BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Frar 2013

 

Għeżież Ħuti fl-Episkopat u fil-Presbiterat,

Awtoritajiet Distinti,

Għeżież ħuti,

 

Nirringrazzjakom li ġejtu f’għadd hekk kbir għal din l-aħħar Udjenza Ġenerali tiegħi.

 

Grazzi minn qiegħ qalbi!  Inħossni verament imqanqal!  U qed nara lill-Knisja ħajja!  U naħseb li għandna rroddu ħajr ukoll lill-Ħallieq għat-temp sabiħ li qed jagħtina bħalissa, anki jekk għadha x-Xitwa.

 

Bħall-Appostlu Pawlu fis-silta mill-Bibbja li għadna kemm smajna, anki jien inħoss f’qalbi li għandi fuq kollox irrodd ħajr lil Alla, li jdawwal u jkabbar lill-Knisja, li jiżra’ l-Kelma tiegħu u hekk jitma’ l-Poplu tiegħu bil-fidi.  F’dan il-waqt qalbi titwessa’ u tħaddan magħha lill-Knisja kollha mxerrda mad-dinja; u nirringrazzja lil Alla għall-“aħbarijiet” li f’dawn is-snin tal-Ministeru Petrin kelli l-opportunità li nirċievi dwar il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, u dwar il-karità li tabilħaqq hemm tbaqbaq fil-Ġisem tal-Knisja u li tgħajxu fl-imħabba, u dwar it-tama li tiftaħna u torjentana lejn il-ħajja fil-milja tagħha, lejn is-Sema pajjiżna.

 

Inħoss li qed inġorr lil kulħadd fit-talb, fi preżent li hu dak ta’ Alla, fejn niġbor kull laqgħa, kull vjaġġ, kull żjara pastorali.  Kollox u lil kulħadd niġbor fit-talb biex nafdakom f’idejn il-Mulej: biex insiru nafu tassew x’inhi r-rieda tiegħu, bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali, u biex inkunu nistgħu nġibu ruħna kif jixraq lilU, lil imħabbtu, u nagħmlu l-frott b’kull opra tajba (ara Kol 1:9-10).

 

F’dan il-waqt, għandi ġo fija fiduċja kbira, għax naf, nafu lkoll kemm aħna, li l-Kelma tal-verità tal-Vanġelu hi l-qawwa tal-Knisja, hi l-ħajja tagħha.  Il-Vanġelu jsaffi u jġedded, jagħmel il-frott, kull fejn il-komunità ta’ dawk li jemmnu tisimgħu u tilqa’ l-grazzja ta’ Alla fil-verità u fl-imħabba.  Din hi l-fiduċja tiegħi, dan hu l-ferħ tiegħi.

 

Meta, nhar id-19 ta’ April ta’ kważi tmien snin ilu, aċċettajt li nieħu fuqi l-Ministeru Petrin, kelli fija dik iċ-ċertezza soda li dejjem kienet miegħi: din iċ-ċertezza li l-Knisja taf ħajjitha lill-Kelma ta’ Alla.  F’dak il-waqt, kif diġà esprimejt kemm-il darba, il-kliem li dewa f’qalbi kien dan: Mulej, għaliex qed titlobni dan u x’qed titlob minni?  Hu piż kbir dak li qed tqiegħed fuq spallejja, imma jekk qed titlobhuli Int, għall-kelma tiegħek se nkala x-xbiek, għax żgur li Int sa tmexxini, ukoll bid-dgħufijiet kollha tiegħi.  U tmien snin wara nista’ nistqarr magħkom li l-Mulej mexxieni, kien qrib tiegħi, stajt inħoss ta’ kuljum il-preżenza tiegħu.  Kienet biċċa mill-mixja tal-Knisja li kellha l-waqtiet tagħha ta’ ferħ u ta’ dawl, imma wkoll waqtiet li xejn ma kienu ħfief; ħassejtni bħal San Pietru ma’ l-Appostli fid-dgħajsa fuq l-Għadira tal-Galilija: il-Mulej tana tant ġranet ta’ xemx u ta’ fewġiet ħafifa, jiem li fihom il-qabda tal-ħut kienet kbira; kien hemm ukoll waqtiet li fihom l-ilmijiet kienu mħarrka sew u r-riħ kontrina, bħal fl-istorja kollha tal-Knisja, fejn il-Mulej deher donnu rieqed.  Imma dejjem kont naf li f’dik id-dgħajsa hemm il-Mulej u dejjem kont naf li d-dgħajsa tal-Knisja m’hix tiegħi, m’hix tagħna, imma tiegħu.  U l-Mulej qatt ma jħalliha tegħreq; Hu li jmexxiha, naturalment anki permezz ta’ bnedmin li hu għażel, għax hekk ried.  Din kienet u hi ċertezza li xejn ma jista’ jdallam.  Hu għalhekk li l-lum qalbi hi mimlija b’radd ta’ ħajr lil Alla, għax hu qatt ma ħalla nieqsa lill-Knisja kollha u lanqas lili mill-faraġ tiegħu, mid-dawl tiegħu, minn imħabbtu.

 

Qegħdin fis-Sena tal-Fidi, li jiena xtaqtha propju biex inqawwi l-fidi tagħna f’Alla f’kuntest li donnu jidher li jrid dejjem iżjed ipoġġih fit-tieni post.  Nixtieq nistieden lil kulħadd biex inġeddu l-fiduċja sħiħa tagħna fil-Mulej, biex bħal tfal ċkejknin nafdaw ruħna f’dirgħajn Alla, żguri li dawk id-dirgħajn sa jweżnuna dejjem u huma li jagħtuna l-qawwa biex nimxu ta’ kuljum, anki jekk għajjiena.  Nixtieq li kulħadd iħossu maħbub minn dak Alla li ta lil Ibnu għalina u li wriena mħabbtu bla qies.  Nixtieq li kulħadd iħoss il-ferħ li hu Nisrani.  F’talba sabiħa ta’ fil-għodu jingħad: “Nadurak, o Alla tiegħi, u nħobbok b’qalbi kollha.  Irroddlok ħajr li ħlaqtni, għamiltni Nisrani…”.  Iva, aħna kuntenti bid-don tal-fidi; hi l-ġid l-aktar prezzjuż, li ħadd ma jista’ jeħdilna!  Ejjew kuljum irroddu ħajr ta’ dan lil Alla, bit-talb u b’ħajja Nisranija koerenti.  Alla jħobbna, imma jistenna minna li aħna wkoll inħobbuh!

 

Imma mhux biss lil Alla rrid nirringrazzja f’dan il-waqt.  Kull Papa m’hux qiegħed biss fit-treġija tad-dgħajsa ta’ Pietru, anki jekk din hi l-ewwel responsabbiltà li għandu.  Jien qatt ma ħassejtni waħdi nġorr il-ferħ u l-piż tal-Ministeru Petrin; il-Mulej qegħidli miegħi tant persuni li, b’ġenerożità u bi mħabba lejn Alla u lejn il-Knisja, għenuni u kienu qrib tiegħi.  Qabel xejn lilkom, għeżież Ħuti Kardinali: l-għerf tagħkom, il-pariri tagħkom, il-ħbiberija tagħkom kienu prezzjużi għalija; il-Kollaboraturi tiegħi, ibda mis-Segretarju ta’ l-Istat tiegħi li b’fedeltà akkumpanjani matul dawn is-snin; is-Segreterija ta’ l-Istat u l-Kurja Rumana kollha, kif ukoll dawk kollha li, fid-diversi oqsma, joffru s-servizz tagħhom lis-Santa Sede: tant drabi ma jidhrux, jibqgħu wara l-kwinti, imma sewwa sew fis-skiet, fid-dedikazzjoni ta’ kuljum, bi spirtu ta’ fidi u umiltà, kienu għalija sostenn żgur u li stajt nafda.  Ħsiebi jmur ukoll b’mod speċjali lejn il-Knisja ta’ Ruma, id-Djoċesi tiegħi!  Ma nistax ninsa lil Ħuti fl-Episkopat u fil-Presbiterat, il-persuni kkonsagrati u l-Poplu kollu ta’ Alla: fiż-żjajjar pastorali, fil-laqgħat, fl-udjenzi, fil-vjaġġi, dejjem stajt inħoss attenzjoni kbira u mħabba profonda; imma anki jien xtaqt il-ġid lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda, mingħajr distinzjonijiet, b’dik l-imħabba pastorali li hi l-qalb ta’ kull Ragħaj, fuq kollox ta’ l-Isqof ta’ Ruma, tas-Suċċessur ta’ l-Appostlu Pietru.  Kuljum ġarrejt miegħi lil kull wieħed u waħda minnkom fit-talb, bil-qalb ta’ missier.

 

Nixtieq imbagħad li t-tislima u l-ħajr tiegħi jaslu għand kulħadd: il-qalb tal-Papa titwessa’ biex tilħaq lid-dinja kollha.  U nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-Korp Diplomatiku fi ħdan is-Santa Sede, li jagħmel pereżenti l-familja kbira tal-Ġnus.  Hawn naħseb ukoll f’dawk kollha li b’xogħolhom jirsistu għal komunikazzjoni tajba u li nirringrazzjahom għas-servizz importanti li jagħtu.

 

Hawnhekk nixtieq nirringrazzja tassew minn qalbi anki lill-għadd kbir ta’ persuni fid-dinja kollha li fl-aħħar ġimgħat bagħtuli sinjali kommoventi ta’ attenzjoni, ta’ ħbiberija u ta’ talb.  Iva, il-Papa qatt m’hu waħdu: issa dan għal darb’oħra nista’ nħossu mill-ġdid b’mod hekk qawwi li jmisslek qalbek.  Il-Papa hu ta’ kulħadd u tant persuni jħossuhom tant qrib tiegħu.  Hu minnu li nirċievi ittri minn għand il-kbarat tad-dinja – mill-Kapijiet ta’ l-Istat, mill-Mexxejja Reliġjużi, mir-rappreżentanti tad-dinja kulturali, u l-bqija.  Imma nirċievi wkoll tant ittri minn persuni sempliċi li jiktbuli sempliċement minn qalbhom u jġagħluni nħoss ir-rispett u l-imħabba tagħhom, li jitnisslu mill-fatt li aħna magħquda lkoll ma’ Kristu Ġesù, mal-Knisja.  Dawn il-persuni ma jiktbulix kif wieħed jikteb, ngħidu aħna, lil prinċep jew lil xi ħadd kbir li ma jafux.  Jiktbuli bħala aħwa u bħala wlied, b’sens ta’ rabta familjari ta’ mħabba kbira.  Hawn tista’ tmiss b’idejk x’inhi l-Knisja – m’hix organizzazzjoni, assoċjazzjoni għal skopijiet reliġjużi jew umanitarji, imma ġisem ħaj, komunjoni ta’ aħwa fil-Ġisem ta’ Ġesù Kristu, li jiġborna lkoll.  Li dduq x’inhi l-Knisja b’dan il-mod, billi tista’ kważi tmiss b’idejk il-qawwa tal-verità tagħha u ta’ mħabbitha, hu motiv ta’ ferħ, fi żmien meta ħafna qed jitkellmu fuq il-waqgħa tagħha.  Imma nistgħu naraw kemm il-Knisja hi ħajja l-lum!

 

F’dawn l-aħħar xhur ħassejt li s-saħħa tiegħi kienet qed tonqos, u tlabt lil Alla b’insistenza, fit-talb, biex idawwalli moħħi bid-dawl tiegħu ħalli nista’ nagħmel l-aħjar deċiżjoni mhux għall-ġid tiegħi, imma għall-ġid tal-Knisja.  Middejt dan il-pass fl-għarfien sħiħ tal-kobor tiegħu u anki tan-novità tiegħu, imma anki b’serenità profonda f’qalbi.  Li tħobb lill-Knisja jfisser ukoll li jkollok il-kuraġġ li tagħmel għażliet diffiċli, bi tbatija, billi żżomm dejjem quddiemek il-ġid tal-Knisja u mhux tiegħek innifsek.

 

Hawn ħalluni nerġa’ lura għal darb’oħra lejn id-19 ta’ April 2005.  It-toqol ta’ din id-deċiżjoni kien ukoll fil-fatt li minn dak il-waqt ’il quddiem jien kont impenjat dejjem u għal dejjem għall-Mulej.  Dejjem – min jieħu fuqu l-Ministeru Petrin ma tibqagħlux iżjed privacy.  Jappartieni dejjem u b’mod sħiħ għal kulħadd, għall-Knisja kollha.  Biex ngħidu hekk, ħajtu titneħħielha għal kollox id-dimensjoni privata.  Stajt inġarrab, u qed inġarrbu sewwa sew bħalissa, il-fatt li wieħed jirċievi l-ħajja meta jagħtiha.  L-ewwel għidt li ħafna persuni li jħobbu lill-Mulej, iħobbu wkoll lis-Suċċessur ta’ San Pietru u għandhom rispett lejh u rabta miegħu; li l-Papa tassew għandu ħutu u wliedu fid-dinja kollha, u li jħossu fiż-żgur fit-tgħanniqa tal-komunjoni tagħkom; għax hu ma jibqax tiegħu nnifsu, imma jsir ta’ kulħadd u kulħadd isir tiegħu.

 

Id-“dejjem” hu wkoll “għal dejjem” – m’hemmx iżjed ritorn lejn il-ħajja privata.  Id-deċiżjoni tiegħi li nħalli l-eżerċizzju attiv tal-ministeru bl-ebda mod ma treġġa’ lura dan.  M’iniex sejjer lura għall-ħajja privata, għal ħajja ta’ vjaġġi, laqgħat, riċivimenti, konferenzi, u l-bqija.  M’iniex nabbanduna s-Salib, imma sa nibqa’ b’mod ġdid f’riġlejn il-Mulej Mislub.  M’iniex sa nġorr iżjed l-awtorità ta’ l-uffiċċju għat-tmexxija tal-Knisja, imma fis-servizz tat-talb sa nibqa’, biex ngħid hekk, fil-limiti ta’ San Pietru.  San Benedittu, li ismu nġorr bħala Papa, sa jkun ta’ eżempju kbir għalija f’dan.  Hu wriena t-triq lejn ħajja li, attiva jew passiva, hi kollha kemm hi mogħtija għall-ħidma ta’ Alla.

 

Nirringrazzja lilkom ilkoll u lil kull wieħed u waħda minnkom għar-rispett u l-komprensjoni li bihom ilqajtu din id-deċiżjoni hekk importanti.  Jien sa nibqa’ nakkumpanja l-mixja tal-Knisja bit-talb u bir-riflessjoni, b’dik l-għotja tiegħi għall-Mulej u għall-Għarusa tiegħu li s’issa fittixt li ngħix ta’ kuljum u li nixtieq ngħix dejjem.  Nitlobkom tiftakru fija quddiem Alla, u fuq kollox li titolbu għall-Kardinali, li qed jiġu msejħa għal missjoni ta’ importanza hekk kbira, u għas-Suċċessur il-ġdid ta’ l-Appostlu Pietru: il-Mulej isieħbu bid-dawl u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu.

 

Nitolbu l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja, biex tkun hi li takkumpanja lil kull wieħed u waħda minna u lill-komunità ekkleżjali kollha; f’idejHa nintreħew, b’fiduċja profonda.

 

Għeżież ħbieb tiegħi, Alla jmexxi lill-Knisja tiegħu, iweżinha dejjem, anki u fuq kollox fil-waqtiet iebsin.  Ma nitilfu qatt din il-viżjoni tal-fidi, li hi l-unika viżjoni vera tal-mixja tal-Knisja u tad-dinja.  Fil-qalb tagħna, fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, ħa jkun hemm dejjem iċ-ċertezza hienja li l-Mulej hu magħna, ma jħalliniex waħidna, qiegħed qrib tagħna u jdawwarna lkoll bi mħabbtu.  Grazzi!