IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ

Il-Papa Ġwanni XXIII u s-sejħa għall-Konċilju (3)

 

Mad-dikjarazzjoni tal-mewt tal-Papa Piju XII, il-Knisja Kattolika daħlet b’mod awtomatiku f’fażi ta’ interregnum – kelma Latina li tirreferi għaż-żmien bejn il-mewt jew ir-riżenja ta’ papa u l-elezzjoni ta’ ieħor. Il-kelma nfisha, interregnum, turi l-mentalità prevalenti li l-Isqof ta’ Ruma kien mexxej sovran li jirrenja fuq il-Knisja.

Matul iż-żmien ta’ sede vacante, meta ma jkun hemm ħadd fuq it-Tron ta’ Pietru, l-amministrazzjoni tal-Knisja tgħaddi immedjatament f’idejn il-Camerlengo, li jissiġilla l-appartament tal-Papa mejjet sal-ħatra ta’ wieħed ġdid. Imbagħad ikun hemm disat ijiem ta’ luttu li fihom isir il-funeral u mal-Knisja kollha jsiru talb u quddies għal ruħu.

Fil-25 ta’ Ottubru 1958, madwar ħamsin kardinal iltaqgħu fil-konklavi biex jaħtru suċċessur ġdid tal-Appostlu Pietru. Żewġ kardinali oħra, wieħed mill-Ungerija u ieħor mill-Jugoslavja, kienu miżmuma mill-Gvernijiet Komunisti rispettivi tagħhom milli jħallu pajjiżhom.

Mal-għajta tal-extra omnes, biex dawk kollha li ma jkunux kardinali eletturi joħorġu ’l barra, il-bibien tal-Kappella Sistina fejn isiru l-konklavi jingħalqu u dak li jsir ’il ġewwa minnhom ikun sigriet. Madankollu, maż-żmien kważi dejjem ikunu żvelati xi dettalji.

Jingħad li fl-1958, il-kardinali kienu qed jistennew konklavi li jdumu diversi jiem għax fosthom ma kien hemm ebda favorit aktar minn oħrajn. Uħud ħasbu fil-Kardinal Siri ta’ Ġenova, imma dan kien għad kellu biss 52 sena, u l-eletturi ma tantx xtaqu pontifikat twil ieħor bħal dak li kien għadu kif intemm. Jgħidu li xi ħadd fosthom, b’ton sarkastiku, kien qal: “Jekk naħtru lil Siri, mhux Santo Padre jkollna, imma Padre Eterno”.

Kien hemm min tefa’ għajnejh fuq il-Kardinal Giacomo Lercaro ta’ Bologna, imma bosta kienu jqisuh liberali wisq.

Il-Patrijarka Armen Agagianjan kien ilu bosta snin f’Ruma u kien qrib ħafna tal-Kurja Rumana, madankollu aktarx li sħabu l-kardinali l-oħra kienu għadhom mhux lesti li jaħtru wieħed li ma kienx Taljan biex ikun Isqof ta’ Ruma.

 

Il-ħatra tal-Papa Ġwanni XXIII

Issemma wkoll l-Isqof Giovanni Battista Montini, li kellu esperjenza ta’ bosta snin fis-servizz diplomatku u fil-Kurja Rumana, imma lil dan Piju XII kien ħatru Arċisqof ta’ Milan bla ma għamlu kardinal. Kanonikament, il-fatt li dan ma kienx kardinal ma kien jimpedih bl-ebda mod milli jkun magħżul Papa, imma l-istorja tal-aħħar sitt sekli kienet turi mod ieħor.

Fl-ewwel għaxar votazzjonijiet, ir-riżultat kien dejjem inkonklużiv: ħadd ma kien kiseb il-maġġoranza meħtieġa biex ikun elett. Id-daħna miċ-ċumnija fuq il-Kappella Sistina kienet dejjem sewda, għalkemm fil-bidu ġieli dehret li kienet bajda. Fir-raba’ jum, mal-ħdax-il votazzjoni, kien elett il-Patrijarka ta’ Venezja, Angelo Giuseppe Roncalli, li fl-età tiegħu ta’ 77 sena fehem mill-ewwel li sħabu l-kardinali għażluh biex ikun papa ta’ tranżizzjoni, imma aċċetta u għażel għalih l-isem ta’ Ġwanni XXIII.

 

Is-sejħa tal-Konċilju

Aħna nemmnu li minn dakinhar tal-ewwel Għid il-Ħamsin fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm, l-Ispirtu s-Santu qatt ma ħalla l-Knisja ta’ Kristu waħedha. Dan jgħodd ukoll, u forsi b’mod speċjali, fl-għażla tal-mexxejja tagħha, u kull min jara dak li seħħ fil-Knisja fil-ftit snin ta’ dan il-pontifikat, ma jibqagħlu ebda dubju dwar din il-verità.

Wara biss tliet xhur fit-tmexxija tal-Knisja, il-Papa Ġwanni ħabbar lill-kardinali l-intenzjoni tiegħu li jibda proċess ta’ riforma fil-Liġi Kanonika, jagħmel Sinodu għad-Djoċesi ta’ Ruma, kif ukoll isejjaħ Konċilju Ekumeniku għall-Knisja kollha.

Kien il-Ħadd 25 ta' Jannar 1959, festa tal-konverżjoni ta' San Pawl. Il-kardinali preżenti baqgħu bla kliem u bilkemm riedu jemmnu dak li kienu qed jisimgħu. Fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura fejn kienu qegħdin miġbura, waqgħet ħemda kbira. Xi ħtieġa kien hemm li l-Knisja jkompli jkollha l-konċilji, meta ftit anqas minn mitt sena qabel, Vatikan l-Ewwel kien iddikjara d-domma tal-infallibbiltà tal-Papa?

Meta żmien wara, Monsinjur Loris Capovilla, li kien Segretarju personali ta’ Ġwanni XXIII, ikkumenta dwar dik il-ġurnata u dwar il-laqgħa mal-Kurja Rumana,  qal li dakinhar, xħin il-Papa indirizza lill-kardinali u tarrfilhom dwar il-pjanijiet tiegħu, deher imriegħed u eċċitat fl-istess ħin.

Fil-ħarġa tal-għada ta’ L’Osservatore Romano, il-ġurnal uffiċjali tas-Santa Sede, deher rapport qasir dwar il-laqgħa tal-Papa u referenza xotta ħafna għal dak li qal dwar il-Konċilju. Imma dakinhar, anki l-ġurnal tal-Partit Komunista Taljan, L’Unità, kellu rapport dwar id-diskors tal-Papa u dwar il-ħsieb tiegħu li jsejjaħ Konċilju Ekumeniku li fih jieħdu sehem l-isqfijiet kollha tad-dinja.

Ġwanni XXIII nnifsu rrefera diversi drabi għar-reazzjoni li kellu mill-kardinali. Meta xi żmien wara tkellem ma’ numru ta’ pellegrini li ġew iżuruh minn Venezja, id-djoċesi fejn huwa kien Patrijarka qabel sar Papa, qalilhom kif kien ħaseb li l-kardinali kienu se jippressaw fuqu biex jesprimu l-approvazzjoni u x-xewqat tajba tagħhom. Minflok, kien hemm skiet impressjonanti u rispettuż.

Minkejja kull reżistenza il-Papa Ġwanni kien determinat. Forsi lanqas huwa stess kien għadu ma fehem sewwa l-immensità ta’ dak li kien daħal għalih jew, kif stqarr huwa stess, dak li l-Ispirtu s-Santu kien webblu biex jagħmel. Mill-ewwel ta struzzjonijiet biex jibdew it-tħejjijiet meħtieġa tant li fis-17 ta’ Mejju 1959, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, ħatar kummissjoni preparatorja biex tieħu ħsieb tagħmel konsultazzjoni mal-Knisja kollha ħalli wara jkunu determinati l-oqsma ta’ studju u ta’ diskussjoni l-aktar importanti.

Tħejjijiet kbar oħra kienu meħtieġa mhux biss biex il-Bażilika ta’ San Pietru nfisha tinbidel f’Awla Konċiljari fejn kellhom jibdew jiltaqgħu l-isqfijiet, imma wkoll dwar kmamar, appartamenti u lukandi fejn dawn setgħu jkunu alloġġjati matul iż-żmien kollu tal-qagħda tagħhom f’Ruma; żmien li sa dakinhar ħadd kien għadu ma jaf kemm kellu jkun twil, jekk hux ġimgħat, xhur jew snin.

It-tħejjijiet ħadu aktar minn sentejn. Twaqqfu għaxar kummissjonijiet speċjalizzati, kollha responsabbli minn oqsma differenti. Fuqhom u biex jikkordina l-ħidma tagħhom kien hemm Kunsill Ċentrali, magħmul minn mija u għoxrin persuna, il-biċċa l-kbira tagħhom mill-Kurja Rumana. Kienu mogħtija tliet direttivi ċari: Il-Konċilju kellu qabelxejn jippromovi tiġdid intern fost il-Kattoliċi; kellu jqajjem kuxjenza fost l-Insara kollha dwar ir-realtà tal-Knisja u tar-responsabbiltajiet tagħha; u kellu wkoll jagħmel sejħa lill-isqfijiet ħalli mas-saċerdoti u l-lajċi jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għas-salvazzjoni tal-umanità kollha.

Fil-ewwel konċilju li kien sar fil-Vatikan, dak ta’ bejn 1-1869 u l-1870, kienu ħadu sehem ftit aktar minn seba’ mitt isqof, kważi kollha mill-Ewropa; imma f’dan it-tieni Konċilju li kien ser isir fil-Vatikan, kienu mistennija jieħdu sehem madwar 2,500 mexxej tal-Knisja minn madwar id-dinja kollha.

Minbarra l-isqfijiet kellu jkun hemm ukoll il-periti u diversi teologi esperti f’oqsma differenti, li ġew mitluba jkunu preżenti biex il-Padri Konċiljari jkollhom ma’ min jikkonsultaw. Fost dawn kien hemm is-saċerdot teologu żagħżugħ Joseph Ratzinger li erbgħin sena wara l-Konċilju nħatar Papa: Benedittu XVI.

Kien hemm bżonn isiru wkoll it-tħejjijiet kemm għall-midja internazzjonali u kemm għall-osservaturi minn Knejjes Ortodossi, Protestanti u komunitajiet Insara oħra.

Id-diffikultajiet ma kinux ftit, imma bil-mod il-mod beda jinħass fil-Knisja entużjażmu ġdid. Dan kien kif, wieħed u ħamsin sena wara, il-Papa Benedittu XVI iddeskriva l-Knisja fiż-żmien ta’ qabel il-Konċilju, meta huwa bħala saċerdot u teologu żagħżugħ kien qiegħed preżenti mal-Arċisqof ta’ Cologne, il-Kardinal Joseph Frings:

“Morna għall-Konċilju mhux biss bil-ferħ, iżda b’ħafna entużjażmu. Kien hemm aspettattiva inkredibbli. Kien hemm tama ta’ tiġdid, Pentekoste ġdid, era ġdida fil-Knisja. … Konna mimlijin tama, entużjażmu, u anki rieda li lkoll nagħmlu l-parti tagħna.”

 

Interess u indifferenza

Imma qabel ma bdew il-laqgħat bejn l-Isqfijiet fil-Vatikan, ’il barra mill-Awla Konċiljari kien hemm bosta teologi magħrufa, u mhux Kattoliċi biss, li fl-universitajiet, fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u f’diversi oqsma u b’għadd ta’ mezzi kienu bdew iressqu b’libertà impressjonanti l-veduti tagħhom dwar bosta temi, mhux biss lill-mexxejja tal-Knisja, imma wkoll, b’mod ġenerali, lill-poplu ta’ Alla kollu.

Minkejja dan kollu, kienu bosta li baqgħu indifferenti. Forsi mhux għaliex ma kienx jimpurtahom mill-fidi tagħhom, imma minħabba li ċ-ċirkustanzi personali u soċjali ftit li xejn kienu jħallulhom ħin jaħsbu dwar dak li kien qed isir f’Ruma jew qed jiġi diskuss bejn id-diversi studjużi tat-teoloġija. F’pajjiżna stess, il-kwistjoni politika-reliġjuża, kienet fl-eqqel tagħha u f’dawk iċ-ċirkustanzi kien diffiċli li xi ħadd inissel fil-poplu interess veru fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Madankollu kien hemm uħud, għalkemm mhux bosta, li bdew jistaqsu:

“Imma x’inhu dan il-konċilju li qegħdin jitkellmu dwaru? Din xi ġrajja ġdida fil-Knisja? Dan l-ewwel konċilju li ser isir? U dan il-Papa twajjeb u xwejjaħ li għandna, x’fettillu? Għalfejn irid jagħmlu?”

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef