IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ.

L-Għoxrin Konċilju ta’ qabel (4)

 

Il-konċilju msejjaħ mill-Papa Ġwanni XXIII u li sar fil-Vatikan fil-bidu tas-sittinijiet tas-seklu għoxrin ma kienx l-ewwel Konċilju Ekumeniku tal-Knisja. Qablu kien hemm għoxrin ieħor. Wieħed minnhom kien sar fil-Vatikan ukoll u għalhekk dan l-aħħar konċilju huwa magħruf bħala Vatikan II.

Kultant minflok il-kelma “ekumeniku” tintuża wkoll “ġenerali” jew “universali”. Dan biex jiddistingwi dawn il-konċilji minn dawk “reġjonali”, “provinċjali” jew “lokali”, u li bosta minnhom kienu ltaqgħu matul l-ewwel tliet sekli tal-Knisja, speċjalment matul it-tielet seklu. Kultant kienet tintuża wkoll il-kelma ta’ oriġni Griega, “sinodu”, għalkemm illum din il-kelma għandha tifsira aktar speċifika.

Ħafna mill-konċilji tlaqqgħu biex tiġi diskussa xi kwistjoni dwar duttrina li tkun qamet f’dak iż-żmien, imma l-Konċilju Vatikan  kien differenti għaliex, kif xtaq il-Papa Ġwanni XXIII innifsu, kien wieħed ta’ natura pastorali. 

Sa mill-ewwel komunità Nisranija ta’ żmien l-Appostli stess kienet inħasset il-ħtieġa li jiltaqgħu l-mexxejja u jiddiskutu kwistjoni li kien hemm fi żmienhom. Naqraw fil-ħmistax-il kapitlu tal-Atti tal-Appostli li meta l-pagani bdew huma wkoll iħaddnu t-twemmin Nisrani, kien hemm min insista li dawn, qabel ma jitgħammdu, kellhom joqogħdu wkoll għar-rit taċ-ċirkonċiżjoni mitlub mil-Lhud fit-Testment il-Qadim. Imma Pawlu u Barnaba qamu kontra din l-idea u ħaduha magħhom bis-sħiħ. Għalhekk qatgħuha li jitilgħu Ġerusalemm biex ikellmu lill-Appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Kellhom diskussjoni twila, sakemm fl-aħħar Pietru ta d-deċiżjoni li dan ir-rit Lhudi ma kienx meħtieġ, għax lil dawn il-persuni l-Ispirtu s-Santu kien saffielhom qalbhom bil-fidi.

Illum, din il-laqgħa nirreferu għaliha bħala l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, imma dan mhux meqjus bħala wieħed ġenerali jew ekumeniku.

Matul l-ewwel tliet mitt sena tal-Kristjaneżmu, l-Insara għaddew minn għadd ta’ persekuzzjonijiet u bosta minnhom mietu martri. Il-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu kienet biżżejjed biex iżżommhom magħquda bejniethom. “Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kienu jitqassmu skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. B’qawwa kbira kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna”.

Imma meta l-għadd ta’ Nsara kiber, iċ-ċirkustanzi nbidlu u ħarġu ideat differenti dwar twemminhom. Għalhekk, reġa’ mill-ġdid beda jinħass il-bżonn li l-isqfijiet li kienu jmexxu d-diversi komunitajiet Insara jiltaqgħu biex jiddiskutu u jagħtu d-deċiżjoni tagħhom.

L-Imperatur Ruman innifsu, li issa mhux talli ma kienx għadu jippersegwita lill-Insara imma huwa stess ħaddan it-twemmin tagħhom, kellu interess li jara li fl-imperu tiegħu ma jkunx hemm firdiet. It-tħaddin ta’ fidi waħda kien fattur importanti biex il-poplu jkun magħqud. Fil-fatt, l-ewwel tmien konċilji ekumeniċi jew ġenerali tal-Knisja kienu msejħa mill-Imperatur u mhux mill-Papa. F’każ minnhom, is-seba’ wieħed, kienet Imperatriċi. Il-Papa aktarx kien ikun ikkonsultat u forsi wkoll mistieden. Ġieli mar hu stess, kultant bagħat lil xi delegat, imma f’xi minn daqqiet kien assenti għalkollox. Ta’ min jinnota li l-ewwel tmienja minn dawn il-konċilji saru kollha fil-Lvant, eżattament fil-post fejn illum hemm it-Turkija.

 

L-ewwel konċilji tal-Knisja

Fis-sena 325 wara Kristu tlaqqa’ l-ewwel konċilju f’Niċea. Sa dakinhar il-fidi tal-poplu kienet waħda sempliċi u mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet teoloġiċi li ma jifhimhom ħadd. Imma meta s-saċerdot Arju nissel fost ħafna d-dubju dwar id-divinità ta’ Kristu, inħasset il-ħtieġa li dan it-twemmin bażiku tal-poplu Nisrani jkun diskuss u definit.

