IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ.

Il-Bidu tal-Konċilju. Gaudet Mater Ecclesia (5)

 

Il-Ħamis 11 ta’ Ottubru 1962. Dak li seħħ dakinhar fi Pjazza San Pietru u wara fil-bażilika nfisha dakinhar kienu xeni li la l-belt ta’ Ruma u lanqas id-dinja kienu għadhom qatt ma raw bħalhom u tal-kobor tagħhom. Anki jekk uħud mill-kardinali fil-Kurja Rumana kienu xettiċi dwar l-idea tal-Papa Ġwanni li jsejjaħ konċilju, madankollu l-maġġoranza l-kbira tal-elfejn u ħames mitt isqof li waslu minn kull rokna tad-dinja mhux biss ġew b’ħafna ferħ, imma wkoll ġabu magħhom entużjażmu kbir. F’qalb ħafna minnhom kien hemm stennija inkredibbli, xewqa kbira li dak kien biss il-bidu tat-tiġdid u l-qawmien li bosta kienu ilhom jistennew. Fihom kellhom tama qawwija ta’ Pentekoste ġdid.

Imma għaliex il-Papa Ġwanni ried isejjaħ dan il-Konċilju?

Meta kien għadu delegat tal-Papa fil-Bulgarija, fit-Turkija u fil-Greċja, u aktar tard ukoll bħala Nunzju Appostoliku f’Pariġi, Angelo Roncalli kien kiseb esperjenza diretta dwar l-importanza kbira tad-djalogu bejn il-popli. Wara t-Tieni Gwerra, fid-dinja twaqqfu organizzazzjonijiet internazzjonali kbar; il-Ġnus Magħquda għall-paċi, il-FAO ħalli tikkumbatti l-problema tal-ġuħ fost il-popli, u l-UNESCO biex tippromovi l-kultura u l-edukazzjoni.

“Ma tkunx ħaġa tajba”, kien staqsa darba Ġwanni XXIII lis-Segretarju tal-Istat tiegħu, “kieku aħna wkoll fil-Knisja jkollna din l-opportunità li niltaqgħu u nitkellmu?”

B’dan il-mod il-Knisja setgħet tidħol ukoll fi djalogu mad-dinja moderna. Il-Papa ma riedx konċilju biex jikkundana xi ereżija jew biex jipproklama dommi u duttrini ġodda, imma kien hemm bżonn li l-isqfijiet jidħu fil-fond tal-ħajja spiritwali tal-Knisja, li jiftħuha għad-dinja ta’ dak inhar u jgħinuha tilqa’ l-kultura ta’ żmienha b’mod li l-popli kollha jsiru għaliha bħal dik l-art tal-parabbola, lesti li jilqgħu huma wkoll l-Aħbar it-Tajba u ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla.

Lil wieħed ġurnalista li staqsih dwar x’inhuwa l-konċilju, il-Papa l-ewwel wieġbu: “Ma nafx”, imma imbagħad ressqu lejn it-tieqa, fetaħha u qallu: “Ftit arja friska. Dan hu li nixtiequ mill-Konċilju”. 

 

Il-ftuħ tal-Konċilju

Ġimgħa qabel ma beda Vatikan II, eżattament fl-4 ta’ Ottubru, Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Ġwanni XXIII telaq mill-Vatikan fis-6.30 ta’ filgħodu biex imur Loreto u Assisi u hemm iqiegħed il-Konċilju taħt il-protezzjoni tal-Madonna u tal-Qaddis fqajjar li anki fi żmienna għadu jirrevoluzzjona lill-Knisja. Il-Papa kien jaf li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konċilju la hu u lanqas dawk ta’ madwaru ma kellhom ebda esperjenza. Imma kien ċert li meta jinġabru l-isqfijiet, fosthom ser ikun preżenti wkoll l-Ispirtu s-Santu. Din kienet it-tama li kellu. 

Il-korteo li dakinhar tal-11 ta’ Ottubru 1962 ħareġ mill-Bieb tal-Bronż tal-Palazz Appostoliku u mexa bil-mod lejn il-Bażilika ta’ San Pietru kien twil madwar erba’ kilometri. Fuq quddiem imxew is-Superjuri tal-Ordnijiet Reliġjużi, l-Abbati Ġenerali tal-kull Ordni Monastiku, il-Prelati, l-Isqfijiet u l-Arċisqfijiet, il-Patrijarki, il-Kardinali u warajhom lkoll il-Papa nnifsu merfugħ fuq is-sedja ġestatorja.  Wieħed minn fost in-nobbli li f’ċerimonji uffiċjali kienu jakkumpanjaw lill-papa, mexa quddiem nett bit-Tiara Papali f’idu - it-tre renju - simbolu rjali tat-tliet dimensjonijiet li fihom tinfirex il-Knisja. Kienet xena straordinarja tal-Knisja militanti fuq l-art.  F’dak il-waqt, ħafna kienu konvinti li anke l-erwieħ tal-Knisja fil-purgatorju u saħansitra l-qaddisin tal-Knisja trijunfanti fil-ġenna kienu qegħdin jittawlu fuq Pjazza San Pietru.

Fid-diskors tiegħu fis-sessjoni inawgurali, Ġwanni XXIII wera x-xewqa li l-Konċilju jħabrek b’żelu sabiex il-bnedmin jilqgħu bl-aħjar mod il-Bxara tas-salvazzjoni, u hekk titħejja u tissaħħaħ it-triq għall-għaqda tal-familja umana. Għal-Knisja, dan kien mument ta’ ferħ. 

“Gaudet Mater Ecclesia” Tifraħ Ommna l-Knisja għax, b’don speċjali tal-Providenza Divina, kien wasal fl-aħħar il-jum tant mixtieq meta, fuq il-qabar ta’ Pietru, għad-dell tal-Verġni Omm Alla, li tagħha dakinhar kienet qed tkun ċċelebrata bil-ferħ id-dinjità materna, ġie inawgurat solennement il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Madankollu fl-istess diskors, Ġwanni XXIII tkellem ukoll dwar dawk li sejħilhom profeti tal-isfortuna li dejjem iħabbru l-agħar, donnhom qed jilmħu joqrob l-aħħar tad-dinja.

Il-Papa dakinhar stqarr quddiem kulħadd li kien wasallu kliem ta’ xi wħud, li għalkemm mixgħula b’żelu kbir għar-reliġjon, jivvalutaw il-fatti mingħajr biżżejjed oġġettività u ġudizzju prudenti. Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u nkwiet. Joħorġu jgħidu li żminijietna huma wisq agħar meta nqabbluhom mas-sekli ta’ qabel; u jaslu wkoll sal-punt li jġibu ruħhom bħallikieku ma kellhom xejn x’jitgħallmu mill-istorja, li hi l-għalliema tal-ħajja. “Bħallikieku”, qal il-Papa, “fi żmien il-konċilji ta’ qabel kollox mexa ħarir f’dak li għandu x’jaqasam mad-duttrina Nisranija, mal-morali, mal-libertà ġusta tal-Knisja”.

Imma ċertament li x-xena minn dak il-jum memorabbli li l-aktar baqgħet stampata fl-imħuħ ta’ bosta kienet dik li seħħet dakinhar stess wara li kien diġà dalam. Fi tmiem fjakkolata minn eluf ta’ persuni, il-folla enormi miġbura fi Pjazza San Pietru stenniet li tirċievi l-Barka Appostolika qabel kulħadd jirritorna lejn daru. Il-Papa, li kien diġà marid sewwa, wara ġurnata mimlija kien għajjien ħafna u stqarr mas-Segretarju privat tiegħu li ma xtaqx joħroġ. Imma fl-aħħar aċċetta li jixref ftit fit-tieqa tal-appartament tiegħu u jagħti l-barka, bla ma jagħmel ebda diskors.

Il-qamar kwinta dakinhar kien qed jitfa’ dawlu qawwi fuq il-folla miġbura. Malli l-Papa feġġ mit-tieqa u lemaħ dik ix-xena u sema’ dak l-entużjażmu tal-folla, ma setax jidħol lura bla ma jkellimhom. Id-diskors impromptu li qalilhom dakinhar emozzjona mhux biss lil dawk preżenti, imma għadu sal-lum iqanqal u jemozzjona lil kull min jisimuħu mill-ġdid jew jaqrah.

“Għeżież uliedi”, qalihom, “smajt leħinkom. Tiegħi hija biss vuċi waħda, imma tiġbor fiha l-vuċijiet tad-dinja kollha. Hawn id-dinja kollha hija rrappreżentata. Ħarsu ftit, anki l-qamar illejla qiegħed iħares fuq dan l-ispettaklu”.

Minn dakinhar sal-lum, dan id-diskors tal-Papa baqa’ magħruf bħala “d-diskors tal-qamar”.  Imbagħad kompla l-Papa Ġwanni: “Xħin tmorru lura fi djarkom għannqu lil uliedkom u għidulhom: ‘Din hija t-tgħanniqa tal-Papa’!”.

 

Wara l-ftuħ uffiċjali, jibdew il-laqgħat

Meta wara ċ-ċeremonja tal-ftuħ uffiċjali tal-konċilju l-isqfijiet bdew jiltaqgħu, huma sabu ma’ wiċċhom xejn anqas minn tnejn u sebgħin dokument imħejjija mill-kummissjonijiet preparatorji. Dawk li kitbuhom, kważi kollha kardinali u teologi tal-Kurja Rumana, ħasbu li dawn id-dokumenti ser ikunu approvati bla xkiel ta’ xejn, imma ġara proprju l-maqlub. L-isqfijiet dehrilhom li biex huma japprovaw dak li kien diġà mħejji minn qabel ma kienx hemm bżonn jissejjaħ konċilju. Barra minn hekk, bosta mid-dokumenti mressqa lilhom kien fihom biżżejjed tibdil biex ikun assigurat li kollox jibqa’ l-istess kif kien. Dakinhar, il-Padri Konċiljari urew ix-xewqa li jkollhom żmien biżżejjed biex l-ewwel isiru jafu sewwa lil xulxin, imbagħad ikunu huma stess li jħejju d-dokumenti. Wara kollox il-konċilju kien magħmul mill-isqfijiet u mhux mit-teologi jew mill-kurjalisti.

Waqt il-laqgħat tagħhom kienu spiss iqumu kontroversji u aktarx l-għada fil-ġurnali Rumani kienu jidhru rapporti dwar kunflitti fil-Konċilju. Imma minkejja kollox, fost l-isqfijiet kien hemm sens qawwi ta’ ottimiżmu.

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jidher ċar li l-Konċilju Vatikan II ma kienx se jkun konċilju ta’ ftit xhur kif ħasbu xi wħud fl-ewwel jiem. Minbarra d-diskussjoni fl-Awla Konċiljari, diversi kienu jiltaqgħu fi gruppi żgħar biex jiddiskutu suġġetti partikolari, biex wara, rappreżentat tal-grupp kien iressaq il-fehmiet tagħhom fis-sessjoni plenarja. Ftit ftit, bosta minn dawk fil-Konċilju bdew isiru jafu aħjar mhux biss lil xulxin, imma wkoll dwar il-komunitajiet Insara f’bosta artijiet oħra. Hekk bdiet tikber ukoll il-kuxjenza missunarja mhux biss bejn l-isqfijiet infushom, imma wkoll fil-Knejjes lokali tagħhom, fil-parroċċi u speċjalment fis-seminarji.

Ir-reazzjoni għall-Konċilju, kemm fi ħdan il-Knisja Kattolika nfisha u kemm ’il barra minnha, speċjalment fil-ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra, kienet tkun waħda mħallta; uħud favur kulma kien qed isir, oħrajn kienu kritiċi għalkollox, u oħrajn indifferenti għall-aħħar. Għalihom, l-akbar ħsieb tal-Konċilju kellhom!

L-ewwel Sessjoni ta’ Vatikan II ntemmet fit-8 ta’ Diċembru 1962, solennità tal-Konċepiment Immakulat tal-Verġni Marija. Imma tlitt ijiem biss qabel, kien sar intervent importanti mill-Arċisqof ta’ Milan, il-Kardinal Giovanni Battista Montini, li fakkar kif il-Konċilju kien qabel xejn mument ta’ riflessjoni tal-Knisja dwarha nfisha.

“Jeħtieġ”, qal Montini, “li l-Knisja ssir taf lilha nfisha, trid tiddefinixxi lilha nfisha, trid tħares lejha nfisha f’kunċetti u kliem li jagħtuha ċ-ċertezza, il-qawwa u l-ferħ li tagħraf u kważi tħoss lilha nfisha bħala l-opra ta’ Kristu: il-fergħa li ħierġa minnu, it-tkomplija tiegħu, il-werrieta tiegħu, l-interpretu tiegħu, ix-xbieha tiegħu, l-għarusa mistika tiegħu, il-ġisem mistiku tiegħu”.

 

Kien diskors li impressjoni bil-kbir lil bosta minn dawk li semgħuh u nissel fihom it-tama li dak li wera l-Konċilju Vatikan l-Ewwel disgħin sena qabel, jiġifieri mudell ta’ Knisja li ddur biss fuq papa setgħani u infallibbli, issa seta’ jiġi bbilanċjat mill-Konċilju Vatikan II b’insistenza wkoll fuq il-kolleġġjalità episkopali u r-rwol tal-lajċi nfushom. 

Ftit jiem wara, l-isqfijiet irritornaw lejn id-djoċesijiet tagħhom, imma dak li seħħ fil-Knisja bejn dakinhar u l-ftuħ tat-tieni Sessjoni ta’ Vatikan II kellu konsegwenzi kbar mhux biss fuq it-tkomplija tal-Konċilju nnifsu, imma wkoll fuq il-ħajja futura tal-Knisja tul il-bqija ta’ dak is-seklu, kif ukoll tal-inqas matul l-ewwel għaxriet ta’ snin tal-millennju l-ġdid.

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef