Laikos

 

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

Storja ta’ ruħ

 

Daħla

 

F’din l-istorja ta’ ruħ, aħna nilmħu x’kapaċi joħloq Alla meta l-bniedem jintelaq f’idejH. Tereża kienet bħalna, imma fiha kellha tbaqabaq qalb li taf tħobb, u li għax tassew kienet taf tħobb, ma setgħetx tħobb bil-biċċiet, jew safejn jaqbel lilha. Fl-Imsallab, Tereża skopriet li l-imħabba tfisser tagħti ħajtek għal persuni maħbuba, u huwa meta nħallu lil Alla jħobb permezz tagħna, li aħna nħobbu l-aħjar. Tereża riedet tħobb bil-qawwa kollha tagħha lil Alla, imma matul it-triq, Tereża ta’ persuna ġenjali li kienet, skopriet fejn hi setgħet tgħix din l-imħabba, għax dan Alla li hi tant xtaqet tħobb kellu ġisem, u għalhekk l-imħabba ta’ Tereża lejn Alla ma kienetx limitata li tkun lejn Alla biss, imma lejn kull bniedem li huwa parti minn dan il-ġisem ta’ Kristu. U fost dawn, l-imħabba ta’ Tereża kienet l-aktar lejn dawk li l-aktar li kienu bil-għatx għal din l-imħabba, jiġifieri l-midimbin, jiġifieri ukoll dawk li llum il-Papa Franġisku jħobb jirreferi għalihom bħala l-iskart. Bħala awtentika bint Tereża ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Tereża tal-Bambin Ġesù nfirxet ukoll lejn is-saċerdoti, lejn il-missjunarji, u lejn il-misjonijiet. Kliem Tereża jibda bil-‘jiena’, biex jgħaddi biex isir ‘int’, u jintemm imxappap bl-‘aħna’ (Ġesù u jiena). Dan il-proċess li mxiet fih Tereża tal-Bambin Ġesù.

 

-          Kuntest (il-moviment Ġansenista)

 

Fi żmien Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, minn miljun u tmien mitt elf abitant fil-belt ta’ Pariġi, kienu biss sebgħin elf li kien jiddikjaraw ufficjalment li ma jemmnux. B’danakollu kienet ġa bdiet tonqos l-attendenza għas-sagramenti u jiżdiedu ‘d-devozjonjiet faċli’. Dan wassal biex reġa ħa l-ħajja l-moviment ġjansenista, li jorbtu l-ħsibijiet tagħhom mal-opra Augustinus (1640) tal-isqof ta’ Ypres, Kornelju Ġansenju (1585-1638), li kien ipprova bit-tagħlim tiegħu jibni mil-ġdid il-pjeta’ nisranija.

Skontu, jekk Adam dineb, dan għamlu għax għad li kellu l-Grazzja effikaċi, dan ma kellux dik suffiċjenti. Il-Grazzja effikaċi tingħata biss lil xi erwieħ predestinati u tingħata permezz tas-sagramenti, imma mhux ilkoll ipppreparati biex nirċevuhom. Dan iwassal għal sens ta’ biża quddiem Alla, għax wieħed ma jkunx jaf huwiex wieħed minn dawn il-predestinati jew le. Il-bniedem jispiċċa anzi skjav tal-konkupixxenza. Jekk l-affarijiet jinsabu hekk, Kristu ma mietx għal kulħadd, imma biss għal dawk ‘predestinati’. In-nisrani għalhekk igħix bil-biża li ma huwiex wieħed minn dawn l-ippredestinati.

 

-          Il-ġenju ta’ Tereża tal-Bambin Ġesù

 

Il-Papa Piju X igħid li Tereża tal-Bambin Ġesù hi l-akbar qaddisa taż-żminijiet moderni u dan għax għandha

-        Influss universali u fin fil-ħajja ta’ kulljum;

-        Irnexxielha tiskopri mil-ġdid il-qawwa tal-ordinarju meta jsir b’ħafna mħabba;

-        Appell għal kulħadd

Il-kobor tagħha kien li tnehħi t-tajn tal-Ġanseniżmu u l-idea li Alla hu ‘l bogħod, u tressqu quddiemna fil-freskezza kollha tiegħU. Alla Missier li jieħu ħsiebna b’imħabba ta’ omm. Hi l-fiduċja li trid twassalna sal-imħabba. L-aqwa mħabba hi meta naslu li nħallu lil Alla jħobb permezz tagħna. Alla mhuwiex teorija u duttrina vojta, imma esperjenza ta’ mħabba divina.

It-Triq iż-żgħira tat-tfulija spiritwali għandha l-għeruq tagħha fl-imħabba bla limitu tal-Missier. Kien ktejjeb ċkejken li Ċelina ġabet magħha meta din tal-aħhar daħlet fil-Karmelu (nhar l-14 ta’ Settembru 1894), u li kien fih xi siltiet mil-Testment il-Qadim li kienu laqtgħu lil oħtha, li tawha l-konferma mill-Iskrittura ta’ dak li hija kienet ġa skopriet. Il-ħniena hija dik li tikkareteriżża din l-imħabba ta’ Alla lejna.  L-erbgħa siltiet huma:

-        Għerf 6, 7: “Iż-żgħir isib il-ħniena”

-        Isaija 40, 11: Il-Mulej “jirgħa l-merħla tiegħU, jirgħa l-ħrief iż-żgħar, u jħaddanhom fi ħdanu”

-        Proverbji 9, 4: “Min hu ċkejken ħa jiġi għandi”

-        Isaija 66,13 u 12: “Bħalma omm iżżiegħel b’binha, hekk jiena nfarraġ lilkom: nerfagħkom f’ħoġri u nżiegħel bikom fuq irkuptejja”.

 

Mumenti mportanti fil-ħajja tagħha

-        Twelid 2 ta’ Jannar 1873 fil-11.30 pm.

-        F’Marzu timrad ħafna. Meħlusa mil-mewt mill-imreddgħa Rosalie Taille

-        Ta’ erbgħa snin ġa tgħid li trid “tkun reliġjuża fil-klawsura” (3 ta’ Marzu 1877). Fit-28 ta’ Awissu tmut ommha. F’Novembru jaslu Lisieux għand iz-ziju Guerin u jmorru jgħixu ġewwa l-Buissonnets.

-        Wara xi żmien mgħoddi fl-iskupri, Tereża nhar Għid il-Ħamsin tal683, tfieq f’daqqa waħda bis-saħħa tat-tbissima tal-Madonna. Kellha għalhekk għaxar snin.

-        Fil-5 ta’ Mejju 1884 l-Ewwel Tqarbina fl-Abbazija tal-Benedittini fejn ta’ tmien snin tibda’ tmur skola. Fl-14 ta’ Ġunju 1884 tirċievi l-Griżma tal-Isqof.

-        Rigal Ewkaristiku fil-lejl tal-Milied tal686

-        Ta’ erbatax-il-sena, nhar l-14 ta’ Lulju 1887, Pranzini jiġi kkundannat għal mewt li kellu jiġi maqtul fil-31 ta’ Awissu. 8 ta’ Ottubru tal-istess sena tgħid lil zijuha li tixtieq tidħol fil-Karmelu. Fl-4 ta’ Novembru jibda l-pellegrinaġ lejn Ruma. Fl-20 ta’ Novembru 1887 Udjenza mal-Papa Ljun XIII. Fit-28 ta’ Deċembru tirċievi l-permess li tidħol fil-Karmelu, imma d-dħul kien se jsir wara li jintemm ir-Randan. Tidħol nhar id-9 ta’ April, Festa tal-Lunzjata.

-        Postulantat 9 ta’ April 1888 – 10 ta’ Jannar 1889.

-        Novizzjat 10 ta’ Jannar 1889 – 24 ta’ Settembru 1890. Il-Professjoni ssir nhar it-8 ta’ Settembru 1890. Tħossha “mgħaddsa fi xmara ta’ sliem”.

-        Fl-l891 tingħata l-uffiċċju bħala ajjutanta tas-sagristana.

-        Speċjalment mill-1892 huwa l-Vanġelu u l-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib jibdew aktar isostnu l-ħajja spiritwali tagħha.

-        1894, oħtha Celina tidħol il-Karmelu. Tereża tiskopri it-Triq iċ-Ċkejknin, jew aħjar sabet f’erbgħa testi mit-Testment il-Qadim, il-konferma ta’ dak li fil-ġenju tagħha kienet ġa skopriet qabel. Tiskopri li Alla jesprimi l-imħabba lejna fil ħniena tiegħU. Kien f’din l-istess sena (fir-rebbiegħa) li Tereża tibda’ bl-ewwel sintomi tal-marda tagħha.

-        Fl-1895 tikteb Manuskritt A ta’ Storja ta’ ruħ.

Fid-9 ta’ Ġunju tagħmel l-offerta spontaneja lill-Imħabba kollha ħniena.

-        Fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira 1896 tneħhi l-ewwel darba d-demm minħabba l-marda tat-Tuberkolosi. Nhar Għid il-kbir tidħol “fid-dlamijiet l-aktar sfiqa”, b’tentazjonjiet li jibqgħu sejrin sa mewtha. Quddiem is-Sepulkru minn fidi qawwija taqa’ f’lejl mudlam, fejn l-unika dawl kien dak li jilma mill-għajnejn imbexxqa tal-Imsallab. Bejn it-8 u t-13 ta’ Novembru tikteb il-Manuskritt B.

-        Fl-1897 hija l-aħħar sena li tgħix Tereża. Tikteb l-Aħħar Kelmiet (mill-4 ta’ April) u l-Manuskritt Ċ (3 ta’ Ġunju).  

 

Mela:

 

 


 

Storja ta’ ruħ

Manuskritt A  (1873 - 1895)

 

Kapitlu I                    Alençon (1873 - 1877) (jiġifieri sa ma tmut ommha)

 

“Għaliex mhux l-erwieħ kollha jirċievu l-istess grad ta’ grazzji?”

“Dan huwa sewwasew il-misteru tal-vokazzjoni tiegħi, ta’ ħajti kollha kemm hi u, fuq kollox, il-misteru tal-privileġġi ta’ Ġesù lil ruħi… Hu ma jsejjaħx lil dawk li jistħoqqilhom, iżda lil min jogħġob lilU, jew kif igħid San Pawl, ‘Alla jitħassar lil min irid, u jħenn għal min irid iħenn”. “Hu jrid joħloq lil Qaddisin kbar li jistgħu jitqabblu mal-Ġilji u mal-ward; iżda ħalaq ukoll lil dawk żgħar, u dawn għandkom ikunu kuntenti li huma margeriti jew vjola magħżula biex iferħu l-ħarsa tal-ħanin Alla kull meta jbaxxiha lejn riġlejH. Il-perfezjoni qiegħdha f’li tagħmel ir-rieda tiegħU, li nkunu dak li jridna nkunu...”.

Alla jagħmel l-għażliet tiegħU bla ma nifhmu kif u għaliex, imma aħna lkoll għeżież għaliH. “Meta jitbaxxa hekk, il-ħanin Alla juri l-kobir bla tarf tiegħU...il-Mulej jieħu ħsieb b’mod partikulari ta’ kull ruħ bħallikieku ma kellux oħrajn bħalha”.

Dak li se nikteb “mhix eżattament ħajti, imma l-ħsibijiet tiegħi dwar il-grazzja li l-ħanin Alla għoġbu jagħtini”. Tereża tqis lilha nnifisha bħala fjura ċkejkna. “Miegħi l-Mulej kien dejjem kollu mogħdrija u mimli ħlewwa”. “Il-fjura li sejra tirrakonta l-istorja tagħha, tifraħ li se jkollha xxandar kull tjubija ta’ Ġesù mogħtija għalkollox b’xejn, hi tagħraf li fiha nnifisha ma għandha xejn li seta’ jiġbed fuqha l-ħars divin tiegħU u l-ħniena tiegħU biss għamlet dak kollu li hemm tajjeb fiha”.

Ommha

“F’ħajti kollha l-ħanin Alla għoġbu jdawwarni bl-imħabba”. Meta kienet tifla ċkejkna kellha sempliċita’ kbira, bħal meta kienet tifla li saqsiet kif trid tagħmel biex tmur il-Ġenna, u meta qalulha li trid toqgħod bil-għaqal, imma jekk ma toqgħodx bil-għaqal u tmur l-infern, “intir għal għandek, li tkun qiegħdha s-Sema, u xi jkun jista’ jagħmilli l-ħanin Alla biex jaqbadni?”.

Meta tagħmel xi ħaġa ħażina hi nnifisha tugża lilha nnifisha lil missierha. “Hi tifla li titqanqal malajr. Malli tkun għamlet xi bawxata żgħira, jeħtieġ li kulħadd ikun jaf, għax bla ma riedet qattgħet biċċa żgħira mill-karta tal-kisi tal-ħajt, kienet f’qagħdha li ġġiblek ħasra, u għalhekk kien meħtieġ li tgħid malajr b’dan lil missierha. Hu wasal id-dar erba’ siegħat wara, u ħadd ma baqa’ jiftakar fil-biċċa, imma hi minnufih ġiet tgħid lil Marie: ‘Ejja, isa, għidlu lill-papa’ li jiena ċarrat il-karta ta’ mal-ħajt’. U baqgħet hemm qisha xi kriminal li qed jistenna l-kundanna tiegħu”. Tereża kellha f’moħħha, li “se jaħfrulha aktar malajr jekk hi nnifiha tistqarr ħtijhietha”.

Pauline (Sr Agneże fil-Karmelu)

Kienet l-idejal li lejha kienet tħares. Malli semgħet li kienet se ssir reliġjuża, Tereża taqtagħha li ssir reliġjuża hija wkoll. “Int kont l-idejal tiegħi, ridt nixbah lilek, u huwa l-eżempju tiegħek li sa minn eta’ ta’ sentejn ġibidni lejn l-Għarus tal-verġni”. Hu lil Pauline (li fl695 kienet Madre) li Tereża qiegħdha tikteb dan il-Manuskritt A.

Leonie

“L-għażiża ċkejkna tiegħi Leonie kellha wkoll post kbir f’qalbi...f’kull ħaġa kienet tara kif tagħmel biex tikkuntentani, hekk li kien jiddispjaċini ħafna li nweġġagħha f’xi ħaġa!.

Ċelina

Ċelina kienet l-aktar waħda qrib tagħha fl-eta’, u magħha “konna niftiehmu ħafna”. “Ċelina hija kollha kemm hi mogħtija għall-virtù. “Ċelina u Tereża ma tifridhom b’xejn, mhux se ssib żewġ itfal jinħabbu iktar minnhom”. Tereża kienet tippreferi tqum “mill-mejda qabel ma nkun spiċċajt id-deżerta, milli ma mmurx warajha malli tqum”. “It-tnejn iż-żgħar ma jinkwetawnix, tant jinsabu tajjeb it-tnejn li huma, huma krejaturi magħżulin, żgur li għad ikunu twajba...Ċelina qatt ma tagħmel l-iċken nuqqas għal tal-apposta...iż-żgħira ma tigdibx lanqas għad-deheb kollu tad-dinja, għandha dak l-ispirtu li qatt ma rajthu f’xi waħda minnkom”.

Dwarha ommha tikteb: “Hija ta’ intelliġenża ogħla minn dik ta’ Ċelina, imma ħafna anqas ħelwa fl-imġiba u, fuq kollox, ta’ ras hekk iebsa li kważi ma ddawwarha b’xejn. Meta tgħid ‘le’, xejn ma jġiegħelha ċċedi; tista’ tqiegħdha jum sħiħ fil-kantina, tagħżel iktar li torqod hemm milli tgħid ‘iva’. B’danakollu għandha qalb tad-deheb, hi kollha żegħil u sinċiera għall-aħħar. Hija ħaġa kurjuża taraha tiġri warajja biex tistqarrli xi tkun għamlet: ‘Mama’, imbuttajt lil Ċelina darba waħda biss, tajtha daqqa darba, imma ma nerġax iżjed’”. F’ittra oħra, Żelie tikteb: “Ikolli nikkoreġi lil din l-imsekjna tarbija li jitlagħlha bl-ikrah meta l-affarijiet ma jmorrux kif taħsibhom hi, tintrefa’ titgerbeb mal-art bħal waħda ddisprata li taħseb li kollox mitluf; jiġu waqtiet li fihom din il-ħaġa tkun iktar qawwija minnha, u donnha tkun se tifga. Hija tifla nervuża ħafna, imma fl-istess ħin ħelwa ħafna u mill-aktar intelliġenti, tiftakar kollox”. “Lanqas biss setgħu jgħidu ‘li kont bil-għaqal meta kont rieqda’ għax billejl kont inkun aktar bla kwiet milli binhar. Kont intajjar il-kutri kollha ma kullimkien, u mbagħad (dejjem rieqda) kont naħbat rasi mal-injam tas-sodda żgħira tiegħi... tant li kellhom jorbtuni mas-sodda tiegħi”.

Ommha ssemmi li biintha kellha wkoll amor proprju kbir, tant li jekk jitolbuha biex tbus l-art u tingħata biċċa flus, ma kienetx tagħmilha. “B’natural bħal tiegħi, li kieku ġejt imrobbija minn ġenituri bla virtù....kont insir ħażina ħafna u forsi kont nintilef. Imma Ġesù kien qiegħed jgħasses fuq l-għarusa tiegħU. Hu ried li kollox idur għall-ġid tagħha, sal-istess difetti tagħha li, imrażżmin kmieni fil-ħajja, swewli biex tikber fil-perfezzjoni...billi mal-imħabba żejda għalija nnifsi kelli l-imħabba għat-tajjeb”, għax hekk kif kienet issir taf li xi ħaġa mhix tajba, hi ma kienetx terġa tagħmilha.

Tasal biex tagħżel kollox. “Din il-ġrajja żgħira ta’ tfuliti hija l-ġabra ta’ ħajti kollha.....ma rridx inkun qaddisa bin-nofs, ma jbeżżagħnix li nbati għalik, ma nibżax ħlief minn ħaġa waħda: hija li nżomm ir-rieda tiegħi; ħudha int, għax ‘jiena nagħżel kollox, kulma trid int”.

 

Kapitlu II                   F’Les Buisonets (1877 - 1881)

 

Tereża tiftakar sew meta lil ommha amministrawla l-Griżma tal-morda, u n-niket ta’ Louis f’dak il-mument. Wara l-mewt ta’ ommha Zelie, Tereża tagħżel lil Pauline bħala ommha. Tibda t-tieni mument (minn tlieta) ta’ Tereża. Tgħid “li mal-mewt tal-mama’, il-karattru ferrieħi tiegħi nbidel għalkollox; jiena hekk fuq ruħi, hekk miftuħa, sirt timida u ġwejda, sensibbli għall-aħħar. Ħarsa kienet biżżejjed biex iġġiegħlni ninfaqa’ nibki. Kien meħtieġ li ħadd ma jagħti kasi biex jien inkun kuntenta, ma kontx nista’ nġerraħ il-kumpanija ta’ nies barranin u kont biss nerġa’ nsib il-ferħ tiegħi fi ħdan il-familja”.

