Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIGRIET

TAL-KONĊILJU VATIKAN II

FUQ IL-MEZZI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

“INTER MIRIFICA”

 

4 ta’ Diċembru 1963

 

WERREJ

 

1-2. Daħla

 

Kap I: NORMI GĦALL-UŻU TAL-MEZZI  TAL-KOMUNIKAZZJONI

SOĊJALI

3. Dmirijiet tal-Knisja

4. Il-liġi morali

5. Il-jedd għall-informazzjoni

6. Arti u morali

7. Il-ħażen morali

8. L-opinjoni pubblika  

9. Dmirijiet ta’ dawk li jirċievu l-komunikazzjoni

10. Dmirijiet tal-ġenituri u ż-żgħażagħ

11. Dmirijiet tal-awturi

12. Dmirijiet tal-awtorità ċivili

 

Kap II: L-ISTRUMENTI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI U L-

            APPOSTOLAT KATTOLIKU

13. Ħidma tar-rgħajja u tal-fidili

14. Inizjattivi tal-kattoliċi

15. Formazzjoni tal-awturi

16. Formazzjoni ta’ dawk li jirċievu l-komunikazzjoni soċjali

17. Mezzi u sussidji

18. Jum tal-Komunikazzjoni Soċjali ta’ kull sena

19. Uffiċċju tas-Santa Sede

20. Kompetenza tal-isqfijiet

21. Uffiċċju nazzjonali

22. Assoċjazzjonijiet internazzjonali

 

Għeluq

23. Istruzzjoni pastorali

 

 


 

 

DIGRIET DWAR

IL-MEZZI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

“INTER MIRIFICA”

 

Daħla

1. Fost l-invenzjonijiet tekniċi tal-għaġeb li, fuq kollox fi żmienna, il-ġenju tal-bniedem, bl-għajnuna t’Alla, irnexxielu jsawwar mill-ħwejjeġ maħluqa, il-Knisja Omm tilqa’ u ssegwi b’ħerqa partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu b’mod aktar dirett mal-ispirtu tal-bniedem u li fetħu toroq ġodda biex wieħed jgħaddi lil ħaddieħor bl-akbar ħeffa kull xorta ta’ aħbarijiet, ideat u tagħlim. Fost dawn l-invenzjonijiet jiġu minn ta’ quddiem dawk l-istrumenti li, min-natura tagħhom, jiswew biex jilħqu u jmexxu mhux biss lill-bnedmin wieħed wieħed iżda lill-ġemgħat infushom u lis-soċjetà umana kollha, bħalma huma l-istampa, iċ-ċinema, ir-radju, it-televiżjoni u oħrajn bħalhom li għalhekk jistgħu jissejħu bil-jedd kollu strumenti ta’ komunikazzjoni soċjali.

2. Il-Knisja Omm taf li dawn l-istrumenti, jekk jitħaddmu tajjeb, jistgħu joffru lill-bnedmin għajnuniet ta’ siwi għaliex jagħtu sehem kbir sabiex iserrħu u jagħnu l-ispirtu, u biex jifirxu u jsaħħu s-Saltna t’Alla; taf ukoll li l-bnedmin jistgħu jħaddmuhom kontra l-pjan tal-Ħallieq u jdawruhom għall-ħsara tagħhom infushom; anzi l-qalb tagħha ta’ Omm hi mnikkta ħtija tal-ħsarat li ġarrbet sikwit l-umanità bl-użu ħażin tagħhom.

Għalhekk dan is-Sinodu mqaddes, waqt li jibqa’ sħiħ fil-ħerqa għassiesa tal-papiet u tal-isqfijiet f’materja ta’ importanza daqshekk kbira, jgħodd bħala dmiru li jittratta l-problemi ewlenin li għandhom x’jaqsmu mal-istrumenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Jittama mbagħad li t-tagħlim u n-normi dixxiplinari li qiegħed jagħti ma jkunux biss ta’ ġid għas-saħħa tal-fidili iżda jiswew ukoll għall-progress tal-familja umana.

 

Kap I

NORMI GĦALL-UŻU TAL-MEZZI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

Dmirijiet tal-Knisja

3. Il-Knisja Kattolika, billi hija mwaqqfa minn Kristu l-Mulej biex twassal is-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u għalhekk tħoss ruħha mġiegħla mill-ħtieġa li xxandar l-evanġelju, tarah dmirha li tuża wkoll l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali sabiex ixxandar l-aħbar tas-salvazzjoni u tgħallem lill-bnedmin kif iħaddmuhom tajjeb.

Għalhekk huwa jedd tal-Knisja mwieled magħha li tħaddem u li jkollha dawn l-istrumenti sakemm huma jkunu meħtieġa jew ta’ siwi għall-edukazzjoni nisranija u għax-xogħol kollu tagħha tas-salvazzjoni tal-erwieħ; hu dmir, imbagħad, tar-rgħajja mqaddsa li jgħallmu u jmexxu lill-fidili biex, bl-għajnuna ta’ dawn l-istrumenti wkoll, jiksbu s-salvazzjoni u l-perfezzjoni tagħhom infushom u tal-bnedmin kollha.

Mill-bqija huwa dmir l-iżjed tal-lajċi li jagħtu ħajja bi spirtu nisrani u uman lil dawn l-istrumenti biex iwieġbu bis-sħiħ għall-mistennija kbira tal-umanità u għall-pjan ta’ Alla.

Il-liġi morali

4. Biex wieħed juża tajjeb dawn l-istrumenti, jeħtieġ għalkollox li dawk li jħaddmuhom ikunu jafu n-normi tal-ordni morali u japplikawhom bil-fedeltà f’dan il-qasam. Għalhekk iżommu quddiem għajnejhom dak li jiġi kkomunikat skont in-natura ta’ kull strument; fl-istess ħin, ukoll, iżommu quddiem għajnejhom iċ-ċirkostanzi kollha li fihom issir il-komunikazzjoni nnifisha bħalma huma l-iskop, il-persuni, il-post, iż-żmien u l-bqija, u li dawn kollha jistgħu jimmodifikaw jew ibiddlulha għalkollox il-valur morali. Fosthom jingħadd il-mod tat-tħaddim proprju ta’ kull strument, jiġifieri l-qawwa tas-suġġestjoni ta’ kull wieħed li tista’ tkun daqshekk kbira, li l-bnedmin, l-iżjed jekk ma jkunux imħejjija, tkunilhom bi tqila li jirnexxilhom jindunaw biha, jaħkmuha u, jekk ikun meħtieġ, jirrifjutawha.

Il-jedd għall-informazzjoni

5. L-aktar li jeħtieġ hu li dawk kollha interessati jsawru għalihom kuxjenza tajba dwar l-użu ta’ dawn l-istrumenti, l-aktar għal dak li jmiss xi kwistjonijiet li llum huma kontroversi b’mod l-iżjed aħrax.

L-ewwel kwistjoni għandha x’taqsam ma’ dik li tissejjaħ “informazzjoni” jew it-tiftix u x-xandir tal-aħbarijiet. M’hemmx dubju li l-informazzjoni, minħabba l-progress li laħqet is-soċjetà umana tal-lum, u minħabba r-rabtiet li dejjem jikbru bejn il-membri tagħha, saret siewja ħafna u, ħafna drabi, meħtieġa; għaliex il-komunikazzjoni pubblika u f’waqtha tal-ġrajjiet u tal-fatti tagħti lill-bnedmin, wieħed wieħed, tagħrif aktar sħiħ u kontinwu b’mod li huma jkunu jistgħu jagħtu sehem li jiswa għall-ġid komuni u lkoll imexxu 'l quddiem b’ħeffa akbar ir-riżq u l-progress tas-soċjetà kollha. Għalhekk fis-soċjetà umana hemm il-jedd għall-informazzjoni dwar dawk il-ħwejjeġ li jiswew għall-bnedmin, kemm wieħed wieħed, kemm magħqudin flimkien, f’kull każ skont iċ-ċirkostanzi. Madankollu t-tħaddim ta’ dan il-jedd jitlob li, għal dak li jolqot l-oġġett tal-informazzjoni, tingħad dejjem il-verità, u l-verità sħiħa, waqt li jitħarsu l-ġustizzja u l-karità; barra minn hekk, għal dak li jolqot il-kif tingħata l-informazzjoni jeħtieġ li l-komunikazzjoni tkun onesta u xierqa, jiġifieri li tħares il-liġijiet morali u l-jeddijiet u d-dinjità tal-bniedem, kemm waqt li wieħed ikun qed ifittex l-aħbar u kemm meta jxandarha. Tassew, mhux kull tagħrif jiswa ta’ ġid, “iżda l-imħabba tibnina” (1 Kor 8,1).

Arti u morali

6. It-tieni kwistjoni tmiss ir-relazzjoni li hemm bejn il-jeddijiet - kif isejħulhom - tal-arti u n-normi tal-liġi morali. Billi l-kontroversji, li joktru fuq din il-ħaġa, mhux rari jkunu ġejjin minn duttrini ħżiena dwar l-etika u l-estetika, il-Konċilju jiddikjara li l-primat tal-ordni morali oġġettiv għandu jkun meqjum assolutament minn kulħadd għaliex hu waħdu jgħaqqad sewwa l-ordnijiet umani l-oħra (mhux imħolli barra l-ordni tal-arti), ukoll jekk għoljin fid-dinjità, u hu ogħla minnhom. Għaliex l-ordni morali biss jilħaq lill-bniedem, il-ħlejqa ta’ Alla mżejna bir-raġuni u msejħa għas-sema fin-natura kollha tagħha; u l-istess ordni morali, jekk hu mħares kollu kemm hu bil-fedeltà, iwassal lill-bniedem għall-perfezzjoni u biex jikseb għal kollox il-milja tal-hena tiegħu.

Il-ħażen morali

7. Fl-aħħar, in-narrazzjoni, id-deskrizzjoni jew ir-rappreżentazzjoni tal-ħażen, bl-għajnuna wkoll tal-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, jistgħu jiswew biex wieħed isir jaf iżjed u aħjar fuq il-bniedem, biex wieħed juri l-kobor ta’ dak li hu sewwa u tajjeb, u jagħtih ġieħ; bis-saħħa ta’ dawn l-istrumenti jinkisbu effetti drammatiċi iżjed xierqa. Madankollu, sabiex ma jwasslux għal aktar ħsara milli ġid lill-erwieħ, jeħtieġ li jimxu sewwa fuq il-liġijiet morali, fuq kollox meta hemm fin-nofs ħwejjeġ li jitolbu rispett kif jixirqilhom jew li jqanqlu aktar malajr lill-bniedem, imweġġa’ bit-tebgħa tan-nisel, għal ġibdiet mingħajr rażan.

L-opinjoni pubblika

8. Minħabba li llum l-opinjonijiet pubbliċi għandhom qawwa u piż mill-akbar f’kull livell tal-ħajja taċ-ċittadini, kemm privata u kemm pubblika, jenħtieġ li l-membri kollha tas-soċjetà jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ ġustizzja u mħabba f’dan il-qasam ukoll; jenħtieġ għalhekk li, bl-għajnuna ta’ dawn l-istrumenti wkoll, jaħdmu biex jiffurmaw u jxerrdu opinjonijiet pubbliċi tajbin.

Dmirijiet ta’ dawk li jirċievu l-komunikazzjoni

9. Għandhom dmirijiet partikolari dawk kollha li b’għażla personali u ħielsa jirċievu l-komunikazzjoni minn dawn l-istrumenti, jiġifieri l-qarrejja, l-ispettaturi u s-semmiegħa. Tabilħaqq, għażla tajba titlob li huma jkunu għalkollox favur dak kollu li jisboq fil-virtù, fil-kultura u fl-arti; u li mbagħad jaħarbu dak kollu li jista’ jkun jew fil-fatt huwa għalihom kawża jew okkażjoni ta’ ħsara tar-ruħ, jew li jista’, bl-eżempju ħażin, iwaqqa’ lil ħaddieħor fil-periklu jew ifixkel il-komunikazzjoni jew jgħin dawk ħżiena. Dan hu li jiġri sikwit meta wieħed inewwel flusu lil dawk li jħaddmu dawn l-istrumenti għal skopijiet ta’ flus biss.

Għalhekk, sabiex iħarsu sewwa l-liġi morali, dawk li jirċievu l-komunikazzjoni m’għandhomx iħallu dmirhom li jkunu mgħarrfin fil-ħin dwar il-ġudizzji li jingħataw fuq dawn il-ħwejjeġ mill-awtorità kompetenti.  Huma għandhom ukoll jimxu skont in-normi ta’ kuxjenza tajba. Biex imbagħad jeħduha b’ħeffa akbar kontra influwenzi anqas xierqa, u biex jiffavorixxu b’kull mod lil dawk li huma tajbin, huma għandhom iħabirku biex jorjentaw u jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom b’mezzi tajbin.

Dmirijiet tal-ġenituri u taż-żgħażagħ

10.  Dawk li jirċievu l-komunikazzjoni, l-aktar iż-żgħażagħ, għandhom iħabirku biex jitħarrġu fl-użu ta’ dawn l-istrumenti b’moderazzjoni u dixxiplina; ifittxu, barra minn dan, li jifhmu aħjar il-ħwejjeġ li jkunu raw, semgħu jew qraw; jiddiskutu dwarhom mal-edukaturi tagħhom u ma’ nies kompetenti, u jitgħallmu jsawru fuqhom ġudizzju tajjeb. Il-ġenituri mbagħad jiftakru li hu dmirhom li, bl-għaqal kollu, ikunu għajnejhom miftuħa li spettakli, stampa u ħwejjeġ bħal dawn li jkunu kontra l-fidi u d-drawwiet tajba ma jidħlux id-dar, u li wliedhom lanqas ma jiltaqgħu magħhom imkien ieħor.

Dmirijiet tal-awturi

11.  Responsabbiltà morali speċjali dwar l-użu tajjeb tal-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali taqa’ fuq il-ġurnalisti, il-kittieba, l-atturi, ir-reġisti, l-edituri, il-produtturi, l-eżebituri, id-distributuri, l-operaturi u l-bejjiegħa, il-kritiċi u l-oħrajn kollha li b’xi mod ikollhom sehem fit-tħejjija u t-trasmissjoni tal-komunikazzjonijiet. Jidher biċ-ċar, madankollu, liema huma u kemm huma kbar ir-responsabbiltajiet li jaqgħu fuqhom, fil-kundizzjonijiet li huma fihom il-bnedmin illum, meta nafu li bl-informazzjoni li jagħtu u bl-influwenza li għandhom huma għandhom il-possibiltà li jmexxu l-umanità jew lejn it-tajjeb jew lejn il-ħażin.

Għalhekk hu dmirhom li jirregolaw l-interessi ekonomiċi, politiċi u artistiċi tagħhom b’mod li dawn qatt ma jisfaw ta’ tfixkil għall-ġid komuni; u biex huma jilħqu dan b’ħeffa akbar, ħalli jagħtu isimhom - u jkun ta’ min ifaħħarhom jekk jagħmlu hekk - lil dawk l-assoċjazzjonijiet tal-professjoni tagħhom li jitolbu mill-membri - jekk hu meħtieġ ukoll billi jintrabtu bi ftehim li jħarsu sewwa kodiċi morali - li jirrispettaw il-liġijiet morali fil-ħidmiet u d-dmirijiet professjonali tagħhom.

Barra minn dan huma għandhom jiftakru dejjem li l-biċċa l-kbira tal-qarrejja u tal-ispettaturi hi magħmula minn żgħażagħ li jeħtieġu stampa u spettakli li jagħtu divertiment xieraq u li jħajru l-ispirtu tagħhom għal ideali għoljin. Iħabirku, fuq kollox, biex il-komunikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon jingħataw f’idejn nies denji u mħejjija, u jsiru bir-rispett li jixirqilhom.

Dmirijiet tal-awtorità ċivili

12.  F’dan il-qasam jaqgħu fuq l-awtorità ċivili dmirijiet partikolari minħabba l-ġid komuni li għalih jaħdmu dawn l-istrumenti. Għaliex hu dmir tal-istess awtorità, fil-qasam tagħha li tiddefendi u tħares, l-aktar dwar l-istampa, il-libertà vera u ġusta tal-informazzjoni li s-soċjetà tal-lum teħtieġ għalkollox għall-progress tagħha; li tmexxi 'l quddiem ir-reliġjon, il-kultura u l-arti; li tħares lil dawk li jirċievu l-komunikazzjoni sabiex igawdu ħielsa l-jeddijiet tagħhom. Hu wkoll dmir tal-awtorità ċivili li tgħin dawk l-inizjattivi li, għalkemm huma ta’ siwi mill-akbar, l-iżjed għaż-żgħażagħ, ma jkunux jistgħu jsiru mod ieħor.

Fl-aħħar nett, l-istess setgħa pubblika, li bil-ħaqq kollu tinteressa ruħha fis-saħħa ċivika taċ-ċittadini, għandha d-dmir li tara li, b’ġustizzja u b’għaqal, tagħmel liġijiet u tapplikahom sewwa sabiex ma ssirx ħsara, u ħsara kbira, għall-moralità pubblika u lill-progress tas-soċjetà bl-użu ħażin ta’ dawn l-istrumenti.  B’din il-ħerqa li tgħasses dejjem ma tkun imnaqqsa b’ebda mod il-libertà tal-individwi jew tal-gruppi soċjali, l-iżjed jekk dawk li bi professjoni jagħmlu użu minn dawn l-istrumenti ma jkunux ta’ min jorbot fuqhom.

Barra minn dan għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jitħarsu ż-żgħar mill-istampa u mill-ispettakli li jkunu ta’ ħsara għall-età tagħhom.

 

Kap II

L-ISTRUMENTI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI U

L-APPOSTOLAT KATTOLIKU

Ħidma tar-rgħajja u tal-fidili

13.  L-ulied kollha tal-Knisja għandhom jagħmlu ħilithom, f’għaqda ta’ spirtu u ta’ skopijiet, mingħajr dewmien u bl-akbar bżulija, biex l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, skont x’jitolbu ċ-ċirkostanzi u ż-żmien, jitħaddmu tajjeb fil-forom differenti ta’ appostolat u jaslu qabel l-inizjattivi ta’ ħsara, l-iżjed f’dawk in-naħat fejn il-progress morali u reliġjuż jeħtieġlu jsir iżjed malajr.

Għalhekk, f’dan il-qasam ir-rgħajja mqaddsa għandhom jgħaġġlu li jaqdu dmir li hu marbut ħafna max-xogħol ordinarju tagħhom tal-predikazzjoni; il-lajċi wkoll, li għandhom sehem fit-tħaddim ta’ dawn l-istrumenti, ifittxu li jagħtu xhieda ta’ Kristu, qabelxejn billi jagħmlu x-xogħol tagħhom b’ħila u bi spirtu ta’ appostolat, imbagħad billi - kull wieħed skont kemm jista’ - jikkollaboraw b’mod dirett mal-azzjoni pastorali tal-Knisja bis-sehem tagħhom fit-teknika, l-ekonomija, il-kultura u l-arti.

Inizjattivi tal-kattoliċi

14. Qabelxejn wieħed għandu jinkoraġġixxi l-istampa onesta. Imbagħad, bl-iskop li l-qarrejja jimtlew bi spirtu kollu kemm hu nisrani, jeħtieġ tinħoloq u tinġieb 'il quddiem stampa li hija speċifikament kattolika, jiġifieri li, kemm jekk hi mibnija u tiddependi b’mod dirett mill-awtorità nnifisha tal-Knisja, kemm jekk mibdija minn individwi kattoliċi, tixxandar bl-iskop ċar li tnissel, issaħħaħ u ġġib 'il quddiem opinjonijiet li jaqblu mal-jedd naturali u mat-tagħlim u l-morali kattolika, u li xxandar u tgħarraf sewwa l-fatti li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-Knisja. Il-fidili, imbagħad, għandhom ikunu mwissija fuq il-ħtieġa li jaqraw u jxerrdu l-istampa kattolika sabiex ikunu jistgħu jagħtu ġudizzju nisrani fuq il-ġrajjiet kollha.

Jeħtieġ li l-produzzjoni u l-wiri ta’ films - fuq kollox dawk għaż-żgħażagħ - magħmula għal divertiment tajjeb u li jiswew għall-kultura u għall-arti, jingħataw kull għajnuna li twassal għal riżultati tajbin biex ikunu jistgħu jitmexxew  'il quddiem u jibqgħu jsiru. Dan isir l-aktar billi tingħata għajnuna lil intrapriżi u inizjattivi ta’ produtturi u distributuri onesti, u billi jkun hemm koordinament tal-mezzi li bihom isiru dawn l-intrapriżi u inizjattivi; billi l-films li jixirqilhom tifħir ikunu rrakkomandati mill-kritiċi u jingħatawlhom premjijiet; billi wieħed iġib 'il quddiem u jsieħeb flimkien is-swali ta’ operaturi kattoliċi u onesti.

Bl-istess mod għandhom jissaħħu b’għajnuna siewja t-trasmissjonijiet tajbin tar-radju u t-televiżjoni, qabelxejn dawk li jgħoddu għall-ambjent tal-familja. Imbagħad għandhom ikunu megħjuna bis-serjetà x-xandiriet kattoliċi li bihom is-semmiegħa u l-ispettaturi jkunu mħajra jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja u jissawru fil-veritajiet reliġjużi. Fejn ikun meħtieġ għandhom jitwaqqfu wkoll, bla dewmien, stazzjonijiet kattoliċi; iżda ta’ min iħabrek biex it-trasmissjonijiet tagħhom jingħażlu minn oħrajn għall-perfezzjoni u għall-effett li jagħmlu.

Barra minn dan wieħed għandu jħabrek ukoll biex l-arti għolja u antika tat-teatru li llum, bl-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, xterdet ħafna, tagħti sehem għall-kultura u l-formazzjoni morali tal-ispettaturi.

Formazzjoni tal-awturi

15.  Sabiex wieħed jaħseb għall-ħtiġijiet murija hawn fuq, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi wkoll għandhom ikunu mħarrġa kif inhu xieraq biex ikunu jistgħu jħaddmu b’kompetenza dawn l-istrumenti għal skopijiet ta’ appostolat.

Qabelxejn il-lajċi għandhom jitħejjew fit-teknika, fil-kultura u fil-morali u għandu jiżdied l-għadd ta’ skejjel, fakultajiet u istituti ta’ tagħlim fejn ġurnalisti, awturi ta’ films u ta’ trasmissjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, u oħrajn li jinteressaw ruħhom, jistgħu jiksbu formazzjoni sħiħa, imsawra bi spirtu nisrani, l-iżjed fil-qasam tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Jeħtieġ ukoll li l-atturi jkunu mħejjija u megħjuna biex fl-arti tagħhom ikunu ta’ siwi għall-ġid tas-soċjetà. U fl-aħħar, għandhom jitħejjew, bil-ħsieb kollu, il-kritiċi letterarji, il-kritiċi taċ-ċinematografija, tar-radju u tat-televiżjoni u kritiċi oħra sabiex jirnexxu b’kompetenza fil-materja tagħhom, u jkunu mgħallma u mħeġġin biex jagħtu ġudizzji li fihom jitqiegħed fid-dawl, kif imiss, l-aspett morali.

Formazzjoni ta’ dawk li jirċievu l-komunikazzjoni soċjali

16.  L-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali qegħdin għall-qadi ta’ dawk li jirċievu l-komunikazzjoni soċjali u li jvarjaw fl-età u fil-kultura. L-użu tajjeb ta’ dawn l-istrumenti jitlob formazzjoni xierqa u speċifika fit-teorija u fil-prattika. Għalhekk jeħtieġ li l-inizjattivi li jaqdu din il-formazzjoni - l-iżjed jekk isiru għaż-żgħażagħ - ikunu msaħħa u mkattra u mmexxija fuq il-prinċipji tal-morali nisranija fl-iskejjel kattoliċi ta’ kull grad, fis-seminarji u fl-għaqdiet tal-appostolat tal-lajċi. Biex dan jintlaħaq aktar malajr, fit-tagħlim tal-katekiżmu għandhom jintwerew u jitfissru d-duttrini u d-dixxiplina kattolika dwar din il-materja.

Mezzi u sussidji

17. Tabilħaqq mhux xieraq għal ulied il-Knisja li jħallu l-kelma tas-salvazzjoni tinżamm u tixxekkel ħtija ta’ diffikultajiet ta’ teknika jew ta’ nfiq ta’ flus li jitolbu dawn l-istrumenti u li huma żgur kbar ħafna. Għalhekk dan il-Konċilju mqaddes iwissihom li huma nfushom huma marbuta bid-dmir li jsaħħu u jgħinu l-ġurnali, il-perjodiċi u l-inizjattivi taċ-ċinematografija, stazzjonijiet u trasmissjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni kattoliċi li l-għan ewlieni tagħhom għandu jkun li jxandru u jiddefendu l-verità u li jieħdu ħsieb il-formazzjoni nisranija tas-soċjetà tal-bnedmin; fl-istess ħin iħeġġeġ ħafna wkoll assoċjazzjonijiet u individwi li għandhom possibiltajiet ekonomiċi jew tekniċi biex bil-qalb u b’qalb miftuħa jgħinu bil-ġid u bil-kompetenza tagħhom lil dawn l-istrumenti sakemm dawn jaqdu skopijiet ġenwini ta’ kultura u ta’ appostolat.

Jum tal-Komunikazzjoni Soċjali ta’ kull sena

18.  Imbagħad, sabiex l-appostolat tal-Knisja dwar l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, appostolat li għandu ħafna għamliet, jissaħħaħ b’mod iżjed siewi, fid-djoċesijiet kollha tad-dinja, skont kif l-isqfijiet jaraw li jkun l-aħjar, għandu jinżamm jum fis-sena li fih il-fidili jkunu mgħallma dwar id-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam u jkunu mistiedna biex jagħmlu talb għal dan il-għan u biex jagħtu xi flus għall-istess skop. Dawn il-flus għandhom imorru bir-reqqa kollha, kif inhu xieraq, għall-istituzzjonijiet u inizjattivi tal-Knisja f’dan il-qasam, skont il-ħtiġijiet tad-dinja kattolika.

Uffiċċju tas-Santa Sede

19.  Fl-eżerċizzju tal-kura pastorali l-aktar għolja tiegħu dwar l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, il-Papa għandu biex jaqdih uffiċċju speċjali tas-Santa Sede[1].

Kompetenza tal-isqfijiet

20.  Imiss imbagħad lill-isqfijiet li jżommu għajnejhom, kull wieħed fid-djoċesi tiegħu, fuq l-inizjattivi u l-ħidmiet f’dan il-qasam, imexxuhom 'il quddiem u, safejn jolqtu l-appostolat pubbliku, jirregolawhom; dan jgħodd ukoll għal dawk l-inizjattivi u ħidmiet li huma taħt it-tmexxija ta’ reliġjużi eżenti.

Uffiċċju nazzjonali

21.  Madankollu, minħabba l-fatt li biex l-appostolat ikun ta’ siwi għan-nazzjonijiet, tenħtieġ l-għaqda tal-fehmiet u tal-forzi, dan il-Konċilju mqaddes jiddegrieta u jordna li jitwaqqfu kullimkien uffiċċji nazzjonali għall-istampa, iċ-ċinema, ir-radju u t-televiżjoni u li tingħatalhom kull għajnuna. Id-dmir ewlieni ta’ dawn l-uffiċċji jkun għalhekk li huma jaħsbu li tkun iffurmata tajjeb il-kuxjenza tal-fidili dwar it-tħaddim ta’ dawn l-istrumenti, u li jġibu 'l quddiem u jirregolaw kull ħidma li jagħmlu l-kattoliċi f’dan il-qasam.

F’kull nazzjon id-direzzjoni tagħhom titħalla f’idejn kummissjoni ta’ isqfijiet jew f’idejn isqof delegat; iżda f’dawn l-istess uffiċċji jkollhom sehem ukoll lajċi mrawma fid-duttrina kattolika u esperti f’din l-arti.

Assoċjazzjonijiet internazzjonali

22.  Barra minn dan, minħabba li l-qawwa ta’ dawn l-istess strumenti taqbeż it-truf tan-nazzjonijiet, u donnha tagħmel lil kull individwu ċittadin tal-miġemgħa sħiħa tal-bnedmin, il-ħidmiet nazzjonali f’dan il-qasam għandhom ikunu wkoll koordinati fuq pjan internazzjonali. L-uffiċċji msemmija f’Art. 21 għandhom imbagħad jikkollaboraw bil-ħeġġa mal-organizzazzjonijiet kattoliċi internazzjonali. Iżda dawn l-organizzazzjonijiet kattoliċi internazzjonali jkunu approvati leġittimament biss mis-Santa Sede u jiddependu minnha.

 

GĦELUQ

Istruzzjoni pastorali

23.  Sabiex il-prinċipji u n-normi kollha dwar l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali maħruġa minn dan il-Konċilju mqaddes jitwettqu, b’mandat espress tal-Konċilju għandha tixxandar istruzzjoni pastorali, maħsuba mill-uffiċċju tas-Santa Sede msemmi fl-Art. 19, bl-għajnuna ta’ nies esperti magħżula minn nazzjonijiet differenti.

24.  Mill-bqija dan il-Konċilju mqaddes jittama li dawn il-prinċipji u normi li qiegħed jagħti jintlaqgħu bil-qalb u jitħarsu bi tjubija mill-ulied kollha tal-Knisja, b’mod illi, waqt li jużaw ukoll dawn l-istrumenti, mhux biss ma jġarrbux ħsara iżda, bħall-melħ u d-dawl, itejbu l-art u jdawlu d-dinja. Barra minn dan il-Konċilju jħeġġeġ lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, l-iżjed lil dawk li għandhom f’idejhom dawn l-istrumenti, sabiex iħabirku li jħaddmuhom biss għall-ġid tas-soċjetà umana li x-xorti tagħha, kull jum aktar minn qabel, tiddependi mill-użu tajjeb tagħhom. Għalhekk, kif ġara bix-xogħlijiet il-kbar tal-arti ta’ żmien ilu, l-isem tal-Mulej jingħata glorja b'dawn l-invenzjonijiet ġodda wkoll, kif qal l-Appostlu: “Ġesù Kristu hu dak li kien fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lhud 13,8).

 

4 ta’ Diċembru 1963   

 

 

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 1960,  Le 164,  Nulli 7 (Total 2131)


 


[1] Il-padri tal-Konċilju, waqt li bil-qalb jagħmlu tagħhom ix-xewqa tas-“Segretarjat għall-Istampa u l-Ispettaklu”, bil-qima jitolbu lill-Papa li l-ħidma u l-kompetenza ta’ dan l-uffiċċju jkunu estiżi għall-istrumenti kollha tal-komunikazzjoni soċjali, magħduda l-istampa; jitolbu wkoll li jissejħu biex jaħdmu f’dan l-uffiċċju nies esperti, fosthom ukoll lajċi, minn nazzjonijiet differenti.

 

 

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.