Kif il-fidi baqgħet ħajja f’ħabs komunista – il-Kardinal Van Thuan

 

Dawn li ġejjin huma siltiet mit-taħdita tal-mibki Kardinal François Xavier Nguyen Van Thuan - "Nesperjenzjaw il-qawwa ta’ Alla li jeħlisna" - mogħtija waqt konferenza dwar l-edukazzjoni reliġjuża f'Los Angeles qabel il-mewt tiegħu fl-2002.

 

Hu jirrakkonta hekk:

 

Fil-15 ta’ Awwissu 1975, fil-Festa ta’ Santa Marija, ġejt mistieden fil-Palazz tal-Indipendenza, il-Palazz tal-President f’Saigon,  il-Vjetnam, u dan biex sempliċiment jarrestawni. Il-mottiv kien minħabba li l-Papa Pawlu VI lili kien ittrasferieni mid-djoċesi tiegħi f'Nha Trang fejn kont ilni isqof għal tmien snin, bejn l-1967 u l-1975, lejn Saigon, biex insir Arċisqof Koadjutur.

 

Skont il-Gvern Komunista dan it-trasferiment, li sar ġimgħa qabel il-wasla tagħhom f'Saigon, fit-30 ta' April 1975, kien prova li kien hemm xi tip ta’ konfoffa bejn il-Vatikan u l- "Imperjalisti".

 

Mill-ewwel mument ta' l-arrest tiegħi, ġew f'moħħi kliem l-Isqof John Walsh, li kien il-ħabs għal 12-il sena fiċ-Ċina Komunista. Dakinhar tal-ħelsien tiegħu l-Isqof Walsh kien qal, "Qattajt nofs ħajti nistenna."

 

Din hija verità. Il-priġunieri kollha, inkluż jien, kontinwament nistennew li li xi darba ninħelsu mill-ħabs. Dak il-ħin stess li arrestawni, jien iddeċidejt li l-arrest tiegħi u ż-żmien li kont se nqatta’ fil-ħabs ma jkunx biss żmien fejn jien nirriżenja u nċedi kollox f’ħajti. Iddeċidejt li mhux se nqatta’ ħajti nistenna.  Iddeċidejt li ngħix sew kull mument ta’ ħajti u nimlieh bl-imħabba. Għax jekk noqgħod nistenna, l-affarijiet li nistenna qatt ma jiġru. L-unika ħaġa li nista' nkun ċert minnha hija li jien se mmut.

 

Le, mhux se nqatta’ l-ħin nistenna. Iddeċidejt li jien se ngħix il-mument preżenti u nimlieh bl-imħabba.

 

Linja dritta hija magħmula minn eluf ta’ tikek. Bl-istess mod, ħajjitna tikkonsisti f'eluf u miljuni ta' sekondi u minuti magħqudin flimkien. Jekk kull tikka matul dik il-linja tkun qegħda f’postha, allura l-linja tkun dritta. Jekk kull minuta tal-ħajja tagħna tkun tajba, dik il-ħajja tkun ħajja tajba, anzi ħajja qaddisa.

 

Waħdi fiċ-ċella tal-ħabs, bqajt niġi tturmentat bil-fatt li jien kelli biss tmienja u erbgħin sena, kont fl-aħjar ta' ħajti. Kont ili tmien snin isqof u ksibt daqstant esperjenza pastorali, u issa ninsab hemm iżolat, ma nagħmel xejn, 'il bogħod minn niesi.

 

Lejla waħda, fil-fond ta’ qalbi stajt nisma’ vuċi tagħtini dan il-parir: "Għaliex titturmenta lilek innifsek?  Int jeħtieġlek tagħmel differenza bejn Alla u x-xogħol ta’ Alla. Dak kollu li int kont tagħmel, u li tixtieq tkompli tagħmel, il-visti pastorali,  it-training tas-seminaristi,  tas-sorijiet u tal-patrijiet, il-bini ta’ skejjel, it-tagħlim tal-fidi lil dawk mhux insara.... Dan kollu hu xogħol eċċellenti, dan huwa x-xogħol ta' Alla, imma dan mhuwiex Alla! Jekk Alla jridek li tagħtih kollox, u tħalli  x-xogħol kollu f'idejh, għamel hekk u afdah. Alla se jagħmel dan ix-xogħol bil-wisq aħjar minnek; Alla mbagħad jafda dan ix-xogħol lil oħrajn li huma aktar kapaċi minnek. Inti kulma għandek tagħmel huwa biss li tagħżel lil Alla, u mhux ix-xogħol ta' Alla! "

 

Missjoni

Dan id-dawl biddel totalment il-mod ta’ ħsieb tiegħi. Meta l-Komunisti tefgħuni fl-istiva tad-dgħajsa, Hai-Phong, flimkien ma' 1500 priġunier ieħor, u ħaduna lejn in-naħa tat-tramuntana tal-pajjiż, jien għidt lili nnifsi, "Hawn hu l-katidral tiegħi, hawn huma n-nies li Alla tani biex nieħu ħsieb, din hi l-missjoni tiegħi: li nassigura l-preżenza ta’ Alla fost dawn l-aħwa msejknin u ddisprati. Hija r-rieda ta' Alla li jien ninsab hawn. Naċċetta r-rieda tiegħu ". U minn dak il-ħin, paċi ġdida mliet lil qalbi u dil-paċi baqgħet miegħi għal tlettax-il sena sħaħ.

 

"Int stajt tqaddes fil-ħabs?" hija mistoqsija li staqsewhieli ħafna nies u ħafna drabi. U meta ngħidilhom "Iva", nista' nissoponi x’kienet se tkun il-mistoqsija li jmiss, "U kif kont iġġib l-ostji u l-inbid?"

 

Jiena mort il-ħabs b'idi f’idi, b’ta’ fuqi senduqi. Aktar tard, kienu jħalluni nitlob affarijiet neċessarji bħal ħwejjeġ, toothpaste, eċċ.  Meta ktibt id-dar, għidtilhom: "Ibgħatuli ftit inbid, biex itaffili l-uġigħ fl-istonku". Huma fehmu dak li ridt infisser.

 

Huma bagħtuli flixkun żgħir bl-imbid tal-quddiesa, b’label fuq il-flixkun li kienet tgħid: “mediċina għall-uġigħ fl-istonku”, u bgħatuli wkoll xi ostji maqsuma f’biċċiet żgħar.

 

Il-pulizija staqsewni: "Inti għandek uġigħ fl-istonku tiegħek?"

"Iva." għidtilhom.

"Hawn xi mediċina għalik!"

 

Ma nistax ngħidilkom il-ferħ li kelli: kuljum, bi tliet qatriet inbid, u qatra ilma fil-pala ta' idi, iċċelebrajt il-Quddiesa tiegħi.

 

Is-sitt Kattoliċi li kien hemm fil-grupp tiegħi ta' 50 priġunier ippruvaw jibqgħu flimkien. Anke t-twavel li tawna bħala sodod, li kienu madwar 20 pulzier wiesgħa, għamilniehom qrib xulxin, biex norqdu qrib xulxin u hekk inkunu nistgħu nitolbu matul il-lejl.

 

Fid-9.30 ta’ kull filgħaxija meta kienet iddoqq il-qampiena biex jintefa’ d-dawl, kulħadd kellu jkun mimdud f’postu. Jien kont ninżel fuq it-tavla tiegħi u niċċelebra l-Quddiesa, ngħid kollox f’qalbi ovvjament, u wara kont inqarben lill-ġirien tiegħi minn taħt ix-xibka tan-nemus. Għamilna qfief ċkejknin mill-fidda tas-sigaretti biex nipproteġu s-Sagrament.

 

Bil-lejl, il-priġunieri sħabi kienu jagħmlu roster biex iqattgħu ħin ta’ adorazzjoni. L-Ewkaristija għenitna bil-kbir. Anki l-Buddisti u oħrajn mhux Kristjani bdew jingħaqdu magħna. Il-qawwa ta' l-imħabba ta' Ġesù hija irreżistibbli. Id-dlam tal-ħabs inbidel f'dawl, u f’din il-maltempata nżergħet żerriegħa li bdiet tikber fis-skiet.

 

Darba minnhom wieħed uffiċċjal komunsita beda jikkritika lill-Knisja, u jien għidtlu:  "L-istess kelma jista’ jkollha żewġ tifsiriet. Jekk sinċerament tixtieq tifhem il-Knisja, jekk tixtieq tiddjaloga mal-Kattoliċi, jiena nissuġġerixxi li nikteb lista tal-kliem reliġjuż bil-Latin, Franċiż, Ingliż, Taljan, Spanjol u Ċiniż, u nikteb xi jfissru bil-Vjetnamiż. Jekk taċċetta l-offerta tiegħi, jekk jogħġbok agħtini ftit karti u pinna. Huwa aċċetta u bdejt.

 

Meta dak ġie lura, spjegajtlu xi  ftit kliem, it-tifsiriet, l-istorja u kif żviluppat il-Knisja, per eżempju, x'inhu abbati jew x'inhi l-ħajja monastika u dak kollu li fiha bħalma hu s-silenzju, il-faqar, ubbidjenza, kastità , sawm, xogħol manwali, xogħol pastorali u intellettwali, eċċ. Qajjimtlu kurżità kbira. Bil-mod ħafna, bqajt nispjegalu l-kliem, u bla ma kien jaf, kont qed nagħmel kors ta’ katekiżmu għall-uffiċċjali komunisti! Dan kien mod kif minflok niddibattu u nikkritikaw, niddjalogaw fil-verità u fl-imħabba.

 

Jien għamilt l-istess mal-gwardjani tiegħi li talbuni ngħallimhom ilsna barranin. Huma ġabuli kotba tal-ilsien franċiża. Waqt li kont ngħallimhom l-istorja, iċ-ċiviltà, il-letteratura u l-kultura Franċiża, jien stajt nispjega l-impatt tal-Evanġelju fuq Franza u fuq l-istorja Ewropea u l-kultura tagħha.

 

Meta bdejt nitgħallem nagħżel bejn Alla u x-xogħol ta’ Alla, meta bdejt nagħżel lil Alla u r-rieda tiegħu, u ħallejt kull ħaġa oħra f'idejh, u meta tgħallimt inħobb lill-oħrajn, speċjalment l-għedewwa tiegħi bħalma Ġesù ħabb lili, ħassejt paċi kbira f'qalbi. Imċaħħad kif kont mil-libertà, imċaħħad minn kollox, u ngħix fil-faqar estrem fiċ-ċella mudlama tiegħi, kont fil-paċi għax stajt ngħid, "Alla tiegħi u kollox tiegħi". Il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti, ġabitli ferħ kbir.

 

Il-priġunieri hemmhekk jinżammu nagħluqin għal perjodi twal ħafna, ħadd ma jkun għadda ġuri, imma sepliċiment mitfugħin hemm f'kundizzjonijiet oppressivi, u f’qalbhom kien hemm biss qrusa u sentimenti ta' mibegħda u ta’ vendetta. Dik hija rejazzjoni normali. Jien domt il-ħabs għal tlettax-il sena, li disgħa minnhom qattajthom f’ċella waħdi, disa’ snin waħdi, ma nara lil ħadd. Kelli żewġ gwardjani miegħi, imma qatt ma kellmuni. Kulma kienu jgħiduli iva jew le biss. Imma fuq kollox kont naf li dawn kienu ħuti u jiena kelli nkun qalbi tajba magħhom. Ma kelli xejn x’nagħtihom, għax bħala priġunier jien ma kelli xejn li xejn, xejn li jogħġobhom. Xi stajt nagħmel?

 

Lejla waħda ġieni ħsieb. "Int xorta bniedem sinjur. Għandek l-imħabba ta' Kristu f'qalbek. Ħobbhom kif iħobbok Ġesù". L-għada bdejt xogħoli, l-ewwel, billi kont nuri ferħ u billi nitbissem. Bdejt nirrakkonta dwar il-vjaġġi tiegħi f'pajjiżi fejn in-nies jgħixu fil-libertà u jgawdu l-kultura tagħhom u progress tekniku kbir. Dak qanqal il-kurżità tagħhom u staqsew ħafna, ħafna mistoqsijiet. Bil-mod, bil-mod ħafna, sirna ħbieb.

 

Huma riedu jitgħallmu ilsna barranin. U hekk il-gwardjani tiegħi spiċċaw biex saru l-allievi tiegħi! L-atmosfera tal-ħabs inbidlet kompletament.

 

Dak iż-żmien, f’parti oħra tal-ħabs, grupp ta ’għoxrin persuna kienu qed jitgħallmu l-Latin biex ikunu jistgħu jaqraw id-dokumenti tal-Knisja. L-għalliem tagħhom kien ex katekista. Wieħed mill-gwardjani tiegħi, u li kien fil-klassi tal-Latin, darba staqsieni jekk nistax ngħallmu xi kant bil-Latin.

 

"Daqs kemm hemm!", weġibtu, "u kollha sbieħ!".

"Int kanta, imbagħad nagħżel jien," reġa 'wieġeb.

 

U hekk kantajtlu s-Salve Regina, is-Salve Mater, il-Lauda Sion, il-Veni Creator, l-Ave Maris Stella. Ma taqtgħux liema waħda għażel? Il-Veni Creator, talba lill-Ispirtu s-Santu. U ma nistax nibda nispjegalkom, u hija wkoll ħaġa tad-daħk, imma ħaġa kbira mmens, u kont inħossni kommoss, li tkun f’ħabs komunista, u tisma’ l-gwardjan tiegħek, komunista, nieżel it-taraġ fis-sebgħa kull filgħodu fi triqtu lejn il-ġimm għat-training, ikanta l-Veni Creator.

 

Waqt li kont fil-ħabs f'Vinh-Quang fil-muntanji tal-Vjetnam tat-Tramuntana, darba wara nofsinhar kont qed nisserra xi injam. Staqsejt lill-gwardjan li kien ikun dejjem miegħi, u li kien sar ħabib tiegħi, jekk nistax nitolbu favur.

 

"Xi trid? Jien ngħinek."

"Irrid naqta’ biċċa injama żgħira u nagħmilha f'għamla ta 'salib."

"Ma tafx li huwa strettament projbit li jkollok xi sinjal reliġjuż, ikun xi jkun?"

"Jiena nwiegħdek li nżommu moħbi."

"Imma dan hu estremament perikoluż għat-tnejn li aħna."

"Inti għalaq għajnejk, nagħmel is-salibu nwiegħdek li noqgħod attent ħafna."

 

Huwa tani dahru u ħallieni waħdi. Għamilt salib żgħir li wara ħbejtu f'biċċa sapuna mdewba. Dejjem żammejtu miegħi, u llum immuntajtu ma’ biċċa metall, u nilbsu bħala s-salib pettorali tiegħi ta’ isqof.

 

F'ħabs ieħor f'Hanoi, għamilt ħbieb mal-gwardjan tiegħi u rnexxieli nitolbu biċċa wajer tal-metall. Dak miskin twerwer.

 

Qalli "Jiena studjajt fl-Università tal-Pulizija li meta xi priġunier jitolbok biċċa wajer tal-elettriku, jitlobulek biex joqtol lilu nnifsu!"

 

Spjegajtlu li l-Insara, u iżjed u iżjed is-saċerdoti, ma jagħmlux suwiċidju.

 

"U allura x’tambih il-wajer tal-elettriku?", staqsa.

"Għandi bżonn katina biex nilbes is-salib tiegħi."

"Imma kif tista' tagħmel katina mill-wajer?"

"Jekk iġġibli tnalja, nurik."

"imma din ħaġa perikoluża ħafna!"

"Imma aħna m’aħniex ħbieb?!"

 

Huwa nfixel, imma fl-aħħar qal, "Għalija diffiċli ħafna biex ngħidlek le. Illejla fis-sebgħa nagħmluha flimkien. Imma rridu nispiccaw qabel il-ħdax ta’ billejl.  Illejla sieħbi ħadha off, u jien irrid noqgħod minfloku.  Jekk jaqbadna, jirrappurtana t-tnejn li aħna". Dik il-lejla, bl-għodda li ġab, aħna qtajna, iffurmajna u ħdimna l-katina tiegħi u lestejna qabel il-ħdax!

 

Dawn is-salib u l-katina mhumiex biss it-tifkira tiegħi ta’ meta kont il-ħabs. Lili jfakkruni l-ħin kollu li l-imħabba nisranija kapaċi ġġib bidla fil-qalb. Il-bidla ma tiġix bl-armi, bit-theddid, jew bil-midja. Kien diffiċli ħafna għall-gwardjani tiegħi biex jifhmu meta kellimthom dwar l-imħabba tal-għedewwa tagħna, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra.

 

"Inti lilna veru tħobbna?" kienu jistaqsuni.

 "Iva, inħobbkom tassew."

"Anke meta nġagħluk tbati? Meta tbati għax int tinsab fil-ħabs mingħajr ġuri?"

"Ħarsu lejn is-snin kollha li qattajna flimkien. Dażgur, inħobbkom!"

"U meta toħroġ, tmur tgħid lin-nies tiegħek biex jiġu jsibuna, isawtuna, u jweġġgħulna lill-familji tagħna?"

"Se nkompli nħobbkom anki jekk tixtiequ toqtluni."

"Imma għala?"

"Minħabba Ġesù li għallimna nħobbu dejjem; jekk ma nagħmlux hekk , m'aħniex denji li nissejħu nsara."

 

M'għandix ħin biżżejjed biex ngħidilkom rakkonti oħra kommoventi, li huma prova li l-imħabba ta’ Ġesù għandha qawwa kbira li teħles lill-bniedem.

 

Is-snin iebsin jgħaddu bil-mod ħafna fil-ħabs. Waqt li tbati umiljazzjoni u abbandun, l-uniku appoġġ u tama tiegħi kienet l-imħabba ta’ Marija, l-Omm Imbierka tagħna. Il-qaddejja tal-għaġeb ta’ Marija – San Luigi de Montfort, San  Ġwann Bosco, u San Massimiljanu Kolbe - kienu l-kumpanji tiegħi f’din it-triq tat-tama. Huma ispirawni u tawni fiduċja kbira fl-imħabba ta’ Marija, ir-Reġina tal-Appostli u l-Martri.

 

Libertà

Kont ngħid spiss din it-talba lil Marija: "Marija, Ommi, jekk inti taf li jien ma nistax inkun iktar utli għall-Knisja, allura għatini l-grazzja li mmut hawn il-ħabs, u nikkonsma s-sagrifiċċju tiegħi. Jekk taf li xorta nista' nkun ta’ użu  għall-Knisja, agħtini l-grazzja tal-libertà f’xi waħda mill-festi tiegħek".

 

Fil-fatt, kien il-21 ta’ Novembru 1988, kont qiegħed insajjar l-ikla tiegħi meta smajt lill-gwardjan jgħidulu li rieduh fuq it-telefon. Għaddieli minn moħħi li dik it-telefonata kellha x’taqsam miegħi. Ftit minuti wara, il-gwardjan sejjaħli.

"Sur Thuan, inti lestejt mill-ikel?"

"Le għadni mhux lest."

"Eżatt kif tlesti mill-ikel, mur għand ic-chief, u good luck!”

 

Wara li kilt ħaduni fl-uffiċċju ic-chief tal-ħabs, u hemm sibt lill-ministru tal-Pulizija u wara konverżazzjoni qasira, il-Ministru staqsieni,

"Għandek xi talba x’tagħmilli?"

"Iva, Sur Ministru, nixtieq li teħilsuni!"

"Meta?"

"Illum!"

 

Il-Ministru taparsi kien sorpriż li jien tlabt il-ħelsien. Imma kont naf li kienet waslet il-ġurnata. Kienet il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju, propju fil-21 ta’ Novembru, u kont naf li l-Madonna kienet semgħet it-talba tiegħi.

 

Biex nirribatti s-sorpriża tal-Ministru, jien għidtlu, "Qed tara, Sur Ministru, kemm ilni l-ħabs kellna tliet papiet: Pawlu VI, Ġwanni Pawlu I u  Ġwanni Pawlu II. U f’dan iż-żmien kien hawn erba' Segretarji Ġenerali tal-Partit Komunista , Brejnev, Andropov, Chernenko u Gorbacev. "

 

Għajnejh infetħu beraħ. "Iva, hekk hu. Kollox sew. It-talba tiegħek intlaqgħet. Inti liberu. Tista’ tmur."