Minħabba t-tul tal-ħin, l-audio ta' dan il-programm fuq id-Dei Verbum ġie mqassam ukoll fi tnejn; Nru 9 u Nru 10.  Madankollu hawn fuq tista' ssegwih kollu sħiħ.

IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Dei Verbum. Il-Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni  (9 u 10)

 

Id-dokument tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dei Verbum[i] dwar il-Kelma ta’ Alla huwa wieħed mill-uniċi żewġ kostituzzjonijiet dommatiċi li nsibu fost is-sittax-il dokument konċiljari. L-ieħor, li diġà tkellimna fuqu huwa l-Lumen Gentium li għalkemm jitratta fuq il-Knisja, madankollu kif ġa rajna l-isem, Dawl tal-Ġnus mhux qed jirreferi għall-Knisja imma għall-Kristu nnifsu.

Bl-istess mod tajjeb li niċċaraw li l-kliem li jiftħu din il-Kostituzzjoni Dommatika, Dei Verbum – il-Kelma ta’ Alla – mhux jirreferu unikament għall-Bibbja kif spiss jistgħu jaħsbu uħud, imma għar-Rivelazzjoni sħiħa, jiġifieri l-ġrajja kollha li biha Alla juri lilu nnifsu lill-bniedem u jikkomunika miegħu. Huwa proċess li minbarra l-Kelma ta’ Alla miktuba jinkludi wkoll it-Tradizzjoni Nisranija. Fl-istess waqt tajjeb niftakru li dawn mhumiex żewġ għejjun diversi, imma sors wieħed għaliex it-Tradizzjoni ssaħħaħ u tispjega l-Iskrittura. Iridu jittieħdu flimkien u hekk fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura għandna dejjem nissottomettu ruħna għall-maġisteru tal-Knisja.

 

Ħafna li twieldu wara s-sittinijiet setgħu tilfu l-ewforija tal-Konċilju u dan aktarx bla ebda tort tagħhom.  Forsi l-ħtija hija kompletament ta’ dawk li għixuha u li mhux dejjem kienu lesti jew kapaċi jikkomunikaw biżżejjed il-ħeġġa u l-ispirtu ta’ Vatikan II lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara.  Hekk meta nfakkru l-Konċilju ma nkunux irridu biss ngħaddu sensiela tal-ġrajjiet li seħħew u tagħrif fuq dak li kien diskuss jew tad-dokumenti finali, imma l-ewwel u qabel kollox irridu nikkomunikaw l-Ispirtu li mexxa lil dawk li ħadu sehem u li mix-xrara ċkejkna f’qalb il-Papa Roncalli, qabbad ħuġġieġa mal-Knisja kollha.  Kienet dik l-istess xrara li fl-ewwel Għid il-Ħamsin, meta kienu lkoll miġbura flimkien f’post wieħed, niżlet u qagħdet fuq ras kull wieħed minnhom.[ii]  Dan huwa l-istess Spirtu u dan huwa wkoll l-istess nar meħtieġa fil-Knisja ta’ żmienna. Għalhekk jinħtiġilna llum ukoll infakkru l-Konċilju, mhux biex joħodna lura fl-istorja, imma biex jixprunana ‘l quddiem fil-missjoni.

Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Papa Ġwanni XXIII kien qed jagħmel minn kollox biex il-Knisja kollha tibni ħajjitha u l-missjoni tagħha fuq iċ-ċentralità tal-Evanġelju u l-importanza tiegħu għall-Knisja u għall-bnedmin kollha.  Illum sittin sena wara, il-Papa Franġisku qiegħed huwa wkoll jenfasizza l-istess messaġġ, li l-vokazzjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza. Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza.[iii] Madankollu it-triq li wasslet lill-Knisja biex permezz tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II tagħtina d-Dei Verbum kienet ilha li bdiet sa minn bosta snin qabel.

 

L-Enċiklika Providentissimus Deus ta’ Ljun XIII

Fit-18 ta’ Novembru 1883, Ljun XIII tana l-Enċiklika tiegħu, Providentissimus Deus, fuq kif Alla, kollu providenza, mhux biss jagħti lill-bniedem il-ħwejjeġ materjali li jkun jinħtieġ imma wkoll dawk spiritwali. Il-Papa ried li permezz ta’ dan id-dokument jirribatti żewġ problemi kbar ta’ żmienu u li kienu ħolqu polemiċi fuq l-interpretazzjoni tat-testi bibliċi.  Kienu bdew jitfaċċaw dawk li dehru li kienu kunflitti bejn ir-rakkonti li nsibu fil-Bibbja u l-iskoperti ġodda tax-xjenzi naturali u l-istudju tal-istorja fuq l-oriġini tal-ħolqien, l-evoluzzjoni tal-ispeċi u temi oħra. 

Dakinhar il-Papa għamel sejħa għall-prudenza għaliex żewġ veritajiet li ġejjin mill-istess għajn, li huwa Alla nnifsu, ma jistgħu qatt imorru kontra xulxin. Imma din l-Enċiklika tat ukoll frottijiet importanti ħafna fosthom li l-Istitut għall-Istudji Bibliċi f’Ġerusalemm, li kien twaqqaf biss tliet snin qabel, wara dan id-dokument ta’ Ljun XIII, kien mogħti spinta kbira.  Wara l-Enċiklika Providentissimus Deus, twaqqfet ukoll mill-Vatikan stess il-Kummissjoni Pontifiċja Biblika li għadha taħdem sal-lum.  Imbagħad xi snin wara twaqqaf ukoll l-Istitut Pontifiċju Bibliku, li jitmexxa mill-Ġiżwiti.  Fuq kollox kien mogħti bidu wkoll għall-istudju tal-Vulgata u ta’ edizzjoni kritika ta’ din il-verżjoni tal-Bibbja bil-Latin li kienet tradotta minn San Ġlormu stess fir-raba’ seklu

 

L-Enċiklika Divino Afflante Spiritu ta’ Piju XII

Imbagħad fit-30 ta’ Settembru 1943, il-Papa Piju XII ħa l-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju tal-Enċiklika ta’ Ljun XIII u ppublika l-Enċiklika Divino Afflante Spiritu, dwar l-Ispirtu Divin li sspira l-Awturi Saġri biex jiktbu l-Kotba Mqaddsa.  Kien żmien il-moderniżmu, meta l-bniedem kien qed ikun influwenzat biex jagħti biss każ ta’ dak li jista’ jara b’għajnejn u jmiss b’idejh u jwarrab u jinjora dak kollu li kellu x’jaqsam mal-ispirtu.  Permezz ta’ din l-Enċiklika, flimkien ma’ diskorsi u kitbiet oħra tiegħu, specjalment fuq ir-Radju tal-Vatikan, Piju XII medd il-pedament għall-interpretazzjoni biblika moderna.

Id-Divino Afflante Spiritu telqet minn dak li kienet tat il-Providentissimus Deus ħamsin sena qabel u minn hemm fetħet toroq ġodda li wasslu l-Knisja għad-Dei Verbum, il-Kostituzzjoni Dommatika ta’ Konċilju Vatikan II fuq ir-Rivelazzjoni.

Sa minn qabel il-Konċilju, l-Iskrittura kienet diġà qed tieħu post ċentrali fil-ħajja tal-Knisja u meta bdew id-diskussjonijiet bejn l-Isqfijiet konċiljari huma sabu quddiemhom numru ta’ proposti relatati mal-Iskrittura Mqaddsa u li kienu tressqu għall-kunsiderazzjoni tagħhom.  Fost dawn is-suġġetti kienet mistennija xi forma ta’ definizzjoni dwar sa fejn tasal l-ispirazzjoni, il-valur tal-inerranza tal-Bibbja, il-bżonn li kull poplu jkollu l-Bibbja fl-ilsien ta’ pajjiżu stess, ir-relazzjoni bejn l-Iskrittura u Tradizzjoni Nisranija, u fuq kollox il-bżonn urgenti li s-saċerdoti u l-katekisti jkollhom huma stess aktar formazzjoni fl-Iskrittura biex ikun jistgħu jgħaddu tagħlim aħjar lill-poplu ta’ Alla.

 

F’hiex jikkonsisti d-Dei Verbum

Fit-18 ta' Novembru 1965 kienet ippromulgata l-Kostituzzjoni Dommatika, Dei Verbum. Huwa dokument importanti li jikkonċerna dak li wriena Alla dwaru nnifsu, dwar il-mod kif aħna għandna nifhmu u ninterpretaw il-Kelma li tana u fuq kollox kif għandna nħalluha taffettwa l-fidi u l-prattika tagħha f’ħajjitna u fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn, speċjalment dawk li ma jħaddnux l-istess twemmin tagħna.

Id-dokument nnifsu mhux twil għax jikkonsisti biss minn sitta u għoxrin paragrafu, imqassma f’sitt kapitli. Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher ċar li l-Padri Konċiljari ma xtaqux jagħtuna trattati tqal u twal li jaqtawlek qalbek malli tarahom.  Huma xtaqu li din tkun kitba sempliċi li jista’ jaqraha u jifhimha l-poplu kollu.

F’daħla qasira ħafna jiddikjaraw mill-ewwel l-intenzjoni tagħhom li filwaqt li jimxu fuq il-passi tal-aħħar żewġ konċilji, dak ta’ Trentu u dak ta’ Vatikan I, fl-istess waqt riedu juru t-tagħlim ġenwin dwar ir-Rivelazzjoni Divina u kif din għaddiet fiż-żmien, biex bl-aħbar tas-salvazzjoni, d-dinja kollha meta tisma' temmen, meta temmen tittama u meta tittama tħobb.

Fi żmien meta bosta kattoliċi kellhom il-fehma li l-Kelma ta’ Alla kienet biss għal dawk li jemmnu, din kienet dikjarazzjoni qawwija, kważi kważi, ażżardata. L-isqfijiet riedu jkunu ċari, li l-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni ma kienetx għall-Insara biss imma għad-dinja kollha. Il-fidi, it-tama u l-imħabba kienu għal kulħadd.  Kien biss wara li ċċaraw dan it-twemmin tagħhom li setgħu jidħlu fl-ewwel kapitlu li jitratta fuq ir-Rivelazzjoni nfisha.

Permezz tar-Rivelazzjoni Alla ma riedx jagħtina ġabra ta’ tagħrif dwaru nnifsu, imma ried jikkomunikalna lilu nnifsu stess.  Riedna nkunu nafu l-imħabba tiegħu għalina. Għalhekk ir-Rivelazzjoni mhix biss kliem dwar Alla, imma l-esperjenza ta’ Alla ħaj.  Hekk meta nsiru nafu aħjar lil Alla, naslu biex nifhmu wkoll l-iskop aħħari għall-eżistenza umana tagħna.

Il-milja ta’ din l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem tintlaħaq fil-persuna ta’ Ibnu stess li mhuwiex biss il-messaġġier tal-Missier, imma huwa nnifsu hu l-istess messaġġ. Kristu huwa l-patt il-ġdid u definittiv ta’ Alla mal-bniedem.

Imbagħad it-tieni kapitlu ta’ din il-Kostituzzjoni jitkellem dwar it-trasmissjoni tar-Rivelazzjoni Divina.  Alla ried li dak li huwa rrivela għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha jibqa’ sħiħ sal-aħħar u jitwassal minn nisel għall-ieħor. Għalhekk Kristu ordna lill-Appostli li jippridkaw lil kulħadd l-evanġelju bħala l-għajn ta' kull verità li ssalva. Huma temmew bil-fedeltà l-kmand ta' Kristu, l-ewwel bix-xandir tal-fomm u bl-eżempju, imbagħad ukoll bl-istituzzjonijiet li waqqfu, kemm dawk li rċevewhom minn fomm Kristu u mill-ħajja tiegħu u kemm dawk li kienu tgħallmu mill-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.

Wara, biex l-Evanġelju jinżamm dejjem sħiħ u ħaj fil-Knisja, l-Appostli ħallew Isqfijiet bħala suċċessuri tagħhom billi fdawlhom il-post tagħhom ta' għalliema. Din it-Tradizzjoni Nisranija u l-Kotba Mqaddsa taż-żewġ Testmenti huma bħal mera li fiha l-Knisja, li għada miexja fuq l-art, tikkontempla lil Alla li minnu tirċievi kollox sakemm tasal biex tarah wiċċ imb’wiċċ kif inhu.

Fit-tielet kapitlu, l-Isqfijiet tal-Konċilju jiktbu dwar l-ispirazzjoni divina u kif il- kitba mqaddsa għanda tkun interpretata. Iż-żewġ kapitli ta’ wara, ir-raba’ u l-ħames wieħed huma fuq it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, rispettivament u kif fihom tinsab, bħala vera kelma ta' Alla, l-ekonomija tas-salvazzjoni, imħabbra, irrakkuntata u mfissra mill-kittieba sagri.[iv]

Ma setax jonqos li l-aħħar kapitlu jkun fuq l-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja; il-qima li tati l-Knisja lill-Kotba Mqaddsa, l-impenn appostoliku tal-istudjużi, u l-importanza tal-Kelma ta’ Alla fit-teoloġija u fil-predikazzjoni.

L-Isqfijiet Konċiljari jtemmu d-Dei Verbum billi filwaqt li jappellaw lil kulħadd biex jaqra l-Iskrittura huma jesprimu t-tama tagħhom li l-Kelma ta' Alla tiġri u tissebbaħ filwaqt li t-teżor tar-Rivelazzjoni, fdat lill-Knisja, jimla dejjem aktar il-qalb tal-bnedmin u jnissel ħeġġa ġdida fil-ħajja spiritwali.

 

X’kien qed jiġri f’pajjiżna

Dak li ħeġġet għalih id-Dei Verbum jiġifieri li jsiru aktar traduzzjonijiet tal-Kotba Mqaddsa bil-lingwa tal-post, li s-saċerdoti u l-katekisti jkollhom formazzjoni biblika aħjar, u li l-Bibbja tinqara aktar mil-lajċi, f’pajjiżna dan kien diġà beda jseħħ sa minn bosta snin qabel.  Sa meta f’Novembru 1965 kienet promulgata din il-Kostituzzjoni, il-poplu kienu diġà kellu numru ta’ traduzzjonijiet għall-Malti. L-ewwel tentattiv kien imur lura saħansitra sal-1811, aktar minn mija u ħamsin sena qabel.  Fl-1929, Monsinjur Pietru Pawl Saydon beda it-traduzzjoni mill-ilsna oriġinali, kif talab il-Konċilju nnifsu aktar minn tletin sena wara, tant li meta beda l-Konċilju Vatikan II, din it-traduzzjoni kienet lesta.

L-ewwel katedra tal-Iskrittura fl-Università ta’ Malta kienet ilha mwaqqfa ħamsin sena.  Sa minn qabel beda l-Konċilju, f’pajjiżna kellna l-Għaqda Biblika li ħadmet ħafna biex tagħti l-Kotba Mqaddsa lill-poplu u tgħin kemm tista’ fil-formazzjoni tiegħu.  Il-Qaddis Malti Dun Ġorġ Preca li kellu sehem kbir fit-tixrid tal-Bibbja f’pajjiżna, kien ilu mill-1907 li waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-MUSEUM, li kienet ibbażata fuq il-Kelma ta’Alla tant li l-Verbum Dei saret il-badge li tidentifika lis-soċji. Dun Ġorg stess kien anke ttraduċa mill-Vulgata xi siltiet biex jintużaw mill-membri.  Dan kollu juri kif f’dak li kellu x’jaqsam mal-Iskrittura, meta waslet id-Dei Verbum, f’pajjiżna sabet pedamenti sodi li setgħet tkompli tibni fuqhom.

Fis-snin ta’ wara l-publikazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan II, kibret fil-Knisja s-sensibbilità għall-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni Nisranija.  Kien dokument li bla dubju ta’ xejn ġab miegħu żvilupp kbir fuq livell eseġetiku, teoloġiku, spiritwali, pastorali u saħansitra anke ekumeniku.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-isfida ta’ żmienna

Fit-30 ta’ Settembru 2010, Benedittu XVI, ippublika l-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali, Verbum Domini.  Fiha fakkar li l-Kelma eterna ta’ Alla daħlet fiż-żmien meta b’mod uman Alla lissinha u hekk il-Verb sar bniedem.  Din hi l-aħbar li tgħaddi minn seklu għall-ieħor, sa ma tasal għandna llum.[v]

Il-Papa fakkar ukoll fl-istimolu qawwi li tat il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum lill-għarfien mill-ġdid tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja, lir-riflessjoni teoloġika fuq ir-Rivelazzjoni divina u lill-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa. Semma wkoll il-bosta interventi tal-Maġisteru tal-Knisja matul is-snin ta' wara l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.[vi] 

Fl-istess waqt il-Papa Benedittu XVI kiteb ukoll fuq l-isfidi ġodda li ż-żmien tal-lum iqiegħed quddiem dawk li jemmnu fi Kristu, u fost oħrajn semma kif il-Kelma ta’ Alla, fil-ħajja tal-miżżewġin u tal-familja hija ta’ għajnuna prezzjuża.[vii]

 

Imbagħad, fit-30 ta’ Settembru 2019, permezz tal-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, il-Papa Franġisku stabilixxa, Jum il-Kelma ta' Alla biex ikun iċċelebrat fit-tielet Ħadd ta’ matul is-Sena liturġika. Dakinhar għandu jkun iddedikat kull sena għaċ-ċelebrazzjoni, ir-riflessjoni u t-tixrid tal-Kelma ta’ Alla.

F’din l-Ittra Appostolika tiegħu, Franġisku kiteb li l-ikbar sfida li għandna f’ħajjitna llum hija dik li nipprattikaw il-ħniena, imma jekk nagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla, din kapaċi tiftħilna għajnejna biex tgħinna noħorġu mill-individwaliżmu li jaqta’ n-nifs u jħallina vojta, waqt li tiftħilna beraħ it-triq quddiemna biex naqsmu u nkunu solidali mal-oħrajn.[viii]  “Fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura”.[ix] Dan, jgħid il-Papa, hu wieħed mill-aħħar ġesti li għamel Kristu Rxoxt, qabel it-Tlugħ tiegħu fis-Sema.[x]

Ir-raba’ Evanġelista beda x-xandira tal-Aħbar it-Tajba bid-dikjarazzjoni, “Fil-bidu kienet il-Kelma.” Din hija l-Verb ta’ Alla, li kien minn dejjem ma’ Alla, u li huwa nnifsu kien Alla. Huwa l-Verb li kollox sar bih, u mingħajru ma sar xejn. Huwa l-Verb, Kristu nnifsu, li kull ma sar kellu l-ħajja fih.[xi]  Forsi mhux għalhekk seta’ jgħidilna, li dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutu nkunu qed nagħmluh miegħu stess?[xii]

Forsi mhux din hija l-akbar isfida li tpoġġilna quddiema l-Kelma ta’ Alla anke llum, li f’kull ma’ min niltaqgħa, nilmaħ lil Kristu? Li fi żmien ta’ gwerra, qerda u mewt kif huwa dak tagħna, nibqa’ nħares lejn l-ieħor u ngħid, “Il-Mulej dan!”[xiii]. Li f’kuntest soċjali ta’ piki u ġlied, nista’ nħares lejn tan-naħa l-oħra u ngħid, “Il-Mulej dan!”. Li fil-familja, anke jekk mifruda u qed titfarrak, nibqa’ nħares lejn dak jew lejn dik li qed jittraduni, u ngħid, “Il-Mulej dan!”. “Il-Mulej din!”.  Li fil-Knisja nfisha, nista’ nilmaħ lil dawk ta’ fehma jew twemmin differenti minn tiegħi, u jkolli l-qawwa li ngħid, “Il-Mulej dawn!”.

Hija l-qawwa li mhux ġejja minni nnifsi, imma mill-istess Spirtu li tana l-Kelma, kemm jekk dik miktuba u kemm jekk dik inkarnata fi Kristu. Huwa l-istess Spirtu li kuljum jibdel il-ħobż u l-inbid fi Kristu ħaj, illum. Huwa l-istess Spirtu li hemm jgħammar fija, u f’ħija u f’oħti.  Anke jekk dawn qegħdin fuq il-ġenb l-ieħor tat-triq jew fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef

 


[i] Fuq id-Dei Verbum tista’ tisma wkoll sensiela ta’ tnax-il intervista awdjo minn Joe Farrugia lil Fr Paul Sciberras. Radju Marija. 2012. online: https://laikos.org/aod_dv_page.htm

[ii] Atti tal-Appostli 2:1-4.

[iii] Il-Papa Franġisku fid-diskors tiegħu fuq il-Vjaġġ Appostoliku f’Malta. Udjenza Ġenerali. 06/04/2022.

[iv] Dei Verbum, 14

[v] Verbum Domini, 1

[vi] Fost dawn l-interventi: Pawlu VI, Ittra appostolika Summi Dei Verbum.04/11/1963; il-Motu Proprju Sedula cura, 27/06/1971; Ġwanni Pawlu II, Udjenza ġenerali, 01/05/1985; Diskors fuq l-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja, 23/04/1993; Benedittu XVI, Diskors fil-Kungress Internazzjonali għall-40 anniversarju tad-Dei Verbum, 16/09/2005; Angelus 06/11/2005; Insegnamenti I; 2005;

Ta’ min ifakkar ukoll l-interventi tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika, De sacra Scriptura et Christologia, 1984; Unità u diversità fil-Knisja, 11/04/1988; L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja. 15/04/1993; Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija, 24/05/2001; Bibbja u morali. Għeruq bibliċi għall-imġiba Nisranija; 11/05/2008.

[vii] Verbum Domini, 85.

[viii] Aperuit illis, 13.

[ix] Lq 24:45.

[x] Aperuit illis, 1

[xi] Ref. Ġw. 1:1-4.

[xii] Mt. 25:40.

[xiii] Ġw. 21:7