Il-familja tħalli Alençon u Tereża xejn ma jiddispjaċiha għal dan. Huma marru Lisieux fejn kien hemm iz-ziju Isidoro u Ċelina Guerin, u wliedhom Jeanne (9 snin) u Marie (7 snin). Jmorru jgħixu f’dar grazzjuza bi ġnien quddiem u ieħor wara, li jibdew isejħulha Les Buissonnets (li jfisser arbuxel). Missierha hekk kif iqajjimha, kien isaqsiha jekk offrietx qalbha lil hanin Alla, u waqt li jlibbisha jkellimha dwarU, u mbagħad maġembek kont ngħid it-talb tiegħi. Wara kienet tiġi l-lezzjoni tal-qari. L-ewwel kelma li tgħallmet taqra kienet ‘Smewwiet’. Fil-grammatika kienet batuta, imma kellha memorja tajba ħafna.

Kull wara nofsinhar kienet tagħmel passiġġata ċkejkna ma’ missierha u jidħlu f’xi knisja differenti biex jagħmlu vista. Hekk daħlet għall-ewwel darba fil-kappella tal-Karmelu ta’ Lisieux. Wara kienet tqatta’ l-ħin tagħha “fil-ġnien naqbeż u nogħla madwar il-papa’, għax ma kontx naf nilgħab bil-pupa”. Kienet tħobb tkabbar il-fjuri żgħar fil-biċċa ġnien li ta’ missierha biex tieħu ħsiebu hi u anki bniet altar ċkejken.  

Missierha kien jeħodha tistad miegħu. Kellha qasba ċkejkna, imma “kont nippreferi mmur noqgħod bilqiegħda waħdi fuq il-ħaxix bil-fjuri... l-art kienet tidhirli bħala mkien ta’ eżilju u kont noħlom bis-Sema”, l-unika mkien fejn “il-ferħ ikun bla sħab”. Darba sajjetta laqtgħet tant qrib, u mhux biss ma beżgħetx, talli kienet ferħana għax ħasset li “l-ħanin Alla kien hekk qrib tiegħi”.

“Waqt il-passiġġati li kont nagħmel mal-papa’, hu kien iħobb jibgħatni nagħti karita’ lill-foqra li niltaqgħu magħhom”. Darba rat wieħed “qed jitkaxkar bit-tbatija fuq il-krozzi. Jiena ersaqt lejh biex nagħtih sou, iżda billi ma ħassux fqir daqshekk biex jieħu l-karita’, ħares lejja waqt li tbissem bi swied il-qalb, u ma aċċettax li jieħu dak li kont qed noffrilu. Lanqas nista’ nfisser dak li għadda minn qalbi... Minn naħa tiegħi jiena ridt infarġu, inserrħu; u minflok ħsibt li kont weġġajtu... iżda ridt nagħtih xi ħaġa li ma setax jirrifjutaha... F’dak il-waqt ftakart li kont smajthom jgħidu li dakinhar tal-Ewwel Tqarbina naqilgħu kulma nitolbu. Dan il-ħsieb farraġni u, għalkemm ma kellix għad ħlief sitt snin, għidt bejni u bejn ruħi: ‘Nitlob għal fqajjar tiegħi fil-jum tal-Ewwel Tqarbina’. Żammejt il-wegħdha tiegħi ħames snin wara, u nittama li l-ħanin Alla sema’ t-talba li Hu kien nebbaħni nressaqlu quddiemU”.  

“Jiena kont inħobb ħafna lil ħanin Alla u sikwit kont noffrilu qalbi”. Tirrakonta xi fatti li kellha ma Victoire, sija fix-xahar ta’ Mejju, meta din is-serva bdiet tidħaq u Tereża irrabjat magħha u fatt li ġara fil-kċina. Tereża f’mument minnhom ssejħilha bl-istess titlu li Victoire stess kienet tagħti lil Tereża, jiġifieri ‘brikkuna’, u Victoire ħadet fastidju u Tereża kellha titlobha skuża. Tirrakonta wkoll l-ewwel qrara tagħha, fejn Dun Ducellier ħeġġiġha jkollha devozjoni lejn Marija Santissima.

Tiddeskrivi kemm kienu speċjali għaliha l-ġranet tal-Festi, u speċjalment il-jum tal-Ħadd, “il-Festa tal-ħanin Alla, il-festa tal-mistrieħ”. Titkellem dwar il-mixja lejn il-knisja u kif dejjem kienet toqgħod ħdejn missierha. Meta l-predikatur kien isemmi lil Santa Tereża ta’ Ġesù, missierha kien jgħidilha: “’Isma sewwa, reġina ċkejkna, qed jitkellem fuq il-Qaddisa Patruna tiegħek’”. Kien f’ċirkostanza minnhom, huma u mexjin lura lejn id-dar li waqt li bdew iħarsu lejn il-kwiekeb, intebhu li grupp ta’ kwiekeb kellhom il-forma ta’ T, u Tereża kien turi lil missierha li isimha huwa mnaqqax fis-Sema.

Tereża tikteb dwar oħtha Pauline: “qatt ma kont iċċanfarni għalxejn b’xejn, imma qatt ma kont nerġa lura mid-deċizjonijiet li tkun ħadt”. Tereża ma kienet tagħmel xejn mingħar il-kunsens ta’ oħtha Pauline. Kienet Pauline nnifisha li spjegat lill oħtha kif fil-Ġenna kulħadd ikun kuntent bil-glorja li l-Mulej jagħtih, billi tuża l-eżempju taż-żewġ tazzi li t-tnejn ikunu mimlija sax-xfar, sija dik kbira u sija dik żgħira.

Lejn l-aħħar ta’ dan il-Kapitlu Tereża titkellem dwar il-viżjoni li kellha (ħmistax-il-sena qabel ma dan seħħ) ta’ missierha u l-marda li kienet se taħkmu meta jikber.

Tereża kienet kuntenta li ħadd “mil-kbarat tal-gvern” ma kien jafu sewwa lil Louis, għax kieku “kienu jeħduh u jagħmluh Re”. Tereża għalhekk tifraħ li “ħadd ħliefi jaf sewwa lill-papa’, għax li kieku kellu jsir Re ta’ Franza u ta’ Navarra kont naf li kien ikun imdejjaq.... u fuq kollox, ma kienx jibqa’ iktar ir-Re tiegħi u tiegħi biss!”.

Missierha ma kienx jieħu pjaċir li jagħmlulha kumplimenti dwar il-ġmiel tagħha etc,   

 

Kapitlu III                 Snin ta’ niket (1881 - 1883) (Kulleġġ)

 

Titkellem dwar kif il-ħames snin li għaddiet ġewwa l-Kulleġġ u li kienu l-aktar ta’ niket f’ħajjitha. Dan kien Kulleġġ imwaqqaf mis-Sorijiet Benedittini maġemb l-Abbazija Notre-Dame-du-Pré li kien reġa nfetaħ fl608. Bħal oħtha Ċelina, u kuġinietha Jeanne u Marie, Tereża kienet half boarders. Kienu jmorru fit-tmienja ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija. Kien hemm ħames klassijiet b’żewġ klassijiet taqsimiet kull waħda (ġieli tlieta) u għalhekk l-istudenti kienu jdumu ġieli sentejn fl-istess klassi.

Kienet tajba ħafna fl-iskola, tant li kienet dejjem ma’ dawk li kienu sena qabilha. Titkellem dwar waħda fil-klassi li “ftit li xejn kien jagħtiha moħħha, iżda b’danakollu kellha ħabta kif tinponi ruħha fuq l-istudenti u saħansitra fuq l-istess għalliema”, li meta rat kif Tereża “kważi dejjem l-ewwel waħda fil-klassi, u maħbuba mis-sorijiet kollha, bla dubju ġietha l-għira għalija…u ġagħlitni nħallas qares b’elf mod is-suċċessi żgħar tiegħi”. Kien minħabba dan li Tereża spiss kienet tibki bla ma tgħid xejn u bla ma tiddefendi lilha nnifisha. Filgħaxija imma meta tirritorna d-dar kienet taqbeż f’riġlejn ir-Re tagħha, u waqt li tgħidlu l-marki, hu kien ibusha u din il-bewsa kienet tnessieha t-tbatija kollha tagħha tal-ġurnata.

Tereża tingwalha ħafna mal-kuġinha Marie li kienet sentejn akbar minnha u li eventwalment daħlet ukoll il-Karmelu ta’ Lisieux. “Marie u jiena konna dejjem tal-istess fehma”. Darba jimxu fuq il-bankkina b’għajnejhom magħluqin, sa ma daħlu ġo kaxxi li kien hemm fuq il-bankina, u tal-ħanut ħareġ għalihom. Jeanne wkoll tinkorla magħhom.  

Tant hi u Ċelina kienu jingwalha li kienu jsejħulha ‘it-tifla ċkejkna ta’ Ċelina’. Biex turiha li hi rrabjata ma’ Tereża, Ċelina kienet tgħidilha: ‘int m’għadekx iżjed it-tifla ċkejkna tiegħi’. Dan kien iwassal lil Tereża biex tagħraf l-iżball tagħha.  

“Lejla waħda, smajtek tgħid li mill-Ewwel Tqarbina ‘l quddiem kien meħtieġ tibda’ ħajja ġdida, u jiena għamilt fehma li ma noqgħodx nistenna dak il-jum imma nibda ħajja ġdida fl-istess żmien ta’ Céline”.

Hi xtaqet issir eremita, imma meta Pauline kelmitha dwar il-Karmelu, hi riedet issir karmelitana, anki jekk dan Tereża riedet tagħmlu għal Ġesù biss. “Ħassejt li l-Karmelu kien id-deżert li l-ħanin Alla riedni mmur ninħeba fih jiena wkoll. Din ma kienetx xi ħolma ta’ tifla żgħira li tħalli lilha nnifisha titkkaxkar warajha, imma ċertezza ta’ sejħa divina”. Għalhekk Pauline tissuġġerilha li l-għada tkellem lil Madre dwar dan, li emmnet fil-vokazjoni tagħha, għad li qaltilha li “ma jilqgħux postulanti ta’ 9 snin u li kelli nistenna sa ma nagħlaq 16-il-sena”.  

Pauline tidħol nhar it-2 ta’ Ottubru 1882, l-ewwel fjura li nqatgħet mil-ġnien Martin. Din il-firda minn din it-tieni omm tagħha kienet iebsa sew għal Tereża, tant li mardet. “kont qiegħdha nħares lejn is-sbejjaħ Sema kaħlani u nistagħġeb kif ix-Xemx setgħet tiddi b’tant dija, meta ruħi kienet mgħarrqa fi swied il-qalb”. “Il-marda li ġiet fuqi kienet ġejja żgur mid-demonju...hu ried jitħallas minni għat-tort li l-familja tagħna kellha tagħmillu fil-ġejjieni, imma ma kienx jaf li s-Sultana ħelwa tas-Sema kienet qiegħdha tħares liċ-ċkejkna fjura dgħajfa tagħha, li kienet titbissmilha mill-għoli tat-tron tagħha”. “Nemmen li d-demonju kien irċieva setgħa esterna fuqi, iżda ma setax jersaq lejn ruħi....imma jekk il-ħanin Alla ppermetta lid-demonju jersaq lejja, kien ukoll jibgħatli anġli li stajt tarhom. Din il-marda kienet aktar tixbah lil dik ta’ Lażżru.

Il-Madonna tal-Vittorja li tfejjaqha. Dik l-istess xbieha kienet diġa kellmet darbtejn lil ommha. Tereża ddur lejn Marija u titlobha “ikollha ħniena minnha. F’daqqa waħda l-Verġni mqaddsa dehritilha sabiħa, hekk sabiħa illi qatt ma kont rajt xejn daqshekk sabiħ….imma dak li nifidni sal-qiegħ ta’ ruħi kienet ‘it-tbissima li ssaħrek tal-Verġni mqaddsa’. F’dak il-waqt, it-tbatija tiegħi kollha għebu, u żewġ demgħat kbar ġelbu minn xfar għajejja u siekta siekta bdew niżlin ma ħaddejja, imma kienu demgħat ta’ ferħ l-aktar safi…A! ħsibt jiena! Il-Verġni mqaddsa tbissmitli. B’hekk Tereża li ta’ 4 snin tilfet ‘l ommha, u issa ta’ 9 snin tilfet it-tieni omm tagħha, sabet f’Marija l-Omm ġdida tagħha. Is-sorijiet bdew isaqsuha kif rat ‘l Madonna etc etc

 

Kapitlu IV                 L-ewwel Tqarbina – Fil-kulleġġ (1883 - 1886)

 

L-isem Tereża tal-Bambin Ġesù

Fil-Karmelu ta’ Lisieux kien diġa hemm soru li kien jisimha Sr Tereża ta’ Ġesù, u għalhekk kellha xewqa li isimha jkun Tereża tal-Bambin Ġesù wara li ħasbet fiċ-ċkejken Ġesù. Ma kienetx waħda li tħobb tilgħab, imma kienet tħobb ix-xbiehat u l-qari, li kienu “jmantnu lil qalbi u ‘l-ispirtu”. “Din il-ġibda għal qari damet sad-dħul tiegħi fil-Karmelu”. “Qatt il-ħanin Alla ma ħalla li jiena naqra wieħed biss li seta’ jagħmilli l-ħsara”. Kienet tħobb taqra ‘l ħajja tal-Qaddisin (bħalma meta qrat l-ħajja ta’ Giovanna d’Arco), u tixxennaq li hi wkoll issir Qaddisa.

Tifhem li se tkun Qaddisa kbira

Tereża ħasbet “li hija kienet imwielda għall-glorja...glorja li ma kienetx se tidher f’għajnejn il-bnedmin” (ħasbet hi) “li kellha nkun li nsir Qaddisa kbira!!!, għax jien ma noqgħodx fuq il-merti tiegħi, billi m’għandi l-ebda wieħed, imma nittama f’Dak li hu l-virtù, il-Qdusija Nfisha. Huwa Hu biss li, għax jikkuntenta ruħu bl-isforzi dgħajfa tiegħi, jerfagħni sa għandU u, waqt li jgħattini bil-merti infiniti tiegħU jaghmilni Qaddisa”.    

Żjara ġewwa Alençon

Wara żjara ġewwa Alençon u tara liema triq qabdu dawk li qabel kiienu sħaba, Tereża tirringrazzja lil “ħanin Alla tani l-grazzja li nagħraf id-dinja hekk biżżejjed biex nistmerrha u nitbiegħed minnha”. “L-Għerf għandu raġun igħid: ‘Għax is-seher tal-frugħat tad-dinja jħajjar għall-ħażen lill-moħħ, saħansitra lil dak imbiegħed mill-qerq. Ta’ għaxar snin, hi ħaġa ħafifa li l-qalb tħalli x’jgħammixha, u għalhekk ngħoddha bi grazzja kbira li ma kontx bqajt Alençon; il-ħbieb li kellna hemm kienu tad-dinja, kienu jafu jgħaqqdu wisq flimkien il-ferħ tal-art mal-qadi tal-ħanin Alla”.

It-Talb

Tibda sa minn eta’ ċkejkna titħarreġ fl-orazjoni (bla ma taf), u dan peress li kienet tħobb “tmur wara s-sodda tiegħi, fi spazju vojt li kien hemm u li kien ħafif għalija li nagħlqu bil-purtiera, u hemm kont noqgħod ‘naħseb’....fuq il-ħanin Alla, fuq il-ħajja...fuq l-ETERNITA’”. Wara li Pauline daħlet il-Karmelu, Marie ħaditilha postha.

L-ewwel Tqarbina

Tereża tiġi mħejjija għal dan il-jum permezz tliet xhur Irtir, li fih ‘l bogħod mill-familja, spiċċat skoriet “kemm kont tifla mfissda u jieħdu ħsiebi bħal ftit oħra fid-dinja” (lanqas xahra ma kienet kapaċi tagħmel waħedha). Lejliet dan il-jum hija resqet għat-tieni darba lejn is-sagrament tar-Rikonċiljazjoni. Niket kbir l-għada li ma setgħetx terġa titqarben.

Fl-aħħar “l-isbaħ jum fost il-jiem fl-aħħar wasal”. “A! kemm kienet ħelwa l-ewwel bewsa ta’ Ġesù lil ruħi... kienet bewsa ta’ mħabba, ħassejtni maħbuba, u għidt ukoll: ‘Inħobbok, ningħata lilek għal dejjem’... minn żmien ilu Ġesù u ċ-ċkejkna Tereża kienu ħarsu lejn xulxin u fiehmu lil xulxin. Dakinhar ma kienetx aktar ħarsa, imma fużjoni, ma kienux aktar tnejn, Tereża kienet għebet, bħall-qatra ilma li tintilef fi ħdan l-oċejan. Ġesù biss baqa”. “Il-ferħ tagħha kien kbir wisq, profond wisq biex setgħet tesgħu”. Rawha tibki, u ħasbu li għax ommha kienet mejta, jew Pawlina ma kienetx hemm, imma l-verita’ kienet li “ma kienux jifhmu li l-ferħ kollu tas-Sema jiġi f’qalb, din il-Qalb fl-eżilju ma tkunx tiflaħ għalih bla ma xxerred id-dmugħ”. “B’hekk meta lqajt iż-żjara ta’ Ġesù, ilqajt ukoll dik ta’ Ommi l-għażiża li berkitni”. Misssierha jtiha arloġġ, “imma l-ferħ tiegħi kien kalm u xejn ma ġie jfixkel il-paċi intima tiegħi”. Ix-xewqa tagħha issa hi li tirċievi lil Ġesù kemm jista’ jkun. Wara l-Ewwel Tqarbina, kiber iż-żelu tagħha għal-Katekiżmu.

It-Tbatija

Jum wieħed Marie, wara li Tereża tqarbnet, qaltilha li hi mhix se tgħaddi mit-triq tat-tbatija, għax “il-ħanin Alla kien se jġorrni dejjem Hu bħal tifla ċkejkna”. “Ħassejt titnissel f’qalbi xewqa kbira għat-tbatija... it-tbatija saret l-attrattiva tiegħi, hija kellha xi ħaġa li tiġbidni u li kien isaħħarni, mingħajr ma kont nifhem sew din il-ġibda. Sa dakinhar jiena kont batejt bla ma ħabbejt it-tbatija; minn dakinhar ħassejt għaliha”.

Titkellem dwar il-jum li fih irċeviet il-Griżma tal-isqof, u filwaqt li s-soltu kien ikollhom jum irtir, hija kellha jumejn. Hi “ma ħassejtx riħ qawwi.... imma aktar żiffa ħafifa”.

Kulleġġ

Terġa ssemmi ż-żmien tagħha fil-kulleġġ. Qabel sħabha tal-eta’ tagħha kienu “kollha mimlija b’rieda tajba u li qatgħuha bħali, li jitħarġu bis-serjeta’ fil-virtu, imma issa kelli niltaqa’ ma studenti differenti għalkollox, b’moħħhom imtajjar”. Tereża kellha karigrafija kerha u ortografija difettuża. Il-Kulleġġ kienu jikkunsidrawha bħala studenta intelliġenti, imma ta’ fehma oħra kienu z-zijiet, anki għax Tereża ftit kienet tesprimi ruħha għandhom.

L-imħabba tagħha

“Il-qalb tiegħi, li kienet tħoss u tħobb, kienet tintreħa malajr li kieku sabet qalb li setgħet tifhimha. Fittixt li nagħmel ħbieb mat-tfal żgħar tal-eta’ tiegħi, l-aktar ma’ tnejn minnhom. Jien kont inħobbhom u huma, min-naħa tagħhom, kien jħobbuni daqskemm kellhom ħila jħobbu;  imma jaħasra! kemm hija limitata u kemm tbiddel fehmtha minn ħin għall-ieħor il-qalb tal-ħlejjaq!!!... malajr rajt li mħabbti ma kienetx mifhuma. Waħda mil-ħbieb tiegħi, wara li kellha tmur id-dar għand il-familja tagħha, reġgħet ġiet lura ftit xhur wara. Kemm damet nieqsa, bqajt naħseb fiha u għożżejt ċurkett żgħir li kienet tatni hi. Meta erġajt rajt lis-sieħba tiegħi, il-ferħ tiegħi kien kbir, imma jaħasra! Ma rċevejtx għajr ħarsa bierda, imħabbti ma ġietx mifhuma. Alla tani qalb hekk leali illi meta tkun ħabbejt b’mod safi, tħobb dejjem, u hekk bqajt nitlob għas-sieħba tiegħi u għadni nħobbha sal-lum”.

“Meta rajt lil Ċellina tħobb lil waħda mill-għalliema tagħna, ridt nagħmel bħalha, imma billi ma kontx naf kif niġbed fuqi l-favuri tal-ħlejjaq, ma setax jirnexxili. O injoranza mbierka! Kemm ħelsitni minn ħsarat kbar!... kemm inrodd ħajr lil Ġesù talli għamel li ma nsibx ‘ħlief imrar fil-ħbiberiji tal-art... kif tista’ qatt mitluqa għall-imħabba tal-ħlejjaq, tingħaqad intimament ma’ Alla? Inħoss li dan ma jistax ikun. Kif tista’ qalb mitluqa għall-imħabba tal-ħlejjaq, tingħaqad intimament ma’ Alla.... jiena rajt tant erwieħ imwaqqgħin b’dan id-dawl falz, itiru bħal friefet imsejkna u jaħarqu ġwenħajhom, imbagħad jerġgħu jiġu lejn il-veru dawl ħelu tal-imħabba li jagħtihom ġwienaħ ġodda, aktar leqqiena  aktar ħfief sabiex ikunu jistgħu jtiru lejn Ġesù”.

“Ġesù kien jaf li jiena dgħajfa wisq biex iħallini esposta għat-tentazjoni; forsi kont inħalli lili nnifsi ninħaraq kollni kemm jiena mid-dawl qarrieqi kieku rajtu jlellex f’għajnejja”. B’danakollu Tereża tħoss li avolja hija ma waqgħetx fi dnubiet gravi, Alla xorta ħafrila ħafna, anzi lil “ħafirli aktar milli ħafer aktar milli ħafer lil Santa Madalena, għax lili ħafirli minn qabel, billi ma ħalinix naqa’”. Tereża tagħti eżempju ta’ dak il-missier li huwa tabib u li “kien jaf li fit-triq mnejn għandu jgħaddi ibnu tinsab ġebla, imur iħaffef qablu u jneħħiha (mingħajr ma jarah ħadd)”. “Hu jridni nħobbu mhux għax ħafirli ħafna, imma kollox”.

L-iskrupli u kif Marie tgħinna toħroġ minnhom

Ssemmi l-iskupri li bdiet tgħaddi minnhom, u li damet fihom għal sena u nofs. “Il-ħsibijiet u l-għemejjel l-aktar sempliċi, saruli kaġun ta’ taħwid”, u kienet Marie li kienet tgħinha tirbaħhom billi lilha kienet toqgħod tgħidilha kollox, u lil Tereża, Marie kienet toqgħod tismagħha b’ħafna paċenzja. “Kienet Marie li kienet tmexxini, tfarraġni, tgħinni nitħarreġ fil-virtù; hija kienet l-oraklu waħdieni tiegħi”, anki jekk Pauline żammet l-ispazju f’qalbha, imma Pauline issa kienet fil-monasteru. Għalhekk Tereża ddur lejn l-erbgħa ħutha mejtin u titlobhom din il-grazzja li teħles mill-iskrupli.

Toħroġ mil-Kulleġġ u ssegwi lezjonijiet privati

Malli Ċelina spiċċat mil-Kulleġġ, hi ma kellhiex għalfejn tibqa’, u għalhekk Tereża ħalliet il-Kulleġġ meta kellha 13-sena. Għalhekk missierha ġabilha d-dar istruttriċi privata, li talbitha tmur d-dar tagħha, u dan għen lil Tereża “biex nagħraf id-dinja”, għax għand din l-għalliema kien ikollha bosta żjajjar minn saċerdoti, nisa, xebbiet, etċ etċ, u Tereża “b’imnieħri fil-ktieb, kont noqgħod nisma dak kollu li jingħad, ukoll jekk dak li kien ikun aħjar għalija li jiena ma smajtux, il-frugħa tant tidħol fin fin u bil-ħeffa fil-qalb”.

Malli daħlet il-Kuleġġ, Tereża tiġi milqugħa fl-Għaqda tal-Anġli Qaddisa. “Ma kontx naf nitkellem ħlief miegħU; it-taħditiet mal-ħlejjaq, imqar taħditiet reliġjużi, kienu jgħejjuli ruħi...Kont inħoss li aħjar titkellem ma’ Alla milli titkellem fuq Alla, għax jitħallat tant amor proprju fit-taħditiet spiritwali”. “Il-ħajja hija d-dgħajsa tiegħek u mhux l-għamara tiegħek...Meta naħseb fuq dawn il-ħwejjeġ, ruħi togħdos fl-infinit: nistħajjilni qiegħdha mmixx diġa x-xtajta eterna”.

Marie tidħol il-kunvent ukoll

Titkellem fuq meta Marie daħlet il-monasteru (15 ta’ Ottubru) u kemm ħasset din il-firda ġdida. B’danakollu tgħallmet li ma għandix tfittex l-attenzjoni tal-oħrajn. Semmi kif Marie (Guerin) kienet spiss toqgħod titbekka, u ommha kienet iżżiegħel biha. Tereża darba minnhom tagħmel l-istess imma “din il-ħaġa li nokrob ma kienetx tgħodd għalija, għax qatt ma stajt nikkonvinċihom li l-uġiegħ ta’ ras kien qiegħed iġagħlni nibki”. Bhekk Tereża “waħħlitha sewwa f’rasi li ma nagħmilx aktar bħall-oħrajn”, u dan wassalha biex tfieq “li niġbed fuqi l-attenzjoni tal-oħrajn”.

Léonie Klarissa

Léonie għal xi żmien tidħol mal-Klarissi, imma ma tantx iddum. L-istess Louis fehem li l-pass li jdaħħlu lil bintu fil-monasteru kien wieħed mgħaġġel. Tereża ma jogħġobhiex dak l-ambjent, u aktar titħeġġeġ lejn il-Karmelu.

 

Kapitlu V                   Wara l-grazzja tal-Milied (1886 - 1887)

 

Il-familja issa tonqos, u jibda johroġ aktar il-karattru ta’ Tereżina. Tereża lanqas biss kienet taf tieħu ħsieb ħwejjiġha, għax kienu jieħdu ħsieb kollox ħutha. Tikteb “kont tassew insopportabbli minħabba s-sensibilita’ żejda tiegħi”. “Kont naqbad nibki qisni xi Maddalena”, u meta jgħaddi kollox “kont nibki għax inkun bkejt”.

Il-Grazzja tal-Milied

Titkellem dwar il-grazzja tal-Milied tal-1886, li fiha hi harġet mit-tfulija tagħha, “f’kelma waħda l-grazzja tal-konverżjoni sħiħa tagħi”. “F’dak il-lejl li fih għamel lilU nnifsu dgħajjef u batut għall-imħabbti, lili għamilni qawwija u qalbenija, libbisni bl-armi tiegħU”. “Ġesù billi ried jurini li kelli ninqata’ mid-difetti tat-tfulija, neħħieli dawn il-ferħat innoċenti tiegħi”.

“Konna għadna kemm ġejna lura mil-Quddiesa ta’ Nofsillejl....kont nifraħ immur inġib il-par żarbun tiegħi minn maċ-ċumnija....missieri kien iħobb jara l-hena tiegħi, u jisma’ l-għajjat ta’ ferħ għal kull sorpriża li noħroġ miż-żarbun tas-seħer Missierha kien għajjien”, u semgħetu jgħid: “b’xorti tajba, sa fl-aħħar; din l-aħħar sena”,  imma Tereża kienet issa mibdula, u “sabet mil-ġdid il-qawwa tar-ruħ li kienet tilfet ta’ 4 snin u nofs, u li kellha żżomm għal dejjem”. Tereża tikkonsidra din il-ġrajja bħala grazzja mis-Sema.

Tifhem il-misjoni tagħha li titlob għal midimbin

Beda issa t-tielet żmien ta’ ħajjitha. Minn dan il-mument ħasset qawwa kbira li taħdem għal konverzjoni tal-midimbin. Isemmi kemm laqtitha x-xbieha tal-Kurċifiss bid-demm iqattar minn wahda mill-idejn tieghU u kif ħadd ma jfittex li jiġbru. Tiddeċiedi li hi toqgħod hemm tilqa’ dan id-demm, u “inżommu milli jaqa’ fl-infern”, u li xxerdu hi nnifisha fuq l-erwieħ. Ssemmi mbagħad l-istorja ta’ Pranzini, u kif titlob għal konverżjoni tiegħu, filwaqt li talbet lil Ċelina li tmur titlob li tiġi ċċelebrata quddiesa b’din l-intenzjoni. Qabel ma ġie maqtul Pranzini bies għal tliet darbiet il-pjagi ta’ Ġersu’. Tereża taqtagħha li titlob ghal midimbin.

L-imħabba għal Qari

Titkellem dwar l-imħabba lejn il-qari, fosthom l-Imitazjoni ta’ Kristu li titgħallmu kważi bl-amment. “Kont qiegħdha nduq minn qabel dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuH. U meta rajt li l-ħlas ta’ dejjem ma għandux x’jaqsam xejn mas-sagrifiċċji ħfief tal-ħajja, jiena ridt inħobb, inħobb lil Ġesù b’passjoni nagħtih elf sinjal ta’ mħabba sakemm kont għadni nista’. Irkkupjajt bosta siltiet dwar l-imħabba perfetta u fuq il-laqgħa li l-Ħanin Alla għandu jagħmel lill-magħżulin tiegħU fil-mument li Hu nnifsu jsir il-ħlas dejjiemi tagħhom”. “Minħabba li kont żgħira u dgħajfa Hu tbaxxa lejja u għallimni fil-moħbi l-ħwejjeġ ta’ mħabba”. Hi fehmet sew li kien il-Karmelu l-imkien fejn hi setgħet tgħix din l-imħabba. Wara li titlob lil konfessur tagħha, hi tibda titqarbem aktar spiss. Tereża tifhem dak li bosta ‘għorrief’ ma jaslux li jagħrfu.

Tgħid lil missierha, liz-ziju u z-zija dwar il-vokazjoni tagħha

Tibqa’ bid-determinazjoni tagħha li tidħol fil-Karmeku. Ssemmi għalhek hawnhekk ix-xena ta’ meta tat l-aħbar tas-sejħa tagħha lil missierha (kien Għid il-Ħamsin), li laqa’ l-aħbar b’dirghajn miftuħa u bid-dmugħ f’għajnejh, li “mal-ewwel ikkonvinċa ruħu li xewqti kienet dik ta’ Alla niffsu”.

Iżda z-ziju ma riedx jaf, u li biex jagħti l-perness hu, kien meħtieġ li jitwettaq miraklu. Titkellem dwar kif tgħaddi minn prova kbira li ddum tliet ijiem u li kienet qiegħdha tħejjijha għal prova tal-fidi ta’ aktar ‘il quddiem, imma titkellem ukoll dwar kif fir-raba’ jum, zijuha jgħidilha li ma kellix għalfejn titlob ‘miraklu’, għax hu talab lil Alla li jagħtih ‘daqxejn ta’ bidla ta’ qalb u Alla semgħu, u għalhekk ma kienx se jibqa’ jopponi. Iz-zija minn naħa tagħha tagħtha l-kunsens tagħha wkoll, imma “mhux bla ma wrietni b’elf mod li t-tluq tiegħi kien se jġibilha swied il-qalb”.

Is-Superjur tal-monasteru

Imma s-Superjur tal-monasteru, Dun Jean Baptiste Delatroette (li kien kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġakbu), ma kienx jaqbel li Tereża tidħol fil-monasteru ta’ eta’ daqstant ċkejkna, imma li kellha tistenna li jkollha 21 sena. Hekk u hekk hija setgħet tgħix ħajja ta’ bixra karmelitana anki fid-dar tagħha stess. B’danakollu hu kien biss Delegat tal-isqof, u li allura kien l-isqof nnifsu li kellu jagħti l-kunsens tiegħu.

Titħarreġ fl-imħabba u lesta li tgħix l-infern jekk ikun hemm bżonn

Hi tibda titħarreġ biex tikber fl-imħabba, u tasal li saħansitra tixtieq li jekk meħtieġ tgħix anki ġewwa l-infern, “ħalli Hu jkun maħbub għal dejjem f’dak l-imkien ta’ dagħa. Jien kont naf li dan ma setax jigglorifikah, għax Hu ma jixtieqx għajr l-hena tagħna; iżda meta tħobb tħoss il-ħtieġa li tgħid elf bluha. Jekk tkellimnt b’dan il-mod mhux għax is-Sema ma kienx ixxennaqni għalih, imma għax f’dak il-waqt is-Sema tiegħi, għalija, ma kienx ħaġa oħra għajr l-Imħabba”.

l-importanza tat-trobbija nisranija fi ħdan il-familja

Titkellem dwar l-esperjenza tagħha mat-tfal ċkejknin u innoċenti, u titkellem dwar il-ħtieġa li t-tfal ikollhom formazjoni adattata. “Bħalma l-għasafar żgħar jitgħallmu jgħannu billi joqgħodu jisimgħu l-ġenituri tagħhom, hekk ukoll it-tfal jitgħallmu x-xjenza tal-virtù, l-għanja sublimi tal-imħabba divina, mingħand l-erwieħ imqabbdin biex jiffurmawhom għall-ħajja”. Issemmi għalhekk dan l-għasfur li kellha hi, u li ma kellux ‘genituri’ li jgħallmuh jgħanni, u spiċċa tgħallem minn kanarin li kien qrib tiegħu.

Għand l-isqof

Ssemmi għalhekk meta tmur tkellem lill-isqof ta’ Bayeux Mons Flavien-Abel-Antoine Hugonin, nhar il-31 ta’ Ottubru, u kif kellha toqgħod attenta kif titkellem biex turi kemm hi soda fil-vokazjoni tagħha. L-imħabba kellha tinbuttaha biex titkellem. Għall-ewwel darba hi kienet se tkun mingħajr ħutha ħdejha, u l-ewwel darba li tkellem isqof. Il-Vigarju ir-Reverendu Révérony wera “tenerezza li bilkemm titwemmen” qalilha biex tagħmel il-qalb u ma tibkix quddiem l-isqof għax fl-aħħar mill-aħħar l-isqof ma kienx se jgħidilha le.

Mons Hugonin qalilha li żgur li ma kienetx ilha 15-il-sena tixtieq li tkun Karmelitana, imma hi għarfet twieġbu li m’hemmx wisq snin xi tnaqqas minn dawn, għax “xtaqt il-Karmelu hekk kif għaraftu sew, għax f’dan l-Ordni sibt li sejrin jitwettqu l-aspirazjonijiet kollha ta’ ruħi”. Imma s-superjur tal-monasteru jibqa’ kontra u Mons isqof kellu ta’ bil-fors jikkonsulta miegħu qabel ma jagħti l-permess tiegħu. Jiddeċiedu għalhek li jmorru għal pellegrinaġġ lejn Ruma.

 

Kapitlu VI                 Il-vjaġġ għal Ruma (1887)

 

Matul dan il-vjaġġ li telaq fis-7 ta’ Novembru u waslu lura fit-2 ta’ Diċembru, Tereża tagħmilha ma nies ta’ ċertu nobilita’ u ma numru kbir ta’ saċerdoti. Fil-fatt għal dan il-vjaġġ kienu 195 pellegrin, li 73 kienu saċerdoti, filwaqt li l-oħrajn kienu rappreżentanti ta’ familji nobbli tan-Normandija.

Kien propjament pellegrinaġġ organiżżat mid-Djoċesi ta’ Coutance fl-okkażjoni tal-ġublew saċerdotali ta’ Ljun XIII, imma mal-pellegrini ta’ dik id-djocesi ngħaqdu dawk ta’ Bayeux, bir-Rev Révérony jirrapreżenta lil Isqof ta’ Bayeux.

Tereża tiftaħ dan il-kapitlu billi tikteb: “A! Xi vjaġġ kien dak!.. Hu waħdu għallimni iktar minn snin sħaħ ta’ studju, urieni l-frugħa ta’ dak kollu li jgħaddi u li kollox huwa diqa tal-ispirtu taħt ix-xemx”.

Tgħallmet żewġ affarijiet:

1)       “Fhimnt li l-kobor veru jinsab fir-ruħ u mhux fl-isem... u hu fis-sema li nkunu nafu liema huma t-titli tagħna ta’ nobilita’. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu”.

