IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Lumen Gentium: Il-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja (8)

 

Kristu huwa d-dawl tal-ġnus: għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes, mlaqqa' fl-Ispirtu s-Santu, jixtieq b'ħerqa kbira illi bit-tħabbir tal-Evanġelju lill-ħolqien kollu jdawwal il-bnedmin kollha bid-dija ta' Kristu li tixgħel fuq wiċċ il-Knisja.

Dan huwa l-kliem li bih il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II jiftaħ il-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, Lumen Gentium.  Imma sakemm l-isqfijiet konċiljari waslu sa hawn, kellhom jgħaddu minn proċess twil ta’ bosta diskussjonijiet u li kien mifrux fuq tlieta mill-erba’ sessjonijiet tal-konċilju.

Quddiem l-isem tad-dokument dwar il-Knisja,  Lumen Gentium – Dawl tal-Ġnus jista’ jkun hemm min jaħseb li b’din il-frażi l-isqfijiet konċiljari kienu qed jirreferu għall-Knisja nfisha, madankollu sa mill-ewwel sentenza, huma jagħmluha ċara, Kristu huwa d-dawl tal-ġnus.  Kienet id-dikjarazzjoni biblika tal-profeta Xmun fit-Tempju ta’ Ġerusalemm li sejjaħlu, “dawl biex idawwal il-ġnus”.

F’din l-istqarrija fil-bidu tal-Kostituzzjoni tista’ tinftiem l-ekkleżjoloġija kollha tal-Konċilju Vatikan II. Hija ekkleżjoloġija ċċentrata fuq Kristu u għalhekk hija spiritwali u mistika aktar milli soċjali u istituzzjonali. Għalhekk, sabiex illum ikollna evanġelizzazzjoni aktar effettiva, hemm bżonn urġenti li ċ-ċentralità ta’ Kristu terġa’ titqiegħed fuq quddiem nett tal-ħsieb tal-Knisja dwarha nfisha. In-nies ma jaċċettawx lil Kristu għaliex iħobbu l-Knisja iżda jaċċettaw il-Knisja għaliex iħobbu lil Kristu, anke jekk quddiemhom jaraw Knisja sfigurata bid-dnub tal-membri tagħha.

Ħadd, qatt qabel, ma kien b’xi mod ċaħad dan il-kunċett spiritwali dwar il-Knisja, madankollu spiss jista’ jiġrilna li quddiem il-ġdid, ninsew il-qadim, il-preżent jaljenana mill-etern, u dak li llum inqisuh urġenti jieħu post dak li hu l-aktar importanti.

Kienu bosta dawk li jemmnu li bil-Magħmudija aħna nsiru l-ewwel nagħmlu parti mill-Knisja u b’riżultat, insiru wkoll membri fi Kristu.  Illum għad hemm min għadu jaħseb l-istess.  Madankollu aħna mlaqqma direttament fi Kristu, iz-zokk tad-dielja. Huwa permezz ta’ din l-għaqda tagħna miegħu li flimkien mal-oħrajn niffurmaw id-dielja.  Jekk ma noqgħodux attenti għalina nfusna, faċilment jista’ jiġrilna li lil Kristu nibdew nqiesuh biss bħala waħda mill-friegħi, sakemm ma naslux ukoll li nħarsu lejn il-fergħa jew l-istruttura tagħna bħala z-zokk ewlieni, dak li minnu jiddependi kollox

 

l-Papa Piju XII u l-Papa Ġwanni XXIII fuq il-Knisja

Għoxrin sena qabel il-Konċilju, fl-1943, il-Papa Piju XII kien ippublika Enċiklika dwar il-Knisja, Mystici Corporis Christi. Fiha jiddefenixxi l-vera Knisja ta’ Kristu li hija mhux biss Qaddisa, Kattolika, u Appostolika, imma wkoll Rumana.  Jgħid li l-ebda glorja akbar, l-ebda dinjità aktar għolja, l-ebda ġieħ aktar sublimi, ma jista’ wieħed jimmaġina minn dak li jifforma parti mill-Knisja Mqaddsa Kattolika, Appostolika, Rumana fejn insiru membri minn dan il-Ġisem wieħed. Din ir-referenza għall-Knisja Kattolika Rumana, kienet komuni u tintuża regolarment minn bosta biex jiddistingwuha minn Knejjes Insara oħra li ma kienux f’komunjoni sħiħa mal-Isqof ta’ Ruma. Iżda meta fl-1961, propju ftit xhur qabel fetaħ Vatikan II, il-Papa Ġwanni XXIII ppublika l-Enċiklika, Mater et Maġistra, dwar il-Knisja bħala Omm u Għalliema, r-referenza għall-Knisja Kattolika bħala dik Rumana, ma tidher imkien. 

L-iżvilupp fil-ħsieb tal-Knisja dwarha nfisha matul dawk l-aħħar għoxrin sena ma kienx wieħed żgħir, madankollu bosta kienu għadhom jifhmu l-Knisja bħala istituzzjoni ġerarkika u ġuridika li fiha l-kattoliku kien faċilment jista’ jkun identifikat bħala sudditu lejali tal-Papa, li ma jiekolx laħam nhar ta’ Ġimgħa, li jmur iqerr kull nhar ta’ Sibt u li jisma’ l-quddies nhar ta’ Ħadd.

F’Novembri 1962, kien preżentat fil-koncilju, id-dokument imħejji minn qabel mill-kummisjoniji preparatorja tal-Kurja Rumana, De Ecclea, dwar il-Knisja. It-titlu tal-ewwel kapitlu, Dwar in-Natura tal-Knisja Militanti, kien biżżejjed biex l-isqfijiet warrbu dan id-dokument mingħajr ma saret ebda diskussjoni fuqu.

Ftit jiem qabel fetħet it-tielet sessjoni tal-Konċilju, eżattement fis-6 ta’ Awwissu 1964, solennità tat-trasfigurazzjon tal-Mulej, il-Papa Pawlu VI ppublika l-enċiklika tiegħu dwar il-Knisja, Ecclesiam suam. “Ġesù Kristu waqqaf il-Knisja tiegħu biex tkun omm li tħobb lill-bnedmin kollha u twassalhom għas-salvazzjoni”.  Mhux biss lil dawk fi ħdanha, imma lill-bnedmin kollha.

Matul dawk ix-xhur diversi konferenzi episkopali madwar id-dinja ħadu l-inizjattiva li jħejju abbozzi ta’ kitbiet oħra fuq il-Knisja u fit-tielet sessjoni tal-konċilju tressqu diversi minnhom.  Id-diskussjoni dwarhom kienet twila u mqanqla sakermm fl-aħħar wasslet għal dokument finali, il-Lumen Gentium, approvat fil-11 ta’ Ottubru 1964.  Minn elfejn, mija u wieħed u ħamsin isqof, ħamsa biss ivvutaw kontra.

 

Il-Lumen Gentium

Il-kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja fiha tmien kapitli. Imma qabel nidħlu fiha u nifluha, rridu nżommu f’moħħna żewġ fatturi importanti li mingħajrhom la nistgħu nifhmuha tajjeb u lanqas napprezzawha biżżejjed, anzi jista’ jkun hemm ukoll ir-riskju li ninterpretawha ħażin. 

Jeħtieġ niftakaru li d-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II la kienu miktuba minn persuna waħda u lanqas minn grupp żgħir ta’ teologi imma huma frott tal-esperjenza tal-Knisja kollha u ta’ riflessjoni kollettiva ta’ aktar minn elfejn isqof li lkoll ġabu magħhom mhux biss l-esperjenzi individwali tal-Knejjes lokali tagħhom, imma wkoll it-tamiet tal-poplu ta’ Alla fdat lilhom.

Barra minn hekk l-ebda wieħed mis-sittax-il dokument ma jista’ jkun mifhum f’iżolament mid-dokumenti l-oħra għaliex bejniethom hemm rabta importanti li permezz tagħha huma jesprimu u jfissru aħjar lil xulxin. Dan jgħodd wkoll, forsi wkoll b’mod speċjali għall-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, Lumen Gentium, li minkejja l-importanza kbira tagħha, anzi forsi wkoll minħabba din l-importanza, tant tinħtieġ lid-dokumenti l-oħra biex tista’ tinftiehem aħjar.

F’diskors li kien għamel il-Papa Pawlu VI fil-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-konċilju huwa fisser il-Knisja bħala misteru, miżgħuda profondament bil-preżenza divina.  Ċertament li dan influenza lill-isqfijiet miġbura tant li fl-ewwel kapitlu ta’ din il-Kostituzzjoni Dommatika huwa ntitulat propju, il-Misteru tal-Knisja.  Għalhekk bħala misteru, hija qatt ma tista’ tkun definita jew deskritta b’mod sħiħ.

Billi l-Knisja hija, fi Kristu, bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma' Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu, għalhekk fuq il-passi ta' konċilji oħra li saru qabel, l-isqfijiet xtaqu jfissru b'mod iżjed ċar u preċiż lill-fidili u lid-dinja kollha n-natura u l-missjoni universali tagħha. Il-kondizzjonijiet taż-żmien kienu jagħtu lil dan id-dmir tal-Knisja piż u urġenza akbar sabiex il-bnedmin kollha, li huma magħqudin iżjed bejniethom b'rabtiet soċjali, tekniċi u kulturali differenti, jiksbu wkoll l-għaqda sħiħa fi Kristu.

Kien hemm min xtaq li t-tieni kapitlu kapitlu ta’ dokument dwar il-Knisja jkun jitratta dwar il-mexxejja tagħha, il-ġerarkija.  Minflok l-isqijiet ħassew li dan l-kapitlu kellu jkun dwar il-Poplu ta’ Alla kollu.  Jibda biex jitkellem dwar alleanza ġdida u poplu ġdid għaliex f'kull żmien u f'kull nazzjon Alla jilqa' lil kull min għandu l-biża tiegħu u jagħmel is-sewwa. Madankollu Huwa għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta bejniethom, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija.

Dan il-kapitlu jitratta dwar saċerdozju komuni tal-imgħammdin kollha u s-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku li għalkemm dawn huma differenti, madankollu huma maħsuba għal xulxin għaliex it-tnejn, kull wieħed bil-mod tiegħu, jipparteċipaw mis-saċerdozju wieħed ta'  Kristu.  Bil-kariżmi differenti, il-poplu għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta' Kristu meta jxandar x-xhieda ħajja tiegħu, l-aktar billi jgħix tassew il-fidi u l-karità u joffri lil Alla s-sagrifiċċju ta' tifħir.  

L-Isqfijiet jisħqu wkoll fuq universalità tal-poplu wieħed ta' Alla li ma jinkludix biss lill-kattoliċi imma wkoll lil dawk fi knejjes insara oħra.  Teżisti rabta bejn l-imgħammdin u dawk li mhumiex insara. Għalhekk il-Knisja ghandha karattru missjunarju għaliex kif l-Iben kien mibgħut mill-Missier, hekk ukoll huwa bagħat lill-Appostli.

 

Friegħi differenti tal-istess poplu

Huwa fit-tielet kapitlu li l-Konċilju jitratta dwar il-ġerarkija b’mod partikolari dwar l-episkopat u s-suċċessjoni appostolika, il-kulleġġ tal-isqfijiet u r-rabta tagħhom mas-suċċessur ta’ Pietru, id-dmir li jqaddsu lill-oħrajn u s-setgħa li jiggvernaw.  Lejn l-aħħar tal-kapitlu naqraw ukoll dwar il-presbiteri u d-djakni u r-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu, mal-isqfijiet, ma’ presbiteri oħra u mal-poplu nisrani kollu.

Fir-raba’ kapitlu  hemm dwar in-natura tal-lajkat nisrani, l-appostiolat tal-lajċi u dinjità tagħhom li tiġi mis-sehem li għandhom fis-saċerdozju komuni u l-funzjoni profetika ta' Kristu.  Għalhekk huma wkoll jridu jkunu xhieda tiegħu.  Huwa hawn li l-isqfijiet konċiljari jsejjħu lil-lajċi, bħala r-ruħ tad-dinja. Minbarra f’dan il-kapitlu, il-Konċilju jagħtina wkoll id-digriet Apostolican Actuositatem li jitratta kollu kemm hu dwar l-apostolat tal-lajċi

Fit-tliet kapitli li jmiss, fil-Lumen Gentium naqraw fuq is-sejħa universali tal-Knisja għall-qdusija u kif din isseħħ b’modi differenti; dwar ir-reliġjużi, il-kunsilli evanġeliċi u l-importanza tal-istat reliġjuż fil-Knisja;  u fuq in-natura eskatoloġika tal-Knisja, pelligrina fuq l-art u l-għaqda tagħha mal-Knisja tas-sema.

L-aħħar kapitlu, it-tmien wieħed huwa fuq l-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja. Waqt li ta t-tagħlim dwar il-Knisja li biha l-Feddej divin iħaddem is-salvazzjoni, il-Konċilju ried b'mod xieraq ifisser ukoll x'kien is-sehem tal-Verġni Mqaddsa fil-Misteru tal-Verb magħmul bniedem u tal-Ġisem Mistiku u x'inhuma d-dmirijiet tal-bnedmin mifdija lejn Omm Alla, Omm Kristu u omm il-bnedmin u, fuq kollox omm il-fidili. Ma kienx il-għan tal-isqfijiet li jagħtu tagħlim sħiħ dwar Marija u anqas riedu jaqtgħu l-kwistjonijiet li l-istudji teoloġiċi kienu għadhom ma waslux biex jitfgħu dawl sħiħ fuqhom. Tant kien hekk li huma ddikjaraw li bid-dritt kollu kienu jistgħu jibqgħu jinżammu dawk l-opinjonijiet li huma mgħallma bil-libertà kollha fl-iskejjel kattoliċi dwar dik li fil-Knisja mqaddsa tokkupa, wara Kristu, il-post l-aktar għoli u fl-istess ħin l-aktar qrib lejna.

 

Kristu huwa l-Lumen Gentium, id-Dawl tal-Ġnus.  Jekk minn dak kollu li l-isqfijiet tawna f'dan id-dokument tant importanti, nibqgħu niftakru biss dawn l-ewwel żewġ kelmiet, inkunu diġà għamilna pass kbir. Huwa lilu li l-Knisja trid twassal u mhux lilha nfisha.  Huwa dwaru li trid tippriedka u mhux dwarha stess. Huwa lilu li trid tpoġġi fiċ-ċentru tad-dinja. U meta fiċ-ċentru tal-dinja jkun hemm Hu, il-Bniedem Alla, miegħu wkoll ikun hemm il-bniedem nnifsu.  Kien propju għalhekk li Alla sar wieħed minn, id-dawl li jiddi fid-dlam u li dlam ma għelbux. (Ġw.1:5)

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef