Ara video ...

 

IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Gaudium et Spes

Il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-lum (12)

 

“L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta' dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta' Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f'qalbhom”

Din l-ewwel sentenza li biha l-Isqfijiet Konċiljari jiftħu l-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, aktarx li hija l-aktar waħda mis-sittax-il dokument li ġiet ikkwotata u li baqgħet titfakkar

Id-dokument, Gaudium et Spes kien l-aħħar wieħed li ġie approvat, proprju lejliet l-għeluq tal-konċilju, iżda dan ma jnaqqas xejn mill-importanza kbira tiegħu, anzi forsi minħabba l-qawwa tal-messaġġ li riedu jgħaddulna r-Rgħajja tal-Knisja, huma ddeċidew li jħalluh għall-aħħar.

Il-Knisja u d-dinja mitt sena qabel il-Konċilju

Eżattament mija u sena qabel, il-Papa Piju IX, mal-Enċiklika tiegħu, Quanta Cura, ippublikata fit-8 ta’ Diċembru 1864, kien żied ukoll dak li baqa’ magħruf bħala s-Sillabu tal-Erruri, lista ta’ tmenin żball, spiss imsejħa wkoll “ereżiji” tad-dinja ta’ dak iż-żmien li l-istess papa kien diġà tkellem fuqhom u kkundanna f’dokumenti, kitbiet u diskorsi li għamel qabel.

Kienet attitudni ta’ Knisja mbeżża minn dinja li għal diversi raġunijiet ma setgħet qatt taqbel magħha. Knisja li għalkemm matul is-sekli xterdet mad-dinja kollha, imma issa kienet ħasset il-bżonn li tiddefendi lilha mis-soċetà stess li kienet qed tgħix fiha. Kienet saret Knisja fortizza, lesta li tilqa’ għall-attakki ta’ dawk stess li kienet mibgħuta biex tevanġelizza. Kienet attitudni li sa nofs is-seklu għoxrin kienet espressa b’mod mill-aktar ċar, fost oħrajn fil-verżjoni bil-Malti tal-Innu tal-Papa, “Għalxejn l-għedewwa jridu, iġarrfu l-ħitan”.

Sa tmiem il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, l-attitudni tal-isqfijiet kif espressa fil-Gaudium et Spes, kienet kompletament differenti. “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta' Kristu.”  U hawn huma jagħmluha ċara li ma għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni. “Ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f'qalbhom.”

Fid-daħla tiegħu, id-dokument jirreferi għat-tibdiliet kbar li kienu bdew jidhru f’diversi oqsma tal-ħajja, dawk soċjali, psikoloġiċi, morali u reliġjużi. L-isqfijiet  jiktbu fuq dak li huma jsejjħulu “nuqqas ta’ ekwilibriju” fid-dinja.  Imma ma jonqsux li jfakkru wkoll fix-xewqat l-aktar universali tal-bnedmin u l-mistoqsijiet l-aktar profondi li huwa jagħmel.

Il-Gaudium et Spes jikkonsisti wkoll minn żewġ taqsimiet ewlenin, kull waħda minnhom maqsuma f’diversi kapitli differenti.  L-ewwel taqsima hija fuq il-Knisja u s-sejħa tal-bniedem. Fiha jistqarru li huwa l-istess Spirtu li jqanqal lill-Poplu ta’ Alla biex jilmaħ il-preżenza ta’ Alla fil-ġrajjiet, fl-esiġenzi u fix-xewqat tal-bnedmin l-oħra ta' żmienna. Ewlieni f’din it-taqsima huwa kapitli fuq id-dinjità tal-persuna umana.  Isegwu wara kapitli oħra fuq il-komunità tal-bnedmin,  fuq il-ħidma tal-bniedem fl-univers, kif ukoll fuq il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum.

Imbagħad fit-tieni taqsima ta’ din il-Kostituzzjoni Pastorali. il-Konċilju jgħaddi biex jiġbed l-attenzjoni ta' kulħadd għal xi problemi partikolarment urġenti ta' dak iż-żmien u li l-aktar kienu jolqtu lill-bniedem.  Ma setax jonqos li l-isqfijiet jiddedikaw l-ewwel kapitlu ta’ din it-taqsim għall-promozzjoni tal-dinjità taż-żwieġ u l-familja.  Imma huma kitbu wkoll fuq l-iżvilupp xieraq tal-kultura, fuq il-ħajja ekonomika u soċjali, il-ħajja politika, il-ħidma favur il-paċi u l-bini tal-komunità tal-ġnus.

Huwa evidenti li b’din l-attitudni l-ġdida tagħha fil-konfront tad-dinja, il-Knisja ma ddeċidietx li tinjora dak kollu li fis-soċjetà kien imur kontra l-valuri evanġeliċi li tħaddan, imma xtaqet li tinżel mill-għoli tas-sedja maġisterjali li kienet fuqha u ma tkomplix tiġġudika u tikkundanna lill-umanità. Riedet twarrab il-pedestall minn taħt riġlejha biex fuq art komuni mal-bnedmin l-oħra tipprova tifhem id-diffikultajiet tagħhom, tħoss magħhom, takkompanjahom u tagħmel l-għalmu kollu tagħha biex tagħdirhom u tgħinnhom.

Matul l-istess konċilju, il-Knisja kienet diġà eżaminat fil-fond lilha nfisha u dokumentat ir-riflessjonijiet tagħha f’kitbiet oħra, b’mod speċjali fil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, imma issa hija riedet ukoll tħares ‘il barra minnha nfisha u waqt li tieħu mit-teżori tat-tagħlim tal-Vanġelu, tgħin bl-aħjar mod li tista’ lill-bnedmin kollha ta' żminijietna, kemm jekk jemmnu f'Alla u kemm jekk ma jagħrfuhx.  L-isqifijiet kienu ċerti li jekk kull bniedem jagħraf id-dinjità li għandu u jifhem aħjar is-sejħa sħiħa tiegħu, allura huwa jfittex li jaħdem għal dinja aħjar mibnija fuq l-imħabba u l-għaqda fraterna bejn kulħadd.

Il-Knisja u d-dinja sittin sena wara l-konċilju

Mill-promulgazzjoni tal-Gaudium et Spes sal-lum għadda aktar minn nofs seklu. Dawk li f’dak iż-żmien kienu għadhom tfal jew żgħażagħ, illum sar nanniet u bużnanniet. Oħrajn mietu.  Fl-istess waqt id-dinja li kienet diġà bdiet tkun deskritta bħala villaġġ globali, minħabba l-iżviluppi kbar li seħħew fl-oqsma tat-trasport u tal-komunikazzjoni, illum sirna nqisuha sempliċi d-dar komuni tagħna.  Sirna aktar konxji mill-problemi tagħha milli konna dakinhar. Forsi wkoll li l-għajta tagħna favur dinja aħjar kibret. Imma dan ma jfissirx li l-għawġ u t-twegħir ta’ dakinhar nistgħu ninsewh.

Meta niflu sewwa t-temi kollha li titratta dwarhom il-Gaudium et Spes, jidher b’mod mill-aktar ċar li dak li kien urġenti dakinhar għadu daqstant ieħor urġenti llum. Li l-problemi tas-soċjetà ta’ matul is-sittinijiet għadhom il-problemi tagħna.  Li dak li ddiskutew u  kitbu fuq l-isqfijiet aktar minn nofs seklu ilu, għadu fuq l-aġenda tas-soċjeta diġitali ta’ żmienna. Minkejja kull xenqa għall-paċi, għadha hemm it-theddida tal-gwerra. Minkejja t-tkabbir ekonomiku ta’ żmienna, għadu hemm il-faqar tremend li jgħixu u jmutu fih tant popli. Għadu hemm u forsi kiber, id-diżastru uman tal-migrazzjoni  fejn miljuni ta’ bnedmin jkollhom iħallu djarhom u jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu kenn għalihom infushom u futur aħjar għal uliedhom. Għadu hemm l-isfruttament u l-qerda tal-ħolqien ta’ madwarna minħabba l-qliegħ tal-ftit. Għadna naraw iż-żebliegħ tad-dinjità tal-persuna umana.  It-tifrik tal-istituzzjoni tal-familja bil-weġgħat kbar li dan jikkawża lill-membri tagħha, speċjalment lit-tfal. It-telf ta’ fiduċja li bosta popli llum qed ikollhom fis-sistema politika u f’dawk li huma fdati bit-tmexxija tal-popli.  U l-lista tkompli titwal.

Dan huwa biss ftit minn niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta' dawk kollha li jbatu u li l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II rreferha għalihom aktar minn nofs seklu ilu,  Iżda magħġuna magħhom fl-istess soċjetà nistgħu nilmħu wkoll l-hena u t-tama, il-gaudium et spes.  Tant persuni minn kull nazzjon u minn kull twemmin reliġjuż li mimlijin ħeġġa u spiss bil-moħbi jagħtu s-sehem tagħhom f’diversi oqsma tal-ħajja. Huma dawn l-hena u t-tama tal-Knisja u tad-dinja ta’ żmienna.

Iċ-ċirkustanzi fid-dinja minn żmien il-konċilju sal-lum inbidlu drastikament, imma l-prinċipji li Knisja trid timxi fuqhom fir-relazzjoni tagħha mad-dinja jibqgħu l-istess; li tfittex id-djalogu mal-bnedmin kollha, li tkun ta’ servizz għal kulħadd, u fuq kollox li żżomm f’moħħha u f’qalbha li d-dinja hija magħmula minn persuni li diġà ġew mifdija. Għalhekk il-missjoni tagħha, li trid twettaq b’ħafna umiltà u rispett hija dik li twassal lill-popli l-aħbar it-tajba ta’ din il-fidwa.  Ma nistgħu qatt inkunu Knisja f’oppożizzjoni ma’ dinja li Alla tant ħabbha li għaliha ta lil Ibnu stess.

 

Hija għalhekk din l-insistenza tagħna li anke llum għadna nistgħu nisħqu li l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II seħħ, imma għad irid iseħħ.  Huwa biss meta nipperswadu lilna nfusna minn din ir-realtà li forsi nistgħu nibdew nagħżqu l-għalqa tad-dokumenti li tana ħalli fiha niskopru t-teżor moħbi li hemm midfun.  Mill-banda l-oħra jekk il-konċilju jibqa’ għalina biss ġrajja tal-imgħoddi, allura nkunu ħatja li dfinna dan il-wirt kbir.  Inkunu tlifnieh aħna u tellifnieh ukoll lil ta’ warajna. 

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef