Laikos

 


Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

DIGRIET DWAR IT-TIĠDID U L-ADDATTAMENT TAL-ĦAJJA RELIĠJUŻA

"PERFECTAE CARITATIS"

 28 ta' Ottubru 1965

 
 WERREJ

1. Daħla

2. Prinċipji ġenerali tat-tiġdid u tal-addattament

3. Kriterji prattiċi għat-tiġdid

4. Min għandu jqiegħed fil-prattika dan it-tiġdid

5. Elementi komuni għal kull għamla ta' ħajja reliġjuża

6. Kobor tal-ħajja reliġjuża

7. L-istituti kontemplattivi

8. L-istituti ta' ħajja appostolika

9. Il-fedeltà għall-ħajja monastika u konventwali

10. Il-ħajja reliġjuża lajkali

11. L-istituti sekulari 

12. Il-kastità

13. Il-faqar

14. L-ubbidjenza

15. Il-ħajja komuni

16. Il-klawsura tas-sorijiet

17. Il-libsa reliġjuża

18. Il-formazzjoni

19. Twaqqif ta' istituti ġodda

20. Il-ħidmiet tal-istituti

21. Istituti u monasteri li qed jispiċċaw

22. L-unjoni bejn l-istituti reliġjużi

23. Il-konferenzi tas-superjuri maġġuri

24. Il-vokazzjonijiet reliġjużi

25. Għeluq


 

 

DIGRIET DWAR IT-TIĠDID U L-ADDATTAMENT TAL-ĦAJJA RELIĠJUŻA

“PERFECTAE CARITATIS”

 

Daħla

1. Fil-kostituzzjoni li tibda bil-kliem "Id-dawl tal-ġnus", il-Konċilju Mqaddes diġà wera li l-ħajja li tfittex tilħaq il-karità perfetta permezz tal-kunsilli evanġeliċi għandha l-oriġini tagħha fit-tagħlim u l-eżempji tal-Imgħallem Divin, u hi ħajja li tidher quddiemna bħala sinjal mill-isbaħ tas-Saltna tas-sema. Issa l-Konċilju fi ħsiebu jitħaddet dwar il-ħajja u d-dixxiplina tal-istituti li fihom il-membri jagħmlu l-voti tal-kastità, faqar u ubbidjenza, u jaħsbilhom għall-ħtiġijiet tagħhom skont ma jitolbu żminijietna.

Sa mill-bidu nett tagħha, fil-Knisja kien hawn irġiel u nisa li, bit-taħriġ tagħhom fil-kunsilli evanġeliċi, fittxew li jimxu f'libertà akbar wara Kristu u jsiru jixbhuh aktar mill-qrib; kull wieħed u waħda minnhom, skont il-mod proprju tagħhom, għaddew ħajja mogħtija lil Alla u ħafna minnhom, bid-dawl li tahom l-Ispirtu s-Santu, għexu ħajja solitarja jew waqqfu familji reliġjużi li mbagħad il-Knisja, bl-awtorità tagħha, laqgħethom bil-qalb u approvathom. B'hekk ġara li, skont il-pjan ta' Alla, kibret varjetà tal-għaġeb ta' komunitajiet reliġjużi li għenet ħafna biex il-Knisja mhux biss ikollha l-mezzi għal kull ħidma tajba (cf. 2Tim 3,17) u tkun imrawma għax-xogħol tal-ministeru għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu (cf. Ef 4,12), iżda wkoll tkun tidher mogħnija b’kull xorta ta' doni f'uliedha, bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha (cf. Apk 21,2), u permezz  tagħha jkun imgħarraf l-għerf ta' Alla, għerf ta' kull xorta ta' mezzi (cf. Ef 3,10).

F'din id-diversità kollha ta' doni, dawk kollha li Alla jsejħilhom għall-ħajja tal-kunsilli evanġeliċi u li jipprofessawhom fedelment, jikkonsagraw irwieħhom lill-Mulej b'mod speċjali billi jimxu wara Kristu, li kien verġni u fqir (cf. Mt 8,20; Lq 9,58) u li bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt tas-salib (cf. Fil 2,8) feda u qaddes lill-bnedmin. U hekk, imqanqlin mill-karità li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fi qlubhom (cf. Rum 5,5) huma jgħixu dejjem iżjed għal Kristu u għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (cf. Kol 1,24). Mela aktar ma jingħaqdu bil-ħeġġa ma' Kristu b'din il-għotja tagħhom infushom li tiġbor fiha l-ħajja kollha tagħhom, aktar il-ħajja tal-Knisja ssir għammiela u l-appostolat tagħha jikber u jagħti l-frott.

Biex il-valur kbir tal-ħajja kkonsagrata lil Alla bil-professjoni tal-kunsilli, u l-missjoni importanti tagħha, ikunu ta' ġid akbar għall-Knisja fiċ-ċirkostanzi tal-lum, dan is-Sinodu Mqaddes qiegħed jistabbilixxi dan li ġej, li jmiss biss il-prinċipji ġenerali tat-tiġdid u tal-addattament li għandu jsir fil-ħajja u fid-dixxiplina tal-ordnijiet reliġjużi u, dejjem skont il-karattru proprju tagħhom, tas-soċjetajiet li jgħixu ħajja komuni mingħajr rabta ta' voti, u tal-istituti sekulari. Imbagħad, wara l-Konċilju, l-awtorità kompetenti tiddetermina normi partikolari biex dawn l-istess prinċipji ġenerali jitfissru u jkunu applikati kif imiss.

Prinċipji ġenerali tat-tiġdid u tal-addattament

2. L-addattament u t-tiġdid tal-ħajja reliġjuża jimplika f'ħin wieħed kemm illi jkun hemm ritorn kostanti lejn l-għejun tal-ħajja nisranija kollha u għall-ispirtu li kien nebbaħ il-ħajja tal-istituti fil-bidu tagħhom, kemm ukoll li jsirilhom aġġornament skont il-kundizzjonijiet mibdula tal-lum. Dan it-tiġdid, li għandu jsir taħt it-tqanqil tal-Ispirtu s-Santu u t-tmexxija tal-Knisja, irid jinħadem skont dawn il-prinċipji:

a) Billi n-norma fundamentali tal-ħajja reliġjuża hi li wieħed jimxi wara Kristu fit-triq imfassla fl-Evanġelju, l-istituti kollha għandhom iżommuha bħala l-ogħla regola tagħhom.

b) Jiswa għall-ġid tal-istess Knisja li l-istituti jkollhom karattru u ħidma proprji tagħhom. Għalhekk għandhom ikunu magħrufa u mħarsa sewwa u bil-fedeltà kollha l-ispirtu u l-iskopijiet proprji ta' kull Fundatur u wkoll it-tradizzjonijiet tajba li flimkien isawru l-wirt ta' kull istitut.

ċ) L-istituti kollha għandhom jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja, iqisu bħallikieku tagħhom l-inizjattivi u l-pjanijiet tagħha fil-qasam bibliku, liturġiku, dommatiku, pastorali, ekumeniku, missjunarju u soċjali, u jħabirku għalihom kemm jistgħu skont il-karattru proprju tagħhom.

d) L-istituti għandhom ifittxu li l-membri tagħhom ikollhom tagħrif sewwa dwar il-kundizzjonijiet tal-bnedmin u taż-żminijiet, u tal-ħtiġijiet tal-Knisja, hekk li fid-dawl tal-fidi jkunu jafu jagħrblu bl-għerf iċ-ċirkostanzi fid-dinja tal-lum u, imħeġġa bi ħrara appostolika, iseħħilhom jagħtu għajnuna aktar effikaċi lill-bnedmin.

e) Billi l-ħajja reliġjuża qiegħda fuq kollox biex il-membri jimxu wara Kristu u jingħaqdu ma' Alla permezz tal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, wieħed għandu jżomm sewwa quddiem għajnejh li kull aġġornament skont il-ħtiġjiiet tal-lum, imqar jekk ikun mill-aħjar, jibqa’ bla frott jekk ma jkunx animat minn tiġdid spiritwali. Fit-tħabrik għall-opri esterni dan it-tiġdid spiritwali għandu jingħata wkoll l-ewwel post.

Kriterji prattiċi għat-tiġdid

3. Il-mod kif jgħixu, jitolbu u jaħdmu l-membri ta' istitut reliġjuż għandu jwieġeb kullimkien għall-kundizzjonijiet fiżiċi u psikiċi tagħhom illum u, safejn jippermetti l-karattru ta' kull istitut, għall-ħtiġijiet tal-appostolat, tal-eżiġenzi tal-kultura u taċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi ta' kull pajjiż fejn ikunu iżda b'mod speċjali fl-artijiet tal-missjoni.

Il-mod kif ikunu mmexxija l-istituti reliġjużi għandu jkun eżaminat bl-istess kriterji.

Għalhekk għandha ssir reviżjoni xierqa tal-kostituzzjonijiet, tad-direttorji, tal-kotba tal-użanzi, tat-talb u taċ-ċerimonji u ta' kodiċijiet oħra bħalhom; jitneħħew minnhom il-preskrizzjonijiet kollha li llum m'għadhomx jgħoddu, u jitbiddlu skont kif jgħidu d-dokumenti ta' dan il-Konċilju Mqaddes.

Min għandu jqiegħed fil-prattika dan it-tiġdid

4. Ebda tiġdid li jħalli frott u ebda aġġornament veru ma jista' jintlaħaq jekk il-membri kollha tal-istitut ma jaħdmux id f'id għal dan l-iskop.

Madankollu imiss biss lill-awtoritajiet kompetenti, u l-aktar lill-kapitli ġenerali, li jiddeterminaw kif għandu jsir dan l-aġġornament u jfasslu liġijiet għalih, u wkoll li jiddeċiedu t-tul ta’ żmien li jkun biżżejjed biex isir esperiment bil-għaqal. Imbagħad, jekk xi tibdil ikun jenħtieġ l-approvazzjoni tas-Santa Sede jew tal-Ordinarju tal-post, din għandha tintalab skont il-liġi. Iżda fil-ħwejjeġ li jinteressaw lill-istitut kollu, is-superjuri għandhom jikkonsultaw lill-membri u jisimgħuhom kif jixraq.

Għat-tiġdid u l-addattament tal-monasteri tal-klawsura tar-reliġjużi nisa jistgħu jintalbu wkoll il-voti u l-konsultazzjonijiet tal-laqgħat tal-federazzjonijiet tagħhom jew ta' laqgħat oħra msejħin skont il-liġi.

Iżda kulħadd għandu jżomm quddiem għajnejh li fil-ħidma għat-tiġdid wieħed għandu jserraħ it-tama tiegħu aktar fuq il-ħarsien iżjed fidil tar-regola u l-kostituzzjonijiet milli fuq iż-żjieda tal-liġijiet.

Elementi komuni għal kull għamla ta' ħajja reliġjuża

5. Qabel xejn il-membri ta' kull istitut għandhom jiftakru li huma, bil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, wieġbu għas-sejħa ta' Alla hekk illi mhux biss ikunu mejtin għad-dnub (cf. Rum 6,11) iżda wkoll jiċħdu d-dinja u hekk jgħixu biss għal Alla. Huma taw ħajjithom kollha biex jaqdu lilu, u din il-għotja hija konsagrazzjoni speċjali li għandha għeruqha 'l gewwa fil-konsagrazzjoni li ħadu bil-magħmudija, li tagħha hija tifsira aktar sħiħa.

U għandhom ikunu jafu li, ladarba din l-għotja tagħhom infushom ġiet aċċettata mill-Knisja, huma ngħataw ukoll għas-servizz tagħha.

Dan is-servizz tagħhom lil Alla għandu jqanqalhom u jħeġġiġhom biex jitħarrġu fil-virtujiet, l-aktar fl-umiltà, fl-ubbidjenza, fil-qawwa u fil-kastità, virtujiet li bihom ikollhom sehem fl-att li bih Kristu xejjen lilu nnifsu (cf. Fil 7-8) u jaqsmu miegħu l-ħajja fl-Ispirtu (cf. Rum 8,1-13).

Mela r-reliġjużi, fidili għall-professjoni tagħhom, waqt li jiċċaħħdu minn kollox minħabba fi Kristu (cf. Mk 10,28), għandhom jimxu warajh (cf. Mt 19,21) bħala dak li waħdu biss hu meħtieg (cf. Lq 10,42), u joqogħdu jisimgħu kliemu (cf. Lq 10,39), ħsiebhom f'dak li hu tiegħu (cf. 1 Kor 7,32).

Għalhekk jeħtieġ li l-membri ta' kull istitut, waqt li jfittxu fuq kollox lil Alla u lilu biss, għandhom jgħaqqdu l-kontemplazzjoni tagħhom, li biha jsiru ħaġa waħda ma' Alla fir-ruħ u fil-qalb, mal-ħeġġa tagħhom għall-appostolat li bih jissieħbu miegħu fl-opra tal-fidwa u fit-tixrid ta' Saltnatu.

Kobor tal-ħajja reliġjuża

6. Dawk li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi għandhom qabel kollox ifittxu li jħobbu lil Alla li ħabb hu l-ewwel lilna (cf. 1 Ġw 4,10), u fiċ-ċirkostanzi kollha tagħhom iħabirku biex jgħixu ħajja moħbija flimkien ma' Kristu f'Alla (cf. Kol 3,3), ħajja li minnha titnissel u titkebbes l-imħabba tal-proxxmu għas-salvazzjoni tad-dinja u għall-bini tal-Knisja. Minn din l-imħabba tieħu l-ħajja u titmexxa l-istess prattika tal-kunsilli evanġeliċi.

Għalhekk il-membri tal-istituti għandhom jitħarrġu bil-ħerqa fl-ispirtu tat-talb u fit-talb innifsu billi jixorbu ta' spiss mill-għejun ġenwini tal-ispiritwalità nisranija. U l-ewwel nett għandhom ikollhom kuljum f'idejhom l-Iskrittura Mqaddsa biex mill-qari u l-meditazzjoni ta' din il-kelma miktuba ta' Alla jitgħallmu jagħrfu lil Ġesu Kristu, "għarfien li jisboq kull għerf" (cf. Fil 3,8). Għandhom ukoll jiċċelebraw bil-qalb u bil-fomm il-liturġija mqaddsa, u l-aktar il-misteru mqaddes tal-Ewkaristija, kif trid il-Knisja, u minn din il-għajn jgħajxu l-ħajja spiritwali tagħhom.

B'hekk, mitmugħin mill-mejda tal-liġi ta' Alla u tal-altar imqaddes, għandhom irabbu mħabba ta' aħwa għall-membri ta' Kristu, iweġġħu u jħobbu lir-rgħajja tagħhom bi spirtu ta' wlied, jgħixu dejjem iżjed mal-Knisja, jaħsbu u jħossu magħha, u jingħataw kollhom kemm huma għall-missjoni tagħha.

L-istituti kontemplattivi

7. Għad li l-ħtieġa tal-appostolat attiv qiegħda ssir urġenti, madankollu, fil-Ġisem Mistiku ta' Kristu, li fih "mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol" (Rum 12,4), dejjem jibqgħalhom post ta’ ġieħ l-istituti ta' ħajja mogħtija kollha kemm hi għall-kontemplazzjoni. Il-membri tagħhom ikollhom fi ħsiebhom lil Alla waħdu, ifittxuh fis-solitudni u fis-skiet, jitolbuh bla ma jieqfu u f'penitenza bil-qalb. Huma joffru lil Alla sagrifiċċju mill-aqwa ta' tifħir, idawlu l-poplu ta' Alla b'kotra ta' frott ta' qdusija, iqanqluh bl-eżempju tagħhom, u jkabbruh bis-saħħa għammiela tal-appostolat misterjuż tagħhom. Għalhekk huma ta' ġieħ għall-Knisja u nixxiegħa ta' grazzji tas-sema. B'danakollu l-mod ta' ħajja tagħhom għandu hu wkoll ikun rivedut skont il-prinċipji u l-kriterji tat-tiġdid u ta' addattament li semmejna aktar 'il fuq, għad li b'reqqa l-aktar qaddisa għandhom jibqgħu dejjem imħarsa l-firda tagħhom mid-dinja u l-eżerċizzji proprji tal-ħajja kontemplattiva.

L-istituti ta' ħajja appostolika

8. Fil-Knisja hemm ħafna istituti, sew klerikali sew lajkali, mogħtijin għal diversi ħidmiet ta' appostolat u li għandhom doni differenti skont il-grazzja mogħtija lilhom: fosthom hemm min jaqdi bid-don tal-ministeru; min jgħallem bid-don tat-tagħlim; min iħeġġeġ bid-don tat-tħeġġiġ; min iqassam bis-sempliċità; min iħenn, u dan jagħmlu bil-ferħ (cf. Rum 12,5-8). "Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu" (1 Kor 12,4).

F'dawn l-istituti x-xogħol tal-appostolat u l-ħidma karitattiva huma marbuta mal-istess natura tal-ħajja reliġjuża tagħhom bħala ministeru mqaddes u xogħol ta' karità proprju tagħhom fdat f'idejhom mill-Knisja biex jagħmluh f'isimha. Għalhekk il-ħajja reliġjuża kollha ta' dawn l-istituti għandha tkun mimlija bi spirtu appostoliku, bħalma min-naħa l-oħra l-ħidma appostolika kollha tagħhom trid tkun magħġuna bl-ispirtu reliġjuż. Mela biex dawn il-membri jkunu jistgħu qabel xejn iwieġbu għas-sejħa tagħhom li jimxu wara Kristu u jaqdu 'l Kristu nnifsu fil-membri tiegħu, jenħtieġ li l-ħidma appostolika tagħhom tkun il-frott tal-għaqda intima tagħhom miegħu. B'hekk titħeġġeġ l-istess karità tagħhom lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Għalhekk dawn l-istituti għandhom isibu mod kif l-osservanzi u l-użanzi tagħhom jitqabblu tajjeb mal-ħtiġijiet tal-appostolat li għalih huma mogħtijin. Iżda billi l-ħajja reliġjuża mogħtija għall-ħidmiet tal-appostolat tista' tkun ta' għamliet differenti, jenħtieġ li fit-tiġdid u fl-addattament tagħhom wieħed iżomm quddiem għajnejh din id-diversità u jfittex li, fid-diversi istituti, il-ħajja tal-membri għas-servizz ta' Kristu ssib għajnuna siewja b'mezzi proprji addattati għalihom.

Il-fedeltà għall-ħajja monastika u konventwali

9. Il-ħajja monastika hija istituzzjoni venerabbli li matul is-sekli kisbet merti kbar, kemm fil-Knisja u kemm fis-soċjetà tal-bnedmin. Hija għandha tinżamm bil-fedeltà u tibqa' tidher f'għajnejn kulħadd fl-ispirtu awtentiku tagħha sew fil-Lvant sew fil-Punent. L-uffiċċju ewlieni ta' dawk li jgħixu l-ħajja monastika huwa dak li minn fost il-ħitan stess tal-monasteri tagħhom jagħtu servizz umli u fl-istess ħin nobbli lill-kobor ta' Alla. Dan is-servizz jagħtuh kemm jekk jagħtu rwieħhom kollhom kemm huma għall-kult divin f'ħajja moħbija, u kemm jekk leġittimament jidħlu għal xi ħidmiet ta' appostolat jew ta' karità nisranija. Għalhekk, dejjem skont il-karattru proprju tal-istituzzjoni tagħhom, huma għandhom iġeddu t-tradizzjonijiet antiki li jagħmlu daqshekk ġid u jaddattawhom għall-ħtigijiet attwali tal-erwieħ b'mod illi l-monasteri jkunu bħal għelieqi fejn jinżara' u jikber il-poplu nisrani.

Hekk ukoll l-istituti reliġjużi li mir-regola jew mill-iskopijiet tat-twaqqif tagħhom jgħaqqdu l-ħajja appostolika mal-uffiċċju korali u l-osservanzi monastiċi, għandhom ifittxu li l-mod kif jgħaddu ħajjithom ikun iwieġeb għall-eżiġenzi tal-appostolat addattat għalihom hekk li l-ħarsien bil-fedeltà tal-għamla tal-ħajja tagħhom iservi ta' ġid tassew kbir għall-Knisja.

Il-ħajja reliġjuża lajkali

10. Il-ħajja reliġjuża lajkali, kemm tal-rġiel u kemm tan-nisa, hija stat fih innifsu sħiħ ta' professjoni tal-kunsilli evanġeliċi. Din ix-xorta ta' ħajja hija ta' siwi kbir għall-Knisja fl-uffiċċju pastorali tagħha tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ, tal-kura tal-morda u ta' ministeri oħra. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes jagħti importanza kbira lil dawn l-istituti, jagħmel il-qalb lill-membri tagħhom fis-sejħa tagħhom u jħeġġiġhom biex jaddattaw ħajjithom skont il-ħtiġijiet tal-lum.

Il-Konċilju Mqaddes jiddikjara li, sakemm ma jintmessx il-karattru lajkali tal-istess istituti, xejn ma hemm xi jżomm milli xi membri minn dawn il-komunitajiet ta’ rġiel ikunu aċċettati għall-ordni sagri, skont ma jiddeterminaw il-kapitli ġenerali tagħhom, biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-ministeru saċerdotali fid-djar tagħhom.

L-istituti sekulari

11. L-istituti sekulari mhumiex istituti reliġjużi; b'danakollu, waqt li jaħdmu fid-dinja, il-membri tagħhom jagħmlu tassew professjoni sħiħa tal-kunsilli evanġeliċi li għandha l-għarfien mill-Knisja. Din il-professjoni, lill-irġiel u lin-nisa, lil-lajċi u lill-kjeriċi, li jibqgħu jgħixu fid-dinja, tagħtihom konsagrazzjoni. Għalhekk dawn il-membri għandhom fuq kollox jagħmluh skop tagħhom fil-ħajja li jingħataw kollhom lil Alla b'karità perfetta. Min-naħa tagħhom l-istituti nfushom għandhom iżommu l-karattru proprju u partikolari tagħhom, jiġifieri dak tal-istituti sekulari. B'hekk iseħħilhom jagħmlu bi frott u kullimkien dak l-appostolat li huma nħolqu biex jagħmlu fid-dinja bħallikieku qed tagħmlu d-dinja stess.

Iżda għandhom ikunu jafu tajjeb li huma ma jistgħux jaqdu uffiċċju hekk kbir jekk il-membri tagħhom ma jkunux imħarrġin bir-reqqa fil-ħwejjeġ divini u umani u b'hekk ikunu tassew ħmira tad-dinja biex jissaħħaħ u jikber il-Ġisem ta' Kristu. Għalhekk dawk li jmexxu għandhom jieħdu ħsieb sewwa li tingħata formazzjoni, l-aktar dik spiritwali, lill-membri tagħhom u jieħdu ħsieb ukoll li din il-formazzjoni tissokta maż-żmien.

Il-kastità

12.  Il-kastità "minħabba fis-Saltna tas-Smewwiet" (Mt 19,21), kif jipprofessawha r-reliġjużi, għandha titqies bħala don mill-isbaħ tal-grazzja. B’don liema bħalu hija teħles qalb il-bniedem (cf. 1 Kor 7,32-35) biex aktar titħeġġeġ bil-karità lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha; u għalhekk hija sinjal speċjali tal-ġid tas-sema u mezz mill-aħjar biex ir-reliġjużi jingħataw minn qalbhom għas-servizz ta' Alla u għal ħidmiet ta’ appostolat. B'hekk huma jfakkru lill-fidili kollha f'dak iż-żwieġ tal-għaġeb, imwaqqaf minn Alla u li għad jidher bis-sħiħ fil-ħajja li ġejja, li bih il-Knisja tingħaqad ma' Kristu, għarus waħdieni tagħha.

Jenħtieġ mela li r-reliġjużi jfittxu li jkunu fidili għall-professjoni tagħhom, jemmnu kliem il-Mulej, jorbtu fuq l-għajnuna ta' Alla bla ma jafdaw iżżejjed fuq il-forzi tagħhom, jitħarrġu bit-tgħakkis u l-għassa tas-sensi. Anqas ma għandhom jittraskuraw dawk il-mezzi naturali li jiswew ta' ġid għas-saħħa mentali u fiżika. B'hekk jiġri li huma ma jiddakkrux minn xi tagħlim qarrieq li jrid ipinġi l-kontinenza perfetta bħala ħaġa li ma tistax tintlaħaq jew li tagħmel ħsara lill-iżvilupp tal-bniedem; qishom b'istint spiritwali huma jwarrbu dak kollu li jista' jqiegħed is-safa tagħhom fit-tiġrib. Kulħadd imbagħad għandu jiftakar, u l-aktar is-superjuri, illi l-kastità titħares aktar fiż-żgur jekk il-membri jgħixu l-ħajja komuni bi mħabba tabilħaqq ta' aħwa.

Il-ħarsien tal-kontinenza perfetta għandu x'jaqsam sfiq mal-ġibdiet l-aktar profondi tan-natura umana. Għalhekk jenħtieġ li l-kandidati għall-professjoni tal-kastità la jersqu biex jagħmluha lanqas jitħallew jagħmluha jekk mhux wara prova tassew suffiċjenti u wara li jkunu laħqu l-maturità psikoloġika u affettiva meħtieġa. Għalhekk wieħed għandu mhux biss iwissihom dwar il-perikli li jġarrbu l-kastità iżda wkoll iħarriġhom biex jaċċettaw iċ-ċelibat mogħti lil Alla bħala ħaġa li tagħmel il-ġid lill-personalità kollha tagħhom.

Il-faqar

13.  In-nies, l-aktar dawk tal-lum, japprezzaw ħafna l-faqar li wieħed iħaddan minn rajh biex jimxi wara Kristu. Huma jqisu l-faqar bħala sinjal illi juri li wieħed ikun għażel li jimxi wara Kristu. Ir-reliġjużi għandhom iħaddnuh bir-reqqa u, jekk jenħtieġ, ifittxu għamliet ġodda biex it-tifsira tiegħu tidher aħjar. Permezz tiegħu wieħed jissieħeb fil-faqar ta' Kristu li minħabba fina hu, li kien għani, ftaqar biex fil-faqar tiegħu nistagħnu aħna (cf. 2 Kor 8,9; Mt 8,20).

Għal dak li hu faqar reliġjuż m'huwa xejn biżżejjed li wieħed jagħmel użu mill-ġid temporali skont kif jgħidu s-superjuri; jenħtieġ ukoll li r-reliġjużi jkunu foqra bil-fatti u fl-ispirtu u jġemmgħu għalihom teżori fis-sema (cf. Mt 6,20).

Fil-qadi tal-uffiċċju tagħhom, ir-reliġjużi għandhom iħossu rwieħhom marbuta bil-liġi komuni tax-xogħol.  B'hekk, waqt li b'dan il-mod jiksbu l-flus meħtieġa għal dak kollu li hu meħtieġ għall-għajxien u l-ħidma tagħhom, għandhom iwarrbu minnhom infushom kull ħsieb u nkwiet żejjed u jintelqu f'idejn il-providenza tal-Missier tas-sema (cf. Mt 6,25).

Il-kongregazzjonijiet reliġjużi jistgħu jippermettu bil-kostituzzjonijiet tagħhom li l-membri tagħhom jirrinunzjaw għall-ġid patrimonjali li akkwistaw jew li għad jistgħu jakkwistaw.

L-istituti stess għandhom ifittxu li, skont il-kundizzjonijiet tal-post li jkunu fih, jagħtu xhieda kważi kollettiva tal-faqar u għandhom minn qalbhom jikkontribwixxu mill-ġid li għandhom għall-ħtiġijiet tal-Knisja u l-għajnuna tal-foqra li r-reliġjużi kollha għandhom iħobbu bil-ħerqa ta' Kristu nnifsu (cf.  Mt 19,21; 25,34-36; Ġak 2,15-16; Ġw 3,17). Il-provinċji tal-istituti reliġjużi u djar oħra għandhom jaqsmu mal-oħrajn il-ġid temporali b'mod illi dawk li għandhom iżjed jgħinu lill-oħrajn li jbatu min-nieqes.

Għalkemm l-istituti reliġjużi, sakemm jippermettu r-regoli u l-kostituzzjonijiet tagħhom, għandhom il-jedd li jkollhom kull ma jenħtieġ għall-ħajja temporali u għall-ħidma tagħhom, madankollu huma għandhom jevitaw kull għamla ta' lussu, ta' qligħ bla rażan u ta' tgeddis ta' ġid.

L-ubbidjenza

14.  Bil-professjoni tal-ubbidjenza r-reliġjużi joffru lil Alla l-għotja sħiħa tar-rieda tagħhom bħala sagrifiċċju tagħhom infushom li bih b'mod aktar dejjiemi u żgur jingħaqdu mar-rieda ta' Alla li ssalva lill-bniedem. Ġesù Kristu ġie biex jagħmel ir-rieda ta' Missieru (cf. Ġw 4,34; 5,30; Lhud 10,7; S 39,9) u "ħa n-natura ta' lsir" (Fil 2,7) u, minn dak li bata hu nnifsu, ġarrab x'inhi l-ubbidjenza (cf. Lhud 5,8). Hekk ukoll ir-reliġjużi, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, fi spirtu ta' fidi joqogħdu għas-superjuri li jagħmluha flok Alla u permezz tagħhom jitqiegħdu għas-servizz tal-aħwa kollha fi Kristu bħalma Kristu nnifsu, biex joqgħod għar-rieda tal-Missier, qeda lill-aħwa u ta ħajtu b'fidwa għal kulħadd (cf. Mt 29,28; Ġw 10,14-18). B'hekk ir-reliġjużi jintrabtu aktar sfiq mas-servizz tal-Knisja u jisfurzaw biex jaslu fl-għomor ta' raġel magħmul, fil-milja kollha ta' Kristu (cf. Ef 4,13).

Għalhekk ir-reliġjużi, fi spirtu ta' fidi u mħabba għar-rieda ta' Alla, għandhom ikollhom sottomissjoni umli lejn is-superjuri tagħhom skont ir-regoli u l-kostituzzjonijiet. Huma u jobdu l-ordnijiet tagħhom u jaqdu d-dmirijiet li jafdawlhom, għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom l-enerġiji tal-intelligenza u tar-rieda u d-doni tan-natura u tal-grazzja li jkollhom; huma jafu li b'hekk ikunu qegħdin jaħdmu għall-bini tal-ġisem ta' Kristu skont il-pjan ta' Alla. B'dan il-mod l-ubbidjenza reliġjuża mhux biss ma tnaqqas xejn mid-dinjità tal-persuna umana iżda talli twessa' l-libertà li għandhom ulied Alla u twassalha għall-maturità.

Is-superjuri, imbagħad, li għad iridu jagħtu kont tal-erwieħ fdati lilhom (cf. Lhud 13,17), għandhom joqogħdu bil-ħlewwa għar-rieda ta' Alla fil-qadi ta' dmirhom; is-setgħa tagħhom għandhom iħaddmuha fi spirtu ta' servizz lill-aħwa bħala espressjoni tal-karità li biha jħobbhom Alla. Lis-sudditi tagħhom għandhom imexxuhom bħala wlied Alla, jirrispettawhom bħala persuni umani, u jiġbduhom biex jagħtu s-sottomissjoni volontarja tagħhom. Għalhekk għandhom iħallulhom b'mod speċjali l-libertà meħtieġa f'dak li għandu x'jaqsam mas-sagrament tal-penitenza u d-direzzjoni tal-kuxjenza. Huma għandhom iwasslu lis-sudditi biex jikkkoperaw b'ubbidjenza attiva u responsabbli fil-qadi ta' dmirijiethom u fl-inizjattivi li jieħdu. Għalhekk is-superjuri għandhom jagħtu widen bil-qalb lis-sudditi u jħeġġu l-koperazzjoni attiva tagħhom għall-ġid tal-istess istitut tagħhom u tal-Knisja.

Il-kapitli u l-kunsilli għandhom jaqdu bil-fedeltà d-dmir tat-tmexxija fdata lilhom; kull wieħed minnhom skont il-mod proprju tiegħu għandu jkun l-espressjoni tas-sehem u l-interess li l-membri kollha għandhom jieħdu għall-ġid tal-komunità kollha.

Il-ħajja komuni

15.  Fuq l-eżempju tal-Knisja fl-ewwel żminijiet, meta l-kotra tal-fidili kienu jgħixu qalb waħda u ruħ waħda (cf. Atti 4,32), il-ħajja komuni tar-reliġjużi għandha ssib l-għajxien tagħha fit-tagħlim tal-Evanġelju, fil-Liturġija u l-aktar fl-Ewkaristija u b'hekk tippersevera fit-talb u fl-għaqda tal-istess spirtu f'kulħadd (cf. Atti 2,42).  Bħala membri ta' Kristu r-reliġjużi li jgħixu flimkien bħal aħwa għandhom iqisu lil xulxin ogħla fil-ġieħ (cf. Rum 12,10) u jerfgħu t-tagħbija ta' xulxin (cf. Gal 6,2). Għax ladarba l-imħabba ta' Alla ssawbet fil-qlub permezz tal-Ispirtu s-Santu (cf. Rum 5,5), il-komunità, bħal familja vera miġbura f'isem il-Mulej, tifraħ li Alla hu f'nofsha (cf. Mt 18,20). Il-karità hija tabilħaqq il-milja tal-liġi (cf. Rum 13,10) u l-qofol tal-perfezzjoni (cf. Kol 3,14) u biha nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja (cf. Ġw 3,14).  Anzi l-għaqda tal-aħwa turi bid-dieher il-miġja ta' Kristu (cf. Ġw 13,35; 17,21) u minnha toħroġ forza appostolika kbira.

Biex ir-reliġjużi jintrabtu aktar sfiq bejniethom bħal aħwa, dawk li jissejħu konversi jew kooperaturi jew għandhom xi isem ieħor għandhom jixxierku sħiħ mal-ħajja u l-ħidmiet tal-komunità. Sakemm iċ-ċirkostanzi ma jkunux jikkonsiljaw tassew mod ieħor, għandu jittieħed ħsieb li fil-komunitajiet tan-nisa jkun hemm kategorija waħda ta' sorijiet u fosthom tinżamm biss dik id-distinzjoni li hi mitluba mid-diversità ta' ħidmiet li għalihom is-sorijiet ikunu destinati b'sejħa speċjali ta' Alla jew għax ikunu jinqalgħu iżjed għalihom.

Iżda l-monasteri tal-irġiel u wkoll l-istituti li min-natura tagħhom mhumiex purament lajkali jistgħu, skont kif ikunu jgħidu l-kostituzzjonijiet tagħhom, jibqgħu jilqgħu fosthom kjeriċi u jagħtuhom l-istess trattament bl-istess jeddijiet u dmirijiet barra minn dawk li jitnisslu mill-ordni sagri.

Il-klawsura tas-sorijiet

16. Għas-sorijiet ta' ħajja għalkollox kontemplattiva l-klawsura papali għandha tibqa' tinżamm, biss tkun addattata għaċ-ċirkostanzi taż-żmien u tal-post u jitneħħew l-użanzi li m'għadhomx jgħoddu aktar; dan isir wara konsultazzjoni mal-monasteri nnifishom.

Sorijiet oħrajn tal-klawsura, li mir-regola tagħhom huma mogħtija wkoll għal xi opri esterni ta’ appostolat, għandhom ikunu eżenti mill-klawsura papali biex iseħħilhom ilaħħqu aħjar mal-impenn tal-appostolat fdat lilhom; madankollu tibqa' tkun imħarsa dik il-klawsura li hi mitluba mill-kostituzzjonijiet tagħhom.

Il-libsa reliġjuża

17.  Il-libsa tar-reliġjużi, bħala sinjal tal-konsagrazzjoni tagħhom, għandha tkun sempliċi u modesta, fqira imma fl-istess ħin xierqa. Barra minn dan, hija għandha tkun tajba għall-ħtiġijiet tas-saħħa fiżika u addattata għaċ-ċirkostanzi taż-żmien u tal-post u għall-bżonnijiet tal-ministeru. Jekk il-libsa, sew tal-irġiel u sew tan-nisa, ma tkunx taqbel ma' dawn in-normi, hija għandha tiġi mibdula.

Il-formazzjoni

18. It-tiġdid u l-addattament tal-istituti jiddependi l-iżjed mill-formazzjoni li tingħata lill-membri. Għalhekk sew il-membri mhux kjeriċi sew is-sorijiet m'għandhomx jingħataw ħidmiet ta' appostolat minnufih wara n-novizzjat; il-formazzjoni tagħhom reliġjuża u appostolika, dottrinali u teknika, għandha titkompla fi djar apposta u ddum kemm ikun meħieġ sa ma jiksbu wkoll titoli xierqa.

Iżda jeħtieġ li l-addattament tal-ħajja reliġjuża għall-eżiġenzi ta' żmienna ma jkunx ħaġa tal-qoxra biss; jeħtieġ ukoll li dawk li, kif jippermettu r-regoli tagħhom, jingħataw għall-appostolat estern, ma jkunux nieqsa mill-preparazzjoni meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom. Għalhekk jenħtieġ li jingħatalhom tagħlim xieraq dwar id-drawwiet morali, l-imġiba emozzjonali u l-mentalità tal-ħajja soċjali tal-lum skont id-doni intellettwali u t-tendenzi personali li jkollhom. It-taħriġ għandu jkun koordinat b'mod illi l-elementi kollha tiegħu jintisġu flimkien f'armonija bejniethom u jservi biex isaħħaħ l-unità tal-ħajja tal-membri.

Ir-reliġjużi għandhom ifittxu li jipperfezzjonaw sewwa din il-kultura spiritwali, dottrinali u teknika tul ħajjithom kollha, u s-superjuri għandhom jagħmlu li jistgħu biex jagħtuhom l-opportunità, l-għajnuna u ż-żmien biex dan l-iskop jilħquh.

Huwa wkoll dmir tas-superjuri li jaraw illi r-retturi, id-diretturi spiritwali u l-professuri jintgħażlu bl-aħjar mod u jitħejjew bis-serjetà.

Twaqqif ta' istituti ġodda

19.  Fit-twaqqif ta' istituti ġodda wieħed għandu jqis bir-reqqa jekk dawn l-istituti jkunux meħtieġa jew għall-anqas siewja ħafna, u wkoll jekk 'il quddiem ikunux jistgħu jiżviluppaw, li ma jmorrux jitnisslu, ħtija tan-nuqqas ta' ħsieb, istituti għal xejn jew li ma jkunux sodi biżżejjed. B'mod speċjali f'dawk il-postijiet fejn il-Knisja tkun għadha fil-bidu tagħha, għandhom ikunu mħeġġin u żviluppati għamliet ta' ħajja reliġjuża li jkunu jaqblu mal-karattru u d-drawwiet tan-nies tal-post u mal-użanzi u l-kundizzjonijiet tal-pajjiż.

Il-ħidmiet tal-istituti

20.  L-istituti għandhom iżommu u jagħmlu bil-fedeltà l-ħidmiet proprji tagħhom. Waqt li jżommu quddiem għajnejhom is-siwi ta' dawn il-ħidmiet għall-Knisja kollha u għad-djoċesijiet, huma għandhom jaddattawhom skont il-ħtieġa taż-żmien u tal-post billi jinqdew b'mezzi tajba u wkoll ġodda u jneħħu dawk il-ħidmiet li llum m'għadhomx jaqblu wisq mal-ispirtu tal-istitut u x-xeħta awtentika tiegħu.

Fl-istituti reliġjużi għandu jinżamm bis-sħiħ l-ispirtu missjunarju u jkun, skont il-karattru ta' kull istitut, addattat għall-kundizzjonijiet tal-lum b'mod illi x-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus iħalli iżjed frott.

Istituti u monasteri li qed jispiċċaw

21.  Jekk is-Santa Sede, wara li tisma' l-parir tal-Ordinarji lokali interessati, tiġġudika li xi istituti u monasteri ma jagħtux wisq tama li jistgħu jiżviluppaw, dawn m'għandhomx jitħallew jaċċettaw iżjed novizzi. Jekk il-ħaġa tista' tkun, huma għandhom jingħaqdu ma' xi istitut  jew monasteru ieħor li ma jkunx wisq differenti minnhom fl-iskop u fl-ispirtu.

L-unjoni bejn l-istituti reliġjużi

22.  L-istituti u l-monasteri sui juris għandhom iħabirku biex, meta jkun f'waqtu u bl-approvazzjoni tas-Santa Sede, iwaqqfu federazzjoni bejniethom jekk b'xi mod huma jagħmlu sehem mill-istess familja reliġjuża; jew iwaqqfu unjonijiet jekk għandhom kostituzzjonijiet u drawwiet kważi l-istess u huma animati mill-istess spirtu reliġjuż, u dan l-iżjed meta l-għadd ta’ membri tagħhom ikun żgħir ħafna; jew jiffurmaw assoċjazzjonijiet jekk huma mogħtija għall-istess opri esterni jew ħidmiet li jixxiebhu.

Il-konferenzi tas-superjuri maġġuri

23.  Il-konferenzi jew kunsilli tas-superjuri maġġuri mwaqqfin mis-Santa Sede għandhom jingħataw inkoraġġiment. Huma jistgħu jkunu ta' ġid kbir biex jintlaħaq aktar bis-sħiħ l-iskop ta' kull istitut; biex ikun hemm koordinament aktar għall-ġid tal-Knisja; biex jitqassmu aħjar, u b'mod iżjed ġust, f'territorju partikolari, il-ħaddiema tal-Evanġelju; u finalment biex jiġu ttrattati ħwejjeġ ta’ interess komuni għar-reliġjużi kollha.  F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżercizzju tal-appostolat, għandhom jigu stabbiliti koordinament u kooperazzjoni xierqa ma’ konferenzi episkopali.

Konferenzi bħal dawn jistgħu jitwaqqfu wkoll għal istituti sekulari.

Il-vokazzjonijiet reliġjużi

24.  Is-saċerdoti u l-edukaturi nsara għandhom jagħmlu sforzi serji biex, permezz ta' vokazzjonijiet reliġjużi fost żgħażagħ magħżulin kif jixraq u bir-reqqa, il-Knisja tikber u toktor kif jitolbu l-ħtiġijiet li għandha.  Fil-predikazzjoni ordinarja wieħed għandu jitkellem iżjed dwar il-kunsilli evanġeliċi u l-għażla tal-istat reliġjuż. Il-ġenituri, ukoll, għandhom irawmu u jħarsu l-vokazzjonijiet reliġjużi f’uliedhom billi jnisslu fi qlubhom il-virtù nisranija.

L-istituti għandhom il-jedd li, biex iġibu 'l quddiem il-vokazzjonijiet, ixerrdu tagħrif fuqhom infushom u jfittxu l-kandidati basta dan jagħmluh bil-prudenza meħtieġa u skont in-normi mogħtija mis-Santa Sede u mill-Ordinarju tal-post.

Iżda l-membri tal-istituti għandhom jiftakru li l-aħjar rakkomandazzjoni għall-istitut tagħhom u l-aħjar stedina għall-ħajja reliġjuża huwa l-eżempju ta' ħajjithom.

Għeluq

L-istituti li għalihom qed isiru dawn in-normi ta' aġġornament u ta' tiġdid tal-ħajja reliġjuża għandhom iwieġbu minn qalbhom għas-sejħa divina u għad-dmir li għandhom f'dawn iż-żminijiet fil-Knisja. Is-Sinodu Mqaddes jagħti importanza kbira lill-għamla ta' ħajja li huma jgħixu fil-verġnità, fil-faqar u fl-ubbidjenza, għamla ta' ħajja li Kristu l-Mulej innifsu huwa l-mudell tagħha. Il-Konċilju għandu tama qawwija fil-ħidma tagħhom li, kemm jekk hi magħrufa u kemm jekk hi moħbija, tagħti daqshekk frott. Għalhekk ir-reliġjużi kollha għandhom ixerrdu l-Bxara t-Tajba ta' Kristu b'fidi sħiħa, bil-karità lejn Alla u l-proxxmu, bl-imħabba tas-salib u bit-tama fil-ħajja li ġejja sabiex kulħadd jara x-xhieda tagħhom u jagħti glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet (cf. Mt 5,16). B'hekk, bit-talb tal-Verġni l-aktar ħelwa Marija, Omm Alla, "li l-ħajja tagħha hija regola għal kulħadd"[1], huma jiżdiedu ta' kuljum fil-għadd u jagħtu frott iżjed kotran ta' salvazzjoni.

 

 

28 ta' Ottubru 1965 

 

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2321, Le 4, Nulli 0 (Total 2325)

 

 

[1] S. AMBROĠ , De Virginitate, 1, II, c.II, n.15.

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.