isqfijiet33.

          Għalhekk huma azzjonijiet tal-Ġisem kollu tal-Knisja, manifestazzjoni tiegħu, u għandhom effett fuqu; iżda jinteressaw lil kull wieħed mill-membri b’mod differenti skond id-diversità ta’ ordnijiet, ta’ ħidmiet u ta’ sehem attwali.

 

27.     Kull meta r-riti, skond in-natura nnifisha ta’ kull wieħed, jitolbu ċelebrazzjoni komuni, bil-preżenza u sehem ħaj tal-fidili, għandna nisħqu li sakemm hu possibli din hi ta’ min jippreferiha għaċ-ċelebrazzjoni individwali u kważi privata.

          Dan igħodd l-aktar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, għalkemm jibqa’ minnu li kull Quddiesa hi min-natura tagħha għemil pubbliku u soċjali, u għall-amministrazzjoni tas-Sagramenti.

 

 

 

Kulħadd jagħmel sehmu mill-aħjar li jista'.

28.     Fiċ-ċelebrazzjoniet liturġiċi kull wieħed, kemm jekk ministru kemm jekk fidil, waqt li jagħti s-sehem tiegħu għandu jagħmel dak biss u dak kollu li skont in-natura tar-rit u dak li jitolb n-normi liturġiċi għandu x’jaqsam miegħu.

 

29.     Ukoll dawk li jgħinu, il-letturi, il-kummentaturi u dawk li huma fl-iSchola Cantorum, jaqdu ministeru tabilħaqq liturġiku. Għalhekk għandhom jagħmlu l-parti tagħhom b’dik it-tjieba sinċiera u b’dak l-ordni li jixirqu lil ministeru hekk kbir, u li bil-jedd kollu l-poplu ta’ Alla jitlob minnhom.

          Jeħtieġ għalhekk li jkunu mimlijin bl-ispirtu liturġiku u kull wieħed skont il-kondizzjoni tiegħu, ikunu mgħallma jagħtu s-sehem tagħhom kif għandu jkun u bl-ordni.

 

Is-sehem ħaj tal-fidili

30. Biex wieħed iħeġġeġ is-sehem ħaj tal-poplu, wieħed għandu jieħu ħsieb sewwa l-akklamazzjonijiet, it-tweġibiet, u l-kant tas-salmi, antifoni, innijiet, u wkoll l-azzjonijiet jew ġesti, u l-qagħda esterna ta' min jieħu sehem. Is-skiet imqaddes għandu jinżamm ukoll f’ħinu u f'waqtu.

 

31.     Fir-reviżjoni tal-kotba liturġiċi wieħed għandu jogħod attent ħafna li r-rubriki jitħaddtu wkoll fuq is-sehem tal-fidili.

 

Liturġija u Klassijiet soċjali

32.     Fil-liturġija, barra d-distinzjoni li ġejja mill-uffiċċju u mill-Ordni Sagri, u barra l-qima mistħoqqa lill-awtorità ċivili skont in-norma tal-Liġijiet liturġiċi, m’għandha ssir ebda preferenza ta’ persuni privati jew ta' kondizzjonijiet kemm fiċ-ċerimonji kemm  fis-solennitajiet esterni.

 

 

 

 

C.      NORMI MEĦUDA MIN-NATURA DIDATTIKA U PASTORALI TAL-LITURĠIJA

33.     Għalkemm il-Liturġija hi fuq kollox il-qima tal-maestà divina, tiġbor fiha wkoll ħafna tagħlim għall-fidili34. Għaliex fil-Liturġija Alla jkellem lill-poplu tiegħu; Kristu għandu jħabbar l-Evanġelju. U l-poplu jwieġeb ’l Alla bil-kant u bit-talb.

          Anzi, it-talbiet magħmula ’l Alla mis-saċerdot, li jippresjedi fuq il-ġemgħa fil-persuna ta’ Kristu, jingħadu f’isem il-poplu kollu qaddis u f’isem dawk kollha li jkun madwaru. Fl-aħħar is-sinjali li jidhru, li l-liturġija tinqeda bihom biex ifissru l-ħwejjeġ divini li ma narawx, ntgħażlu minn Kristu jew mill-Knisja. Mela mhux biss meta jinqara dak “li nkiteb għat-tagħlim tagħna” (Rum. 15,4) iżda wkoll meta l-knisja jew titlob jew tkanta jew taġixxi, il-fidi ta’ dawk li jkunu qegħdin jieħdu sehem titkattar, moħħhom jintrefa’ lejn Alla biex jagħtih qima spiritwali u jaqilgħu b’akbar kotra l-grazzji tiegħu.

          Għalhekk waqt li tkun qed issir ir-riforma għandhom jitħarsu dawn in-normi ġenerali li ġejjin.

 

34.     Ir-riti għandhom ikunu ta’ sempliċità kbira, ċari fil-qosor tagħhom u mingħajr ripetizzjoni bla ħtieġa, magħmula skond il-ħila tal-fidili li jifhmu, u, in ġenerali, mingħajr ma jenħtieġu ħafna tifsir.

 

Qari tal-kotba Mqaddsa; predikazzjoni u katekiżmu liturġiku.

35.     Biex ikun jidher ċar li fil-liturġija hemm rabta sfiqa bejn ir-rit u l-Kelma:

          1) Fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa l-qari mill-kotba Mqaddsa għandu jkun iżjed kotran, aktar imżewwaq u aktar addattat.

          2) Il-waqt l-iżjed tajjeb għall-priedka li hi parti mill-għemil liturġiku, safejn ir-rit jippermetti għandu jintwera fir-rubriki wkoll; u l-qadi tal-ministeru tal-predikazzjoni għandu jsir bl-akbar fedeltà u kif jixraq. Il-predikazzjoni għandha tieħu l-ispirazzjoni fuq kollox mill-għajn tal-Kotba Mqaddsa u tal-Liturġija, bħallikieku tħabbira tal-egħġubijiet ta’ Alla fl-istorja tas-salvazzjoni jew fil-ministeru ta’ Kristu li jinsab preżenti qiegħed jaħdem dejjem fina, l-aktar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

          3) Wieħed għandu jfittex ukoll li jisħaq b’kull mod fuq katekeżi aktar direttament liturġika; u fl-istess riti għandhom jitħejjew, jekk ikun meħtieġ, twissijiet qosra li jingħadu mis-saċerdot jew mill-ministru kompetenti, fil-ħinijiet l-aktar xierqa biss, bil-formuli magħrufa jew fi kliem ieħor li jżomm l-istess ħsieb.

          4) Wieħed għandu jfittex li ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla lejliet il-festi solenni, f’xi jiem tal-ġimgħa matul l-Avvent u r-Randan u fil-ħdud u l-btajjel l-aktar fl-inħawi neqsin mis-saċerdoti: f’dan il-każ djaknu jew ieħor imqabbad mill-isqof għandu jmexxi ċ-ċelebrazzjoni.

 

L-Ilsien Liturġiku

36.     §1. L-użu ta’ l-ilsien latin għandu jinżamm fir-riti latini, barra f’każ ta’ xi dritt partikolari.

          §2. Iżda billi bosta drabi l-użu ta’ l-ilsien tal-pajjiż jista’ jkun ta’ fejda kbira għan-nies, u dan kemm fil-Quddiesa, kemm fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, kemm fil-partijiet l-oħra tal-Liturġija, jista jingħatalu aktar lok, fuq kollox fil-qari u fit-twissijiet, f’xi talb u f’xi kant, skond in-normi li se jingħataw fuq kull każ fil-kapi li ġejjin.

          §3. Waqt li jitħarsu dawn in-normi, ikun imiss lill-awtorità kompetenti tal-Knisja tal-post, li fuqha ngħad fl-art. 22 §2, wara wkoll li jkunu ġew ikkonsultati l-isqfijiet tal-pajjiżi ta’ madwar, li jagħtu l-femhiet tagħhom dwar l-użu u kif għandu jintuża l-ilsien tal-pajjiż; dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu approvati jew ikkonfermati mis-Sede Appostolika.

          §4. It-testi latini maqlubin għall-ilsien tal-pajjiż biex jintużaw fil-Liturġija għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Knisja tal-post li fuqha ngħad aktar ’il fuq.

 

 

D.      NORMI BIEX TKUN ADDATTATA L-LITURĠIJA GĦALL-KARATTRU U T–TRADIZZONIJIET TAL-POPLI

37.     Il-Knisja, fil-ħwejjeġ li ma jmissux il-fidi jew il-ġid tal-komunità kollha ma ġġigħelx li jkun hemm uniformità iebsa lanqas fil-liturġija; bil-maqlub, tqim u ġġib ’il quddiem il-kwalitajiet u d-doti tal-ġnus differenti u tal-popli u dak kollu li fid-drawwiet tal-popli mhux marbut b’mod li ma jinħallx ma’ superstizzjonijiet u ma’ għeltijiet, hija tgħożżu b’imħabba u jekk ikun jaqbel mal-prinċipji tal-ispirtu veru u ġenwin tal-Liturġija, issenslu fl-istess liturġija.

 

38. Waqt li tibqa’ tinżamm l-unità f’dak li hu sostanzjali fir-rit Ruman, jistgħu jsiru tibdiliet u addattamenti leġittmi għall-gruppi, reġjunijiet u popli differenti, l-aktar fil-missjoniet, ukoll fir-reviżjoni tal-kotba liturġiċi; u wieħed għandu jżomm dan quddiem għajnejh fl-istruttuta  tar-riti u fit-tiswir tar-rubriki.

 

39. Safejn jista jkun fl-edizzjonijiet tipiċi tal-kotba liturġiċi, ikun imiss lill-awtorità kompetenti tal-Knisja tal-post li fuqha ntqal fl-art. 22 §2, li tara x’jeħtieġ taddatta, l-aktar dwar l-amministrazzjoni tas-Sagramenti, is-sagramentali, il-purċissjonijiet, l-ilsien liturġiku, il-mużika sagra u  l-arti, skont in-normi fundamentali li jinsabu f’din il-kostituzzjoni.

 

40.     Billi f’postijiet u ċirkustanzi differenti hu meħtieg addattament aktar profond tal-liturġija, u għalhekk ikun iżjed diffiċli,

          1) L-awtorità ekkleżjastika territorjali kompetenti li fuqha ngħad fl-art. 22 §2 għandha tara sewwa u tifli bil-prudenza dak li, f’dan il-qasam, mit-tradizzjonijiet u l-karattru tal-popli differenti jkun tajjeb li jiddaħħal fil-kult divin. Dawk l-addattamenti li jkunu jidhru siewja jew meħtieġa għandhom jintwerew lis-Sede Appostolika u jiddaħħlu bil-kunsens tagħha.

          2) Biex l-addattament isir bil-kawtela meħtieġa s-Sede Appostolika tagħti l-jedd lil din l-istess awtorità ekkleżjastika  territorjali, jekk ikun jeħtieġ, li tħalli jsiru u tmexxi esperimenti għal żmien determinat u fi gruppi li jkunu mhejjija għalhekk.

          3) Billi ħafna drabi l-liġijiet liturġiċi jġibu magħhom diffikultajiet speċjali f'materja ta’ addattament, l-aktar fil-Missjonijiet, jeħtieġ li meta jsiru jinstemgħu nies kompetenti f’dan il-qasam.

 

IV.     L-IŻVILUPP TAL-ĦAJJA LITURĠIKA FID-DJOĊESI U FIL- PARROĊĊA

41.     L-isqof għandu jitqies bħala l-Qassis il-kbir tal-merħla tiegħu li minnu ġejja u b’ċertu mod tiddependi l-ħajja tal-fidili tiegħu fi Kristu.

          Għalhekk jeħtieġ li kulħadd jagħti l-akbar importanza lill-ħajja liturġika tad-djoċesi madwar l-Isqof, l-aktar fil-Knisja Katidrali, fil-konvinzjoni li l-akbar dehra tal-Knisja tinsab fis-sehem sħiħ u ħaj ta’ kollha kemm hi l-ġemgħa mqaddsa ta’ Alla fl-istess ċelebrazzjonijiet  liturġiċi, l-aktar fl-istess Ewkaristija, f’talba waħda, madwar artal wieħed, fejn jippresjedi l-Isqof imdawwar mis-saċerdoti u l-ministri tiegħu.35

 

42.     Billi l-Isqof fil-Knisja tiegħu ma jkunx jista’ jmexxi hu nnifsu l-merħla kollha tiegħu dejjem u kullimkien, jeħtieġ li jwaqqaf ġemgħat ta’ fidili, fosthom fl-ewwel post il-paroċċi, organizzati, lokalment taħt ragħaj li jkun minflok l-Isqof: dawn infatti b’xi mod jagħtu xhieda tal-Knisja viżibbli mwaqqfa fid-dinja kollha.

          Għalhekk il-ħajja liturġika tal-parroċċa u r-rabta tagħha ma’ l-Isqof għandhom ikunu ikkultivati fil-ħsieb u fil-prattika tal-fidili u tal-kleru; u għandha ssir ħidma biex jissaħħaħ is-sens tal-għaqda tal-komunità tal-parroċċa, l-aktar fiċ-ċelebrazzjoni komuni tal-Quddiesa ta' nhar ta’ Ħadd.

 

V.      L-IŻVILUPP TAL-ĦIDMA PASTORALI LITURĠIKA

43.     Il-ħeġġa biex timxi ’l quddiem u tieħu ħajja ġdida l-Liturġija Mqaddsa titqies bil-jedd kollu bħala sinjali tar-rieda provvidenzjali ta ‘ Alla għal żmienna, bħala żjara tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja tiegħu; hija tħalli l-karatteristika tagħha fil-ħajja tal-Knisja, anzi fil-mentalità reliġjuża kollha ta’ żminijietna, fl-għemil u fis-sentimenti reliġjużi tal-bniedem tal-lum.

          Għalhekk, biex tkun megħjuna aktar din il-ħidma pastorali Liturġika fil-Knisja, il-Konċilju Mqaddes jistabbilixxi:

 

Kummissjonijiet liturġiċi nazzjonali

44.               Jiswa li l-awtorità ekkleżjastika territorjali kompetenti, li fuqha ntqal fl-art. 22 §2, twaqqaf kummissjoni liturġika megħjuna minn nies imħarġa fix-xjenza liturġika, fil-mużika, fl-arti sagra u fil-pastorali. Din il-kummissjoni għandha tkun megħjuna kemm jista’ jkun minn xi Istitut tal-Liturġija Pastorali li fost l-imseħbin tiegħu m’għandux jonqos li jkun hemm, jekk dan ikun ta’ siwi, lajċi mgħallmin f’din il-materja. Ikun dmir ta’ din l-istess kummissjoni, taħt it-tmexxija tal-awtorità ekkleżjastika territorjali li fuqha ntqal aktar ’il fuq, li tmexxi ħidma pastorali liturġika fil-pajjiż u ġġib 'il quddiem l-istudju u l-esperimenti meħtieġa kull darba li jkun se jsir xi addattament li jkun ser jiġi propost lis-Sede Appostolika.

 

Kummissjonijiet liturġiċi djoċessanl

45.     Bl-istess mod f’kull djoċesi għandu jkun hemm kummissjoni tal-Liturġija Mqaddsa biex taħt il-ħarsien ta’ l-Isqof tippromwovi l-ħidma liturġika.

          Xi drabi jkun jaqbel li xi djoċesijiet iwaqqfu kummissjoni waħda bejniethom biex, b’ħidma għalenija, imexxu ’l quddiem il-liturġija.

 

Kummissjonijiet oħra

46.     Barra mill-kummissjoni tal-Liturġija Mqaddsa, f’kull djoċesi, kemm jista’ jkun, għandhom jitwaqqfu wkoll kummissjoni tal-mużika sagra u oħra tal-arti sagra.

          Hu meħtieġ li dawn it-tliet kummissjonijiet jgħaqqdu flimkien il-forzi tagħhom, anzi ħafna drabi jkun jaqbel li jiffurmaw kummissjoni waħda.

 

 

Kap II

IL-MISTERU MQADDES TAL-EWKARISTIJA

 

47.     Is-Salvatur tagħna fl-aħħar ċena, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu li bih is-Sagrifiċċju tas-Salib jibqa jiġġedded tul iż-żminijiet, sal-miġja tiegħu, u b’hekk iħalli lill-Knisja, l-għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u tal-qawmien tiegħu mill-mewt: sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’unità, rabta ta’ karità36, l-ikla tal-Għid “li fiha nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena”37

 

Is-sehem tal-fidili

48.     Għalhekk il-knisja tagħmel kull ma hu meħtieġ biex il-fidili ma jkunux għal dan il-misteru tal-fidi bħallikieku barranin jew iħarsu siekta, iżda, waqt li jifhmuh tajjeb permezz tar-riti u talb tiegħu, jieħdu sehem li jifhmuh, sehem qaddis u ħaj fl-azzjoni mqaddsa; ikun mgħallma bil-kelma ta'Alla; jieklu madwar il-mejda tal-ġisem tal-Mulej; iroddu ħajr 'l Alla; u waqt li, mhux biss minn idejn is-saċerdot iżda huma wkoll flimkien miegħu, joffru l-vittma bla tebgħa, jitgħallmu joffru lilhom infushom u minn jum għall-ieħor, permezz ta' Kristu Medjatru38, jipperfezzjonaw irwieħhom fl-għaqda ma' Alla u bejnhom infushom biex Alla jsir tabilħaqq kollox f'kulħadd.

 

49.     Għalhekk, biex is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, ukoll bl-għamla tar-riti, jilħaq il-milja tal-effett pastorali tiegħu, il-Konċilju Mqaddes waqt li jżomm quddiem għajnejh il-Quddies li jsir bis-sehem tal-poplu l-aktar fil-Ħdud u l-festi kmandati, jistabbilixxi dan li ġej:

 

 

 

Tiġdid ta' l-ordinarju tal-Quddiesa

50.     L-ordni tal-Quddiesa għandu jkun rivedut b'mod li tkun tidher aħjar in-natura speċifika ta' kull waħda mill-partijiet tiegħu, ukoll l-għaqda ta' waħda mal-oħra, u b'mod illi l-fidili jkunu jistgħu jieħdu sehem devot u attiv b'aktar ħeffa.

          Għaldaqshekk ir-riti, waqt li s-sustanza tagħhom tibqa' tinżamm, għandhom isiru aktar sempliċi; jitneħħew dawk li maż-żmien ġew duplikati jew miżjuda mingħajr ħtieġa biżżejjed; jerġgħu jiddaħħlu oħrajn li nitilfu maż-żmien u jissawru mill-ġdid fuq it-tradizzjoni ta' l-ewlenin padri qaddisa skond kemm ikun f' waqtu jew meħtieġ.

 

Siwi tal-Kelma ta' Alla

51. Biex il-mejda tal-kelma ta' Alla tidher aktar għanja f'għajnejn il-fidili għandhom jinfethu aktar it-teżori tal-Bibbja ħalli hekk, f'għadd meqjus ta' snin, jinqraw lin-nies l-aktar partijiet siewja tal-Kotba Mqaddsa.

 

L-Omelija

52.     Hija irrikkmandata ħafna l-omelija, li hi parti mil-Liturġija nnifisha, li fiha, matul is-sena liturġika, mit-test sagru ikunu mgħallma lin-nies il-misteri tat-twemmin u tal-ħajja nisranija; anzi l-omelija m'għandha qatt titħalla barra fil-Quddies tal-Ħdud u l-festi li jitqaddsu għall-poplu, jekk mhux għal xi kawża gravi.

 

It-Talba tal-Fidili

53.     Wara l-Evanġelju u l-omelija għandha terġa' tidħol it-"talba komuni" jew "tal-fidili", l-aktar fil-ħdud u l-jiem ta' festa biex bis-sehem tan-nies isir talb għall-knisja Mqaddsa għal dawk li għandhom is-setgħa pubblika, għal dawk li jinsabu fi ħtiġiet differenti, u wkoll għall-bnedmin kollha u għas-salvazzjoni tad-dinja kollha39.

 

 

L-Ilsien tal-Quddiesa

54      Fil-Quddiesa li jsir għall-pubbliku jista' jintuża kif jixraq l-ilsien vernakulari, l-aktar fil-qari u ftit-"talba komuni", u, skond il-kondizzjonijiet tal-post, fit-taqsimiet li għandhom x'jaqsmu mal-poplu kif inhu mwissi fl-art. 36 ta' din il-kostituzzjoni.

Iżda wieħed għandu jieħu ħsieb li l-fidili jistgħu jgħidu jew ikantaw flimkien ukoll bl-ilsien Latin dawk il-partijiet ta' l-ordinarju tal-Quddiesa li għandhom x'jaqsmu magħhom.

          Fejn imbagħad ikun jista' jsir aktar użu ta' l-ilsien tal-pajjiż għandu jitħares dak li ngħad fl-art, 40 ta' din il-Kostituzzjoni.

 

It-tqarbin fil-Quddiesa u t-tqarbin biż-żewġ speċi

55.     Ta' min jirrikkmanda ħafna dak is-sehem iżjed perfett fil-Quddiesa li jinkiseb billi l-fidili, wara t-tqarbin tas-saċerdot, jilqgħu l-ġisem tal-Mulej bl-ostji ikkonsagrati fl-istess Sagrifiċċju.

          Fil-waqt li jibqgħu jinżammu sħaħ il-prinċipji dommatiċi li għallem il-Konċilju ta' Trentu40, it-tqarbin biż-żewg speċi tista' tingħata kemm lill-kjeriċi u reliġjużi, kemm lil-lajċi, fil-każi li għandha tiddeterminahom is-Sede Appostolika, skond il-fehma tal-Isqfijiet, bħal lill-ordnati fil-Quddiesa tal-Ordinazzjoni mqaddsa tagħhom, lill-professi fil-Quddiesa tal-professjoni reliġjuża tagħhom, u lill-imgħammdin ġodda fil-Quddiesa li ssir wara l-magħmudija taghhom.

 

L-unità tal-Quddiesa

56.     Iż-żewġ partijiet li jgħmlu, b'ċertu mod, il-Quddiesa, jiġifieri l-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija ewkaristika, huma hekk magħqudin waħda mal-oħra li flimkien jagħmlu għemil wieħed ta' qima. Għalhekk il-Konċiliju Mqaddes iħeġeġġ ħafna lir-rgħajja ta' l-erwieħ biex meta jgħallmu l-katekiżmu lill-fidili jgħidulhom biex jieħdu sehem fil-Quddiesa kollha l-aktar fil-Ħdud u l-festi jgħidulhom biex jieħdu sehem fil Quddiesa kollha, l-aktar fil-Ħdud u l-festi tal-preċett.

 

Il-Konċelebrazzjoni

57.     §1. Il-Konċelebrazzjoni, li turi wisq tajjeb l-unità tas-saċerdozju, għadha sal-lum fl-użu fil-Knisja, kemm fl-Orjent kemm fl-Oċċident. Għalhekk il-Konċilju għoġbu jestendi l-fakultà li ssir konċelebrazzjoni f' dawn il-każi:

          1* a) F'Ħamis ix-Xirka, kemm fil-Quddiesa tat-tberik taż-żejt tal-Griżma kemm  fil-Quddiesa ta' fil-għaxija.

          b) Fil-Quddiesa fil-Konċilji, fil-laqgħat tal-Isqfijiet u fis-Sinodi.

          c) Fil-Quddiesa tat-tberik tal-Abbati.

 

          2* Barra minn dawn, bil-permess tal-Ordinarju li għandu jiġġudika fuq l-opportunità tal-konċelebrazzjoni:

          a) fil-Quddiesa konventwali u fil-Quddiesa ewlenija fil-knejjes, sakemm l-

utilità tal-fidili ma titlobx li s-saċerdoti preżenti kollha jqaddsu għalihom;

          b) fil-Quddies tal-laqgħat ta' kull ghamla tas-saċerdoti kemm sekulari kemm reliġjużi.

 

          §2. 1* Imiss iżda lill-Isqof li jirregola d-dixxiplina tal-konċelebrazzjoni fid-djoċesi.

          2* B'dankollu kull saċerdot dejjem jibqagħlu l-fakultà li jqaddes waħdu iżda mhux fl-istess ħin tal-konċelebrazzjoni u fl-istess knisja, u anqas nhar Ħamis ix-Xirka.

 

58. Għandu jissawwar rit ġdid tal-konċelebrazzjoni li għandu jidħol fil-Pontifikal u fil-Missal Ruman.

 

 

 

 

Kap III

IS-SAGRAMENTI L-OĦRA U S-SAGRAMENTALI

 

Natura tas-Sagramenti

59.     Is-Sagramenti għandhom bħala skop li jqaddsu l-bnedmin, jibnu l-ġisem ta' Kristu u, ukoll, jagħtu qima 'l Alla; bħala sinjal huma jiswew ħafna wkoll biex jgħallmu. Mhux biss jissupponu l-fidi iżda bil-kliem u bl-għemejjel jagħtuha wkoll l-għajxien, iqawwuha u jfissruha; għalhekk jissejħu sagramenti tal-fidi. Tabilħaqq jagħtu l-grazzja, iżda ċ-ċelebrazzjoni tagħhom thejji wisq tajjeb lill-fidili biex jirċievu din l-istess grazzja bil-frott, biex iqimu 'l Alla u jħaddmu l-karità.

          Għalhekk hu importanti ħafna li l-fidili jifhmu faċilment is-sinjali tas-sagramenti u li jersqu b'ħeġġa li ma bħala għas-sagramenti li huma mwaqqfin biex ikunu l-ikel tal-ħajja nisranija.

 

Is-Sagramentali

60.     Barra minn dan Ommna l-Knisja Mqaddsa waqqfet is-Saqgramentali. Dawn huma sinjali mqaddsa li, b'ċertu xebh mas-sagramenti, ifissru u, bil-qawwa tat-talb tal-Knisja, jaqilgħu effetti fuq kollox spiritwali. Bihom il-bnedmin jiddisponu rwieħhom biex jaqilgħu l-effett ewlieni tas-sagramenti; bihom jitqaddsu ċ-ċirkustanzi differenti tal-ħajja.

 

Siwi pastorali tal-Liturġija

61.     Għalhekk il-Liturġija tas-Sagramenti u tas-Sagramentali tagħmel li għall-fidili disposti tajjeb kważi kull ġrajja ta' ħajjithom titqaddes bis-saħħa tal-grazzja ta' Alla li tnixxi mill-misteru tal-Għid, tal-Passjoni, Mewt u Qawmien mill-mewt ta' Kristu li minnu s-Sagramenti u s-Sagramentali kollha jieħdu l-qawwa tagħhom; u hekk tista' tgħid kull użu tajjeb tal-ħwejjeġ materjali ma jistax ma jwassalx għall-iskop: il-qdusija tal-bniedem u l-foħrija ta' Alla.

 

 

Ħtieġa ta’ tiġdid tar-riti sagramentali

62.     Iżda billi mal-medda taż-żminijiet daħlu fir-riti tas-Sagramenti u tas-Sagramentali xi ħwejjeġ li bihom in-natura u l-iskop tagħhom ma baqax jidher wisq ċar fi żmienna u għalhekk jenħtieġ li tingħata bixra għall-esiġenzi taż-żminijiet tal-lum, il-Konċilju Mqaddes jamar dan li ġej fuq ir-reviżjoni tagħhom.

 

L-Ilsien li għandu jintuża

63.     Ta’ sikwit jista’ jinħass li jkun utli ħafna għall-poplu li fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti u tas-Sagramentali jintuża l-ilsien vernakular. Għalhekk f’dawn il-każi lill-vernakular għandu jingħatalu aktar post skont  ir-regoli li ġejjin:

a) Fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti u tas-Sagramentali jista’ jintuża l-vernakular skond kif hemm fl-art. 36.

b) Skond l-edizzjoni l-ġdida tar-Ritwal Ruman, l-awtorità ekkleżjastika territorjali, li dwarha ntqal fl-art. 22 § 2, għandha tħejji malajr kemm jista’ jkunu r-Ritwali partikolari addattati għall-ħtiġiet ta’ kull reġjun, ukoll għal dak li jolqot l-ilsien. Dawn għandhom jintużaw fir-reġjunijiet rispettivi wara li jkunu riveduti mis-Sede Appostolika. Waqt li jkunu qed jinkitbu dawn ir-Ritwali jew ġabriet speċjali ta’ riti, m’għandhomx jitħallew barra l-istruzzjonijiet li jinsabu fir-Ritwal Ruman qabel kull rit, kemm dawk pastorali u rubrikali kemm dawk li huma ta’ xi importanza soċjali partikolari.

 

Il-Katekumenati tal-kbar

64.     Il-katekumenat tal-kbar għandu jerġa’ jitwaqqaf, jitqassam fi gradi, u jsir kif jiġġudika l-aħjar l-Ordinarju tal-post; hekk iż-żmien tal-katekumenat, li għandu bħala għan li jingħata tajjeb it-tagħlim xieraq, ikun jista’ jitqaddes bir-riti mqaddsa li jiġu iċċelebrati f’intervalli ta’ żmien wara xulxin.

 

Ir-riti tal-magħmudija

65.     Fl-artijiet tal-Missjoni, barra l-elementi proprji tat-tradizzjoni nisranija, jistgħu jidħlu wkoll dawk l-elementi li daħlu fl-użu fost kull poplu sakemm jistgħu jkunu addattati għar-rit nisrani skont kif hemm fl-art, 37-40 ta’ din il-Kostituzzjoni.

 

66.     Iż-żewġ riti tal-Magħmudija tal-kbar, kemm dak sempliċi kemm dak aktar solenni, għandhom ikunu riveduti fid-dawl tat-katekumenat; fil-Missal Ruman għandha tidħol Quddiesa proprja “fl-għoti tal-Magħmudija”.

 

67.     Ir-rit tal-Magħmudija tat-trabi għandu jkun rivedut u jsir b’mod li jkun jaqbel mal-kondizzjoni reali tat-trabi; fl-istess rit għandu jidher aktar ċar is-sehem u d-dmirijiet li għandhom il-ġenituri u l-parrinijiet.

 

68.     Fir-rit tal-Magħmudija, f’każi meta jitgħammdu ħafna, m’għandux jonqos li jkun hemm ċerti addattamenti li għandhom isiru skond il-ġudizzju tal-Isqof tal-post. Għandu jsir ukoll rit iqsar li jistgħu jużawh il-katekisti, l-iżjed fl-art tal-Missjoni, u, in ġenerali, il-fidili kollha f’każi ta’ periklu tal-mewt meta jkun nieqes saċerdot jew djaknu.

 

69.     Flok ir-rit imsejjaħ “rit biex jiżdiedu ċ-ċerimonji li tħallew barra fil-Magħmudija ta’ tarbija mgħammda” għandu jsir ieħor ġdid li fih jintwera aktar ċar u b’mod aktar xieraq li t-tarbija mgħammda bir-rit qasir kienet diġa milqugħa qabel fi ħdan il-Knisja.

          Hekk ukoll ikun imdaħħal rit ieħor għal dawk li huma diġa mgħammda validament u li jikkonvertu għall-knisja kattolika; fih jitfisser li huma qegħdin ikunu aċċettati fil-komunjoni tal-Knisja.

 

70.     Barra minn żmien l-Għid, l-ilma tal-Magħmudija jista’ jitbierek, b’formula apposta iqsar, fl-istess rit tal-Magħmudija.

 

Il-Griżma ta’ l-Isqof

71.     Ir-rit tal-Griżma ta’ l-Isqof ikun rivedut ukoll biex tkun tidher aktar l-għaqda sħiħa ta’ dan is-Sagrament mal-bidu tal-ħajja nisranija; għalhekk tkun ħaġa xierqa li wieħed iġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija qabel jieħu dan is-Sagrament.

          Il-Griżma ta’ l-Isqof tista’, meta jkun f’waqtu, tingħata waqt il-Quddiesa; iżda għar-rit li jsir barra mill-Quddiesa għandha titħejja formula li isservi bħal daħla.

 

Il-Qrar

72.     Ir-rit u l-formuli tal-Qrar għandhom ikunu riveduti b’mod li jfissru aktar ċar in-natura u l-effett tas-Sagrament.

 

Il-Griżma tal-morda

73.       “L-Aħħar Dilka”, li tista’tissejjaħ ukoll u aħjar “IL-Griżma tal-morda”, mhix is-Sagramenti ta’ dawk biss li humaf'xifer  il-mewt. Għalhekk żmien tajjebbiex jingħata jkun meta n-nisrani jibda jkun fil-periklu tal-mewt ħtija ta’ xi marda jew tax-xjuħija.

 

74.     Barra mir-riti distinti tal-Griżma tal-morda u tal-Vjatku, għandu jsir rit li jissokta li fih il-Griżma tal-morda tingħata lill-marid wara l-qrara u qabel jirċievi l-Vjatku.

 

75.     L-għadd tad-dilkiet (biż-żejt imqaddes) għandu jkun addattat skond il-ħtieġa li jkun hemm, u t-talbiet li jingħadu fir-rit tal-Griżma tal-morda għandhom ikunu riveduti b’mod li jkunu jwieġbu għall-kondizzjonijiet differenti li fihom ikunu jinsabu l-morda li jieħdu s-Sagrament.

 

L-Ordinazzjonijiet

76.     Ir-rit tal-ordinazzjonijiet għandu jkun rivedut kemm fiċ-ċerimonja, kemm fit-testi. Id-diskorsi tal-isqof qabel kull ordinazzjoni jew konsagrazzjoni jistgħu jsiru bl-ilsien vernakular.

Fil-konsagrazzjoni tal-isqfijiet it-tqegħid tal-idejn jista’ jsir mill isqfijiet kollha preżenti.

Iż-żwieġ

77. Ir-rit taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ li jinsab fir-Ritwal Ruma għandu jkun rivedut u mogħni aktar biex ifisser aktar ċar il-grazzja tas-Sagrament u jisħaq fuq id-dmirijiet tal-miżżewġin.

          “Jekk xi provinċji, fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament taż-żwieġ, jagħmlu użu minn xi drawwiet u ċeremonji ta’ min ifaħħarhom, il-konċilju Mqaddes jixtieq ħafna li dawn jibqgħu jinżammu għalkollox” 41

          Barra hekk titħalla l-fakultà lill-awtorità ekkleżjastika kompetenti tal-post li fuqha ngħad fl-art.22 §2 ta' din il-Kostituzzjioni illi tħejji rit proprju li jaqbel mad-drawwiet tal-postijiet u tal-popli, iżda tibqa' dejjem isseħ il-liġi illi tgħid li s-saċerdot li jassisti għar-rit jitlob u jirċievi l-kunsens ta'dawk li ser jintrabtu biż-żwieġ.

 

78.     Iż-żwieġ għandu, ordinarjament, ikun iċċelebrat fil-Quddiesa, wara l-qari ta' l-Evanġelju u l-omelija u qabel it- "talba tal-fidili". It-talba fuq l-għarusa għandha tkun riveduta b' mod li tkun tisħaq id-dmirijiet xorta taż-żewġ għarajjes għall-fedeltà lejn xulxin. Din tista' tingħad bl-ilsien vernakular.

          Jekk imbagħad is-Sagrament taż-żwieġ ikun iċċelebrat mingħajr il-quddiesa, fil-bidu tar-rit jinqraw l-epistola u l-Evanġelju tal-Quddiesa għall-miżżewġin, u tingħata dejjem il-barka lill-għarajjes.

 

Is-Sagramentali u l-Barkiet

79.     Is-Sagramentali għandhom ikunu riveduti b'mod li jinżamm bħala prinċipju fundamentali s-sehem konxju, ħaj u faċli tal-fidili u jitqiesu l-ħtiġiet ta' żminijietna. Fir-reviżjoni tar-ritwali skond l-art. 63 jistgħu jiżdiedu wkoll, jekk tinħass il-ħtieġa, Sagramentali ġodda.

          Il-barkiet għandhom ikunu ftit ħafna u jibqgħu riservati biss għall-isqfijiet u l-ordinarji.

            Għandu jkun hemm provvedimenti biex għall-anqas f'okkażjonijiet speċjali u skont il-ġudizzju tal-Ordinarju, xi Sagramentali jkunu jistgħu jagħmluhom il-lajċi li jkollhom il-kwalitajiet meħtieġa.

 

80.     Ir-Rit tal-Konsagrazzjoni tal-Verġni li jinsab fil-Pontifikal Ruman għandu jkun rivedut.

          Barra hekk isir rit tal-professjoni reliġjuża u tat-tiġdid tal-voti li jkollu unità akbar, sobrjetà u dinjità; dan ir-rit, fir-rispett ta' jeddijiet partikolari, ikun jista jintuża minn dawk li jipprofessaw jew iġeddu l-voti fil-Quddiesa.

          Hi ħaġa ta' min ifaħħarha li l-professjoni reliġjuża ssir fil-Quddiesa.

 

Id-dfin

81.     Ir-rit tal-funerali għandu jfisser aktar biċ-ċar li l-mewt nisranija hija l-Għid tan-nisrani, u jkun jaqbel aktar għall-kondizzjoniet u t-tradizzjonijiet ta' kull reġjun, ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-lewn liturġiku.

82.     Ir-rit tad-dfin tat-trabi għandu jkun rivedut u jkollu wkoll Quddiesa għalih.

 

 

 

Kap IV

L-UFFIĊĊJU DIVIN

 

L-uffiċċju ta' tifħir, għemil ta' Kristu u tal-Knisja

83.     Il-Qassis il-kbir tat-Testment il-Ġdid u ta' dejjem, Kristu Ġesù meta ħa n-natura ta' bniedem , ġabilna fl-eżilju ta' din l-art l-innu li jitkanta għal dejjem fis-smewwiet. Huwa jgħaqqad miegħu l-komunità kollha tal-bnedmin u jseħibha miegħu fil-kant ta' dan l-għana ta' dan il-għana qaddis ta' tifħir.

          Huwa infatti jissokta din il-ħidma saċerdotali permezz tal-Knisja stess tiegħu li bla waqfien, mhux biss biċ-ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija iżda wkoll b'modi oħra, l-aktar billi tgħid l-Uffiċċju divin, tfaħħar lill-Mulej u tħabrek għas-salvazzjoni tad-dinja.

 

84.     L-Uffiċċju divin, skond tradizzjoni nisranija antika, hu magħmul b'mod illi jqaddes il-medda tal-jum u tal-lejl kollu bit-tfħir lil Alla. Meta mbgħad dan l-għana ta' tifħir tal-għaġeb ikunu qegħdin itennuh, kif jixraqlu jsir, is-saċerdoti jew oħrajn maħturin għalhekk mill-Knisja, jew ikunu l-fidili li qegħdin jitolbu mas-saċerdot fl-għamliet approvati, dak it-talb dak il-ħin isir leħen l-Għarusa nnifisha li tkun qed titħaddet mal-Għarus, anzi jkun ukoll it-talba li Kristu, f' għaqda mal-Ġisem tiegħu, iressaq quddiem il-Missier.

 

85.     Għalhekk dawk kollha li jgħidu din it-talba jkunu fl-istess waqt qegħdin jagħmlu d-dmir tal-Knisja u jieħdu sehem mill-ġieh l-aktar kbir tal-Għarusa ta' Kristu għax meta jfaħħru lill-Mulej ikunu qegħdin quddiem it-tron ta' Alla f'isem il-Knisja Omm.

 

Ġid spiritwali li joħroġ mill-Uffiċċju divin

86.     Is-saċerdoti, impenjati fil-ministeru pastorali mqaddes, igħidu l-Uffiċċju divin b'ħerqa tant akbar daqskemm iżjed jagħrfu tajjeb id-dmir li fuqu wissa S. Pawl: ''Itolbu bla heda'' ( Tes. 5, 17); għaliex Alla biss jista' jagħmel li x-xogħol tagħhom iħalli l-ġid u joktor, hu li qal: ''Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn'' (Ġw. 15, 5); għalhekk l-appostli, meta istitwew id-djakni, stqarru: ''Aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma.'' (Atti 6, 4)

 

87.     Biex l-Uffiċċju divin ikun jista' jingħad b'mod aħjar u aktar perfett mis-saċerdoti u minn membri oħra tal-knisja fiċ-ċirkustanzi differenti tal-ħajja, il-Konċilju Mqaddes, waqt li jissokta r-riforma mibdija mis-Sede Appostolika, għoġbu jwaqqaf dan li ġej dwar l-Uffiċju skond ir-rit Ruman.

 

Il-medda tas-sigħat

88.     Billi l-iskop ta' l-Uffiċċju huwa t-tqaddis tal-jum, il-kors tradizzjonali tas-sigħat għandu jkun rivedut b'mod li kemm jista' jkun is-sigħat ikunu jaqblu mal-ħin tagħhom; fl-istess waqt wieħed għandu jibqa' jżomm quddiem għajnejh il-kondizzjonijiet tal-ħajja ta' kuljum li fihom jinsabu speċjalment dawk li għandhom impenji appostoliċi.

 

89.     Għalhekk fir-riforma tal-Uffiċċju jitħarsu dawn in-normi:

          a) Il-Lawdi. Bħala t-talba tal-għodwa, u l-Għasar, bħala t-talba ta' fil-għaxija, li fuq it-tradizzjoni venerabli tal-knisja universali jiffurmaw it-tnejn flimkien il-qofol tal-Uffiċċju ta' kull jum, għandhom jibqgħu magħrufa u ċċelebrati bħala s-sigħat ewlenin.

          b) Il-Kumpieta għandha tkun magħmula b' mod li tfisser tajjeb għeluq il-jum.

          ċ) Is-siegħa li tissejjaħ ''Matutin'', għalkemm fil-kor tibqa' tinżamm bħala t-talba tal-lejl, għandha tkun addattata b' mod li tkun tista' tingħad f'kull ħin tal-jum, u jkollha għadd anqas ta' salmi u siltiet itwal ta' qari.

          d) Il-Prima titneħħa.

          e) Fil-kor, is-sigħat iż-żgħar, Terza, Sesta u Nona, jibqgħu jingħadu. Iżda barra mill-kor tista' tingħażel waħda minnhom, dik li tkun taqbel l-aktar mal-ħin tal- jum.

 

L-Uffiċċju divin, għajn ta' tjieba

90.     Barra minn dan, billi l-Uffiċju divin, bħala t-talba pubblika tal-Knisja, huwa għajn ta' tjieba u l-għajxien tat-talb personali, is-saċerdoti u dawk kollha li jgħidu l-Uffiċċju divin huma mħeġġin fil-Mulej biex waqt li jkunu jgħiduh il-moħħ ikun jaqbel mal-kelma. Biex jintlaħaq aħjar dan l-għan jeħtieġ ikun hemm iżjed tagħrif liturġiku u bibliku, l-aktar tas-salmi.

          Meta tkun qed issir din ir-riforma, dak it-teżor meqjum u li jitla' 'l bogħod fiż-żmien li hu l-Uffiċċju Ruman għandu jkun addattat b'mod li jkunu jistgħu jieħdu aktar ġid minnu u b'iżjed ħeffa dawk kollha li jkun fdat lilhom.

 

Is-Salterju

91. Biex il-medda tas-sigħat, kif inhi mfissra fl-art. 89, tkun tista' titħares tabilħaqq, is-salmi ma jibqgħux jingħadu kollha f'ġimgħa iżda fi żmien itwal.

          Ix-xogħol mibdi tajjeb għar-reviżjoni tas-salterju għandu jintemm f'qasir żmien, waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-Latin użat mill-insara, l-użu liturġiku wkoll fil-kant, u t-tradizzjoni tal-Knisja Latina.

 

Il-Qari

92.     Dwar il-qari, jitħares dan li ġej:

          a) Il-qari mill-Kotba Mqaddsa għandu jkun ordinat b'mod li wieħed ikun jista' jersaq aktar u malajr lejn it-teżori tal-Kelma ta' Alla.

          b) Il-qari mill-kitba tal-Padri, tad-dutturi u tal-kittieba ekkleżjastiċi għandu jingħażel b'aktar reqqa.

          ċ) It-tbatijiet jew il-ħajjiet tal-qaddisin għandhom jintgħamlu jaqblu mal-verità.

 

L-Innijiet

93.     L-innijiet, sa ma jidher li jkun jaqbel, għandhom jieħdu mill-ġdid l-għamla oriġinali waqt li jtneħħa jew jinbidel dak li għandu xejra mitoloġika jew ma jaqbilx mat-tjieba nisranija. Fejn ikun jenħtieġ jistgħu jiżdiedu oħrajn li jinsabu fil-ġabra għanja tal-innijiet.

 

Il-ħin meta jingħadu s-sigħat tal-Uffiċċju

94.     Biex jitqaddes tassew il-jum u biex is-Sigħat jngħadu b'mod li jagħmlu ġid lir-ruħ, wieħed għandu jfittex li meta jgħid is-Sigħat jimxi mal-ħin li jaqbel l-aktar mal-ħin proprju li fih għandha tingħad kull siegħa kanonika.

 

L-obbligu ta' l-Uffiċċju divin

95.     Il-Komunitajiet obbligati għall-kor huma fid-dmir li, barra l-Quddiesa konventwali, jiċċelebraw kuljum l-Uffiċċju divin fil-kor, jiġifieri:

          a) L-Uffiċċju kollu għandu jingħad mill-Ordnijiet tal-kanoniċi, tal-monaċi rġiel u nisa u tar-regulari l-oħra obbligati għall-kor mid-dritt jew mill-kostituzzjonijiet;

          b) Il-Kapitli katidrali jew kolleġġjali għandhom igħidu flimkien dawk it-taqsimiet tal-Uffiċċju li huma mitluba minnhom mid-dritt komuni jew partikolari;

          c) Il-membri kollha, mbagħad, ta' dawk il-komunitajiet li rċevew l-Ordnijiet maġġuri jew li għamlu l-professjoni solenni, barra mill-konversi, għandhom jgħidu weħidhom dawk is-sigħat kanoniċi li ma jkunux qalu fil-kor.

 

96      Il-kjeriċi li mhumiex obbligati għall-kor, jekk ħadu l-Ordnijiet maġġuri, huma obbligati jgħidu kuljum, flimkien ma' oħrajn jew weħidhom, l-uffiċċju kollu skont l-art.89.

 

97.     Meta u kif xi parti mill-Uffiċċju divin tista' tinbidel ma' xi azzjoni Liturġika oħra għandu jitniżżel fir-rubriki.

          F'każijiet partikolari u għal raġuni ġusta l-Ordinarji jistgħu jiddispensaw lis-sudditi tagħhom milli jgħidu l-Uffiċċju kollu jew xi parti minnu, jew jibdluhulhom f'ħaġa oħra.

 

Ir-Reliġjużi

98.     Il-membri ta' kull istitut ta' stat ta' perfezzjoni li huma marbutin mill-Kostiituzzjonijiet tagħhom li jgħidu xi taqsimiet mill-Uffiċċju divin, ifissru t-talba pubblika tal-Knisja.

          Huma jfissru t-talba pubblika tal-Knisja wkoll jekk huma marbutin mill-Kostituzzjonijiet tagħhom li jgħidu xi uffiċċju qasir sakemm dan l-Uffiċċju jkun imfassal fuq l-iskema tal-Uffiċċju divin u jkun regolarment approvat.

 

Ċelebrazzjoni komunitarja tal-Uffiċċju divin

99.     Billi l-Uffiċċju divin hu l-leħen tal-Knisja jew tal-Ġisem mistiku kollu li jfaħħar 'l Alla pubblikament, il-kjeriċi li mhumiex obbligati għall-kor u l-aktar is-saċerdoti li jgħixu jew jinġabru flimkien huma mħeġġa li jgħidu flimkien għallanqas biċċa mill-Uffiċċju divin.

          Dawk kollha li jgħidu l-Uffiċċju divin fil-kor jew mal-oħrajn għandhom jaqdu dan id-dmir fdat lilhom bl-akbar perfezzjoni possibbli, kemm bil-ġabra interna tar-ruħ kemm bl-imġiba ta' barra.

          Fuq kollox tkun ħaġa sabiħa li, skond l-opportunità, l-Uffiċċju divin jitkanta fil-kor u fil-komun.

 

100.   Ir-rgħajja tal-l-erwieħ għandhom jieħdu ħsieb li s-Sigħat ewlenin, l-aktar  l-Għasar, ikunu ċċelebrati fil-komun fil-knisja fil-Ħdud u fil-festi l-aktar solenni. Wieħed jirrikkmanda wkoll lil-lajċi li jgħidu l-Uffiċċju divin jew mas-saċerdoti, jew magħqudin flimkien, jew ukoll kull wieħed għalih.

 

L-ilsien li għandu jintuża fl-Uffiċċju

101    §1) Skond it-tradizzjoni tas-sekli tar-rit Latin, fost il-kjeriċi l-Uffiċċju divin għandu jingħad bil-Latin iżda l-Ordinajru jista' f'każijiet singoli, skond l-art. 36, jagħti l-permess li jużaw l-ilsien vernakular lil dawk il-kjeriċi li l-użu tal-ilsien Latin huwa ta' xkiel kbir għalihom biex jgħidu l-Uffiċċju kif jixraq.

          §2) Is-superjur kompetenti jista' jħalli lis-sorijiet u lill-membri tal-istituti ta' stat ta' perfezzjoni, kemm irġiel mhux kjeriċi kemm nisa, jinqdew bl-ilsien vernakular fl-Uffiċċju divin, ukoll jekk dan jingħad fil-kor; iżda l-verżjoni trid tkun approvata.

            §3) Kull kjeriku obbligat għall-Uffiċċju divin, dejjem jekk jgħidu bl-ilsien vernakular mal-fidili u ma' dawk imsemmija fil-§2, jissodisfa dan id-dmir sakemm it-test tal-verżjoni jkun approvat.

 

 

KAP V

IS-SENA LITURĠIKA

 

Il-ħsieb taċ-ċiklu liturġiku

102.   Il-Knisja Mqaddsa Ommna tħoss li jmiss lilha li tiċċelebra b'tifkira qaddisa, f'jiem magħżula matul is-sena l-opra tas-salvazzjoni tal-għarus imqaddes tagħha. Kull ġimgħa, fil-jum li sejħitlu Jum il-Mulej, tfakkar il-Qawmien tal-Mulej li darba fis-sena jitfakkar ukoll flimkien mal-Passjoni mqaddsa tiegħu fl-akbar solennità tal-Għid.