2)       “It-tieni esperjenza li kelli għandha x’taqsam mas-saċerdoti. Minħabba li qatt ma kont għext qrib tagħhom, ma stajtx nifhem l-għan ewlieni tal-Karmelu. Li nitlob għal midimbin kienet xi ħaġa li ssaħħarni, imma li nitlob għal-erwieħ tas-saċerdoti, li jiena kont nemmen li huma aktar safja mil-kristall, dehritli ħaġa tal-għaġeb”. “Għal xahar għext ma’ bosta saċerdoti qaddisin u rajt li, jekk id-dinjita’ għolja tagħhom terfagħhom ‘l fuq mill-anġli, huma xorta jibqgħu bnedmin dgħajfa u fraġli. Jekk xi saċerdoti qaddisin li Ġesù fl-Evanġelju jsejjaħ ‘il-melħ tal-art’ juru bl-imġiba tagħhom li għandhom bżonn kbir tat-talb, x’għandna ngħidu għal dawk li huma bierdin? Oh Madre! Kemm hi sabiħa l-vokazjoni li għandha bħala għan li tħares il-melħ iddestinata għall-erwieħ! Din hi l-vokazjonji tal-Karmelu”.

Pariġi

Louis u wliedu Ċelina u Tereża telqu minn Lisiuex kmieni filgħodu tal-4 ta’ Novembru biex setgħu jaslu Pariġi kmieni filgħodu u jżuru din il-belt. Minn dak kollu li żaru, lil Tereża ħaġa waħda biss saħħritha: Sidtna Marija tal-Vittorji, fejn Tereża reġgħet ikkonvinċiet ruħha li kienet Marija li tbissmitilha. Din kienet issa ommha, u għalhekk hi ħerqana li tidħol fil-Karmelu biex tistkemm taħt il-mant tagħha. Titlob lil Marija tħarisha fis-safa tagħha. “Billi ma kontx għaraft il-ħażen bżajt niskoprieh, għax kont għadni ma għaddejtx mill-esperjenza li ‘kollox hu safi għal min hu safi’ u li r-ruħ sempliċi u sewwa ma tara ħażin f’xejn għax, fil-fatt, il-ħażen ma jinsabx ħlief fil-qlub mhux safja, u mhux fl-affarijiet li ma jħossux”. Il-familja Martin jżuru wkoll il-Bażilika ta’ Montmarte, fejn hi tikkonsagra ruħha lil Qalb ta’ Ġesù.

Tereża tibda titħallat mal-pellegrini u titkellem ma kulħadd, anki mal-isqof ta’ Coutances. Imma l-isbaħ wieħed kien missierha. Ir-Reverendu Révérony ried ikun jafni aktar biex jara kellix vokazjoni għal Karmelu jew le.  

L-Iżvizzera, Milan, Venezja, Padova, Bolonja u Loretu

Minn Paeiġi, it-train jasal l-Isvizzera, fejn raqdu fil-belt ta’ Luċerna. Quddiema dawk il-meravilji tan-natura, Tereża bdiet tistħajjel li diġa bdiet tifhem il-kobor ta’ Alla u l-ġmiel tas-Sema.  Jaslu Milan u jżuru diversi postijiet, imma jibqgħu mpressjonati bid-Duomo ta’ Milan. Tereża u oħtha dejjem fuq quddiem, eżatt wara l-isqof. Riedu jkunu minn tal-ewwel li jaraw ir-relikwi tal-Qaddisin, Per eżempju waqt il-Quddiesa huma serħu rashom fuq il-fdal ta’ San Karlu. L-istess għamlu f’postijiet oħra. Xejn ma kienu beżżiegħa, u kienu minn ta’ quddiemnet ukollmeta telgħu fuq il-Katidral ta’ Milan.

Interessanti meta titkellem fuq pellegrin xwejjaħ li ma beda jogħġbu xejn, u skanta b’dan l-entużjażmu tagħhom. Tereża tgħid li aħjar li kieku baqa’ d-dar u ma ġie xejn magħhom. Ara Louis “kien isib ruħu tajjeb dejjem u kullimkien, għax kellu karattru l-maqlub għalkollox ta’ dan il-proxxmu li xejn ma jferrħu... A! Kemm rajna persunaġġi differenti minn xulxin. Xi studju interessanti toffri d-dinja meta dalwaqt tkun se tħalliha warajk”.  

Minn Milan jmorru Venezja. Li “mhix nieqsa mis-seħer tagħha, imma lili din il-belt iġġibli d-dwejjaq. Minn Venezja, jmorru Padova (jqimu lil Sant Antnin), u wara Bolonja, “belt li ma stajtx inġerraħha bl-istudenti li hi miżgħuda bihom. Kien hawn li Tereża kellha “avventura ċkejkna ma wieħed minnhom”. Hekk kif niżlu mil-ferrovija, student ġerha lejha u żammha f’dirgħajh u mlieha bil-kumplimenti. Trereża ħelset malajr minnu u tagħtu ħarsa iebsa. Bolonja jżuru lil Santa Katarina. Minn Bolonja marru Loretu, li lil Terea saħħritha, anki minħabba l-ilbies tan-nies. Ferħet Tereża li f’din il-belt ma daħlitx il-moda ta’ Pariġi. L-akbar faraġ ta’ Tereża ġewwa Loretu kienet li titqarben fid-dar imqaddsa ta’ Nażareth.

Ruma u l-udjenza mal-Papa

Meta żżur il-Kolosseo tixtieq kieku tinżel fl-Arena fejn xerrdu demmhom il-matri. Żżur ukoll il-katakombi, Santa Ċeċilja. Imma kellha laqgħa mal-isbaħ meravilja ta’ Ruma, jiġifieri L-Papa Ljun XIII. Fehmet li l-unika triq għaliha kienet se tkun dik li tkellem lil Papa. Imma tikteb “x’sofrejt qabel l-Udjenza”, imma għamlet kuraġġ: “Missier l-aktar qaddis, għandi grazzja x’nitolbok. Missier l-aktar qaddis f’ġieħ il-ġublew tiegħek, ħallini nidħol fil-Karmelu ta’ 15-il-sena!...”. Wara li spjegawlu x’kien il-kas, il-Papa qalilha biex tagħmel li jgħidulha s-superjuri tagħha. Imma hi tibqa’ tinbotta t-talba tagħha, u tispjegalu li “jekk int tgħid iva, kulħadd ikun irid”....”Ejja...Ejja... Inti għad tidħol, jekk Alla jrid”. Għal dan il-kliem Tereża tħoss paci kbira ġewwa fiha, u dan għax kienet għamlet “proprju kulma stajt biex inwieġeb għal dak li kien qiegħed jitlob minni l-ħanin Alla”. Kienet għalhek dak il-ġugarell ċkejken f’idejn Alla, bħal “ballun żgħir li ma jiswa xejn, li Hu seta’ jitfa’ ma’ l-art, jagħtih bis-sieq, itaqqbu, iħalli f’xi rokna jew jagħfsu ma’ qalbu jekk jogħġbu hekk. F’kelma waħda ridt nagħti gost liċ-ċkejken Ġesù, nogħġbu; ridt nintelaq għall-kapriċċi tiegħU tat-tfal... Huwa kien sema’ talbi. F’Ruma Ġesù kien taqqab il-ġugarell ċkejken tiegħU. Ried jara x’fih minn ġewwa u, wara li ra, kuntent b’dak li sab, ħalla lill-ballun żgħir tiegħU jaqa’ mal-art, u raqad... Ġesù ħolom li kien għadu qiegħed jieħu gost bil-ġugarell tiegħU, daqqa jitilqu u daqqa jerġa jiġbru u mbagħad wara li jkun gerrbu ‘l bogħod sewwa, jagħfsu ma’ qalbu bla ma jħallieh jitbiegħed qatt iktar mill-id ċkejkna tiegħU”. Jidher “li din iż-żjara ħalliet impressjoni mill-aqwa fuq ir-Reverendu Révérony”, għax “minn dakinhar ma waqafx jurini li sa fl-aħħar kien konvint mil-vokazjoni tiegħi”.

Napli, Pompej, Assisi u Firenze

Minn Ruma rħewlha lejn Napli u Pompej. “Sabiex jagħtini ġieh, il-Vesuvju beda jagħmel ħafna ħsejjes il-jum kollu”. Jkunu alloġjati f’lukanda ta’ lussu, imma dan xejn ma mpressjona lil Tereża, li kienet “iktar kuntenta taħt saqaf tat-tiben imma bit-tama tal-Karmelu, milli taħt soqfa indurati bid-deheb, f’nofs tueġien ta’ rħam u twapet tal-ħarir, imma bl-imrar f’qalbi”. Tassew li “il-ferħ ma fil-ħwejjeġ li aħna mdawrin bihom, jinsab fil-qiegħ l-aktar ġewwieni tar-ruħ”. 

Minn Napli jerħulha lejna Assisi. Tereża tispiċċa tinqata’ mil-grupp, u spiċċat talbet li tirkeb fuq il-karozzella tar-Reverendu Révérony, “favur li ma kien mogħti lill-ebda mara tul il-vjaġġ kollu”. Aktar ‘il quddiem anki Louis juri lil Vigarju dwar ix-xewqa ta’ bintu li tidħol fil-Karmelu qabel il-Milied, imma Tereża tispiċċa tafda f’Alla biss.

Minn Assisi, jivvjaġġaw lejn Firenze u Tereża ssemmi ż-żjara lir-relikwi ta’ Santa Marija Maddalena de Pazzi. Peress li kien hemm grada quddiem dawn ir-relikwi, l-id ta’ ħadd ma kienet tgħaddi ħlief dik ta’ Tereża li spiċċat qagħdet hemm tmiss il-kuruni tar-Rużarju tal-pellegrini l-oħra.

Isemmi kif lin-nisa ma kienux iħalluhom jidħlu f’ċertu postijiet etċ ‘għax inkella jispiċpiċċaw ‘skomunikati, u Tereża ma tistax tifhem għala dan iseħħ ġewwa l-Italja, meta ħafna aktar nisa jħobbu lil Ġesù mill-irġiel u kienu huma li kienu taħt is-salib ta’ Ġesù. Huwa f’dan l-istadju li ssemmi z-żjara lejn Santa Maria della Vittorja, Ruma, u kif hemm iltaqgħet ma’ patri xwejjaħ.

Quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-Karmelu

Tmur għal quddiesa ta’ nofs-il-lejl li Tereża kienet ittamat li tismagħha minn wara l-grada, Hekk kif ġiet lura d-dar, Ċelina ppreparat għal oħtha dgħajsa ċkejkna b’Ġesù rieqed fuqha u b’ballun f’idejH, filwaqt kitbitilha dawn il-kelmiet: “’Jiena rieqed imma qalbi tishar’ u fuq id-dgħajsa din il-kelma biss ‘abbandun’”.

Wara ġurnata li għaddietha fil-biki, wara nofsinhar marret iżżur l-komunita’, ’sorpriża għaliha juruha Bambin “li jsaħħrek u li kien qed iżomm f’idu ballun b’ismi miktub fuqu”. Hi kienet xtaqt ħafna li dak il-Milied tgħaddih fil-Karmelu.

Permezz biex tidħol fil-Karmelu wara r-Randan

Fl-ewwl tas-sena tirċievi l-ittra ta’ oħtha Pauline li tikbilha kif l-isqof kien kkonċeda li Tereża tidħol fil-Karmelu imma biss wara li jgħaddi r-Randan, u għalhekk kien għad fadal “tliet xhur ta’ eżilju”. “Din il-prova kienet kbira ħafna u kabbritni ħafna fit-telqa u fil-virtuwijiet l-oħra”.

Tħejjija għad-dħul fil-Karmelu

Hija tħejji ruħha mhux b’ħafna penitenzi, imma “il-mortifikazjoni tiegħi kienu jikkosnsistu f’li nkisser ir-rieda tiegħi, dejjem hekk lesta biex timponi, f’li nżomm milli nwieġeb lura b’xi kelma iebsa, li naqdi lill-oħrajn fi ħwejjeġ żgħar bla ma ntihom importanza, li ma nserraħx dahari meta nkun bil-qiegħdha, etċ... Bit-taħriġ ta’ dawn ix-xejnijiet, ħejjejt lili nnifsi biex insir l-għarusa ta’ Ġesù, u llum lanqas nista’ ngħid kemm din l-istennija ħallietli tifkiriet ħelwin”.

 

Kapitlu VII                L-ewwel snin fil-Karmelu (1888 – 1890)

 

Dħul

Tereża tidħol nhar id-9 ta’ April 1888. Dakinhar kienet il-festa tal-Lunzjata (trasferita minħabba r-Randan). Niżlet għarkubtejha quddiem missierha biex titolbu l-barka, imma kien hu li niżel għarkubtejh quddiemha u beda jibki. “Ir-Re għażiż tiegħi ma qal kważi xejn, imma ħarstu kienet imwaħħla fuqi b’imħabba”. “Madwari ma smajtx ħlief ilfiq. Jiena biss ma bkejtx, imma ħassejt qalbi tħabbat hekk bis-saħħa illi deherli li ma stajtx nagħti pass meta għamluli sinjal biex nersaq lejn il-bieb tal-klawsura”.

L-ewwel impresjoni tal-Karmelu

“Jiena sibt il-ħajja reliġjuża hekk kif stħajjiltha, ebda sagrifiċċju ma għaġġibni”, ukoll jekk “l-ewwel passi ltaqgħu iktar ma’ xewk milli ma’ ward. Iva, t-tbatija fetħitli dirgħajha beraħ, u jiena ntfajt biha b’imħabba”. “Kollox rajtu jsaħħarni... l-iktar li laqtitni kienet iċ-ċella ċkejkna tiegħi”. Kuntenta li issa din se tkun l-għamara tagħha għal dejjem.

Għan tal-vokazjoni tagħha

Taf li l-missjoni tagħha fil-Karmelu kienet dik li ssalva “lill-erwieħ, u fuq kollox, biex nitlob għas-saċerdoti”. “Ġesù fehemni li kien permezz tas-salib li ried jagħtini l-erwieħ, u l-ġibda tiegħi għat-tbatija kibret fil-qies li żdiedet it-tbatija. Għal ħames snin din kienet it-triq tiegħi, iżda minn barra, xejn ma wera t-tbatija tiegħi, aktar u aktar ta’ tbatija, minħabba li jiena biss kont naf biha. A! X’sorpriża se jkollha ruħi fl-aħħar tad-dinja meta naqraw l-istorja tal-erwieħ!... Kemm se jibqghu mistagħġba xħin jaraw it-triq li minnha tmexxiet ruħi!”.

Bla ma qatt wetqet dnub mejjet

Titkellem dwar dak li qallha Patri Pichon li kkonferma li Tereża qatt ma waqgħet fi dnub mejjet. Darba Ġesù qalilha li Hu kien se jkun il-ktieb tagħha, ukoll jekk hi dejjem obdiet skrupolożament is-superjuri tagħha li dejjem fittxet li tkun magħhom ktieb miftuħ. Kien fil-fatt bi sforz li ruħha kienet tieħu xi direzjoni, imma aktar ma nersqu lejn Alla aktar insiru semplici. Ġesù kien id-Direttur tagħha, “id-Direttur tad-diretturi, u kien hu li għallimni dik ix-xjenza moħbija”. “Dak li saltnatu mhix ta’ din id-dinja wrieni li l-għerf veru jinsab f’li ‘tixtieq tkun mhux magħruf, u miżmum bħax-xejn”.

Progress spiritwali ta’ Louis Martin

Bdiet tinnota l-progress li missierha kien qiegħed jagħmel fil-perfezjoni. “Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Sales, kien wasal li jkun sid tan-natural ħaj tiegħu sal-punt li kien jidher li kellu l-aktar natural ħelu tad-dinja”. Meta Léonie ħarġet mill-Viżitazjoni, Louis ma nkwetax, u ma hadhiex kontra Alla. Tereża tibda titkellem dwar it-tbatija li bdiet nhar t-23 ta’ Ġunju 1888 minħabba l-marda ta’ missierha. Louis qabad u telaq mid-dar bla ma informa lil ħadd u rritorna lura erbgħa ijiem wara.

Vestizjoni

Kellha xewqa li dak in-nhar li tieħu l-libsa (10 ta’ Jannar 1889) n-natura tkun mżejna bħalha bl-abjad tal-borra, u hekk kien. Waqt in-novizjat “in-nixfa saritli l-ħobż tiegħi ta’ kulljum; nieqsa minn kull faraġ, xorta waħda kont l-iżjed ħlejqa kuntenta”. Fit-12 ta’ Frar, Louis jiġi meħud fl-isptar mentali ta’ Caen, fejn dam għal tliet snin. Ċelina ġġibu lura Lisiuex fl-10 ta’ Mejju 1892. Avolja kienu snin ta’ prova kbira, Tereża tikteb li “ma nbiddilhomx mal-estasijiet u r-rivelazjonijiet kollha tal-Qaddisin”. Tħossha waqt dawn it-tliet snin eqreb ta’ Ċelina. “aħna kellna l-istess hsibijiet, l-istess xewqat, l-istess imħabba għal Ġesù u għall-erwieħ”.

Jitwal in-Novizjat

Hekk kif intemmet is-sena tan-Novizjat, ikollha tistenna tmien xhur oħra qabel ma tagħmel il-Professjoni reliġjuża tagħha. “Għall-ewwel rajtha bi tqila li naċċetta dan is-sagrifiċju kbir, iżda malajr feġġ id-dawl f’ruħi”, għax intebħet li “ix-xewqa tant ħerqana tiegħi li nagħmel il-professjoni kienet imħallta b’imħabba żejda għalija nnifsi”. Hi lesta tistenna, imma “ma rridx li bi ħtija tiegħi l-għaqda tiegħi miegħek tithalla għal aktar tard”. Għaliha dan sar mezz kif tgħix il-faqar.

Mortifikazjonijiet

Tkompli titħarreġ fil-mortifikazjoni u fit-tgħakkes tal-imħabba żejda lejha innifisha, u “dan kien jagħmilli gid wisq iktar mil-penitenzi tal-ġisem”. Per eżempju, Tereża tiskopri li “il-faqar jikkonsisti filli nsibu ruħna neqsin mhux biss mill-ħwejjeġ li joġhġbuna, imma wkoll mill-ħwejjeg li ma ngħaddux mingħajrhom” (kienu ħadulha l-lampa li kienet tuża hi). Jew darba ħadulha l-buqar żgħir u ħelu tagħha u minfloku tawha buqar goff u kollu mxellef. Darba tiġi korretta għax jaqa’ vażett, u Tereża toqgħod kwieta, ukoll jekk ma kienetx hi, għax kienet konvinta li “fil-ġudizzju univerali kollox għad jinkixef”. Kienet anki tipprattika l-virtuwijiet li hi s-sejħilhom żgħar bħal per eżempju titwi l-kapep li jkunu ħallew mhux mitwija.   

 

Kapitlu VIII              Mill-Professjoni sal-offerta lill-imħabba (1890 – 1895)

 

Ġesù rieqed

“Ġesù kien rieqed, bħal dejjem fid-dgħajsa tiegħi. A! Nara tajjeb li l-erwieħ rari jħalluH jorqod bil-kwiet ġewwa fihom”. Il-ġenituri jieħdu pjaċir b’uliedhom anki meta dawn ikunu rieqda. Tabib iraqqad lil pazjenti tiegħu qabel ma joperhom.

Ukoll l-irtir tal-Professjoni “bħal dawk kollha li ġew warajh, kien l-irtir ta’ nixfa kbira...Nemmen bis-sempliċita’ kollha li huwa Ġesù nnifsu, moħbi fil-qiegħ ta’ qalbi ċkejkna u msejkna, li jagħtini l-grazzja li jaħdem fija u jagħmel li naħseb dak kollu li jridni nagħmel f’dak il-ħin”.

Ghandi vokazjoni jew le?

Għad li “jiena sibt il-ħajja tal-Karmelu sabiħa ħafna, iżda d-demonju deffisli f’rasi ċ-ċertezza li ma kienetx maqtugħha għalija, li kont se nqarraq bis-superjuri jekk nissokta nimxi fi triq li għaliha ma kontx imsejħa... Id-dlamijiet tiegħi kienu hekk kbar illi ma rajtx u ma fhimntx ħlief ħaġa waħda: jiena ma kellix vokazjoni... b’danakollu jiena ridt nagħmel ir-rieda ta’ Alla”, u jekk dan xtaq li jiena għandi ngħix fid-dinja, allura aħjar inħalli l-Karmelu. “Imma fit-8 ta’ Settembru, ħassejtni mgħaddsa fi xmara ta’ sliem”. “Fl-24 tax-xahar saritli ċ-erimonja tal-għoti tal-velu. Dan il-jum kollu kien miksi b’velu ta’ dmugħ.... f’kelma waħda, kollox kien niket u mrar” (la missierha, la l-Patri, la l-isqof ma kienu hemm)”. “B’danakollu, il-paċi, dejjem il-paċi, kienet hemm fil-qiegħ tal-kalċi”.

Madre Ġenoveffa

Madre Ġenoveffa li kienet sejra tmur nhar il-5 ta’ Diċemnbru 1891, tgħaddilha din ir-rakkomandazjoni spiritwali: “’Aqdi lil Alla bis-sliem u bil-ferħ; ftakar, binti, li Alla tagħna hu Alla tas-sliem”. Wara ssir taf li anki din it-twajba soru kienet għexet dawn l-istess provi li għaddiet minnhom Tereża. Qabel ma mietet hi mesħitilha l-aħħar demgħa tagħha,li Tereża baqgħet iġġorr fuqha flimkien mal-Voti. U qabel ma mietet lil Tereża qaltilha: “lilek nagħtik qalbi”.

L-imxija

Fix-xitwa ta’ bejn l889 u l890 kien hemm imxija li ħalliet ġewwa Franza biss 70,000 vittma. Din laqtet lil komunita’ ta’ Lisiuex u Tereża u tnejn oħra biss li ma laqtithomx. Dawn spiċċaw iduru bil-komunita’ kollha. Anki l-orarju kellu jinbidel u l-uffiċju ma baqgħax jingħad flimkien. F’temp ta’ ġimgħa (bejn it-2 u s-7 ta’ Jannar 1892) jmutu tliet sorijiet. Waqt dan il-perjodu Tereża setgħet titqatben kulljum.

Darba bejnha u bejn ruħha qalet li jekk tirċievi nofs ostja, se tahseb li “Ġesù jiġi f’qalbi kontra qalbu”. Dakinhar “is-saċerdot jieħu żewġ ostji mifruda sewwa minn xulxin u jagħtihomli”.

Titkellem dwar id-diffikulta li kienet issib meta l-iritri kienu jkunu bil-predikatur, imma sena minnhom “il-ħanin Alla, billi ried jurini li Hu waħdu kien id-Direttur ta’ ruħi, inqeda eżattament b’dan il-Patri (Alessju), li ma kienx apprezzat ħlief minni”. Meta marret tqerr għandu, “huwa qalli li n-nuqqasijiet tiegħi ma kienux inikktu lill-ħanin Alla”. “Din l-assigurazjoni mlietni bil-ferħ”.  

Il-Vokazjoni tagħha hija l-imħabba

Meta oħtha Pauline intagħżlet bħala Prijura, tintalab tpitter. Tereża tagħraf “mill-ESPERJENZA li l-hena ma jinsabx jekk mhux f’li tinħeba, f’li tibqa’ ma tagħrafx il-ħwejjeġ maħluqa. Fhimnt li mingħajr l-imħabba, l-opri kollha mhumiex ħlief xejn, imqar dawk li jiddu l-aktar, bħalma li tqajjem il-mejtin, jew li tikkonverti l-ġnus”. Tifhem għalhekk li l-vokazjoni tagħha hi l-imħabba, “Minflok ma jagħmluli l-ħsara, li jwassluni għall-frugħha, id-doni li l-ħanin Alla fawwar fuqi (bla ma tlabthomlu jiena) iressquni lejH: nara li Hu waħdu ma jinbidilx, li Hu biss jista’ jaqta’ x-xewqat immensi tagħna”.

“Issa ma għandi ebda xewqa oħra, jekk mhux dik li nħobb lil Ġesù sal-ġenn”. “Ma nixtieqx aktar la t-tbatija u lanqas il-mewt, u b’danakollu nħobbhom it-tnejn li huma iżda hi l-imħabba biss li tiġbidni... issa, it-telqa biss tmexxini, u ma għandi ebda boxxla oħra... Ma nistax nitlob xejn iżjed bil-ħerqa, ħlief it-twettiq sħiħ tar-rieda tal-ħanin Alla f’ruħi bla ma l-ħlejjaq ikunu jistgħu jqiegħdu xi tfixkil”.

“Kemm hi ħelwa t-triq tal-imħabba...iżda billi l-imħabba minn kollox taf tislet l-għana, malajr tikkonsma dak kollu li jista’ jagħti dispjaċir lil Ġesù, waqt li ma tħallix għajr paċi umli u profonda fil-qiegħ tal-qalb”.

Alla juri l-imħabba tiegħU lejn Tereża, billi per ezempju fil-ġnien tal-Karmelu ssib fjuri tal-kampanja (Niġella tal-qamħ) li qatt ma sabet ġewwa Lisieux, u li kieku tant jgħaxxquha ġewwa Alençon.

F’nofs dan id-diskors dwar il-vokazjoni tagħha għall-imħabba, Tereża tikkwota bħala grazzja minn Alla f’hajjitha, li tara lill-għażiża oħtha Ċelina (li Tereża kienet tħossha daqslikieku kienet ommha) tidħol ukoll fil-monasteru ta’ Lisieux f’ħajjitha. Darba Ċelina kellha okkażjoni li tmur tiżfen, u Tereża titlob b’ħerqa kbira li oħtha jinqagħlha xi ħaġa li ma jħallihiex tiżfen, u hekk fil-fatt ġara.

Ċelina fil-Karmelu

Ċelina tidhol fil-Karmelu nhar l-14 ta’ Settembru 1894, u tingħata l-isem ta’ Swor Marija tal-Wiċċ Imqaddes. Tiġi afdata f’idejn Tereża. Ukoll Swor Amata ta’ Ġesù kienet spiċċat taqbel li Ċelina tidħol fil-Karmelu, u dan Tereża ratu bħala s-sinjal li missierha Louis mar il-Ġenna.   

Qari spiritwali

Titkellem dwar l-importanza tal-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib, li meta kellha 17 u 18-il-sena kienu jiffurmaw l-unika nutriment spiritwali ta’ ruħha, “imma iżjed ‘il quddiem il-kotba kollha ħallewni fin-nixfa, u jiena għadni f’din il-qagħda. Jekk jiena niftaħ ktieb miktub minn awtur spiritwali mill-ewwel inħoss qalbi tingħalaq u naqra, biex ngħid hekk bla ma nifhem, jew jekk nifhem, l-ispirtu jibqa’ hemm bla ma nkun jista’ jimmedita… iżda hu fuq kollox l-Evanġelju li jżommni medhija waqt l-orazjoni tiegħi; fih insib dak kollu li hu meħtieġ għall-imsejkna ruħi ċkejkna. Dejjem nikxef fih dwal ġodda, tifsiriet moħbija u misterjużi”.  

Alla jinsab ġewwa fina

“Nifhem, u naf mill-esperjenza, li s-Saltna ta’ Alla qiegħda ġewwa fina. Ġesù ma għandu ebda bżonn ta’ kotba u lanqas ta’ dutturi biex jgħallem l-erwieħ; Hu d-Duttur tad-dutturi, jgħallem mingħajr il-ħoss ta’ kliem. Qatt ma smajtu jitlkellem, iżda nħoss li qiegħed ġewwa fija, f’kull waqt: imexxini, inebbaħni x’għandi ngħid jew nagħmel. Sewwasew fil-ħin li neħtieġhom, niskopri dwal li nkun għadni ma rajtx; u mhuwiex l-aktar waqt l-orazjoni li jkunu l-aktar abbundanti, imma aktarx fnofs il-ħidmiet tal-ġurnata tiegħi”.

Il-ħniena ta’ Alla

“X’ferħ ħelu meta taħseb li l-ħanin Alla hu Ġust, jiġifieri li jagħti kas tad-djugħfijiet tagħna, li jagħraf bis-sħiħ il-fraġilitajiet tan-natura tagħna. Mela min x’hiex għandi nibża’? A! Dak Alla ġust b’mod infinit, li għoġbu jaħfer b’tant tjieba l-ħtijiet kollha tal-iben il-ħali, ma għandux ukoll ikun Ġust miegħi li ‘jiena dejjem miegħU’”. Ix-xewqa tagħha li tkun vittma ta’ Olokawst lil Imhabbtek. “Li kieku kellek issib erwieħ li joffru lilhom infushom bħala vittma ta’ olokawstu lill-Imħabbtek, int kont itemmhom malajr”.

“Jidhirli li l-Imhabba ppenetrat fija u daret miegħi, jidhirli li f’kull waqt din l-Imħabba kollha Ħniena ġġeddidni, issaffi lil ruħi u ma tħalli ebda sinjal ta’ dnub, u għalhekk ma nistax nibża mil-purgatorju”, għax “in-Nar tal-Imħabba jqaddes iktar minn dak tal-purgatorju, naf li Ġesù ma jistax jixtieqilna tbatija bla siwi”.    

 

  


  

Manuskritt B (1896)

Ittra lil Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa

 

Kapitlu IX                 Il-vokazjoni tiegħi hi l-imħabba (1896)

 

Ittra 196

Dan il-Manuskritt B (test bi tnax il-paġna) li huwa magħruf bħala wieħed mill-aqwa kitbiet spiritwali ta’ kull żmien u ta’ kull reliġjon jiġi magħqud miegħu ittra li Tereża kienet kitbet biex tintroduċi dan it-test (ittra 196). Dan il-manuskritt jiġi miktub taħt ubbidjenza lejn oħtha Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa nhar it-8 ta’ Settembru 1896 (li minn naħa tagħha kellha l-permess ta’ Madre Gonżaga), fejn tintalab titkellem dwar 1) ħolma li kellha u 2) id-duttrina ‘tagħħa’. Fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira tal696, Tereża kellha diġa semmejna fid-daħla għal dawn in-noti l-ewwel sinjali tal-marda tagħha u tibda tneħħi d-demm. Kif rajna wkoll, nhar Għid il-kbir tidħol f’dalma li tibqa’ fiha sal-mewt.

 “Inti tlabtni”, tikteb lejn tmien ittra li tikteb lil oħtha Swor Marija “biex niktiblek il-ħolma tiegħi u ‘d-duttrina ċkejkna tiegħi’, kif issejħilha int.... (jiena u nikteb, huwa lil Ġesù li qiegħdha nkellem; dan hu eħfef għalija biex infisser ħsibijieti... U b’danakollu, jaħasra! xorta waħda hu ma espressi tassew ħażin)”.

“O għażiża Oħti! Int trid kieku tisma’ s-sigrieti li Ġesù jafda liċ-ċkejkna bintek….Taħsibx li jiena qiegħdha ngħum fil-faraġ, o, le! Il-faraġ tiegħi hu li ma jkollix faraġ fuq l-art. Mingħajr ma jsemma’ leħnu, Ġesù jgħallimni fil-moħbi, mhux bis-saħħa tal-kotba, għax jien ma nifhimx x’inkun qed naqra”. Il-qari tagħha hu “fil-ktieb tal-ħajja, fejn tinsab ix-xjenza tal-Imħabba! O! Iva! Din il-kelma ddoqq ħlejju għal widnejn ta’ ruħi, ma nixtieqx ħlief dik ix-xjenza. Wara li nkun tajt ġidi kollu għaliha, bħall-għarusa qaddisa, inqisni li ma nkun tajt xejn”.

“Nifhem hekk tajjeb li m’hemmx ħlief l-imħabba li tista’ tagħmilna miġjuba mill-ħanin Alla, li din l-imħabba hi l-ġid waħdieni li nixxennaq għalih. Ġesù jieħu pjaċir jurina t-triq waħdenija li tieħu għal din il-Ħuġġieġa Divina: din it-triq hija t-telqa ta’ tifel ċkejken li jorqod bla biża f’dirgħajn Missieru”.

“A! Li kieku l-erwieħ dgħajfa u imperfetti kollha kellhom iħossu dak li tħoss l-iżgħar waħda fost l-erwieħ kollha... lanqas waħda biss ma kienet taqta’ jiesha li tilħaq il-quċċata tal-muntanja tal-imħabba, ladarba Ġesu ma jitlobx għamejjel; iżda biss it-telqa u l-gratitudni”. Alla “ma għandu ebda ħtieġa tal-għemejjel tagħna, imma biss tal-imħabba tagħna.... Ġesù għandu l-għatx: ma jiltaqax għajr ma nies ingrati u indifferenti fost id-dixxipli tad-dinja; u fost id-dixxipli tiegħU stess, jaħasra! ftit isib qlub li jintelqu fih għalkollox, li jifhmu t-tenerezza kollha tal-Imħabba infinita tiegħU”.”Insib li int għandek raġun li żżomm is-skiet, u huwa biss biex nogħġob lilek li qiegħda nikteb dawn il-linji, għax inħoss li ma jistax ikun li ntenni bi kliem tal-art is-sigrieti tas-Sema; u mbagħad, wara li nkun ħażżejt paġni fuq paġni, insib li nkun lanqas biss bdejt. Hemm tant oriżżonti differenti, tant tiżwin ta lwien mhux xorta u bla qies”.

 

It-Triq iż-żgħira tat-Tfulija Spiritwali

Il-Ħolma

“O Ġesù, Maħbub tiegħi, Min jista’ jgħid b’liema tenerezza, b’liema ħlewwa, qiegħed tmexxi lir-ruħ ċkejkna tiegħi?!, ukoll jekk “it-tempesta kienet qed tkarwat b’qawwa kbira f’ruħi minnn dakinhar tal-festa sabiħa tat-trijonf tiegħek, il-festa tiddi tal-Għid”. “U fit-tempesta marret għajejha biha”.

F’din il-ħolma profetika, Tereża rat tliet sorijiet karmelitani lebsin il-kappa u l-velu kbir tagħhom li kienu ġejjin mis-Sema. Waħda minnhom kienet il-Beata Anna ta’ Ġesù li tbismitilha. Tereża titlobha jekk Alla hux kuntent bl-għemejjel ċkejknin tagħha, u hi rrisponditha li Hu kien kuntent. Tifhem li “t-tliet privileġġi huma tabilħaqq il-vokazjoni tagħha: Karmelitana, Għarusa u Omm”. Tereża kienet tixtieq li tkun għarusa, Karmelitana u omm tal-erwieħ, u f’din il-ħolma dawn it-tliet xewqat huma nkorporati. Xewqat kbar ibaqbqu fiha

“B’danakollu inħoss ġewwa fija vokazjoni oħra, inħoss il-vokazjoni ta’ Gwerriera, ta’ Saċerdot, ta’ Appostlu, ta’ Duttur, ta’ Martri; fl-aħħar nett, inħoss il-ħtieġa, ix-xewqa li nwettaq għalik, Ġesù, l-għemejjel kollha l-aktar erojċi... Inħoss f’ruħi l-kuraġġ ta’ Kruċjat, ta’ Gwardja tal-Papa; irrid kieku mmut fil-kamp tal-battalja għad-difiża tal-Knisja...”. “O Ġesù, imħabba tiegħi, ħajja tiegħi... kif sejra ngħaqqad flimkien dawn il-kuntrasti? ....Minkejja ċ-ċokon tiegħi, jiena irrid kieku ndawwal l-erwieħ bħal Profeti u d-Dutturi; għandi l-vokazzjoni li nkun Appostlu....irrid kieku nkun missjunarja....irrid kieku, o Maħbub Salvatur tiegħi, irrid kieku nxerred demmi għalik sal-aħħar qatra......il-Martirju, huwa l-ħolma ta’ żgħożiti; din il-ħolma kibret miegħi fil-kjostru tal-Karmelu...iżda hawn ukoll, inħoss il-ħolma tiegħi hija bluha, għax ma nafx nillimita ruħi li nixtieq għamla waħda ta’ martirju...Biex naqta’ xewqti, kont kieku neħtieġhom kollha”.

B’danakollu hi taf kemm hija dgħajfa, imma “minħabba l-istess dgħufija tiegħi, int għoġbok Mulej, taqta’ x-xewqat żgħar u infantili tiegħi, u llum trid taqta xewqat oħra, akbar mill-univers”.

F’San Pawl (1 Kor 12-13) tiskopri l-vokazjoni tagħha

 “Ftaħt l-ittri ta’ San Pawl biex infittex xi tweġiba. Waqgħu taħt għajnejja l-kapitlu 12 u 13 tal-Ewwel Ittra lil Korintin... Hemm qrajt li mhux kollha nistgħu nkunu appostli, profeti, dutturi eċċ li l-Knisja hi magħmula minn membri differenti u li l-għajn ma tistax tkun l-id ukoll”.

“It-tweġiba kienet ċara, iżda ma qatgħetlix ix-xewqat tiegħi, ma tatnix paċi... Mingħajr ma qtajt qalbi, komplejt il-qari tiegħi, u din il-frasi farġitni: ‘Intom ħabirku għal doni l-aktar perfetti, imma jiena nurikom triq li tgħaddihom kollha’. U l-Appostlu jfisser kif id-doni kollha l-aktar perfetti mhuma xejn mingħajr l-imħabba... li l-Imħabba hi t-triq eċċellenti li tieħu għand Alla. Sa fl-aħħar kont sibt il-mistrieħ... jiena u nqis il-ġisem mistiku tal-knisja, ma għaraft lili nnifsi f’ebda wieħed mill-membri mfissrin minn San Pawl, jew aħjar ridt nagħraf lili nnifsi fihom kollha. L-Imħabba tatni ċ-ċavetta tal-vokazjoni tiegħi. Fhimnt li, jekk il-Knisja kellha ġisem magħmul minn membri differenti, l-aktar wieħed meħtieġ, l-aktar nobbli minnhom kollha ma kienx jonqosha; fhimnt li l-Knisja kellha Qalb, u li din il-Qalb kienet taħraq bl-Imħabba. Fhimnt li l-Imħabba biss kienet tħaddem il-membri tal-Knisja... fhimnt li l-Imħabba kienet tiġbor fiha l-vokazjonijiet kollha, li l-Imħabba kienet kollox, li kienet tħaddan iż-żminijiet kollha u l-imkejjen kollha... f’kelma waħda li hi Eterna.... O Ġesù, Imħabba tiegħi... il-vokazjoni tiegħi sa fl-aħħar sibtha, il-vokazjoni tiegħi hi l-Imħabba”.

“Iva sibt posti fil-Knisja, u dan il-post, o Alla tiegħi, huwa int li kont tajthuli... Fil-Qalb tal-Knisja, Ommi, jiena nkun l-Imħabba... B’hekk inkun kollox... u b’hekk isseħħ il-ħolma tiegħi!!!...”.

Tereża skopriet is-sigriet “kif nagħmel tiegħi l-fjamma tiegħek”, int li int “Fanal imdawwal tal-imhabba”. “Jiena m’iniex ħlief tifla, dgħajfa u bla ħila, b’danakollu hija l-istess dgħufija tiegħi li tagħtini l-ardir li noffri lili nnifsi bħala Vittma lill-imħabba tiegħek”. Huwa minnu li qabel, meta kienet tirrenja l-liġi tal-biża, kienu biss vittma safja u perfetti li kienu jiġu milqugħha, imma issa “ġiet il-liġi tal-imħabba u l-Imħabba għażlitni bħala olokawstu”. Issa “l-imħabba ma titħallasx ħlief bl-imħabba. Għalhekk, jien fittixt u sibt kif inserraħ qalbi billi nroddlok Imħabba għal Imħabba”.

Titlob lil Qaddisin tas-Sema biex jadottawha

Titlob għalhekk lil Qaddisin tas-Sema biex jadottawha bħala l-bint ċkejkna tagħhom u jiksbulha l-imħabba doppja li huma kienu jgħixu (ddur lejhom għax taf kemm l-imħabba tagħhom hi kbira). Tereża tħoss li tista’ tażżarda ddur lejn il-Qaddisin u tagħmel din it-talba għax “it-tfal ma jqisux sa fejn iwassal kliemhom”, u l-ġenituri “ma joqgħodux jaħsbuha darbtejn biex jaqtgħu x-xewqat tal-ħlejjaq ċkejknin tagħhom”.

Tereża titlob l-imħabba

Għax BINT il-Knisja, Tereża ddur lejn din is-Sultana u Gharusa tiegħek u tagħmel it-talba tagħha. Tereża ma titlobx il-glorja, għax il-glorja tagħha se tkun dik li tleħħ mil-knisja nnifisha. Tereża taf li l-għemmejjel li jlellxu huma pprojbiti għalih, ma jistax ixandar l-Evanġelju, ixerred demmu… imma x’jinporta? Ħutu qed jaħdmu minfloku, u hu tifel ċkejkenm, jibqa’ qrib ħafna tat-tron tas-Sultan tas-Sultana, u jħobb għal ħutu li qegħdin jissieltu. titlob biss l-imħabba”.

Is-sagrifiċji ż-żghir tal-ħajja ta’ kulljum

Imma kif se jagħti Xhieda ta’ Mħabbtu, ladarba l-Imħabba tidher fl-għemil?” Hija tagħmel dan billi tixħet il-fjuri fuq it-tron irjali, “billi ma nħalli jaħrabli ebda sagrifiċċju zgħir, ebda ħarsa, ebda kelma, napprofitta mill-affarijiet kollha l-iktar ċkejknin u ngħamilhom b’imħabba… Irrid inbati b’imħabba u saħansitra nifraħ b’imħabba; u b’hekk nixħet il-fjuri quddiem it-tron tiegħek”.

B’danakollu “Ġesù, x’jiswewlek il-fjuri tiegħi? A?! Jiena naf tajjeb: din ix-xita mfewħa, dawn il-petali fraġli u bla ebda siwi, dan il-kant ta’ mħabba mill-iċken fost il-qlub, lilek issaħħruk. Iva dawn ix-xejnijiet jagħtuk gost, jagħmlu titbissem lil Knisja Trionfanti; hija tiġbor il-fjuri tiegħi miftuħa petala petala b’imħabba, u waqt li tgħaddihom mill-Idejn divini tiegħek, o Ġesù, din il-Knisja tas-Sema, billi trid tilgħab mat-tifel ċkejken tagħha, tixħet hija ukoll dawn il-fjuri li jkunu kisbu –bil-mess divin tiegħek- valur infinit, u tixħethom fuq il-Knisja sofferenti biex titfilha l-fjammi, titfagħhom fuq il-Knisja militanti biex iġġibilha r-rebħa”.

Għasfur ċkejken, imma b’għajnejn u qalb ta’ Ajkla

Tereża hija mxennqa għal ċaqliqa ta’ mħabba safja. Din għaliha hija aktar imfittxa mill-għemejjel l-oħra kollha miġbura flimkien. “Għalhekk ħallini ngawdi l-ħlewwiet tal-imħabba matul l-eżilju tiegħi!... Ħallini ntiegħem l-imrar ħelu tal-martirju tiegħi!...”.

Imma Tereża ssaqsi lilha nnifisha: imma “kif tista’ ruħ tant inperfetta bħal tiegħi tixxennaq li tilħaq il-milja tal-Imħabba?” Kif hi li m’ijiex aklja, imma “għasfur ċkejken u dgħajjef miksi biss bi ftit rix ħafif” taspira għal dan? Huma l-ajkli li jmisshom jaspiraw għal doni daqtsant kbar. “M’iniex ajkla: tagħha għandi biss l-għajnejn u l-qalb għax, minkejja ċ-cokon għall-aħħar tiegħi, nażżarda mwaħħal harsti fix-Xemx divina, ix-Xemx tal-Imħabba, u qalbi tħoss l-aspirazjonijiet kollha tal-Ajkla...”.

Il-ħniena ta’ Alla, li jara ċ-ċokon tagħha li jħenn għaliha

 “L-għasfur ċkejken irid kieku jtir lejn din ix-Xemx”, b’danakollu “kulma jista’ jagħmel hu li jerfa’ kemmxejn il-ġwienaħ żgħar tiegħu imma li jtir mhix fis-setgħa zgħira tiegħu!”[1]. B’danakollu l-għasfur ma jaqtax qalbu, “xejn mhu se jbeżżgħu, la r-riħ u lanqas ix-xita. U jekk sħab iswed jiġi jaħbilu l-Kewkba tal-Imħabba, l-għasfur ċkejken ma jbiddilx postu, jaf li, ‘l hemm mis-sħab, ix-Xemx tiegħu tibqa’ tiddi dejjem”, anki jekk dan l-għasfur ċkejken għalkemm “ma jistax itir fil-gholi bħall-ajkla”, spiss jispiċċa “jerġa’ jedha bil-ħmerijiet tal-art”, bħal per eżempju “tħalli lilha nnifisha tiġi distratta xi ftit mil-ħidma waħdanija tagħha, tnaqqar xi żerriegħa żgħira mil-lemin u mix-xellug, tiġri wara xi dud żgħir”, jew jekk isib għadira jmur ixarrab il-ġwejnaħ ċkejknin tiegħu, u jekk jilmaħ xi fjura jmur jedha b’dik il-fjura. Imbagħad, b’sempliċita’ kbira “idur lejn ix-Xemx maħbuba tiegħu, iqiegħed il-ġwienaħ żgħar u mxarrbin tiegħu għar-raġġi fejjieda tagħha, jitniehed bħal ħuttafa, u bl-ghanja ħelwa tiegħu jistqarr, isemmi bir-reqqa l-infedeltajiet tiegħu; waqt li fit-telqa sfieqa tiegħu jaħseb li b’hekk sejjer jikseb influwenza akbar, u jiġbed fuqu aktar bis-sħiħ l-imħabba ta’ Dak li ma ġiex biex isejjaħ il-ġusti, iżda l-midimbin”.

Proprju għax żgħir, dan l-għasfur jagħmel kuraġġ. “x’kien isir minnu li kieku kien kbir? Qatt ma kien ikollu l-ardir li jidher quddiemek, li jongħos quddiemek”. Dan l-għasfur ċkejken hu protett mill-Ajkla Eterna, li jipproteġiha mill-avvultuni (xbieha tad-demonju.

Biex tasal biex twettaq dan kollu, dan il-ġenn kollu, kifi sejjaħlu hi nnifsa, “nittama li l-imħabba tiegħek tilqagħni bħala vittma… Il-ġenn tiegħi jinsab f’li nitlob bil-ħniena lill ħuti l-Ajkli li jaqalgħuli l-grazzja li ntir lejn ix-Xemx tal-Imħabba bl-istess ġwienaħ tal-Ajkla Divina”.

Alla qiegħed jagħni lil Tereża b’dawn id-doni kollha proprju għax hi l-iċken fost iċ-ċkejknin. “Kieku int kellek issib ruħ iktar dgħajfa, iktar ċkejkna minn tiegħi –ħaġa li ma tistax tkun-, kieku int kont titgħaxxaq tfawwarha b’favuri akbar ukoll, jekk hi tintelaq b’fiduċja sħiħa fil-ħniena infinita tiegħek”. “Għal dan m’għandix għalfejn nikber; bil-maqlub, jeħtieġ li nibqa’ ċkejkna”.

  


 

Manuskritt Ċ (1897)

Manuskritt iddedikat lil Madre Marija Gonzaga

 

Daħla

Dan il-manuskritt magħmul minn żewġ kapitli insibu l-prova tal-fidi ta’ Tereża, u hu ndirizzat lil Madre Gonżaga. Meta Madre Anjeże (oħtha Pauline jiġifieri) rat li Tereża kienet sejr allura f’saħħitha b’pass mgħaġġel, kellmet lil Madre Gonżaga u spjegjatilha dwar dak li Tereża kienet kitbet taħt ubbidjenza, imma spjegatilha wkoll li f’dak it-test ma kienx hemm wisq dettalji biex eventwalment Madre Gonżaga tikteb l-ittra Ċirkolari li kienu jiktbu wara l-mewt ta’ reliġjuża. Għalhekk Madre Gonżaga titlob lir-reliġjuża biex tikteb aktar fuq l-istat interjuri tagħha. Tereża kienet ilha taf lil Madre Gonżaga sa’ mill-eta’ ta’ disgħa snin. Hija dejjem emmnet fil-vokazjoni ta’ Tereża, u mxiet magħha bħala omm, anki jekk wriet ruħha ħarxa ma’ Tereża fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha. “Maħbuba Madre, hemm jum ieħor (minbarra dak tal-Professjoni) li fih ruħi ntrabtet jerġa’ iktar ma’ tiegħek, jekk dan jista’ jkun. Dan kien il-jum li fih Ġesù għabbiek mill-ġdid bil-piż tas-superjorat”. “Ħafna mis-sorijiet jaħsbu li inti tfissidni, li minn x’ħin dħalt fl-arka qaddisa, jiena ma rċevejtx mingħandek ħlief żegħil u kumplimenti, imma mhux hekk”.

Titkellem ukoll f’dawn iż-żewġ kapitli dwar l-ewwel sintomi tal-marda tagħha u dwar id-dalma tal-fidi li kienet qiegħdha tgħix.

 

Kapitlu X                   Il-prova tal-fidi (1896 - 1897)

 

Nida flok l-abbundanza tal-ilma tax-xita

“Minn sena u nofs ‘l hawn Ġesù ried ibiddel il-mod kif ikabbar il-fjura ċkejkna tiegħu. Bla dubju huwa sabha msoqqija biżżejjed għaliex issa hija x-xemx li tkabbarha.... Din ix-xemx ħelwa mhux talli tagħmel li fjura ċkejkna tidbiel, talli tkabbarha b’mod tal-għaġeb; fil-qiegħ tal-kalċi tagħha hija terfa’ l-qtar prezzjuż tan-nida li rċeviet, u dan ifakkarha dejjem li hija żgħira u dgħajfa... Il-ħlejjaq kollha jistgħu jmilu lejha, jammirawha, jimlewha bit-tifħir tagħhom”. Dawn l-erwieħ issa joqgħodu “b’sebgħa għajnejn biex” din “in-nida li hija mimlija biha” li hi “tant delizzjuża”, “ma tibdilhiex mal-ilma hekk bla togħma tal-kumplimenti”. Għalhekk “ir-raġġi dgħajfa taż-żerniq għamlu issa wisa’ għas-sħana tikwi ta’ nofsinhar”. Hekk tiddistingwi Tereża bejn ż-żmien ta’ qabel u din l-aħħar prova li ġiet fuqha.

Differenza minn ruħ għal ruħ

“O Madre, kemm huma differenti t-triqat li minnhom il-Mulej imexxi l-erwieħ! Fil-ħajja tal-Qaddisin, naraw li hemm bosta minnhom li ma riedu jħallu xejn tagħhom wara mewthom, lanqas l-iċken tifkira, lanqas l-inqas kitba. Bil-maqlub, hemm oħrajn, bħall-Omm tagħna Tereża, li għanew il-knisja bir-rivelazjonijiet sublimi tagħhom”. It-tnejn huma tajbin sakemm ir-ruħ ma tfittixx ħlief ir-rieda ta’ Ġesù”. Għalhekk Tereża tobdi lil Madre Gonżaga u kitbet din l-istorja ta’ ruħ.

Xewqa li ssir Qaddisa u allura l-intuwizjoni ta’ dirgħajn Alla li jintużaw bħala ‘lift’

“Jiena dejjem xtaqt inkun qaddisa, iżda jaħasra meta qabbilt lili nnifsi mal-qaddisin, dejjem għaraft li bejnhom u bejni hemm l-istess differenza li tgħaddi bejn muntanja li l-quċċata tagħha tintilef fis-smewwiet u l-farka ramel skura mgħaffġa taħt is-saqajn ta’ min ikun għaddej. Minflok ma qtajt qalbi, għidt bejni u bejn ruħi: il-ħanin Alla mhux sejjer inissel xewqat li ma jistgħux iseħħu”. Huwa f’dan il-kuntest li Tereża ssemmi l-lift, liema “lift li għandu jerfagħni sas-Sema huma dirgħajk”.

Sotto Majistra tan-novizzi

Tereża tifhem sew, li “l-ħanin Alla ma jeħtieġ lil ħadd biex jagħmel il-ġid fuq l-art”. Tereża tiġi afdata minn Madre Gonżaga u mil-komunita’ biex taqdi l-uffiċju ta’ Sotto Majjistra man-Novizzi. Dan uffiċjalment jibda nhar il-21 ta’ Marzu 1896. Jidher li Tereża ma kienetx aċċettat it-titlu ta’ Majjistra bi prudenza lejn il-Prijura u l-komunita’. Meta ġiet magħżula hi, Tereża tintebah li ma ġietx segwita r-regola tad-dinja, fejn l-esperjenza titkejjel skond is-snin. Darba Madre Gonżaga lil Tereża tgħidilha li l-ħanin Alla kien qiegħed idawwlilha ruħha u li “jagħtini saħansitra l-esperjenza tas-snin”. Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa tixhed kif Tereża “kienet ‘tarbija’ li tħares fit-tul u li kellha mix-xjuħ”.

L-uffiċju ta’ Tereża kien jikkonsisti li “immur sikwit nirgħahom għad-dell, nindikalhom l-aħjar ħxejjex u li jsaħħu l-iktar, nurihom il-fjuri jlellxu li ma għandhom qatt imissu jekk mhux biex jisħquhom taħt saqajhom....”.  

Tereża turi l-apprezzament lejn Madre Gonżaga li fdatha b’din il-misjoni delikata ta’ Sotto Majistra.

Il-prova tal-fidi li titfagħha kompletament f’Alla

Tereża ma setgħetx taħbi minn Madre Gonżaga l-prova li kienet għaddejja minnha, anki jekk minn barra kienet tagħti l-impressjoni differenti. Tant li tikteb: “li kieku l-prova li qed inġarrab minn sena ‘l hawn kellha tidher f’għajnejn ħaddieħor, xi stagħġib!”.

Il-bidu ta’ din il-prova

Tibda għalhekk tispjega kif fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira 1896, tneħhi għall-ewwel darba d-demm (minħabba l-marda tat-Tuberkolosi). “Ruħi mtliet b’faraġ kbir, kont tassew konvinta li Ġesù, fil-jum li jfakkar mewtu, ried isemmagħli l-ewwel sejħa. Kien bħal ħoss ħelu u mbiegħed li jħabbarli l-wasla tal-Għarus”. “Fil-fatt, kelli l-faraġ li ngħaddi l-jum tal-Ġimgħa l-kbira kif xtaqt jiena”. L-istess ġralha fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa l-kbira u Sibt il-Għid, “F’dak iż-żmien kont qiegħdha ngawdi fidi hekk ħajja, hekk ċara, illi l-ħsieb tas-Sema kien sarli l-hena kollu tiegħi; ma stajtx nemmen li seta’ jkun hemm nies irreverenti li ma għandhomx fidi, illi bl-abbuż tal-grazzji, jitilfu dan it-teżor prezzjuż”.

Nhar Għid il-kbir imbagħad tidħol “fid-dlamijiet l-aktar sfiqa”, b’tentazjonjiet li jibqgħu sejrin sa mewtha. Taqa’ f’lejl mudlam, fejn l-unika dawl kien dak li jilma mill-għajnejn imbexxqa tal-Imsallab.

Dawk li jkunu dejjem għexu f’pajjiż kollu ċpar (dawk li ma jagħrfux lil Alla)

Tispjega b’eżempju dwar kif persuna li titwieled f’pajjiż kollu ċpar oħxon u li qatt għalhekk ma tkun ikkontemplat “id-dehra mbissma tan-natura, mfawra, mibdula mix-xemx tiddi”. Hekk dawk ‘il bogħod minn Alla, ma jaslu qatt li jifhmu min tassew hu Alla u l-imħabba tiegħu lejna. “Li kienu dawk kollha li bl-ebda mod mhuma mdawla mit-torċa mixgħula tal-fidi, sa fl-aħħar jarawha tiddi!”. Tereża lesta li tibqa’ fuq din il-mejda jekk dan iwassal li din “il-mejda mtebbgħa minnhom tissaffa minn ruħ li tħobbok, irrid li nkun jiena li niekol waħdi l-ħobż tat-tiġrib sa ma jogħġbok iddaħħalni fis-Saltna mdawla tiegħek”. Għad li Tereża titlob ħaġa essenzjali, li “qatt ma noffendik”.

Tereża dejjem ħolmot (bħal Kristoforu Kolombu) li hemm “dinja ġdida”, li hemm “reġjun isbaħ”, “ħassejt li, xi darba, art oħra għad tkun l-għamara fissa tiegħi”.

Hi stess tispiċċa f’din id-dalma

Imma hekku li meta l-inqas li kienet tistenna “f’daqqa waħda ċ-ċpar ta’ madwari jsir aktar sfieq, jinfed f’ruħi u jkebbibha b’tali mod li ma nkunx nista’ nerġa nsib fiha x-xbieha hekk ħelwa tal-veru pajjiż; kollox għeb. Meta nkun irrid inserraħ qalbi għajjiena mid-dlamijiet li jdawluha, billi niftakar fil-pajjiż imdawwal li nixxennaq għalih, it-turment tiegħi jsirli d-doppju”.

“Meta nkun irrid inserraħ qalbi għajjiena mid-dlamijiet li jdawruha, billi niftakar fil-pajjiż imdawwal li nixxennaq għalih, it-turment tiegħi jsirli d-doppju. Jidhirli li d-dlamijet waqt li jiddieħku bija, jgħiduli: ‘Int qed toħlom bid-dawl, b’pajjiż imfewwaħ bl-ifjen fwejjaħ; qed toħlom li jkollok għal dejjem il-Ħallieq ta’ dawn l-għeġubijiet kollha; temmen li xi darba għad toħroġ miċ-ċpar li hemm madwarek! imxi, ifraħ bil-mewt li għad tagħtik, mhux dak li qed tittama, iżda lejl jerġa aktar profond: il-lejl tax-xejn... imma ma rridx nibqa’ nikteb fit-tul: nibża li forsi nkun qed nidgħi... anzi nibża’ li ġa għedt iżżejjed...”.  

Waqt li fiċ-ċpar tqawwi l-fidi tagħha

“Jiena nemmen li minn sena ‘l hawn għamilt aktar atti ta’ fidi milli għamilt tul ħajti kollha. Ma kull okkażjoni ġdida ruħi ta’ għat-taqbid, meta l-għedewwa tiegħi jiġu jinbxuni, inġib ruħi ta’ waħda qalbiena. Billi naf li hija vilta’ li tiġġieled fi dwelli, nagħti dahri lill-avversarji tiegħi[2] bla ma nindenja nħares lejn wiċċhom, imma mmur niġri għal għand Ġesù tiegħi u ngħidlu li jiena lesta nxerred sal-aħħar qatra ta’ demmi biex nistqarr li hemm Sema. Ngħidlu li jiena kuntenta li fuq l-art ma ngawdix dan is-Sema sabiħ ħalli Huwa jiftħu għall-eternita’ lill-imsejkna li ma jemmnux. U hekk, minkejja din il-prova li tneħħieli l-ferħ kollu, xorta waħda nista’ ngħajjat: ‘Mulej, int timlieni bil-ferħ’”. Tereża kuntenta b’din il-prova tal-fidi, jekk dan iwassal biex “nwaqqaf jew inpatti għal ħtija waħda biss magħmula kontra l-Fidi”. Madre Anjeże tagħti eżempju ta’ persuni li Tereża kienet toffri it-tbatija kkaġunata minn din il-prova ta’ fidi.

“Madre maħbuba, forsi nidhirlek li qed nesaġera l-prova tiegħi... b’danakollu... dan mhuwiex aktar velu għalija, huwa ħajt li jibqa’ tiela’ sas-smewwiet u jgħatti l-firmament mimli kwiekeb... Meta ngħanni l-hena tas-Sema, il-possessjoni eterna ta’ Alla, ma nħoss fija ebda ferħ, għax ngħanni sempliċement dak li rrid nemmen”.

Tikkonsla imma li Alla bgħatilha din “il-prova eżatt fil-mument li fih għandi s-saħħa li nġerraħha”. “Fhimnt li saħansitra fil-Karmelu jista’ jkun hemm ukoll xi firdiet, li fis-Sema biss l-għaqda tkun sħiħa u eterna; għalhekk jiena ridt li ruħi tgħammar fis-Smewwiet, li hi ma tħarisx lejn il-ħwejjeġ tal-art jekk mhux mill-bogħod”. Ssemmi hawn kemm kien jiswa’ għalija li tgħix taħt l-istess saqaf ma’ ħutha. “Qalbi ħabrittni tajjeb illi li tgħix ma ħutek kellu jġib tbatija bla heda meta ma tkun trid tikkuntenta f’xejn lin-natura”.

“Din il-prova ma kellhiex iddum xi ftit jiem, jew xi ftit ġimgħat; kellha tieħu biss sas-siegħa magħżula mil-ħanin Alla... u din is-siegħa għadha ma waslitx. Nixtieq nista’ nfisser dak li qiegħda nħoss, imma jaħasra! naħseb li ma jistax ikun. Trid tkun ivvjaġġajt min taħt din il-mina mudlama biex tifhem id-dlam tagħha”.

Xewqa li tmur il-missjoni

Fl-1859 il-Franċiżi kienu ħadu taħt idejhom dak li llum insibuh bħala Vitenam. Sentejn wara l-komunita’ ta’ Lisieux kienet qiegħdha tħejji biex twaqqaf monasteru ġewwa Saigon (illum Vietnam). Waħda mis-sorijiet li kienet waħda minn tal-ewwel li marret hemm, kienet ġiet lura u Tereża għexet magħha. F’Awissu tal696, il-komunita’ ta’ Saigon talbet lil komunita’ ta’ Lisieux biex jibgħatu aktar għajnuna. Madre Gonżaga li kienet għadha kif ġiet eletta Prijura, kienet se tibgħat lil Madre Agnese u fuq il-lista kien hemm anki Ċelina u kuġiniethom Marie kienu se jintbagħtu (li kieku mhux marida anki Tereża kienet lesta tmur), imma ħadd mill-familja Martin ma spiċċaw marru Saigon. B’danakollu “għall-imħabbtek nilqa’ kollox; jekk int trid, jien nixtieq ħafna nsofri sa ma mmut bid-dispjaċir”.

Anzi Tereża nnifisha jekk “il-Verġni Mqaddsa tfejjaqni, inħalli l-oasi ħelwa fejn qed ngħix hekk kuntenta taħt il-ħarsa tiegħek ta’ omm biex immur f’art barranija”. Madre Gonżaga hi tal-opinjoni li Tereża kellha din il-“vokazzjoni speċjali” li tmur fil-missjoni, anki jekk dan il-pass kien se jħalliha “midruba”. “Aċċettajt li neżilja ruħi f’nofs poplu li ma nafx, imma li dak li kien morr ħafna iżjed għalija: aċċettajt l-eżilju għal ħuti”.

Hija tixtieq li tmur il-missjoni biex tkun minsija kompletament, “noħlom b’monasteru fejn ma jkunux jafuni, fejn ikolli nsofri l-faqar, in-nuqqas ta’ affett u, fl-aħħar mill-aħħar, l-eżilju tal-qalb”. “L-għan waħdieni tiegħi, mela, ikun li nwettaq ir-rieda tal-ħanin Alla, li nissagrifika lili nnifsi għaliH kif jogħġob lilU”.

“Huwa tani l-ġibda għal eżilju sħiħ, Huwa fiehmni t-tbatija kollha li stajt niltaqa’ magħhom, waqt li saqsieni jekk jien ridtx nixrob dan il-kalċi sal-qiegħ nett. Jien mill-ewwel ridt naħtaf dak il-kalċi li Ġesù kien qiegħed jippreżentali, imma Hu, waqt li ġibed idu lura, urieni li kien biżżejjed għaliH li jiena aċċettajt”.

Il-qawwa tal-ubbidjenza

 “O Madre, minn kemm inkwiet neħilsu meta nagħmlu vot tal-ubbidjenza! Kemm huma ħienja r-reliġjużi sempliċi! Billi l-boxxla waħdanija tagħhom tkun ir-rieda tas-superjuri, huma dejjem żguri li qegħdin fit-triq it-tajba; ma għandhomx għal xiex jibżgħu li sejrin jiżbaljaw, imqar jekk jidhrilhom li s-superjuri żguri li qegħdin jiżbaljaw. Imma meta nieqfu milli nħarsu lejn il-boxxla infallibli, meta nitbiegħdu mit-triq li hija tgħidilna biex nimxu fiha, bi skuża li nagħmlu r-rieda ta’ Alla –liema rieda xi drabi ma tkunx iddawwal tajjeb lil dawk li, madankollu, qegħdin minfloka – ir-ruħ minnufih tintilef f’toroq niexfa fejn l-ilma tal-grazzja jonqosha malajr.

Madre maħbuba, int l-boxxla li Ġesù tani biex tmexxini fiż-żgur lejn ix-xtajta eterna. Kemm hi ħaġa ħelwa għalija li niffissa ħarsti fuqek u nagħmel, imbagħad, ir-rieda tal-Mulej! Minn mindu ppermetta li jiena nsofri mit-tentazjoni kontra l-fidi, hu kattar ħafna f’qalbi l-ispirtu tal-fidi, li jagħmel li jiena nara fik mhux biss Omm li tħobbni u li jiena nħobb, imma fuq kollox jagħmel li jiena nara lil Ġesù ħaj f’ruħek u li permezz tiegħek jgħarrafni r-rieda tiegħU”. Tereża żżid li “mħabbti għalik ma kienet se tonqos xejn kieku kellu jogħġbok timxi miegħi bl-aħrax, għax xorta waħda kont nara r-rieda ta’ Ġesù li jagħmlek iġġib ruħek b’dan il-mod għall-akbar ġid tar-ruħ”.

Is-sinifikat sħiħ tal-imħabba: tħobb lill-aħwa bħalma jħobbhom Kristu nnifsu

“Din is-sena, għażiża Madre, il-ħanin Alla tani l-grazzja li nifhem x’inhi l-imħabba. Qabel kont nifhimha, huwa minnu, imma b’mod imperfett: ma kontx dħalt fil-fond ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù: ‘it-tieni kmandament jixbah lill-ewwel wieħed: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Jiena ngħatajt li fuq kollox biex inħobb lil Alla u, meta ħabbejt lilU, fhimnt li mħabbti ma kellhiex tissarraf biss fil-kliem: ‘Għax mhux kull min igħidli Mulej, Mulej! Jidħol fis-saltna tas-Smewwiet”.

“Ġesù kif ħabb lid-dixxipli tiegħU, u għaliex ħabbhom? A! Ma kinux il-kwalitajiet naturali tagħhom li setgħu jiġbduh lejhom, bejnhom u bejna kien hemm bogħod bla qies: Huwa kien xjenza, l-Għerf etern, waqt li huma kienu sajjieda msejkin, injoranti u mimlijin bi ħsibijiet tal-art. B’danakollu Ġesù jsejħilhom ħbiebu, ħutu, irid jarhom isaltnu miegħU fis-Saltna ta’ Missieru u, biex jiftħilhom din is-saltna, irid imut fuq salib”.

“Fhimnt kemm kienet imperfetta mħabbti għal ħuti s-sorijiet, rajt li ma kontx inħobbhom bħalma jħobbhom il-ħanin Alla. A! Issa nifhem li l-imħabba perfetta tinsab f’li ġġerrah id-difetti tal-oħrajn, ma toqgħodx taħseb bid-dgħufijiet tagħhom, tedifika lilek innifsek bl-iċken atti ta’ virtu li tarhom jitħarġu fihom; imma, fuq kollox, fhimnt li l-imħabba bl-ebda mod ma għandha tibqa’ magħluqa fil-qiegħ tal-qalb”.

Ġesù ma jitlobx li aħna “nħobbu lil għajrna bħalna nfusna, imma biex inħobbu bħalma ħabb Hu”, u il-Mulej “ma jikkmanda xejn li ma jistax isir”. Imma dan jista’ jsir rejalta’ jekk “int innifsek, o Ġesù ma tħobbhomx ukoll fija”. “Meta nħobb lil-oħrajn, huwa Ġesù waħdu li jkun qed jaħdem fija; iktar ma nkun magħquda miegħU, iktar inħobb ukoll lil ħuti kollha”.

“Meta d-demonju jfittex li jġib quddiem l-għajnejn ta’ ruħi d-difetti ta’ din jew dik is-soru li tinżilli inqas, ngħaġġel infittex il-virtuwijiet tagħha, ix-xewqat tajba tagħha; ngħid lili nnifsi li jekk jiena rajtha taqa’ darba, hi seta’ kellha għadd kbir ta’ rebħiet li hi taħbi b’umilta’”.

“Għalhekk ngħid ma’ San Pawl: ‘Ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minn xi tribunal tal-bnedmin. Anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi, hu l-Mulej li jiġġudikani”.

“Tista’ forsi taħseb li t-taħriġ tal-imħabba lejn l-oħrajn mhuwiex diffiċli għalija. U hekk hu minn xhur ‘l hawn ma għandiex għalfejn nitqabad aktar biex nistħarreġ f’din il-virtu sabiħa. B’daqshekk ma rridx ngħid li ma jiġrili qatt li naqa’ fin-nuqqasijiet... iżda ma nsibhiex bi tqila biex nerġa’ nqum meta nkun waqajt”. Isemmi per eżempju “soru li għandha t-talent li ddejjaqni f’kollox. Il-maniji tagħha, kliemha, il-karattru tagħha narahom ma jogħġbuni xejn. B’danakollu hija soru qaddisa li żgur għandha togħġob lill-ħanin Alla... għidt bejni u bejn ruħi li l-imħabba ma għandhiex tikkonsisti fis-sentimenti iżda fl-għemil... kull darba li kont niltaqa’ magħha, kont nitlob lill-ħanin Alla għaliha, waqt li noffrilu l-virtuwijiet u l-merti kollha tagħha.... u Ġesù, l-Artist tal-erwieħ, ikun hieni meta ma niqfux fuq barra, imma li, waqt li nidħlu ‘l ġewwa sas-santwarju intimu li hu għażel b’għamara tiegħU, nammiraw dan il-ġmiel. Ma kienx biżżejjed għalija li nitlob ħafna għas-soru li kienet tqajjem fija tant taqbid; kont infittex ukoll li naqdiha kemm jista’ jkun, u meta tiġini t-tentazjoni li nweġibha b’mod spjaċevoli, kont inkun kuntenta nagħtiha l-aktar tbissima ħelwa tiegħi”, u meta din skantat u saqsietha: “x’inhu dak li jiġbdek daqstant lejja?”, Tereża wieġbet ġewwa qalbha li kien “Ġesù moħbi fil-qiegħ ta’ ruħha... Ġesù hu dak li jagħmel ħelu, dak li l-aktar morr”. Xi mindaqqiet taħrab meta ma tkunx kapaċi żżomm kollox ġewwa fiha.

Tereża lanqas tfittex li tiġġustifika lilha nnifisha, għax “bejni u bejn ruħi għidt li jekk nibda niġġustifika lili nnifsi żgur li ma kienx se jirnexxili nżomm il-paċi ta’ ruħi. Ħassejt ukoll li ma kellix virtù biżżejjed biex inħalli lil min jixlini mingħajr ma ngħid xejn. Għalhekk, l-aħħar tavla ta’ salvazjoni kienet il-ħarba. U mal-ħaġra t-tajn, qbadt u tlaqt bla daqq ta’ tamburi jew trombetti”.

“Bla dubju, fil-Karmelu ma tiltaqax ma’ għedewwa, imma fl-aħħar hemm is-simpatiji, tħossok tinġibed lejn it-tali soru, waqt li dik l-oħra ġġiegħlek tagħmel dawra ġmielha biex ma tiltaqax magħha; u b’hekk, mingħajr ma int anqas biss tkun taf, hija ssir suġġett ta’ persekuzjoni. Tajjeb, mela! Ġesù jgħidli li lil din is-soru jeħtieġ li nħobbha, li jieħtieġ nitlob ghaliha, ukoll meta l-imġiba tagħha twassalni biex nemmen li ma tħobbnix”.

“U mhux biżżejjed li tħobb; jeħtieġ li tippruvaha. Naturalment, inħossuna ferħanin meta nagħtu rigal lil xi ħadd, u fuq kollox inħobbu nagħtu xi sorpriża, imma dan bl-ebda mod mhi l-imħabba, għax il-midimbin ukoll jagħmluh”.

L-ispirtu ta’ faqar

X’ingħidu per eżempju għal meta xi ħadd jieħu minn dak li hu tiegħek? U “Ġesù ma jridx li nitlob lura dak li hu tiegħi; dan imissu jidhirli ħafif u naturali għalija ladarba xejn ma hu tiegħi; bil-maqlub, għandi nifraħ meta jiġrili li nħoss il-faqar”. Isemmi per eżempju meta jew ma ssibx ħwejjeġ marbuta mal-pittura, jew inkella jkunu ta’ taħt fuq, “il-paċenza tkun qrib li nitlifha, u jkolli naqbad il-kuraġġ tiegħi b’idejja it-tnejn biex ma nitlobx lura b’ton qares il-ħwejjeġ li jkunu neqsin”, u meta nagħmel din it-talba inkun “qiegħdha nġib ruhi tassew bħal fqar li joħorġu idhom biex jirċievu dak li jkunu jeħtieġu”. “U jekk jieħdu xi ħaġa li qiegħdha għall-użu tiegħi, m’għandix nuri ruħi li ddispjaċieni dwarha, imma bil-maqlub, għandi nidher kuntenta li nkun ħlist minnha”. Dan huwa l-ispirtu li Tereżina tixtieq tgħix.

