IL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

Seħħ u għad irid iseħħ.

Il-Knisja qabel il-Konċilju (2)

 

Jekk biex nifhmu sewwa l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II kien meħtieġ li niflu s-sitwazzjoni fid-dinja tal-inqas fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa daqstant ieħor importanti, forsi aktar ukoll, li nkunu nafu l-isfond tal-ġrajja fi ħdan il-Knisja nfisha kif ukoll tar-relazzjonijiet tagħha mal-Knejjes Insara differenti, ma’ reliġjonijiet oħra u mal-kumplament tad-dinja. Fejn konna dakinhar? X’kienu jemmnu l-Kattoliċi nfushom dwar il-Knisja? Kif kienu jifhmu twemminhom? Fuq kollox, x’kien is-sehem tagħhom fi ħdan il-Knisja?

Ċertament li l-akbar involviment li l-maġġoranza l-kbira tal-imgħammdin kellhom fil-Knisja kien dak tagħhom fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi, partikolarment fil-quddiesa tal-Ħadd; u dan b’obbligu morali taħt piena ta’ dnub mejjet. Dakinhar, minkejja li l-attendenza kienet diġà bdiet nieżla, il-preċett tas-smigħ tal-quddies fil-Ħdud u l-festi kmandati kien għadu jiġi mħares mill-maġġoranza. Bosta saħansitra kienu jisimgħu l-quddies anki fil-jiem ta’ matul il-ġimgħa. X’kienu jifhmu minnha u x’sehem attiv kien ikollhom fiha kienet kwistjoni oħra, għaliex sa dakinhar il-quddies kien għadu jsir kollu bil-Latin. Anki l-qari tal-Epistola, dak li llum nafuh bħala l-Ewwel Qari, u l-Vanġelu kienu jsiru b’dan l-ilsien li ma jifhmu ħadd. Imma kien meqjus importanti, li mad-dinja kollha tintuża l-istess lingwa fil-liturġija, għaliex dan kien sinjal tal-universalità jew il-kattoliċità tal-Knisja.

Barra minn hekk, biex bħal donnu dawk miġbura ma jkunux jafu x’qed jiġri fuq l-altar u dan iżid mas-sens tal-misteru, iċ-ċelebrant kien iqaddes b’dahru lejn in-nies. Dan sintendi minbarra f’xi bażilika fejn allura kien ikun hemm il-privileġġ ta’ altar mejda. Imma l-artal mejda kien meqjus bħala prerogattiva tal-bażiliċi biss. Għalhekk fil-knejjes tat-tieni jew it-tielet klassi kien ikollhom jistabru bis-saċerdot iqaddes dahru lejn in-nies.

Il-frażi dahru lejn in-nies ma tantx kienet tinżel tajjeb. Minflok kien jingħad li qed iqaddes b’wiċċu lejn il-kurċifiss. Bħalkieku ix-xbieha ta’ Kristu fuq is-salib kienet aktar reali mill-preżenta tiegħu fil-komunità tal-imgħammdin!

 

Rużarju waqt il-quddiesa

Għal bosta sekli kien hemm l-obbligu li min ser jitqarben ħtieġlu jkun sajjem minn kull ikel u xorb – inkluż ilma - sa minn nofsillejl. Għalhekk, b’mod prattiku, il-quddies kien isir filgħodu biss, u aktarx fis-sigħat bikrin tal-ġurnata. F’xi parroċċi tal-ewwel kienet tkun kuljum fl-4.30, u fi żmien il-kaċċa, kien hemm fejn kien ikollhom quddiesa anke siegħa qabel.

Minħabba f’hekk, u biex ħadd ma jongħos, is-sagristan jew xi raġel ieħor b’vuċi għolja kien jibda jgħid ir-rużarju, u kulħadd, bil-kuruna f’idu, iwieġeb lilu minflok jieħu sehem fl-Ewkaristija li tkun qed tiġi ċċelebrata fuq l-altar.

Imma fuq liema altar? F’bosta knejjes m’hemmx altar wieħed biss. Dik li fl-ewwel komunitajiet insara kienet il-mejda li madwarha jinġabar kulħadd għall-ikla waħda tal-Mulej, matul is-sekli bħal donnu bdiet tfaqqas. Fil-knejjes tagħna l-altari fil-ġnub bdew jimmultiplikaw u magħhom immultiplika wkoll l-għadd ta’ quddies ċelebrat fl-istess ħin.

Ma rridux ninsew li l-konċelebrazzjonijiet kienu għadhom ma bdewx isiru. Għalhekk mhux darba jew tnejn, li waqt li tkun diġà ħarġet il-quddiesa tal-ħin fuq l-altar maġġur, u waqt li s-sagristan ikun diġà għaddej bir-rużarju, kont tilmaħ xi saċerdot ieħor ħiereġ bil-pjaneta fuqu u bil-kalċi f’idu biex iqaddes fuq wieħed mill-altari l-oħra.

In-numru ta’ saċerdoti f’diversi parroċċi ma kienx żgħir u għalhekk l-użanza ta’ numru ta’ quddies għaddejjin flimkien fuq altari differenti kienet indrat u ma kienet tati fastidju kważi lil ħadd.

U l-fidili miġburin fil-knisja, waqt li jwieġbu għar-rużarju, jippruvaw isegwu wkoll dak li jkun għaddej fuq l-artali differenti. F’ħafna mill-knejjes ma kellhomx bankijiet imma siġġijiet, u allura kien ikun aktar faċli biex daqqa tħares ’il quddiem u f’xi minn daqqiet iddur biex tħares lejn xi wieħed mill-altari tal-ġenb. Il-mentalità kienet li wieħed ikun sama’ quddies skond in-numru ta’ saċerdoti li jkunu jqaddsu f’dak il-ħin.  Din l-idea tant iġġebdet li meta aktar ’il quddiem bdew isiru l-konċelebrazzjonijiet, kien hemm min għadu jemmen li dawk kienu jsarrfu aktar minn quddiesa waħda, dejjem skont kemm saċerdoti jkunu qegħdin jikkonċelebraw.

Kienet il-mentalità tan-numri fejn l-aktar importanti kien l-għadd u l-kobor ta’ dak li wieħed jagħmel. Il-mentalità ta’ kemm il-ġurnata indulġenza kienu jintrebħu għal kull talba li tingħad u skont quddiem liema niċċa tkun saret. Uħud kienu jippruvaw saħansitra jżommu l-kont tal-indulġenzi li rnexxielhom jakkwistaw. Għaliħom dan kien importanti, għax f’moħħhom dejjem kellhom preżenti x-xbieha tal-Arkanġlu Mikiel bil-miżien f’idu biex f’keffa minnhom jitqiegħed it-tajjeb tagħna u fil-keffa tan-naħa l-oħra l-ħażin. Dak kien li konna se nsibu ma’ wiċċna meta mmutu. Mhux Missier ħanin, jistenniena b’dirgħajh miftuħa, lest biex jgħannaqna miegħu, imma l-opri tajba jew ħżiena li nkunu għamilna f’ħajjitna. Jaħasra!

 

Imma mhux fil-quddies biss

Mhux darba jew tnejn li t-tqarbin innifsu ma kienx isir fil-quddiesa. Fiha spiss kien jitqarben biss iċ-ċelebrant, u wara meta jispiċċa l-quddies l-ieħor li jkun għaddej f’dak il-ħin fuq l-altari differenti, kien joħroġ xi saċerdot biex iqarben lil kulħadd. Imma kien ikun hemm ħafna li ma jitilgħux jitqarbnu. Jew għax ikun sarilhom il-ħin u jitilqu ’l barra jew forsi għax qabel ġew il-knisja jkunu xorbu jew naqqru xi ħaġa. Imma żgur li fost ħafna kien hemm din il-konvinzjoni li jekk ma tqerrx dakinhar jew forsi fil-jiem ta’ qabel, allura ma titqarbinx għax tqarbina ħażina hija sagrileġġ.

Għalhekk kull nhar ta’ Sibt waranofsinhar bosta, l-aktar it-tfal, kienu jmorru jqerru. Serbut twil ta’ tfal, ilkoll wara xulxin jistennew li jmiss lilhom. Espressjoni komuni fost bosta dak iż-żmien kienet, “Ġejt inbattal l-ixkora”, Illum għadek issib min tiġih nostalġija għal dawk iż-żminijiet! Mentalità tan-numri! Anki llum! 

Is-sawm ma kienx biss dak ta’ qabel it-tqarbin. It-tieni preċett tal-Knisja kien jobbliga lil dawk li għalqu l-wieħed u għoxrin sena u għadhom ma għalqux is-sittin biex isumu fir-Randan, fil-vġejjel kmandati, u fil-bidu tal-erba’ staġuni – il-kwattru tempi. Barra minn hekk, kull min għalaq is-seba’ snin kellu l-obbligu li ma jitniġġisx, jiġifieri ma jikolx laħam. Għax l-ikel tal-laħam nhar ta’ Ġimgħa kien meqjus li jniġġes u allura trid tmur tqerr. Bla dubju ta’ xejn il-ħsieb oriġinali meta daħal dan il-preċett kien wieħed tajjeb u ta’ min ifaħħru, imma kif jiġri dejjem, maż-żmien jidħol il-bżonn ta’ tiġdid, mhux biex nibdlu l-verità, imma biex ninbidlu aħna ħalli nifhmu u nwettqu dik il-verità aħjar.

 

Knisja piramidali

Il-Knisja kienet u baqgħet dejjem dik li għaddielna Kristu permezz tal-Appostli tiegħu. Madankollu, il-mod kif inħarsu lejha beda jinbidel ftit ftit. Maż-żmien bdejna narawha bħala struttura piramidali, bil-Papa bħal sovran assolut fil-ponta ta’ fuq, il-kardinali ftit ’l isfel minnu kienu l-prinċpijiet tagħha, imbagħad l-isqfijiet u l-qassisin fl-livelli inferjuri, kollha skont il-grad tagħhom. Fil-qiegħ nett tal-piramida kien hemm il-kumplament – il-lajċi – imma din il-kelma ma tantx kienet komuni.  

Min huma l-lajċi? Darba fis-seklu dsatax, il-Kardinali John Henry Newman kien qal ironikament li l-lajċi kienu dawk li xogħolhom fil-Knisja kien li jitolbu, iħallsu u jobdu – pray, pay and obey. Sa nofs is-seklu għoxrin is-sitwazzjoni kienet għadha kważi l-istess.

Għall-grazzja ta’ Alla u grazzi wkoll għall-qaddis Malti s-saċerdot Ġorġ Preca, fis-snin ta’ qabel il-konċilju l-lajkat f’pajjiżna kien diġà għamel passi kbar ’il quddiem u bosta lajċi kienu bdew iwieġbu b’mod attiv għas-sejħa li rċevew fil-Magħmudija tagħhom. Kienu l-katekisti tal-MUSEUM, nies ta’ fiduċja, li wara li semgħu u tgħallmu mingħand il-Fundatur tagħhom stess, kienu lesti li huma wkoll jgħadduh lill-oħrajn. Kien hemm għaqdiet oħra – l-Azzjoni Kattolika, il-Leġjun ta’ Marija, iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u xi oħrajn – li lkoll bdew jagħtu s-sehem tagħhom fil-Knisja, dejjem skont il-kariżmi differenti li kienu ġew mogħtija.

Imma, b’xorti ħażina, il-maġġoranza assoluta tal-imgħammdin kienu jemmnu li ma kellhom xejn x’jagħtu. Lill-ġenituri u lin-nanniet li spiss b’sagrifiċċji u diffikultajiet kbar kienu l-ewwel katekisti ta’ wliedhom u tan-neputijiet tagħhom, u li b’ħafna sabar għaddewlhom dawk il-valuri nsara li kienu rċevew huma, lil dawn ħadd kien għadu ma kellimhom dwar il-Knisja tad-dar. Ħadd ma kien fissrilhom kif il-mejda tal-ikel li madwarha jinġabru kuljum huma u wliedhom, kienet tibdlilhom darhom f’ċenaklu ġdid u lill-familja tagħhom f’komunità nisranija, proprju bħal dik tal-ewwel żminijiet.

 

Knisja fortizza

Il-Knisja kienet waħda militanti; fortizza magħluqa, soda u qawwija, lesta biex tilqa’ kontra l-attakki tal-għadu li kien hemm fuq barra. Ftit kienu jifhmu li dawk li kienu barra mhux bilfors kienu għedewwa.

Innu popolari, il-marċ pontifiċju,  li kien jitkanta spiss f’xi rally kbir kien jibda bil-kliem, “Għalxejn l-għedewwa jridu, iġarrfu l-ħitan”; l-innu tal-Papa li tiegħu kienu lkoll suddititi lejali. Bħala suldtati ta’ Kristu, kif isir kull nisrani meta jirċievi s-Sagrament tal-Ġriżma tal-Isqof, kienu jħossuhom kburin meta jkantaw dak il-marċ.

Għal aktar minn elf sena, il-Papa ma kienx biss mexxej spiritwali tal-Knisja imma wkoll sovran assolut ta’ għadd ta’ Stati fl-Italja Ċentrali. Imma meta fis-seklu dsatax tfaċċa r-Risorgimento, moviment li ħadem għall-għaqda tal-Italja, l-Istati Papali kienu ta’ xkiel, kemm ġeografikament għaliex firdu t-Tramunta min-Nofsinhar, u kemm għaliex spiss kienu jidħlu xi forzi barranin biex jiddefenduhom.

Fl-1870, Ruma kienet iddikjarata l-kapitali tal-Italja kollha, l-Istati Papali saru parti mill-Italja Magħquda, u l-Papa tħalla biss b’roqgħa art fuq l-għolja tal-Vatikan, sal-lum l-iżgħar stat fid-dinja.  Madankollu, il-Papa xorta waħda baqa’ jitqies bħala sovran assolut, inkurunat bit-tiara papali u bis-setgħa tiegħu tinfirex lil hinn mill-konfini ġeografiċi tal-Istat ċkejken tiegħu.

Xbieha oħra, forsi aktar umli u modesta, li kellna tal-Knisja kienet ta’ dgħajsa, id-dgħasja ta’ Pietru, titbandal fuq l-ilmijiet imqallba, issalpa ’l barra fil-fond minkejja l-maltemp ta’ madwarha. Min jitla’ fuqha jista’ jsalva, imma ’l barra minnha ma kienx hemm salvazzjoni. Extra ecclesiam nulla salus. Din kienet in-norma. Aħna u huma. Ta’ ġewwa u ta’ barra.

“Ħalli ħadd ma jqarraq bih innifsu, barra minn din id-dar, jiġifieri barra mill-Knisja, ħadd ma jiġi salvat. Għax jekk xi ħadd joħroġ barra, jkun ħati tal-mewt tiegħu stess.”

Dan it-twemmin wassl biex fost l-oħrajn jinħoloq ukoll il-kunċett tal-limbu, li għalkemm qatt ma kien parti mit-tagħlim uffiċjali tal-Knisja, bosta kienu jemmnuh u spiss kien ikun hemm xi qassis li jgħallem dwaru. Il-limbu kien deskritt bħala post jew stat li fih kienu jmorru t-trabi li jmutu qabel ma jkunu ġew mgħammda. Anke l-erwieħ ta’ persuni, mhux Insara, li jkunu għexu ħajja tajba setgħu jispiċċaw hemm. Kien post bla tbatija, imma wkoll mingħajr il-viżjoni beatifika ta’ Alla. Min jaf kemm ommijiet bkew fis-skiet ta’ qalbhom u ta’ djarhom, għax wara li tilfu lil uliedhom tat-twelid, ma setax ikollhom il-faraġ li dawn qegħdin jaraw lil Alla u li xi darba setgħu huma wkoll jiltaqgħu magħhom!

Din kienet il-mentalità fil-ħamsinijiet u forsi wara wkoll. Dan kien kif ħafna ħarsu lejn u feħmu l-Knisja. Kienet l-idea żbaljata li kellna ta’ Alla tagħna, li minflok ħarisna lejna nfusna bħala xbieha tiegħu, ippruvajna nibdlu lilu u nagħmluh fuq xbieha u sura tagħna; alla falz, ‘il bogħod ħafna minn dak Alla li kellimna dwaru Kristu Ġesù.

Fl-isfond ta’ din ix-xena tħabbret il-mewt tal-Papa. Il-pontikat ta’ Piju XII kien twil u mtaqqal b’ħafna problemi kbar, kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Is-suċċessur tiegħu ma kienx ħa jsib biċċa xogħol ħafifa.

Imma x’tip ta’ mexxej kellha bżonn il-Knisja f’dawk iċ-ċirkustanzi: politiku li kapaċi jittratta mal-kbar tad-dinja fis-sitwazzjonijiet mwiegħra li fi tmiem il-ħamsinijiet kienet għaddejja minnhom, jew ragħaj li seta’ jmexxi u jindokra l-merħla ta’ Kristu bla ma jinsa u jwarrab lil dawk ta’ barra?

 

Kitba ta' Joe Farrugia

Qari minn Tony Micallef