IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ.

Il-Papa Pawlu VI.  Il-Konċilju jkompli (6)

 

Sa minn qabel intemmet l-ewwel sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II fit-8 ta’ Diċembru 1962, kien diġà sar magħruf mad-dinja kollha li t-twajjeb Papa Ġwanni kien qiegħed ibgħati minn marda terminali, madankollu ħidmietu kienet għadha ma ntemmitx.  Erba’ xhur wara, eżattment fil-11 ta’ April 1963, Ġwanni XXIII kompla jżid mat-teżor tad-duttrina soċjali tal-Knisja b’dokument ieħor, il-Pacem in Terris, enċiklika dwar paċi fost il-ġnus kollha mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba.

Fl-1948 meta kien għadu Nunzju f’Pariġi, Angelo Roncalli kellu sehem importanti fit-tfassil tad-dikjarazzjoni universali tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-bniedem.  Issa b’din l-aħħar enċiklika tieghu, huwa assigura li l-Knisja wkoll kien ser ikollha d-dikjarzzjoni uffiċjali tagħha dwar il-jeddijiet umani.  Kienet l-ewwel enċiklika li papa ma indirizzahiex biss lill-mexxejja u lill-fidili tal-Knisja Kattolika, imma lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

Pacem in Terris tnisslet f'moħħ Ġwanni XXIII fil-ħarifa tal-1962 matul il-kriżi tal-missili Kubani, meta huwa kien serva ta’ intermedjarju bejn il-President Amerikan John Fitzgerald Kennedy u l-mexxej Sovjetiku Nikita Khrushchev. Dak li permezz tal-konċilju ħeġġeġ għad-djalogu fil-Knisja, issa f’dak l-aktar konfront perikoluż tal-gwerra bierda, talab ukoll lill-popli biex jersqu lejn xulxin u offra messaġġ ta’ paċi u tama lis-superpotenzi mitlufa bejniethom f’tellieqa ta’ theddida għad-dinja kollha. 

Fl-aħħar jiem tax-xahar ta’ wara, saħħet il-Papa ħżienet u sar magħruf  li huwa kien qed joqrob lejn it-tmiem.  Lejl u nhar, folla kbira ħonqot Pjazza San Pietru għal erba’ t’ijiem sħaħ. Lkoll xtaqu li minn taħt it-tieqa tal-apparatment tiegħu jassistuh fis-skiet u bit-talb tagħhom f’dawk il-mument solenni u jakkumpanjawh fl-aħħar vjaġġ tiegħu.

Fit-3 ta’ Ġunju 1963, ir-Radju tal-Vatikan ħabbar li ftit tal-ħin qabel, eżattament fis-sebgħa u disgħa u erbgħin minuta ta’ filgħaxija, il-Papa Ġwanni XXIII kien għadda għal għand il-Mulej.   

L-aħħar kliem tiegħu minn fuq is-sodda tal-mewt kien talba għall-għaqda fost l-Insara.

 

Il-ħatra ta' Papa ġdid

Minnufih wassal din l-aħbar ukoll l-istazzjon ta’ televiżżjoni Taljan, ir-RAI li  fil-pront issospenda l-programmi tiegħu b’sinjal ta’ luttu.

Fil-jiem ta’ wara kienu tnejn id-domandi f’moħħ u fuq fomm bosta kattoliċi.  Min se jkun il-papa li jmiss u x’ser jiġri mill-konċilju? Se jkompli?

It-tweġiba għall-ewwel domanda waslet lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru u lil dawk li kienu qed isegwu fuq ir-radju jew televiżjoni fil-21 ta’ Ġunju 1963.  “Annuntio vobis gaudium magnum: habemus papam.” Il-Papa l-ġdid, kien il-Kardinal Arċisqof ta’ Milan, Giovanni Battista Montini li għażel għalih nnifsu l-isem ta’ Pawlu VI.

It-tweġiba għat-tieni domanda, dik dwar x’kien ser jiġri mill-konċilju waslet l-għada stess f’messaġġ mill-papa l-ġdid innifsu li fih iddikjara li x-xogħol ewlieni tal-pontifikat tiegħu ser ikun it-tkomplija tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li kien beda l-Papa ta’ qablu u li fuqu kienu ffissati l-għajnejn tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Pawlu VI stqarr, “Għal dan il-konċilju beħsiebna niddedikaw l-enerġija kollha li tana l-Mulej”.

Ġwanni XXIII kien lesta biss il-prologu tal-Konċilju.  Issa kien f’idejn Pawlu VI li jiggwidah matul is-sessjonijiet li kien fadal u jwasslu b’wiċċ il-ġid lejn tmiemu.

It-tieni sessjoni tal-Konċilju infetħet fid-29 ta’ Settembru 1963.  F’diskors li għamel dakinhar, Pawlu VI ressaq quddiem l-Isqfijiet konċiljari, dawn it-tliet domandi: “L-ewwel, minn fejn se jibda dan l-vjaġġ tagħna?  It-tieni, liema triq għandna nimxu minnha? U t-tielet, x’għandu jkun l-għan aħħari li rridu nimxu lejh?

Dakinhar l-isqfijiet kienu preżentati bi sbatax-il abbozz dwar suġġetti li kellhom ikunu diskussi. Ħafna mix-xogħol kien sar matul il-waqfa minn kummissjonijiet relattivament żgħar maħtura mill-isqfijiet infushom biex wara jkunu diskussi fl-Assemblea Ġenerali. 

Kien evidenti li fost il-Padri Konċiljari kien hemm mentalitajiet u attidunijiet differenti.  Bosta minn dawk li ġew mill-Ewropa tal-Punent, partikolarment dawk mill-Italja, il-Portugall u Spanja, kif ukoll dawk mill-Irlanda, kienu magħrufa għall-konservattiviżmu tagħhom. Kienu determinati li ma jitħarrkux minn fhemithom, lanqas biex il-Knisja tibda toqrob xi ftit lejn id-dinja moderna.  Minkejja li fl-għadd tagħhom dawn kienu biss ftit pajjiżi, madankollu in-numru tal-isqfijiet li kienu ġew minnhom kien ilaħħaq kważi għoxrin fil-mija ta’ dawk kollu preżenti fil-konċilju.  Bosta minnhom kienu qrib ħafna tal-kurja Rumana u kienu jafu sewwa kif kienet taħdem l-amministazzjoni ċentrali tal-Knisja, għalhekk għamlu minn kollox biex iħarsu l-istatus quo u hekk fi tmiem il-konċilju kollox, jew kważi kollox, jibqa’ kif kien qabel ma beda.

Mill-banda l-oħra, l-isqfijiet progressivi emmnu bis-sħiħ li l-konċilju setgħa tassew iwettaq il-ħolma li kellu l-Papa Ġwanni, qabel mewtu. Spiss kien jiddeskrivha b’kelma waħda, aggiornamento.  Iva, il-bidla fil-Knisja kienet possibli.  Issa l-papa l-ġdid, Pawlu VI, kien beda jfisser din il-bidla b’kelma oħra, imma xejn anqas qawwija, rinnovamento.

 

Gruppi differenti b'ideat differenti, anke fil-Konċilju

Sa mill-ewwel sessjoni kien deher ċar li r-riforma fil-liturġija kienet l-anqas waħda li ser tiffaċja reżistenza.  Il-Latin li bih kienet tkun ċelebrata l-quddiesa u s-sagramenti l-oħra ma kien jifhmu kważi ħadd.  Kien hemm min nissel dubju dwar x’ser jiġri mill-unità tal-Knisja jekk jispiċċa l-Latin, imma l-Kardinal Montini, dak li wara sar Papa Pawlu VI, kien fissrilhom li minkejja li fid-djoċesi tiegħu ta’ Milan kienu jużaw ir-rit Ambrosjan u mhux dak Ruman, huma xorta waħda kienu f’għaqda sħiħa mal-Knisja.

ll-gruppi tal-progressivi fil-konċilju kellhom il-prijoritajiet differenti tagħhom. L-isqfijiet mit-Tramunta tal-Ewropa kif ukoll uħud mill-Amerika ta’ Fuq tefgħu l-enfasi fuq relezzjonijiet eqreb u aħjar mal-Knejjes Insara l-oħra.  Huma saħqu li kemm il-Kattoliċi u kemm il-Protestanti, kienu lkoll Insara u għalhekk fid-dinja kellhom id-dmir li jaħdmu flimkien u mhux jiġġieldu lil xulxin.  Imma uħud mill-konservattivi ma kienu jaqblu xejn ma dan ir-raġunament li kważi ikkunsidrawh bħala ereżija.

Grupp ieħor ta’ progressivi kienu dawk mill-Amerika-Latina, madwar sitt mitt isqof li waħedhom kienu jlaħħqu kważi tnejn u għoxrin fil-mija tal-isqfijiet kollha. Min ma kienx jafhom,  ħaseb li kienu xi konservattivi, imma mill-ewwel intebħu li ma kienx hekk. Bosta minnhom  iddistingew ruħhom fost l-aktar progressivi u forsi wkoll liberali.  Għalihom l-ewwel attenzjoni tal-Knisja kellha tkun fuq il-foqra, l-iżvantaġġati, il-maħqura u l-isfruttati.  Kien propju f’dawn il-pajjiżi li f’dak iż-żmien tfaċċat it-teoloġija tal-liberazzjoni u ssaħħet sewwa s-sejħa  evanġelika għall-għażla preferenzjali tal-foqra.

 

Id-diskussjoni fuq l-ewwel dokumenti

It-tielet grupp ta’ isqfijiet progressivi kien ta’ dawk li ġew mill-Afrika u l-Asja.  Kienu magħqudin bejniethom u dejjem ivvutaw en bloc.  Kienu miftuħa kemm għall-moviment ekumeniku u kemm għal aktar insistenza fuq ġustizzja soċjali.  Għalihom il-missjoni tal-Knisja ma kienetx biss li tgħin lill-bniedem isalva ruħu biex wara mewtu jmur il-ġenna, imma wkoll li sa minn hawn stess tagħmel il-ħajja soċjali aktar umana u tnissel sens ta’ responsabiltà personali fil-bnedmin kollha.

Hekk l-isqijiet fil-konċilju kienu biex ngħidu hekk maqsuma f’erba’ gruppi, tlieta minnhom miftuħa għar-riforma, imma kollha bil-prijoritajiet partikolari tagħhom.  Il-prijorità tar-raba’ grupp kienet li kemm jista’ jkun ma jinbidel xejn.  Aktarx li ftit minn dawn tal-aħħar kienu jiddistingwu bejn it-Tradizzjoni bħala waħda miż-żewġ għejjun tar-Rivelazzjoni u it-tradizzjonijiet, bħala dawk id-drawwiet u użanzi li jitrabbew u joktru bħall-għanqbut mal-mogħdija taż-żmien.

Matul it-tieni sessjoni tal-konċilju ntemmet id-diskussjoni fuq tnejn mis-sittax-il dokument finali ta’ Vatikan II, il-kostituzzjoni pastorali Sacrosanctum Concilium dwar il-liturġija u d-digriet Inter Mirifica dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Madankollu d-dokument li matul din is-sessjoni ġibet l-aktar attenzjoni tal-isqfijiet kien dak dwar il-Knisja.  L-abbozz oriġinali mħejji qabel ma beda l-konċilju, kien twarrab mill-isqfijiet fl-ewwel sessjoni minħabba t-ton ta’ trijunfaliżmu tiegħu u minħabba l-enfasi kbira li kellu fuq il-governanza tal-Knisja.

Li xtaqu l-Padri Konċiljari ma kienx li jiddefenixxu mill-ġdid x’inhija l-Knisja. Dak li nsibu fit-Testment il-Ġdid, fil-bosta mill-kitbiet tas-Santi Padri, fid-dokumenti ta’ konċilji ta’ qabel, u fl-istqarrija tal-fidi li bosta kattoliċi kienu jgħidu bl-amment - dawn kollha kienu jitkellmu car dwar x’inhi l-Knisja.  Il-Knisja hija il-ġisem ta’ Kristu u l-preżenza tiegħu fuq l-art, l-għarusa tal-Ispirtu s-Santu. Hija waħda għax Kristu nnifsu hekk xtaqha tkun. Hija qaddisa, mhux għax fiha mhemmx midinbin, imma ghaliex dak li waqqafha hu qaddis, għax l-għan aħħari tagħha huwa l-qdusija u għaliex għandna s-Sagramenti, mezzi li jqaddsu lil min jirċevihom. Hija kattolika jew universali ghax  il-mandat li Kristu ta lill-Appostli qabel ma tela’ s-sema kien biex imorru mad-dinja kollha u jgħallmu u jgħammdu lill-bnedmin kollha.  Mhix kattoliċità biss ta’ spazju  imma wkoll ta’ żmiem u għalhekk mhix prezenti f’din id-dinja biss, imma wkoll fl-eternità fost l-erwieħ tal-purgatorju u l-qaddisin tas-sema. Hija kattoliċita inklussiva u mhux esklussiva għax miftuħa għall-oħrajn kollha u ma trid tbarri lil ħadd. Il-Knisja hija fuq kollox appostolika għaliex it-twemmin tagħha kien dak mgħoddi lilha permezz tal-Appostli u għaliex l-isqfijiet li jmexxuha huma suċċessuri diretti tal-Appostli nfushom.

Dan it-tagħlim kien ċar sa minn dejjem u ma kellu ebda bżonn li jkun definit mill-ġdid.  Għalhekk l-isqfijiet f’Vatikan II ma ħtiġilhomx jgħidu x’inhi l-Knisja imma kif hi l-Knisja.  In-natura tagħha. Kif għandha tkun fid-dinja tal-lum.  Kif għandhom ikunu r-relazzjonijiet tagħha ma’ Knejjes Insara oħra, ma’ dawk ta’ tmemmin differenti u ma’ dawk li jgħidu li ma jemmnux?

Biex għamel dan, il-konċilju ħa b’kollox erba’ sessjonijiet mifruxa fuq erba’ snin bejn l-1962 u l-1965.  L-isqfijiet kienu jiltaqgħu lkoll matul ix-xhur tal-ħarifa, imma fil-kumplament tas-sena kienet tibqa’ għaddejja ħidma oħra kemm fil-Vatikan stess u kemm fil-knejjes lokali biex bil-mod il-mod jkomplu jitħejjew id-dokument finali li kien fadlilhom ikunu diskussi, emendati u approvati mill-isqfijiet u li wara jkunu preżentati lill-Knisja kollha bħala d-dokumenti finali u uffiċjali tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef