L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Messaġġ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II liż-Żgħażagħ.

 

"Intom li tridu tilqgħu t-torċa minn idejn missirijietkom u li għad tgħixu fid-dinja f’mument ta’ trasformazzjonijiet ta’ ġgant fl-istorja tagħha."

 

 

 Il-fiduċja tal-Knisja fiż-Żgħażagħ

Lilkom, żgħażagħ subien u bniet tad-dinja kollha, il-Konċilju jixtieq iwassal l-aħħar messaġġ tiegħu. Għaliex huwa intom li tridu tilqgħu t-torċa minn idejn missirijietkom u li għad tgħixu fid-dinja f’mument ta’ trasformazzjonijiet ta’ ġgant fl-istorja tagħha. Imiss lilkom tilqgħu l-aħjar tal-eżempju u tat-tagħlim tal-ġenituri u l-għalliema tagħkom u tiffurmaw is-soċjetà ta’ għada. Intom għad issalvaw jew tinqerdu magħha.

Il-Knisja, matul erba’ snin, ħadmet biex iġġedded wiċċha u tagħmlu jidher iżjed żgħażugħ, biex twieġeb aħjar għall pjanijiet tal-Fundatur tagħha, il-Kbir fost il-ħajjin, Kristu dejjem żgħażugħ. U fi tmiem din ir-“reviżjoni tal-ħajja” mill-akbar li għamel, Hija ddur lejkom. Huwa għalikom, fuq kollox għalikom żgħażagħ, li l-Konċilju xegħel dawl, id-dawl li jdawwal il-ġejjieni, il-ġejjieni tagħkom.

Il-Knisja tixtieq tassew li din is-soċjetà li intom ser tibnu tirrispetta d-dinjità, il-libertà, il-jeddijiet tal-persuni: dawn il-persuni huma intom stess. Hija tixtieq fuq kollox li din is-soċjetà tħallilha l-libertà li tiżviluppa t-teżor kbir tagħha, dejjem qadim u dejjem ġdid; it-teżor tal-fidi. Il-Knisja tixtieq li s-soċjetà tħalli lilkom liberi li timlew lil rwieħkom bid-dwal ċari tal-fidi, dwal li jagħmlu l-ġid. Hija għandha fiduċja li intom issibu forza u hena daqshekk kbar li intom anqas biss ikollokom it-tentazzjoni, bħalma kellhom xi wħud minn missirijietkom, li ċċedu għas-seduzzjoni tal-filosofija tal-egoiżmu u tal-pjaċir jew għal dawk tad-disperazzjoni u tal-qirda. Quddiem l-ateiżmu, li hu fenomenu ta’ għeja u ta’ xjuħija, intom tafu taffermaw il-fidi tagħkom fil-ħajja u f’dak li jagħti tifsira lill-ħajja: iċ-ċertezza tal-eżistenza ta’ Alla ġust u twajjeb.

Huwa f’isem ta’ dan Alla u f’isem Ibnu Ġesù Kristu li aħna nħeġġukom li twessgħu qlubkom skond il-wisa’ u l-kobor tad-dinja biex hekk tisimgħu s-sejħa ta’ ħutkom u tqiegħdu bil-kuraġġ għas-servizz tagħhom l-enerġiji żagħżugħa tagħkom.

Issieltu kontra l-egoiżmu. Tħallux jaħarbu bikom l-istinti ta’ vjolenza u ta’ mibgħeda li jġibu l-gwerer u l-miżerji kollha li l-gwerer iġibu magħhom. Kunu ġenerużi, safja, rispettużi, sinċieri. U ibnu bl-entużjażmu dinja aħjar minn dik ta’ dawk li ġew qabilkom”.

Il-fiduċja tal-Knisja fiż-Żgħażagħ

“Il-Knisja tħares lejkom b’fiduċja u b’imħabba. Hija għandha l-għana tal-imgħoddi li għadu jgħix fiha u miexja lejn il-perfezzjoni umana fiż-żmien u lejn id-destin aħħari tal-istorja u tal-ħajja. Hija għalhekk tassew iż-żgħożija tad-dinja. Hija għandha dak li jagħmel il-forza u l-attrattiva taż-żgħażagħ: il-kapaċità li tieħu pjaċir b’dak li jibda, li tagħti ruħa mingħajr ma terġa’ lura, li tiġġedded u terġa’ tterraq għal konkwisti ġodda. Ħarsu lejha u taraw fiha l-wiċċ ta’ Kristu, l-eroj tassew, umli u għaref, il-profeta tal-verità u tal-imħabba, is-sieħeb u l-ħabib taż-żgħażagħ. Huwa għalhekk li, f’isem Kristu, aħna nsellmulkom, inħeggukom, inberkukom”.

7 ta’ Diċembru 1965

 

Ara t-test bit-Taljan ...