Ħadu sehem tliet mija u tmintax-il isqof, fosthom Hosius ta’ Cordova bħala Legat tal-Papa Silvestru. L-Imperatur Konstantinu kien preżenti huwa stess. Damu jiltaqgħu ftit aktar minn xahrejn, li matulhom mhux biss irribattew it-tagħlim żbaljat ta’ Arju u taw tifsira tad-divinità tal-Iben ta’ Alla, imma wkoll ifformulaw dak li llum insejħulu l-Kredu ta’ Niċea. Kien ukoll f’dan il-konċilju li kienet iffissata d-data tal-Għid il-Kbir, biex dan ma jkunx iċċelebrat fl-istess jum tal-Għid Lhudi.

Sitta u ħamsin sena wara Niċea, eżattament fis-sena 381, kien hemm il-Konċilju ta’ Kostantinopli li tmexxa mill-Papa Damasu u l-Imperatur Teodosju. Ħadu sehem fih mija u ħamsin isqof. Il-kwistjoni kienet ukoll waħda Trinitarja, imma din id-darba dwar id-divinità tal-Ispirtu s-Santu. L-isqfijiet preżenti riedu jiċċaraw it-twemmin dwar it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa billi mal-formula tal-Kredu definit f’Niċea tiżdied parti dwar l-Ispirtu s-Santu: “Mulej li jagħti l-ħajja: li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben”.

 

It-tielet konċilju sar f’Efesu fis-sena 431. Fih ħadu sehem aktar minn mitejn isqof, taħt it-tmexxija ta’ San Ċirillu ta’ Lixandra, li kien qed jirrappreżenta lill-Papa Ċelestinu l-Ewwel. F’dan il-Konċilju ġiet imfissra l-unità tal-persuna ta’ Kristu, veru Alla u veru bniedem. Bħala konsegwenza kien iddikjarat ukoll li Marija Omm Ġesù kienet ukoll it-Theotokos, Omm Alla.

Bejn is-sena 451 u s-sena 787 saru erba’ konċilji oħra, biex jiddiskutu u jirribattu kwistjonijiet ta’ natura Kristoloġika. Imbagħad fis-sena 869 kien hemm l-aħħar konċilju tal-Lvant, ir-raba’ wieħed ta’ Kostantinopli. Kien konċilju li għarbel u ħaraq l-atti kollha li ħarġu minn konċilju rregolari msejjaħ minn Photius kontra l-Papa Nikola u Injazju l-Patrijarka leġittimu ta’ Kostantinopli.

Mid-disa’ konċilju ’l quddiem saru kollha fil-Punent; ħamsa fil-Lateran, tnejn f’Lyons, wieħed fi Vienne, ieħor f’Kostanza u ieħor f’Basel. Imbagħad l-aħħar żewġ konċilji ekumeniċi qabel il-Konċilju Vatikan II kienu dawk ta’ Trentu u l-ewwel wieħed li sar fil-Vatikan.

Il-Konċilju ta’ Trentu, li sar bejn l-1545 u l-1563, kien ġie msejjaħ biex jeżamina u jikkundanna l-iżbalji mqajma minn Luteru u mexxejja oħra tar-riforma protestana, u biex tiġi msaħħa d-dixxiplina fil-Knisja. Kien beda b’madwar tletin isqof, imma sa l-aħħar sessjoni tiegħu kien hemm b’kollox xi mitejn u ħamsin.  Mill-konċilji kollha dan kien l-aktar wieħed li dam, tmintax-il sena.

Mill-banda l-oħra, il-Konċilju Vatikan l-Ewwel, li sar bejn l-1869 u l-1870, ipproklama d-domma tal-infallibbiltà tal-Papa, iżda meta l-isqfijiet kienu għall-waqfa tagħhom tas-sajf faqqgħet il-gwerra bejn Franza u l-Prussja u l-konċilju baqa’ ma reġa’ tlaqqa’ qatt tant li kien ġie ddikjarat uffiċjalment magħluq mill-Papa Ġwanni XXIII, disgħin sena wara, fi żmien it-tħejjija għall-Konċilju Vatikan II.

Is-snin ta’ bejn iż-żewġ konċilji li saru fil-Vatikan jistgħu jkunu deskritti bħala żmien ta’ ġwerra u kunflitti ideoloġiċi. Il-bidu tas-seklu għoxrin ra lill-Ewropa maħkuma minn ħames qawwiet kbar: ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, il-Monarkija Awstrija-Ungerija u r-Russja. L-Istati Uniti u l-Ġappun kienu għadhom kemm bdew jikbru fuq ix-xena internazzjonali.

Il-Liberaliżmu kien l-ideoloġija dominanti, espress bħala kapitaliżmu tas-suq ħieles fin-negozju u demokrazija liberali fil-politika.

Fuq il-lemin tax-xena kien hemm l-ideoloġija konservattiva, marbuta ma’ dak kollu li huwa tradizzjonali; ir-reliġjon organizzata, id-drittijiet tal-proprjetà, il-valuri tal-familja, l-ambjent naturali, l-arkitettura klassika u lokali, u sistema ta’ gvern parlamentari.

Mill-banda l-oħra fuq ix-xellug, is-Soċjaliżmu, kemm dak soċjali u kemm dak ekonomiku, saħaq aktar dwar il-kontroll tal-istat fuq l-individwu, fuq proprjetà pubblika aktar milli privata, fuq aktar kontroll tar-riżorsi naturali, u fuq il-fehma li l-individwu ma jgħixx jew jaħdem f’iżolament mill-oħrajn iżda f’koperazzjoni sħiħa magħhom u dan b’mod ikkontrollat minn fuq. Barra minn hekk, dak kollu li persuna tipproduċi bil-ħidma tagħha huwa b’xi mod prodott soċjali, u għalhekk kull min jikkontribwixxi għall-produzzjoni tiegħu huwa intitolat għal sehmu. Sabiex dan jiġi żgurat li jseħħ, il-proprjetà trid tkun kollha kemm hi tal-istat, jew tal-inqas tiġi kkontrollata minnu; u dan suppost “għall-benefiċċju ta’ kulħadd”.

 

Ideoloġiji estremi li ħakmu l-Ewropa u heżżu l-Knisja

Kien żmien meta l-istorja tad-dinja, speċjalment tal-Ewropa, kienet imqallba sew minn żewġ gwerer dinjija, u dan għamel il-ħajja ta’ bosta diffiċli ħafna. Tliet ideoloġiji estremi li ħakmu partijiet tal-Ewropa fiż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer kienu – il-Komuniżmu, speċjalment fir-Russja, aktar tard l-Unjoni Sovjetika; il-Faxxiżmu, speċjalment fl-Italja, u wara wkoll fi Spanja; u n-Nażiżmu fil-Ġermanja. Dawn nisslu terrur u wasslu għall-jasar u l-mewt mill-aktar kiefra ta’ bosta miljuni.

Minkejja dak kollu li kien għaddej, il-magna tal-propaganda f’dawn ir-reġimi rnexxielha tibni kult nazzjonli lejn il-mexxejja: Lenin, Stalin, Mussolini, Hitler u Franco. Dawn l-ideoloġiji tant nisslu għeruqhom fost il-popli rispettivi, li spiss saru kważi reliġjon, li għaliha l-patrijotti kienu lesti jħallu ħajjithom.

Il-Knisja nfisha kienet mheżża mhux biss minħabba l-ħruxijiet li bosta kienu qed isofru, imma wkoll u b’mod speċjali minħabba l-mod kif id-dinjità umana kienet qed tkun imkasbra. Sa mis-seklu dsatax, meta l-Evanġelju ltaqa’ mas-soċjetà industrijali moderna, il-Knisja kienet bdiet tiżviluppa t-tagħlim soċjali tagħha b’mod aktar sistematiku. Żviluppat ġabra ta’ duttrina soċjali, dejjem skont kif hija fissret il-ġrajjiet huma u jseħħu fl-istorja, fid-dawl ta’ dak kollu li ġie rrivelat lilha minn Kristu Ġesù.

Fil-kuntest tal-ġrajjiet fi tmiem is-seklu dsatax u l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, dan it-tagħlim soċjali Kattoliku kien ċar fil-kritika konsistenti tiegħu ta’ ideoloġiji soċjali u politiċi kemm tax-xellug u kemm tal-lemin. Għall-Knisja l-ġustizzja soċjali trid issib il-pedament tagħha fil-prinċipji tad-dinjità umana, tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà.

Fil-11 ta’ Ottubru 1962 fetaħ il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Imma ħamest ijiem biss wara faqqgħet il-kriżi tal-missili Sovjetiċi f’Kuba li laħqet il-quċċata tagħha bil-messaġġ televiżiv tal-President Amerikan John Fitzgerald Kennedy.  Id-dinja kollha kienet f’xifer ta’ gwerra nukleari. It-tensjoni fost il-popli kienet kbira, imma fil-Knisja Kattolika kien hemm ukoll min wera t-tħassib tiegħu dwar il-futur tal-Konċilju nnifsu.

Tgħid il-Konċilju Vatikan II kien iddestinat li jintemm ħesrem l-istess kif kien ġara minn Vatikan l-Ewwel disgħin sena qabel?

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef