Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda bejn l-Insara 2021 – Riflessjonijiet Bibliċi

 

Serje ta’ riflessjonijiet bibliċi għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda bejn l-Insara, imħejjija mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara u l-Kummissjoni fuq il-Fidi u l-Ordni tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes.

 

 

JUM 1: IMSEJĦA MINN ALLA

“Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom”

(Ġw 15:16a)

 

Ġen 12:1-4 – Is-sejħa ta’ Abraham

Ġw 1:35-51 – Is-sejħa tal-ewwel dixxipli

 

Meditazzjoni

 

Il-bidu tal-vjaġġ hu laqgħa bejn il-bniedem u Alla, bejn il-maħluq u l-Ħallieq, bejn iż-żmien u l-eternità.

 

Abraham sema’ s-sejħa: “Mur fl-art li nurik jien”. Bħal Abraham, aħna msejħin inħallu dak li hu familjari u mmorru fil-post li Alla ħejja fil-fond ta’ qlubna. Matul it-triq, insiru iżjed u iżjed dak li aħna, il-poplu li Alla riedna nkunu sa mill-bidu. U jekk nagħtu widen għas-sejħa li qed issirilna, insiru barka għal dawk li nħobbu, għall-ġirien, u għad-dinja.

 

L-imħabba ta’ Alla tiġi tfittixna hi. Alla sar bniedem f’Ġesù, li fih niltaqgħu mal-ħarsa ta’ Alla. F’ħajjitna, bħal fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, is-sejħa ta’ Alla tinstema’ b’modi differenti. Meta nħallu mħabbtu tmissna, aħna noħorġu. F’din il-laqgħa, nimxu triq li tibdilna – il-bidu mdawwal ta’ relazzjoni ta’ mħabba li dejjem tibda mill-ġdid.

 

Jum wieħed inti fhimt li, mingħajr ma taf, fil-fond nett ta’ ġo fik diġà kien hemm minquxa dik l-‘iva’. U hekk qtajtha li tibqa’ miexi fuq il-passi ta’ Kristu…

Fil-ħemda tal-preżenza ta’ Kristu, int smajtu jgħidlek: “Ejja warajja; jien nagħtik post fejn tista’ sserraħ qalbek”.

The Sources of Taizé (2000) p. 52

 

Talba

 

Ġesù Kristu,

int tfittixna, int trid toffrilna l-ħbiberija tiegħek

u tmexxina lejn ħajja li hi dejjem iktar sħiħa.

Agħtina l-fiduċja biex nilqgħu s-sejħa tiegħek

ħalli ninbidlu

u nsiru xhieda tat-tjieba tiegħek fid-dinja.

 

 

JUM 2: NIMMATURAW MINN ĠEWWA

Ibqgħu fija u jien nibqa’ fikom

(Ġw 15:4a)

 

Efes 3:14-21 – Ħallu lil Kristu jgħammar fi qlubkom

Lq 2:41-52 – Marija kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha

 

Meditazzjoni

 

Il-laqgħa ma’ Ġesù tqanqal fina x-xewqa li nibqgħu miegħu u ngħixu fih: żmien li fih il-frott jimmatura.

 

Bniedem bħalna f’kollox, Ġesù kiber u mmatura. Għex ħajja sempliċi, mgħaddsa fil-prattika reliġjuża tat-twemmin Lhudi tiegħu. Fil-ħajja moħbija tiegħu f’Nazaret, fejn donnu ma seħħ xejn ta’ barra minn hawn, il-preżenza tal-Missier seddqitu.

 

Marija kkontemplat l-għemejjel ta’ Alla f’ħajjitha u f’dik ta’ binha. Għożżot dawn il-ħwejjeġ kollha f’qalbha. Hekk, ftit ftit, hi tħaddan il-misteru ta’ Ġesù.

 

Aħna wkoll għandna bżonn ta’ żmien twil biex nimmaturaw, ħajjitna kollha, biex ninżlu fil-fond tal-imħabba ta’ Kristu, biex inħalluh jgħix fina u aħna ngħixu fih. Mingħajr ma nafu kif, l-Ispirtu jagħmel li Kristu jgħix fina. U permezz tat-talb, billi nisimgħu l-Kelma, naqsmuha mal-oħrajn, inpoġġu fil-prattika dak li fhimna, il-bniedem ta’ ġo fina iktar jissaħħaħ.

 

“Inħallu lil Kristu jinżel fil-fond nett ta’ dak li aħna… Hu jinfed il-ħsieb u l-qalb tagħna, jilħaq il-laħam tagħna sal-ġewwieni tagħna, biex aħna wkoll jum wieħed induqu kemm hi kbira l-ħniena”.

The Sources of Taizé (2000) p. 134

 

 

Talba

 

Spirtu Qaddis,

ħa nilqgħu fi qlubna l-preżenza ta’ Kristu,

u ngħożżuha bħal sigriet ta’ mħabba.

Wieżen it-talb tagħna,

dawwal il-qari tal-Iskrittura,

aħdem fina,

biex il-frott tad-doni tiegħek jista’ bis-sabar kollu jikber ġo fina.

 

 

JUM 3: AĦNA ĠISEM WIEĦED

Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien

(Ġw 15:12b)

 

Kol 3:12-17 – Ilbsu sentimenti ta’ ħniena

Ġw 13:1-15; 34-35 – Ħobbu lil xulxin

 

Meditazzjoni

 

Awl il-lejl qabel ma miet, Ġesù tbaxxa u ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu. Kien jaf kemm hu diffiċli li ngħixu ma’ xulxin u kemm huma importanti l-maħfra u l-qadi lil xulxin. “Jekk ma naħslikx”, qallu lil Pietru, “ma jkollokx x’taqsam miegħi”.

 

Pietru rċieva li Ġesù ħdejn riġlejh; ġie maħsul u mmarkat bl-umiltà u l-ħlewwa ta’ Kristu. Iktar tard kellu jimxi fuq l-eżempju ta’ Ġesù u jsir qaddej tal-komunjoni tal-fidili fil-Knisja tal-bidu.

 

Ġesù jrid li l-ħajja u l-imħabba jiċċirkulaw fina bħall-ilma fid-dielja, biex il-komunitajiet Insara jkunu tassew ġisem wieħed. Imma llum, bħal fl-imgħoddi, mhux faċli ngħixu flimkien. Spiss insibu ma’ wiċċna l-istess limitazzjonijiet tagħna. Xi kultant ma jirnexxilniex inħobbu lil dawk li huma l-eqreb lejna f’komunità, parroċċa jew familja. Jiġu żminijiet meta r-relazzjonijiet tagħna jitmermru għalkollox.

 

Fi Kristu aħna mistiedna nilbsu l-ħniena, billi kull darba nibdew mill-ġdid. L-għarfien li aħna maħbuba minn Alla jwassalna biex nilqgħu lil xulxin bis-saħħiet u bid-dgħufijiet tagħna. Hemm tassew Kristu jkun f’nofsna.

 

Kważi b’xejn f’idejk, int qed toħloq ir-rikonċiljazzjoni f’dik il-komunjoni ta’ mħabba, li hi l-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja tiegħu? Imwieżen mill-qawwa ta’ kulħadd flimkien, ifraħ! M’għadekx iżjed waħdek, f’kollox int miexi flimkien ma’ ħutek. Magħhom, int imsejjaħ tgħix il-parabbola tal-komunità.

The Sources of Taizé (2000) p. 48-49

 

Talba

 

Alla Missierna,

int turina mħabbtek fi Kristu

u permezz ta’ ħutna.

Iftħilna qalbna biex nistgħu nilqgħu lil xulxin

bid-differenzi tagħna u ngħixu l-maħfra.

Agħtina li ngħixu magħquda f’ġisem wieħed,

biex joħroġ fid-deher id-don ta’ kull persuna.

Ħa nkunu lkoll flimkien rifless ta’ Kristu ħaj.

 

 

 

JUM 4: NITOLBU FLIMKIEN

“Ma nsejħilkomx aktar qaddejja…

imma sejjaħtilkom ħbieb”

(Ġw 15:15)

 

Rum 8:26-27 – L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna

Lq 11:1-4 – Mulej, għallimna nitolbu

 

Meditazzjoni

 

Alla hu għatxan biex jidħol f’relazzjoni magħna. Hu jfittixna kif fittex lil Adam, meta għajjatlu fil-ġnien: “Fejn int?” (Ġen 3:9).

 

Fi Kristu, Alla ġie jiltaqa’ magħna. Ġesù għadda ħajtu fit-talb, magħqud f’intimità ma’ Missieru, waqt li ħoloq ħbiberiji mad-dixxipli tiegħu u dawk kollha li ltaqa’ magħhom. Introduċiehom għal dik li kienet l-aktar ħaġa għażiża għalih: ir-relazzjoni ta’ mħabba mal-Missier, li hu Missierna wkoll. Ġesù u d-dixxipli kienu jkantaw is-Salmi flimkien, u dawn għandhom l-għeruq tagħhom fit-tradizzjoni Lhudija. Drabi oħra, Ġesù kien jinqata’ għalih waħdu biex jitlob.

 

It-talb jista’ jkun solitarju jew maqsum ma’ oħrajn. Jista’ jesprimi sens ta’ stagħġib, ilment, interċessjoni, radd il-ħajr, jew sempliċiment skiet. Xi drabi x-xewqa li nitolbu tkun hemm, imma wieħed ma jirnexxilux. Jekk induru lejn Ġesù u ngħidulu, “għallimni”, nistgħu nħejju t-triq. Ix-xewqa tagħna fiha nfisha diġà hi talba.

 

Meta ninġabru flimkien fi gruppi, insibu s-sapport ta’ xulxin. Bl-innijiet, bil-kliem u bis-skiet, tinħoloq il-komunjoni. Jekk nitolbu ma’ Nsara ta’ tradizzjonijiet oħra, taf tkun sorpriża għalina li nħossuna magħquda b’rabta ta’ ħbiberija li tiġi mill-Waħdieni li jegħleb kull firda. Il-forom jafu jvarjaw, imma hu l-istess Spirtu li jxerikna flimkien.

 

Fir-regolarità tat-talb komuni tagħna, l-imħabba ta’ Ġesù tnixxi fina, bilkemm nafu kif. It-talb komuni ma jiskużaniex mit-talb personali. Wieħed iwieżen lill-ieħor. Ejjew insibu l-ħin ta’ kuljum biex inġeddu l-intimità personali tagħna ma’ Ġesù Kristu.

Ir-Regola ta’ Taizé bil-Franċiż u bl-Ingliż

Society for Promoting Christian Knowledge, Great Britain pp. 19 & 21

 

Talba

 

Mulej Ġesù,

ħajtek kollha kienet talba,

armonija perfetta mal-Missier.

Bl-Ispirtu tiegħek, għallimna nitolbu skont ir-rieda ta’ mħabbtek.

Ħa jingħaqdu l-fidili tad-dinja kollha fl-interċessjoni u t-tifħir,

u ħa tiġi s-saltna tiegħek ta’ mħabba.

 

 

JUM 5: INĦALLU L-KELMA TIBDILNA

Intom diġà ndaf minħabba l-Kelma…

(Ġw 15:3)

 

Dewt 30:11-20 – Il-kelma ta’ Alla hi ħafna qrib tagħkom

Mt 5:1-12 – Henjin intom

 

Meditazzjoni

 

Il-Kelma ta’ Alla hi ħafna qrib tagħna. Hi barka u wegħda ta’ ferħ. Jekk niftħu qlubna, Alla jkellimna u bis-sabar kollu jibdel dak li qed imut fina. Huwa jqaċċat dak li jżomm il-ħajja vera milli tikber, l-istess kif sid id-dielja jiżbor id-dielja.

 

Jekk nimmeditaw spiss fuq test bibliku, waħidna jew fi grupp, il-mod kif inħarsu lejn l-affarijiet jibda jinbidel. Ħafna Nsara jitolbu ta’ kuljum bil-Beatitudnijiet. Il-Beatitudnijiet juruna ferħ li jinsab moħbi f’dak li għadu jrid isib il-milja tiegħu, ferħ li jmur lil hemm mit-tbatija: henjin dawk li, imqanqla mill-Ispirtu, ma għadhomx iżommu d-dmugħ tagħhom imma jħalluh iġelben u hekk jirċievu l-faraġ. Kif jiskopru l-għajn li hemm moħbija fil-ġewwieni tagħhom, jibdew jikbru fihom il-ġuħ għall-ġustizzja, u l-għatx għall-ħidma flimkien ma’ oħrajn b’riżq dinja ta’ paċi.

 

Aħna l-ħin kollu msejħa nġeddu l-impenn tagħna għall-ħajja, permezz tal-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Hemm żminijiet meta diġà nistgħu nduqu, minn issa u hawnhekk, il-barka li għad tilħaq il-milja tagħha fl-aħħar taż-żmien.

 

Itlob u ħabrek għas-saltna ta’ Alla.

Matul il-ġurnata tiegħek

ħalli l-Kelma ta’ Alla tieħu n-nifs fix-xogħol u l-mistrieħ.

Żomm skiet interjuri f’kollox

biex tgħix fi Kristu.

Imtela bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet,

il-ferħ, is-sempliċità, il-ħniena…

Dawn il-kelmiet jingħadu ta’ kuljum mis-Sorijiet tal-Komunità ta’ Grandchamp

 

Talba

 

Imbierek int, Alla Missierna,

għad-don tal-kelma tiegħek fl-Iskrittura Mqaddsa.

Imbierek int għall-qawwa tagħha li tittrasforma.

Għinna nagħżlu l-ħajja u dawwalna bl-Ispirtu tiegħek,

biex nistgħu nduqu l-ferħ li int tant tixtieq taqsam magħna.

 

 

JUM 6: NILQGĦU LILL-OĦRAJN

Morru agħmlu l-frott, u l-frott tagħkom jibqa’”

(Ġw 15:16b)

 

Ġen 18:1-5 – Abraham jilqa’ lill-anġli ħdejn il-Balluta ta’ Mamri

Mk 6:30-44 – Ġesù ġietu ħniena mill-ġmiegħi

 

Meditazzjoni

 

Meta nħallu lil Kristu jibdilna, imħabbtu tikber fina u tagħti l-frott. Meta nilqgħu lill-oħrajn, b’mod konkret inkunu qed naqsmu l-imħabba li hemm fina.

 

Matul ħajtu, Ġesù laqa’ lil dawk li magħhom iltaqa’. Semagħhom u ħalliehom imissulu qalbu mingħajr ma beża’ mit-tbatija tagħhom.

 

Fir-rakkont li jagħtina l-Vanġelu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù jitqanqal bil-ħniena wara li jara lill-ġemgħa mġewħa. Hu jaf li l-persuna umana kollha għandha bżonn min jitmagħha, u li hu biss jista’ jaqta’ tassew il-ġuħ għall-ħobż u l-għatx għall-ħajja. Imma dan ma jridx jagħmlu mingħajr id-dixxipli tiegħu, mingħajr dak il-ftit li jistgħu jnewlulu huma: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.

 

Illum ukoll hu jsejħilna biex inkunu kollaboraturi fl-għożża bla tarf tiegħu. Xi drabi xi ħaġa hekk żgħira bħal ħarsa twajba, widna miftuħa, jew il-preżenza tagħna hi biżżejjed biex lil persuna tgħinha tħossha milqugħa. Meta noffru l-ħiliet fqajra tagħna lil Ġesù, hu jinqeda bihom b’mod sorprendenti.

 

Imbagħad inħossu dak li ħass Abraham, għax meta nagħtu, aħna nirċievu, u meta nilqgħu lill-oħrajn, niġu mbierka bil-kotra.

 

Huwa Kristu nnifsu li aħna qed nilqgħu għandna.

Ir-regola ta’ Taizé bil-Franċiż u bl-Ingliż (2012) p.103

Il-persuni li aħna nilqgħu jum wara l-ieħor se jsibu fina rġiel u nisa li fihom jiddi Kristu, is-sliem tagħna?

The Sources of Taizé (2000) p. 60

 

Talba

 

Ġesù Kristu,

aħna nixtiequ nilqgħu bis-sħiħ lil ħutna li jinsabu magħna.

Inti taf kemm drabi ma nafux x’għandna nagħmlu quddiem it-tbatija tagħhom,

imma int dejjem tinsab hemm qabilna

u diġà lqajthom int fil-ħniena tiegħek.

Kellimhom int b’fommna, weżinhom int b’għemilna,

u ixħet il-barka tiegħek fuqna lkoll.

 

 

JUM 7: NIKBRU FL-GĦAQDA

Jiena d-dielja, intom il-friegħi

(Ġw 15:5a)

 

1 Kor 1:10-13; 3:21-23 – Jaqaw Kristu mifrud?

Ġw 17:20-23 – Kif inti u jiena aħna ħaġa waħda

 

Meditazzjoni

 

Awl il-lejl qabel ma miet, Ġesù talab għall-għaqda ta’ dawk li l-Missier tah: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… biex id-dinja temmen”. Magħqudin miegħu, bħal fergħa mad-dielja, aħna nixorbu mill-istess likwidu li jiġri bejnietna u jagħtina l-ħajja.

 

Kull tradizzjoni tfittex li tmexxina lejn il-qalba tal-fidi tagħna: il-komunjoni ma’ Alla, permezz ta’ Kristu, fl-Ispirtu. Iktar ma ngħixu din il-komunjoni, iktar aħna marbuta mal-Insara l-oħra u mal-umanità kollha. Pawlu jwissina kontra mġiba li diġà kienet heddet l-għaqda tal-ewwel Insara: li nassolutizzaw it-tradizzjoni tagħna għad-detriment tal-għaqda tal-ġisem ta’ Kristu. Id-differenzi mbagħad jibdew joħolqu firda flok ma jagħnu lil xulxin. Pawlu kellu viżjoni wiesgħa ħafna: “Kollox hu tagħkom; u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla” (1 Kor 3:22-23).

 

Ir-rieda ta’ Kristu tmexxina lejn triq ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni. Tmexxina wkoll biex ngħaqqdu t-talba tagħna ma’ tiegħu: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).

 

Qatt tirrassenja ruħek għall-iskandlu tal-firda tal-Insara li b’tant ħerqa jistqarru l-imħabba ta’ għajrhom, u xorta għadhom mifruda bejniethom. Agħmel mill-għaqda tal-ġisem ta’ Kristu l-ħsieb ħerqan tiegħek.

Ir-Regola ta’ Taizé bil-Franċiż u bl-Ingliż (2012) p.13

 

Talba

 

Spirtu Qaddis,

nar li jagħti l-ħajja u fewġa ħelwa, ejja u għammar fina.

Ġedded fina l-ħerqa għall-għaqda

biex nistgħu ngħixu fl-għarfien tar-rabta li tgħaqqadna fik.

Jalla dawk li libsu lil Kristu fil-Magħmudija tagħhom

jingħaqdu u flimkien jagħtu xhieda tat-tama li tweżinhom.

 

 

JUM 8: NITĦABBU MILL-ĠDID MAL-ĦOLQIEN KOLLU

Biex il-ferħ tiegħi jkun fikom,

u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ

(Ġw 15:11)

 

Kol 1:15-20 – Fih kollox qed iżomm sħiħ

Mk 4:30-32 – Żgħira daqs żerriegħa tal-mustarda

 

Meditazzjoni

 

L-innu lil Kristu fl-Ittra lill-Kolossin jistedinna ngħannu t-tifħir lis-salvazzjoni ta’ Alla, li hi għall-univers kollu. Permezz ta’ Kristu msallab u rxoxt, infetħet triq ta’ rikonċiljazzjoni; il-ħolqien ukoll hu ddestinat għal futur ta’ ħajja u paċi.

 

Bl-għajnejn tal-fidi, naraw li s-saltna ta’ Alla hi realtà li hi qrib ħafna tagħna imma għadha żgħira ħafna, bilkemm tidher – bħal żerriegħa tal-mustarda. Imma xorta qed tikber. Imqar qalb it-taħbit tad-dinja tagħna l-Ispirtu tal-Irxoxt qed jaħdem. Hu jagħmlilna l-qalb biex inħabirku – flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba – biex infittxu bla heda l-ġustizzja u  l-paċi, u niżguraw li d-dinja ssir mill-ġdid id-dar tal-ħlejjaq kollha.

 

Aħna nieħdu sehem fil-ħidma tal-Ispirtu biex il-ħolqien kollu kemm hu jista’ jkompli jfaħħar lil Alla. Meta n-natura tbati, meta l-bnedmin huma mfarrka, l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt, mhux talli ma jħalliniex naqtgħu qalbna, talli jistedinna nsiru parti mill-ħidma tiegħu ta’ fejqan.

 

Il-ġdid tal-ħajja li jġibilna Kristu, imqar jekk moħbi, hu dawl ta’ tama għal ħafna. Hu nixxiegħa ta’ rikonċiljazzjoni għall-ħolqien kollu u fih hemm il-ferħ li jiġi minn barra minna: “biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).

 

Trid tiċċelebra l-ġdid tal-ħajja li Kristu jagħti permezz tal-Ispirtu s-Santu, u tħallih jgħix fik, fostna, fil-Knisja, fid-dinja u fil-ħolqien kollu?

It-tieni wegħda li ssir fil-professjoni fil-Komunità ta’ Grandchamp

 

Talba

 

O Alla kollok kemm int qaddis, irroddulek ħajr li ħlaqtna u tħobbna.

Irroddulek ħajr tal-preżenza tiegħek fina u fil-ħolqien.

Ħa nitgħallmu nħarsu lejn id-dinja kif tħares lejha int, bi mħabba.

Bit-tama ta’ din il-viżjoni, ħa nkunu kapaċi nħabirku għal dinja

fejn jisseddqu l-ġustizzja u s-sliem,

għall-glorja ta’ ismek.