          Matul is-sena, mbagħad, tfisser il-misteru kollu ta' Kristu, mill-Inkarnazzjoni u t-Twelid sat-Tlugħ fis-sema, sa Għid il-Ħamsin, sa ma sseħħ it-tama hienja u l-miġja tal-Mulej.

          Waqt li b'dan il-mod tfakkar il-misteri tal-fidwa, hija turi lill-fidili l-għana tal-għemil li jsalva u tal-merti tal-Mulej hekk li b'xi mod tagħmilhom preżenti fiż-żminijiet kollha biex il-fidili jkunu f'rabta magħhom u jimtlew bil-grazzja tas-salvazzjoni.

 

103.   Fiċ-ċelebrazzjoni ta' dan iċ-ċiklu ta' kull sena tal-misteri ta' Kristu, il-Knisja mqaddsa tqim b'imħabba speċjali lil Marija Mqaddsa Omma Alla li hi marbuta b'mod li ma jinħallx mal-opra tas-salvazzjoni tal-Iben tagħha; fiha tilmaħ u tgħolli l-ġid mill-aqwa tal-Fidwa u bil-ferħ tara fiha, bħallikieku fi xbieha l-akbar safja, dak li hi tixtieq u tittama li tkun.

 

104.   Il-Knisja daħħlet ukoll matul is-sena t-tifkira tal-martri u tal-Qaddisin l-oħra li, mgħollijin għall-perfezzjoni, bl-għajnuna ta' kull xorta ta' grazzja ta' Alla diġa kisbu s-salvazzjoni ta' dejjem, qegħdin jieħdu sehem fis-sema fl-għamla ta' tifħir perfett lil Alla u jitolbu għalina. Fil-jum tat-twelid għas-sema tal-Qaddisin il-Knisja xxandar il-misteru tal-Għid li seħħ fihom, huma li batew u ssebbħu ma' Kristu; hija tqiegħed quddiem il-fidili l-eżempji tagħhom li jiġbdu lil kulħadd għal għand il-Missier permezz ta' Kristu, u għall-merti tagħhom titlob il-benefiċċji ta' Alla.

 

105.   Il-Knisja, fl-aħħarnett, fiż-żminijiet differenti tas-sena, skond dixxiplini tradizzjonali tagħha, tikkompleta l-formazzjoni tal-fidili permezz ta' għemejjel ta' tjieba tar-ruħ u tal-ġisem, bit-tagħlim, bit-talb u bl-għemejjel ta' penitenza u ta' ħniena. Għalhekk il-Konċilju Mqaddes għoġbu jistabbilixxi dan li ġej.

 

106.   Bi tradizzjoni li ġejja minn żmien l-Appostli, tradizzjoni li kellha bidu sa mill-jum stess tal-Qawmien ta' Kristu, il-Knisja tiċċelebra kull tmint ijiem il-misteru tal-Għid fil-jum li bil-jedd kollu jissejjaħ Jum il-Mulej jew Jum il-Ħadd. F'dan il-jum, infatti, il-fidili għandhom jinġabru flimkien biex jisimgħu l-Kelma ta' Alla u jieħdu sehem fl-Ewkaristija, u b'hekk jiftakru fil-Passjoni, il-Qawmien u l-Glorja tal-Mulej Ġesù, u jroddu ħajr 'l Alla li "wellidhom mill-ġdid għal tama ħajja, bil-Qawmien ta' Ġesù Kristu mill-imwiet" (1Piet 1,3). Għalhekk il-Ħadd hu l-ewwel jum ta' festa li qatt kellha l-Knisja. Dan wieħed għandu jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun ukoll għalihom jum ta' ferħ u ta' mistrieħ mix-xogħol. Ċelebrazzjonijiet oħra, sakemm ma jkunux ta' improtanza mill-akbar, m'għandhomx jeħdulu postu għax il-Ħadd hu ċertament is-sies u l-qalba tas-sena liturġika kollha.

107.   Is-sena liturġika għandha tiġġedded b'mod li waqt li jibqgħu jinżammu jew jerġgħu jidħlu d-drawwiet u l-ordinament tradizzjonali taż-żminijiet imqaddsa skond il-kondizzjonijiet ta' żmienna, tibqa' tinżamm in-natura oriġinali tagħhom. Dan għandu jsir biex tissaħħaħ kif imiss it-tjieba tal-fidili fiċ-ċelebrazzjoni tal-Fidwa nisranija u, fuq kollox, tal-misteru tal-Għid. Jekk forsi jkun meħtieġ li jsiru addattamenti għall-ħtieġa  tal-post, dan għandu jsir kif hemm fl-art 29 u 40.

 

108.   L-ispirtu tal-fidili għandu qabel xejn ikun dirett lejn il-festi tal-Mulej li fihom matul is-sena huma iċċelebrati l-misteri tas-Salvazzjoni. Għalhekk il-Proprju taż-żmien jistħoqqlu l-post xieraq tiegħu 'il fuq mill-festi tal-Qaddisin biex b'hekk iċ-ċiklu sħih tal-misteri tas-Salvazzjoni jkun iċċelebrat kif imiss.

 

109.   Għandha jsir enfasi iżjed, kemm fil-Liturġija u kemm fil-katekeżi liturġika, fuq iż-żewġ karatteristiċi ta' żmien ir-Randan li, l-aktar bit-tifkira tal-Magħmudija jew bil-preparazzjoni għaliha u bil-penitenza, iħejji lill-fidili għaċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid bis-smigħ aktar ta' sikwit tal-Kelma ta' Alla u b'aktar talb.     Għalhekk:   a) għandu jsir użu akbar mill-elementi tal-Magħmudija proprji għal-Liturġija tar-Randan; fejn jenħtieġ jerġgħu jiddaħħlu elementi oħra mit-tradizzjoni ta' qabel;

          b) l-istess jingħad dwar l-elementi tal-penitenza. Fil-katekeżi nisranija, mbagħad, għandha ssir insistenza, b'mod li tidħol fir-ruħ tal-fidili, mhux biss dwar il-konsegwenzi soċjali tad-dnub iżda wkoll dwar in-natura proprja tal-penitenza li tobgħod id-dnub bħala offiża 'l Alla; lanqas għandu jintesa s-sehem tal-Knisja fl-azzjoni penitenzjali u l-fidili għandhom jitħeġġu biex jitolbu għall-midinbin.

 

110.   Il-penitenza ta' żmien ir-Randan  m'għandiex tkun biss interna u  individwali  iżda wkoll esterna u soċjali. Il-prattika tal-penitenza, skond il-ħtieġa ta' żminijietna u r-reġjunijiet differenti u skont il-kondizzjonijiet tal-fidili, għandha tinżamm u tkun irrikkmandatna mill-awtorijietjiet li fuqhom intqal fl-art. 22.

          Iżda għandha tibqa' kullimkien  imħarsa bħala mqaddsa s-sawma tal-Għid li ssir nhar il-Ġimgħa tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li, skont kif ikun opportun, għandha tibqa' sejra sa Sibt il-Għid biex hekk wieħed jasal b'qalb merfugħa u miftuħa għall-ferħ ta' Ħadd il-Qawmien tal-Mulej.

 

111.   Skond it-tradizzjoni, il-Qaddisin huma meqjuma fil-Knisja u l-fdalijiet awtentiċi u x-xbiehat tagħom tingħatalhom ukoll qima. Il-festi tal-Qaddisin ixandru l-egħġubijiet ta' Kristu fil-qaddejja tiegħu u jagħtu eżempji f'waqthom biex il-fidili jimxu fuqhom.

          Biex il-festi tal-Qaddisin ma jeħdux post il-festi li jfakkru l-misteri nfushom tas-Salvazzjoni, ħafna minnhom għandhom jitħallew biex ikunu ċċelebrati minn xi Knisja jew Nazzjoni jew Familja reliġjuża partikolari u għandhom ikunu esitiżi għall-Knisja universali dawk biss li jiċċelebraw it-tifkira ta' Qaddisin ta' importanza tassew universali.

 

 

 

 

 

KAP VI

IL-MUŻIKA SAGRA

 

Dinjità tal-mużika sagra

112.   It-tradizzjoni tal-mużika tal-Knisja kollha hija teżor ta' valur bla qies li jgħaddi kull espressjoni oħra tal-arti l-aktar minħabba li l-kant sagru, magħqud ħaġa waħda mal-kliem, huwa parti neċessarja u  integrali tal-liturġija solenni.

          Tabilħaqq il-kant sagru tfaħħar kemm fil-Kotba Mqaddsa42 kemm mill-ewwel Padri u mill-Papiet li dan l-aħħar, sa minn San Piju X, urew b'insistenza s-sehem ministerjali tal-mużika sagra fis-servizz divin.

          Għalhekk il-mużika sagra aktar ma tkun magħquda ħaġa waħda mal-azzjoni  liturġika iżjed tkun qaddisa, kemm billi tfisser b'aktar ħlewwa t-talb u tħeġġeġ biex kulħdd ikun leħen wieħed u qalb waħda, kemm billi ssebbaħ b'akbar solennità r-riti mqaddsa. Il-Knisja mbagħad tapprova u tħalli jidħlu fil-kult divin l-għamliet kollha tal-arti veru li jkollhom il-kwalitajiet meħtieġa.

          Għalhekk il-Konċilju Mqaddes, waqt li jibqa' jżomm in-normi u l-preskrizzjonijiet tat-tradizzjoni u tad-dixxiplina ekkleżjastika, u waqt li jibqa' jħares lejn l-iskop tal-mużika sagra li hu l-glorja ta' Alla u l-qdusija tal-fidili, jistabbilixi dan li ġej.

 

Il-Liturġija solenni

113.   L-azzjoni liturġika tilbes sura aktar għanja meta l-uffiċċji divini huma ċċelebrati solennement bil-kant, jipparteċipaw il-ministri sagri u l-fidili jkollhom s-sehem ħaj tagħhom fihom.

          Dwar l-ilsien li għandu jintuża għandhom jitħarsu l-ordnijiet tal-art.36; dwar il-quddies jitħares l-art. 54; dwar is-Sagrementi l-art. 63; dwar l-Uffiċċju divin l-art. 101.

 

114.   Il-partimonju ta' mużika sagra għandu jibqa' jkun imħares u mogħni dejjem iżjed  bl-akbar ħerqa.  L-iScholae Cantorum għandhom ikunu megħjuna bil-ħeġġa biex jimxu 'l quddiem, l-aktar fil-Knejjes katidrali; l-isqfijiet u r-rgħajja l-oħra tal-erwieħ għandhom jieħdu ħsieb bil-ħeġġa  li f'kull azzjoni sagra bil-kant il-ġemgħa kolha tal-fidili tagħti s-sehem ħaj tagħha, kif intqal fl-art. 28 u 30.

 

Il-formazzjoni mużikali

115.   Għandha tingħata importanza kbira lill-formazzjoni u l-prattika mużikali fis-seminarji, fid-djar tan-novizzjat u tat-tagħlim tar-reliġjużi rġiel u nisa, u wkoll fl-istituti l-oħra u fl-iskejjel kattoliċi; biex tingħata din il-formazzjoni l-għalliema magħżulin  għall-mużika sagra għadhom ikunu mħarrġa kif imiss.

          Hi ħaġa ta' min jirrikkmandaha li fejn ikun opportun jitwaqqfu Istituti għolja ta' mużika sagra.

          Għandha tingħata wkoll formazzjoni liturġika ġenwina lill-mużiċisti, lill-kanturi, u fl-ewwel post lit-tfal.

 

Kant gregorjan u polifoniku

116.   Il-Knisja tagħraf il-kant gregorjan bħala l-kant proprju tal-liturġija Rumana; għalhekk, meta ħwejjeġ oħra ma jkollhomx importanza akbar, għandu jingħatalu l-ewwel post fl-azzjonijiet liturġiċi.

          L-għamliet l-oħra ta' mużika sagra, iżda l-aktar il-polifonija, m'għandhom bl-ebda mod jitħallew barra miċ-ċelebrazzjoni tal-Uffiċċju divin sakemm ikunu jaqblu mal-ispirtu tal-azzjoni liturġika, kif intqal fl-art.30.

 

117.   L-edizzjoni tipika tal-kotba tal-kant gregorjan għandha titlesta; anzi għandha titħejja edizzjoni aktar kritika tal-kotba diġa mitbugħa wara r-riformi ta' San Piju X.

          Jixraq ukoll li titħejja għall-użu tal-knejjes żgħar edizzjoni li tiġbor fiha melodji aktar ħfief.

 

 

Kant reliġjuż popolari

118.   Il-kant reliġjuż popolari għandu jkun imħeġġeġ b'impenn b'mod li fl-egħmejjel ta' tjieba u ta' qdusija, u wkoll  fl-azzjonijiet liturġiċi nfushom, skond in-normi u d-dispożizzjonijiet tar-rubriki, il-fidili jkunu jistgħu jsemmgħu leħenhom.

 

Il-Mużika sagra fil-missjonijiet

119.   F'xi reġjunijiet, l-aktar dawk tal-missjonijiet, hemm popli li għandhom mużika tradizzjonali li għandha importanza kbira fil-ħajja reliġjuża u soċjali tagħhom. Din il-mużika għandu jingħatalha r-rispett li jistħoqqilha u l-post xieraq li ħaqqha kemm fl-edukazzjoni fis-sens reliġjuż ta' dawn il-popli kemm fl-addattament tal-kult għall-indoli tagħhom, kif jingħad fl-art. 39 u 40.

          Għalhekk fil-formazzjoni mużikali tal-missjunarji wieħed jieħu ħsieb b'attenzjoni biex kemm jista' jkun huma jkunu f'għaqda li jmexxu 'l quddiem il-mużika tradizzjonali ta' dawn il-popli kemm fl-iskejjel kemm fl-azzjonijiet sagri.

 

L-orgni u l-istrumenti mużikali

120.   Fil-Knisja Latina l-orgni bit-tubi għandu jinżamm f'qima kbira bħala strument tradizzjonali tal-mużika li l-leħen tiegħu jagħni bi sbuħija tal-għaġeb iċ-ċerimonji tal-Knisja u jgħolli b'qawwa l-ħsieb lejn Alla u l-ħwejjeġ tas-sema.

          Madankollu strumenti oħra jistgħu jiddaħħlu fil-kult divin skond il-ġudizzju u bil-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-post kif ingħat fl-art 22 §2, 37 u 40, basta jkunu addattati jew jistgħu jiġu addattati għall-użu qaddis, ikunu jixirqu għad-dinjità tat-tempju, u jwasslu għall-edifikazzjoni tal-fidili.

 

Missjoni tal-kompożituri

121.   Il-mużiċisti, mixgħulin bi spirtu nisrani, għandhom iħossu li huma msejħin biex jieħdu ħsieb il-mużika sagra u jkabbru l-wirt tagħha.

          Għalhekk għandhom jikkomponu melodiji li jkolhom il-kwalitajiet ta' mużika tassew qaddisa u li jkunu jistgħu jitkantaw mhux biss mill-iScholae Cantorum kbar iżda jkunu tajbin ukoll għal Scholae zgħar, u jġibu 'l quddiem is-sehem ħaj tal-ġemgħa kollha tal-fidili.

          Il-kliem magħżul għall-kant qaddis għandu jkun jaqbel mat-tagħlim kattoliku, anzi jkun aħjar li jittieħed mill-Kotba Mqaddsa jew mill-egħjun tal-liturġija.

 

 

KAP VII

L-ARTI SAGRA U L-GĦAMARA MQADDSA

 

Dinjità tal-arti sagra

122    Fost l-attivitajiet l-aktar nobbli tal-ġenju tal-bniedem tingħadd, u bil-jedd kollu, l-arti liberali, iżda l-aktar l-arti reliġjuża u dik li hi l-quċċata tagħha, jiġifieri l-arti sagra. Dawn min-natura tagħhom jersqu lejn is-sbuħija bla tarf ta' Alla li, b'xi mod, tird titfisser fl-għemejjel tal-bniedem. Huma jsiru mezz aħjar biex ikabbru t-tifħir u s-sebħ ta' Alla daqskemm ma jkollhomx skop ieħor għajr dak li jgħinu, bl-opri artistiċi tagħhom, biex b'tjieba u bi qdusija jerfgħu l-ħsibijiet tal-bniedem lejn Alla.

          Għalhekk il-Knisja mqaddsa Omm dejjem ħabbet l-arti liberali u dejjem fittxet is-servizz nobbli tagħhom l-aktar biex il-ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu mal-kult imqaddes ikunu tabilħaqq xierqa, dekorużi u sbieħ u jkunu tassew sinjali u simboli tal-ħwejjeġ tas-sema. Għalhekk il-knisja dejjem fittxet li tifforma l-artisti, anzi l-Knisja dejjem kienet, bil-jedd kollu, bħal arbitru li tagħżel fost ix-xogħlijiet tal-artisti dawk li jixirqu lill-fidili, lit-tjieba u lin-normi tradizzjonali li ġew reliġjożament mgħoddija minn żmien għal żmien u nstabu tajbin għall-użu sagru.

          Il-Knisja b'ħerqa speċjali ħadet ħsieb li l-għamara mqaddsa, bid-dinjità u s-sbuħija tagħha, tkunilha ta' għajnuna għall-ġieh tal-kult fil-waqt li tħalli jsir xi tibdil fil-materjal jew fis-sura jew fit-tiżjin li l-progress tal-arti teknika daħħal maż-żmien.

          Għalhekk il-Padri konċiljari għoġobhom jistabbilixxu dan li ġej dwar dawn il-ħwejjeġ.

 

Libertà ta' stili artistiċi

123.   Il-Knisja qatt ma kellha ebda stil ta' arti bħala proprju tagħha iżda ħaddnet l-istili ta' kull żmien skont il-karattru u l-kondizzjonijiet tal-poplu u skont ma jitolbu r-riti differenti; b'hekk, mal-medda tas-sekli, ħolqot teżor tal-arti li għandu jinżamm bil-ħerqa kollha. Anki l-arti ta' żmienna u dik tal-popli kollha u tan-nazzjonijiet kollha għandu jkollha libertà ta' espressjoni fil-Knisja sakemm din il-libertà tibqa' taqdi għall-bini u għar-riti qaddisa bil-qima u l-ġieh li jistħoqqilhom; b'hekk tkun tista' tgħaqqad leħenha ma' dak il-kant tal-għaġeb ta' foħrija li bnedmin l-aktar kbar, fiż-żminijiet l-imgħoddija, kantaw lill-fidi kattolika.

 

124.   L-Ordinarji għandhom jieħdu ħsieb li fil-waqt li jmexxu 'l quddiem u jħeġġu l-art sagra awtentika, ifittxu aktar is-sbuħija nobbli milli biss ħwejjeġ li jidhru kbar. U dan jgħodd ukoll għall-ilbies u t-tiżjin qaddis.

          L-Isqfijiet għandhom ifittxu li jbiegħdu mid-djar ta' Alla u mill-postijiet sagri l-oħra dawk l-opri ta' artisti li ma jaqblux mal-fidi u d-drawwiet u mat-tjieba nisranija u jonqsu kontra s-sens tabilħaqq reliġjuż  u dan jew għax huma mgħawġa u mħassra fil-forma, jew għax neqsin mill-arti, jew għax medjokri jew għax iqarrqu fl-espressjoni artistika tagħhom.

          Fil-bini ta' knejjes wieħed għandu jfittex bil-ħerqa biex dawn ikunu tajba biex isiru fihom il-funzjonijiet liturġiċi u għas-sehem ħaj tal-fidili.

 

125.   Id-drawwa li jinżammu xbihat imqaddsa fil-knejjes għall-qima  tal-fidili għandha tibqa' bla mittiefsa; madankollu għandhom jintwerew f'għadd meqjus u jitqiegħdu tajjeb, biex ma joħolqux konfużjoni fost il-poplu nisrani u biex lanqas jinkorraġġixxu xi devozzjoni mhux għal kollox tajba.

 

126    Biex jagħtu l-ġudizzju tagħhom fuq xi xogħlijiet ta' l-art l-Ordinarji tal-post għandhom jisimgħu l-parir tal-kummissjoni djoċesana ta' l-art sagra u, jekk ikun jeħtieġ, ta' nies oħrajn partikolarment kompetenti, u wkoll tal-kummissjonijiet li fuqhom intqal fl-art. 44, 45 u 46.

          L-Ordinarji għandhom  joqogħdu għassa sewwa li l-għamara sagra u l-opri prezzjużi, bħala tiżjin tad-dar ta' Alla, ma jinbigħux u ma jintilfux.

 

Formazzjoni tal-artisti

127.   L-Isqfijiet, jew huma stess jew bl-għajnuna ta' saċerdoti li jinqalgħu għal hekk u li jifhmu fl-arti u jħobbuha, għandhom jieħdu ħsieb l-artisti biex irawmu fihom l-ispirtu tal-arti sagra u tal-liturġija mqaddsa.

          Barra hekk huwa rrikkmandat li jitwaqqfu skejjel jew akkademji tal-arti sagra għall-formazzjoni tal-artisti, f'dawk l-artijiet fejn ikun jidher li dan jaqbel li jsir.

          L-artisti kollha mbagħad li, immexxija mill-inġenju tagħhom, ifittxu jagħtu ġieħ 'l Alla fil-Knisja mqaddsa, għandhom jiftakkru li ħidmiethom hi bħal imitazzjoni ta' Alla Ħallieq u li x-xogħlijiet tagħhom huma magħmulin għall-kult kattoliku, għall-ġid tal-fidili, u għat-tjieba u t-tagħlim reliġjuż tagħhom.

 

Reviżjoni tal-leġislazzjoni fuq l-arti sagra.

128    Il-Kanoni u dispożizzjonijiet ekkleżjastiċi li jħarsu l-ġabra tal-ħwejjeġ esterni li għandhom x'jaqsmu mal-kult imqaddes – l-aktar dwar il-bini xieraq u tajjeb tal-postijiet sagri, il-forma u l-bini ta' l-artali, in-nobbiltà, il-qagħda u s-sigurtà tat-tabernaklu ewkaristiku, il-funzjonalità u d-dinjità tal-fonti tal-magħmudija u wkoll it-taqsim tajjeb tax-xbihat imqaddsa, dekorazzjonijiet u tiżjin – għandhom ikunu riveduti kemm jista' jkun malajr flimkien mal-kotba liturġiċi, kif intqal fl-art. 25; dawk il-liġijiet li ma jaqblux mar-riforma liturġika għanhom ikunu korretti jew jitneħħew; iżda dawk li jaqblu magħha għandhom jinżammu jew jiddaħħlu.

          F'din il-materja jingħata l-jedd lill-assemblei territorjali tal-Isqfijiet li jagħmlu dak li jeħtieġ għall-addattament għall-ħtiġijiet u d-drawwiet lokali, l-aktar dwar il-materjal u l-forma tal-għamara u l-ilbies sagri, kif ingħad fl-art. 22 ta' din il-Kostituzzjoni.

Formazzjoni artistika tal-kleru

129.   Il-kjeriċi, fil-kors tagħhom ta' l-istudji filosofiċi u teoloġiċi, għandhom jitgħallmu wkoll dwar l-istorja u l-evoluzzjoni tal-arti sagra, u wkoll dwar il-prinċipji tajbin li fuqhom għandhom jinbnew ix-xogħlijiet tal-arti, biex ikunu jistgħu jistmaw u jżommu l-monumenti venerabbli tal-Knisja u jkunu jistgħu jagħtu pariri tajbin lill-artisti meta jkunu qegħdin isiru xi opri artistiċi.

 

Insinji pontifikali

130.   Hi ħaġa xierqa li l-użu ta' l-insinji pontifikali jibqa' jinżamm biss minn dawk il-persuni ekkleżjastiċi li jew huma mogħnija bil-karattru tal-Isqof jew għandhom xi ġurisdizzjoni  speċjali.

 

 

 

 

Appendiċi

STQARRIJA TAL-KONĊILJU VATIKAN II DWAR

RIFORMA TAL-KALENDARJU.

 Il-Konċilju Mqaddes Ekumeniku Vatikan II, waqt li jqis bħala ta' siwi mhux żgħir ix-xewqat ta' ħafna li l-festa tal-Għid il-Kbir issir dejjem f'Ħadd wieħed u li jkun hemm kalendarju fiss, u wara li xtarr bir-reqqa x'jista' jinqala' jekk jidħol kalendarju ġdid, jistqarr dan li ġej:

          1 Il-Konċilju Mqaddes m'huwiex kontra li l-festa tal-Għid il-Kbir taqa' dejjem fl-istess Ħadd fil-Kalendarju Gregorjan sakemm ikunu jridu hekk dawk ukoll li huma interessati, l-aktar l-aħwa mifruda mill-komunjoni mas-Sede Appostolika.

          2 Il-Konċilju Mqaddes jistqarr ukoll li m'huwiex kontra l-inizjattivi li qegħdin ifittxu li jdaħħlu fis-soċjetà ċivili kalendarju perpetwu.

          Iżda fost is-sistemi differenti li qed ikunu studjati biex isir kalendarju perpetwu u jidħol fis-soċjeta ċivili, il-Knisja mhix kontrarja għal dawk biss li jibqgħu jżommu u jħarsu l-ġimgħa ta' sebat ijiem bil-Ħadd, mingħajr żieda ta' jiem barra mill-ġimgħa, b'mod li s-suċċessjoni tal-ġimgħat tibqa' bla mittiefsa sakemm ma jinqalgħux raġunijiet l-aktar gravi li fuqhom ikollha ssemma leħenha s-Sede Appostolika.

 

 

4 ta' Diċembru, 1963.              

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2147, Le 4, Nulli 1  (total 2152)


 

1 Talba wara l-offertorju tad-IX Ħadd wara Għid il-Ħamsin

2 CF.Lhud 13,14.

3 Cf.Ef.2,21-22

4 CF.Ef.4,13

5 Cf.Is.11,12

6 Cf Ġw.11,52

7 Cf Ġw.10,16

[8] Cf. Is 61,1; Lq 4,18.

[9] S. INJAZJU ANTJOKENU. Ad Ephesios 7,2; ed. F.X. FUNK, Patres Apostolici, I, Tubinga 1901. p. 218. 

[10] Cf. Tim 2,5.

[11] Sacramentarium Veronense (Leonianum); ed.L. Mohlberg

[12] Prefazju tal-Għid fl-Missal Ruman.

[13] Cf. S. WISTIN Enarr in Ps. CXXXVIII, 2; Corpus Christianorum XL., Turnholt 1956,p. 1991; it-talba wara t-tieni qari ta' Sibt il-Għid, fil-Missal Ruman qabel it-tiġdid tal-Ġimgħa Mqaddsa.

[14] Cf. Mark 16,15.

[15] Cf. Atti 26,18.

[16] Cf. Rum. 6,4; Ef 2,6; Kol 3,1; 2 Tim 2,11.

[17] Cf. Ġw 4,23.

[18] Cf 1 Kor 11,26.

[19]TRENTU Sess XIII. 11 Ott 1551, Digr. Dwar l-Ewkaristija Mqaddsa, c.5; Concilium Tridentinum, Diariorum, Actorum, Epistolarum, Tractatuum nova collectio ed. Soc. Goesresiana, t. VII, Actorum par IV, Freiburg im Brisgau 1961, p 202

20 TRENTU, Sesss.XXII,17 Sett.1562, Dottrina dwar is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, c.2: Concilium  Tridentinum, ed. Cit., t.VIII, Actorum pars V, Freiburg im Breisgau 1919,  p.960.

21 Cf. S.WISTIN, In Joannis Evangelium tractus VI, cap.I,n.7; Pl 35,1428.

22 Cf. Apk.21,2; Kol.3,1; Lhud 8,2.

23 Cf.Fil.3,20; Kol.3,4.

24 Cf. Ġw 17,3;Lq 24,27; Atti 2,38

25 Cf.Mt.28,20.

26 Talba ta’ wara t-tqarbin ta’ Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid.

27 Talba tal-Quddiesa tat-Tlieta wara l-Għid.

28  Cf.2Kor.6,1

29  Cf.Mt.6,6.

30 Cf.1.Tes.5,17.

31  Cf.2 Kor.4,10-11.

32 Talba wara l-offertorju tat-Tnejn fuq Għid il-Ħamsin.

33S.ĊIPRIJAN, De Cath. Ecci. Unitate, 7; G.Hartel, in CSEL, t.III, 1,Vjenna 1868,pp.215-216.cf.Ep.66,n..8.3 n.8,3; ed.cit.,tIII,2.Vjenna 1871, pp. 732-733.

34 CF. TRENTU, Sess. XXII, 17 Sett. 1562, Dottrina dwar ss.-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, c.8.Concillium  Tridentinum, ed.cit., t.VIII,p.961.

 

35  S.INJAZJU ta’ ANTOKJA, AD Magn.7; Ad Phil.4; Ad Smyrn.8; ed F.X.FUNK cit.,I,pp.236.266.281.

36 Cf.S.WISTIN, In Joannis Evangelium tractatus. XXVI, cap.VI,n 13: PL 35, 1613.

37 Breviarium Romanum, fil-festa tal-Ġisem Mqaddes ta’ Kristu, fit-II Għasar, antifona mal-kantiku Ruħi Tfaħħar il-kobor tal-Mulej.

38 Cf. S.CIRILLU ta' LIXANDRA, Commentarium in Joannis Evangelium, lib.XI, capp.XI-XII: PG 74,557-564.

39 Cf. 1 Tim. 2,1-2.

40Sess. XXI, 16 Lulju 1562, Dottrina Dwar it-Tqarbin biż-żewġ speċi u tat-tfal, , capp. 1-3: Concilium, Tridentinum, ed,cit. t.VIII, pp.698-699.

41 TRENTU, Sessjoni XXIV, 11 Nov. .1563, De reformatione, cap.1; Concilium Tridentinum, ed.cit., t.IX, Actorum pars VI, Freiburg im Breisgau 1924, p.969. Cf. Rituale Romanun, tit. VIII, c.II,n.6.

42 Cf. Ef. 5, 19;  Kol 3.16.