L-attenzjoni tal-komunita’ u ta’ diversi sorijiet lejha bħala marida li ma jtuhiex ħin biex tikteb.

Swor San Stanislaw u Swor Ġenoveffa huma ż-żewġ infermiera li jagħmlu magħha ħafna u ħafna karita’, tant li “ma jibżgħux jagħmlu żewġ mili fejn għoxrin pass kienu jkunu biżżejjed”. Swor Marija tal-Inkarnazjoni hi dik li tieħu ħsieb ir-rabgħa, fejn Tereża kienet tkun fuq il-karozella tagħha. U ghalhekk Tereża tistqarr li kien kważi mpossibli li “nikteb għaxar linji mkingħajr ma niġi mfixkla”. “B’danakollu, għall-imħabba tal-ħanin Alla u ta’ ħuti s-sorijiet, infittex li jkolli bixra kuntenta, u fuq kollox li nkun hekk”. Hija kienet tagħlaq malajr il-pitazz tagħha, u lilhom tgħidilhom li kienet qiegħdha tikkopja xi salm għal Prijura.

Imħabba purament spiritwali

 “Meta l-imħabba tkun xeħtet għeruq profondi fir-ruħ, hija tidher fuq barra”. Taqdi b’dan il-mod lill-aħwa fil-komunita’ bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, u dan iwassal għal ħlas anki fuq din l-art stess. Din l-imħabba wieħed jgħixha per eżempju meta xi soru titolbok biex tgħinha u din twiegħdek li se tpattilek il-ħin misluf billi tgħinek wara hi nnifisha meta jkollok bżonn. Int bejnek u bejn ruħek tgħid aħjar intihulha dan il-ħin bla ma nistenna xejn lura, imma “dan jikkuntenta l-amor proprju tagħna, għax li nagħtu huwa aktar ġeneruż milli nsellfu”.

  

Kapitlu XI                 Dawk li int tajtni (1896 - 1897)

 

Il-qiegħan l-aktar misterjużi tal-imħabba

“Madre, Ġesù ta lil bintek din il-grazzja li tidħol ‘il ġewwa fil-qiegħan misterjużi tal-imħabba; li kieku kellha tesprimi dak li hija tifhem, kieku int kont tisma’ melodija tas-Sema”.

Kollox hu mogħti lilna minn Alla

Tereża tirrikonoxxi li kollox ġie “misluf” lilna “mill-ħanin Alla”, u mhux biss il-ħwejjeġ jew id-doni materjali, imma wkoll dawk spiritwali, bħal “t-tnebbit tal-intelett u tal-qalb”, u għalhekk ma jagħmel l-ebda sens li aħna “nintrabtu miegħu bħalikieku kien xi ġid proprju tagħna u li ħadd ma għandu d-dritt imissu”. Kemm aħna boloh, kollox hu misluf lilna minn Alla. Tereża titgħallem tinqata’ anki minn dan il-ġid spiritwali.

Alla jagħżel lil min irid Hu

Dawn l-erwieħ huma strumenti magħżula minn Alla biex permezz tagħhom “iqassam lill-erwieħ li jħobb, l-ikel li hu meħtieġ għalihom”. Huwa l-kaz ta’ Ġużeppi li kien afdat mil-Faraun biex iqassam il-ġid lil kull min jiġi għandu Xi wħud jaħsbu li Alla ma għandux il-liberta’ li jagħżel lil min irid hu, għal ħidmiet li jrid Hu, u “l-imġieba tiegħU ma nbidlitx, u dejjem inqeda bil-ħlejjaq tiegħu, bħala għoddiet f’idejh biex iwettaq l-opra tiegħU fl-erwieħ”.  

It-tila ma tafx il-ġmiel tagħha lilha nniffisha jew lil pinzel, imma “lill-artist li jmexxih”. Anzi allaħares ma kienx l-artist, għax kieku hija dik it-tila tibqa’ xkora li l-Bamibn jaf għalxiex tispiċċa tintuża.

Tereża tikkonsidra li hi l-“pinżell żgħir li Ġesù għażel biex ipitter ix-xbieha tiegħU fl-erwieħ li int fdajtli”. Tereża tikkonsidra lil Madre bħala l-pinzel “prezzjuż li l-id ta’ Ġesù żżommu bi mħabba għal meta jkun irid jagħmel xi biċċa xogħol kbira f’ruħ uliedek, u jiena l-pinzel żgħir ħafna li Huwa jogħġbu jinqeda bih wara, għall-iżgħar irqaqat”. Imma anki dak li jagħmel il-pinzel iż-żgħir malajr kien jitħassar li kieku ma kiex il-ħidma tal-pinzel il-kbir.

Tereża sa mil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha, tagħmel sforz fuqha nnifisha biex hija ma tintrabatx mas-Superjura tagħha “b’mod materjali għalkollox, bħall-kelb li jattakka ruħu ma sidu. L-imħabba tmantni lilha nnifisha bis-sagrifiċċji; iktar ma r-ruħ, tiċċaħħad mis-sodisfazzjonijiet naturali, iktar il-ġentilezza tagħha ssir qawwija u diżinteressata”. “Imma issa, kemm inħossni kuntenta li kont iċċaħħadt sa mill-bidu tal-ħajja reliġjuża tiegħi! ... Lanqas għadni nħoss il-ħtieġa li niċċaħħad minn kull faraġ tal-qalb, għax ruħi hija msaħħa minn Dak lil lilu biss ridt inħobb. Nara bil-ferħ li, meta tħobb lilU, il-qalb tikber u tista’ turi ma dawk li huma għeżież għaliha mħabba bil-wisq iktar mimlija ħlewwa milli kieku kienet tikkonċentra lilha nnifisha f’imħabba egoista u bla frott”.

Sotto Majjistra tan-Novizzi

Bejn l693 u l696, Tereża tiehu ħsieb ta’ sħabha n-Novizzi. L-ewwel tnejn kienu sħabha stess u kienu sorijiet konversi (Swor Marija Madddalena u Swor Martha). Fl694 tibda’ tieħu ħsieb ta’ tnejn oħra li daħlu dik is-sena, jiġifieri Swor Ġenoveffa u Swor Marija tat-Trinita’. Fl695 tidħol imbagħad Swor Marija tal-Ewkaristija. Sa Marzu 1896 Tereża kienet taqdi l-uffiċju ta’ ‘soċja ta’ Madre Gonżaga, bħal speċi tal-anġlu tagħhom, dakli aħna konna nsejħulu d-dekan, l-anzjan), imma minn Marzu 1896 hija saret Majjistra proprja tan-novizzi għad li qatt ma ngħatat dan l-isem.

Titkellem għalhekk dwar il-hidma afdatha lilha ma’ dawk li kienu fil-formazjoni. “Meta ngħatali li nidħol fis-santwarju tal-erwieħ, mill-ewwel rajt, li l-biċċa xogħol kienet ‘il fuq mill-forzi tiegħi. Għalhekk inxtħett f’’dirgħajn il-ħanin Alla bħal tifel żgħir, u waqt li ħbejt wiċċi f’xagħru, għidtlu: Mulej jiena ċkejkna wisq biex nitma’ lill uliedek; jekk trid tagħtihom permezz tiegħi dak li jaqbel għal kull waħda minnhom, imla ċ-ċkejkna idi u, bla ma nħalli dirgħajk, bla ma ndawwar rasi, nagħti t-teżori tiegħek lir-ruħ li tiġi titlobni l-ikel tagħha”.

“Madre tiegħi, minn meta fhimnt li jiena ma stajt nagħmel xejn minni nnifsi, il-biċċa xogħol li għabbejtni biha ma baqgħetx iżjed tidhirli iebsa. Ħassejt li l-unika ħaġa meħtieġa kienet li ningħaqad dejjem iżjed ma’ Ġesù, u ‘l bqija kien se jingħatali b’żieda”. “Nistqarrlek, maħbuba Madre, illi kieku striħajt biss –imqar bi ftit – fuq il-forzi tiegħi, ma kontx indum ma nċedi l-armi”. “Mill-bogħod jidher ward u żahar, li tagħmel il-ġid lill-erwieħ, li tagħmilhom iħobbu iktar lil Alla.... mill-qrib hu kollox bil-maqlub, is-sabiħ ikun għeb... u wieħed iħoss illi tagħmel il-ġid mingħajr l-għajnuna tal-ħanin Alla hija ħaġa impossibli daqs li tagħmel ix-xemx tiddi bil-lejl... Wieħed iħoss li jeħtieġ jinsa’ għalkollox il-gosti tiegħu, il-mod kif jaħsibha, u jmexxi l-erwieħ fit-triq li Ġesù fassal għalihom, bla ma jfittex li jġagħlhom jimxu mit-triq tiegħu”.

“Imma din għad mhijiex l-iktar ħaġa iebsa”. L-iebes għal Tereża kien li tagħmel il-korrezjonijiet lil dawn is-sorijiet, li turihom jiġifieri li “l-libsa sabiħa tas-suf tagħhom hija mkagħbra, jew meta nnewwlilhom xi troffa ħafifa tas-suf li jkunu ħallewha tiċċarrat max-xewk tat-triq”. “Kont kieku aktar nagħżel għal elf darba li nirċievi jiena ċ-ċanfir milli nċanfar lill-oħrajn”.     

B’danakollu Tereża tagħmel dan b’ħafna mħabba, u n-novizzi żgur li kienu “jħossu li jiena nħobbhom b’imħabba vera”. “Fhimnt li jiena għandi mmexxihom lejn Alla, u li nfiehemhom li hawn fuq l-art inti, Madre, int il-Ġesù li jidher illi huma għandhom iħobbu u jirrispettaw”.

“Jiena u ngħallem lill-oħrajn jiena tgħallimnt ħafna”.   

X’tgħallmet għalhekk Tereża minn dawk li kienet tieħu ħsieb fil-formazjoni ?

-        “rajt li l-erwieħ kollha għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess taqbid”

-        “huma hekk differenti minn xulxin....’hemm ħafna iktar differenza fl-erwieħ milli hemm fl-uċuħ’, b’hekk ma tistax timxi bl-istess mod ma kulħadd. Ma xi wħud, inħoss li jeħtieġ niċċekken, bla ma nibża numilja lili nnifsi billi nistqarr it-taqbid u t-telfiet tiegħi.... ma oħrajn, rajt li, bil-maqlub, biex nagħmlilhom il-ġid, jeħtieġ li nżomm iebes ħafna u li qatt ma terġa lura minn kelmtek”.

-        Titgħallem ukoll li ma tgħaġġilx, “kelma waħda tista’ ġġarraf il-bini sabiħ kollu li jkun inbena bid-dmugħ”.

Il-qawwa ta’ Tereża biex twettaq dan kollu “huwa t-talb, huwa s-sagrifiċċju... dawn huma l-armi qatt mirbuħa li tani Ġesù; huma jistgħu jolqtu l-erwieħ ħafna iżjed mill-kliem”.

Il-qawwa tat-Talb

Tereża tgħaddi titkellem dwar il-qawwa tat-Talb, u kif permezz tat-talb (u mhux permezz tal-ittri) li sejrin isalvaw l-erwieħ. Dan Tereża tiskoprieh wara li kellha ħolma dwar waħda min-novizzi, u li Tereża kellha ħsieb li tikteb lin-novizza wara li jintemm ir-Randam, imma Madre Gonżaga bir-raġun kollu tgħidilha: “li ma kienx bl-ittri li s-sorijiet Karmelitani għandhom isalvaw l-erwieħ”.

“Għalija, it-talb hu salta tal-qalb, hu ħarsa sempliċi mixħuta lejn is-Sema, huwa għajta ta’ gratitudni u ta’ mħabba fost it-tiġrib, bħalma hu fost il-ferħ, f’kelma waħda huwa xi ħaġa kbira, sopranaturali li twessagħli ruħi u tgħaqqadni ma’ Ġesù”. Tereża “bis-sempliċita’ kollha tgħid lil ħanin Alla dak li rrid ngħidlu, bla ma noqgħod nagħmel sentenzi sbieħ, u Hu dejjem jifhimni”.

Tereża tħobb ukoll “it-talb komuni għax Ġesù wiegħed li jinsab fost dawk li jkunu miġbura f’ismu”.

It-Talba tar-Rużarju

“Li ngħid ir-Rużarju jiswieli aktar milli nilbes xi strument ta’ penitenza”. Bħalma jniżżel P. Manwel f’nota għal din il-frażi ta’ Tereża, hija “l-bixra ripettiva tar-rużarju li ma taqbilx mat-temperament ta’ Tereża; l-aktar meta jingħad flimkien ma’ oħrajn u bl-għaġġla”. Tereża b’danakollu tħossha “mnikkta minħabba dan in-nuqqas ta’ devozzjoni li kien jgħaġġibni, għax inħobb tant lil Verġni Mbierka illi ngħid f’ġieħha t-talb li jogħġobha. Illum nitnikket inqas; naħseb li s-Sultana tas-Sema, minħabba li hi Ommi, żgur li tara r-rieda tajba tiegħi u tibqa’ kuntenta b’dan”.

Il-Missierna

“Xi drabi, meta l-ispirtu tiegħi jkun f’nixfa hekk kbira li ma nkunx nista’ nislet ħsieb wieħed biex ningħaqad mal-ħanin Alla, nghid Missierna bil-mod ħafna u wara t-Tislima lill-Anġlu. Imbagħad, dawn it-talbiet isaħħruni aktar milli kieku kont għidthom bl-għaġġla għal mitt darba”.

Il-Madonna

“Il-Verġni Mbierka turini li mhix irrabjata miegħi, qatt ma tonqos milli tħarisni hekk kif insejħilha. Jekk jiġi fuqi xi nkwiet, xi tfixkil, mill-ewwel indur lejha, u Hi, bħall-aktar waħda tenera fost l-ommijiet, tieħu f’idejha l-interessi tiegħi”.

Man-novizzi

Meta n-novizzi jikkumplimentawha, fuqha dan ma “jġibli ebda ħsieb ta’ frugħha, għax jiena dejjem inżomm f’moħħi x’jien”. “B’danakollu, xi drabi tiġini xewqa tassew kbira li nisma’ xi ħaġa oħra minflok tifħir. Int taf, maħbuba Madre, li jiena nippreferi l-ħall miz-zokkor”.

Infatti darba “kellha xewqa li tiġi umiljata, ġara li novizza daħlet hekk tajjeb għal din il-biċċa xogħol li taqtagħli xewqti, li mill-ewwel ħsibt F’Simgħi jisħet lil David, u bejni u bejn ruħi għedt: ‘Iva, hu tassew il-Mulej li qiegħed jordnalha tgħidli dawn il-ħwejjeġ kollha. U ruħi bdiet ittiegħem b’gost l-ikel morr li ġie servut lilha b’tant abbundanza”.  

Tifraħ li hi mhix Madre u allura ma għandhiex għajfejn tikkoreġi 

Meta tara xi soru tagħmel xi ħaġa li tidhrilha mperfetta, Tereza kienet “tieħu nifs ta’ serħan  u ngħid lili nnifsi: X’xorti tajba! M’hijiex novizza, miniex fid-dmir li nwiddibha. U mbagħad malajr infittex li niskuża lis-soru u nħares lejn il-gehmiet tajba li żgur ikollha”.

Bħalma l-Madre tagħder lil Tereża fil-mard fiżiku tagħha, hekk hija tagħder lil ħutha s-sorijiet fil-mard spiritwali tagħhom

“A! Madre, minn kemm ili marida, kull kura li int fawwart fuqi, għallmitni ħafna iktar fuq l-imħabba. Ebda mediċina ma tidhirlek għalja wisq, u jekk ma tirnexxix, bla ma tgħeja, tipprova xi ħaġa oħra... Meta bdejt naħseb fuq dawn il-ħwejjeġ kollha, għidt bejn u bejn ruħi li jiena wkoll għandi nagħder il-mard spiritwali ta’ ħuti s-sorijiet, daqskemm tagħder int, għażiża Madre, meta tieħu ħsiebi b’tant inħabba”. “Naf tajjeb li dan il-mard morali huwa kroniku, ma għandux tama ta’ fejqan, imma naf tajjeb ukoll li l-Madre tiegħi mhux se tieqaf tieħu ħsiebi, u tfittex tfarraġni, jekk nibqa’ marida għomri kollu”.

Ta’ persuna ntelliġenti bħalma kienet Tereża, hija tintebaħ illi filwaqt li “s-sorijiet l-iktar qaddisa” (Swor Marija Filomena, Swor Marija tal-Anġli, Swor Marija ta’ Ġesù, Swor San Stanislaw) “huma iktar maħbuba”, u kulħadd ifittex li jitkellem magħhom u jaqdihom f’xi ħwejjeġ bla ma jkunu talbu xejn, filwaqt li “l-erwieħ imperfetti bil-maqlub” (Swor Marija ta’ San Ġużepp, Swor Amata ta’ Ġesù, Swor Marta, Swor Marija Maddalena, Swor SanVinċens de Paul, Swor San Ġwann Battista), “xejn ma huma mfittxija”, u “għal dak li għandu x’jaqsam magħhom, aħna nibqgħu fil-limiti tal-koretsija reliġjuża”, u “billi nibżgħu li forsi ngħidulhom xi kliem xi ftit nieqes mill-imħabba, nevitaw il-kumpanija tagħhom”.

Għalhekk Tereża waqt ir-rikrejazjoni kienet tfittex “il-kumpanija ta’ ħuti s-sorijiet li l-inqas li jiġbduni, u nwettaq ma’ dawn l-erwieħ miġruħa l-uffiċju tas-Samaritan it-tajjeb. Kelma waħda, tbissima ħelwa, sikwit huma biżżejjed biex tagħmel li tinfetaħ ruħ imdejqa”. Għalhekk “irrid inkun dħulija ma kulħadd (u l-aktar mas-sorijiet li jiġbduk l-inqas) biex inferraħ lil Ġesù u nwieġeb għal parir li jagħti fl-Evanġelju, bejn wieħed u l-ieħor b’dan il-kliem: ‘meta tagħti ikla, tistedinx lil qrabatek jew ħbiebek, għax għandhom imnejn imbagħad jistiednu lilek huma u hekk tkun ħadt il-ħlas tiegħek, imma stieden lil foqra, iz-zopop, il-magħtubinm, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek lura’, għax ‘Missierek li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu’”.

 

Eżempji konkreti

a)   Swor San Pietru

Ġa ta’ eta’ żgħira din is-soru ma setgħetx tieħu ħsieb tagħha nnifisha, sa ma mietet fl695 fl-eta’ ta’ 65 sena. Jingħad li “din l-imsejkna soru kellha karattru goff u bla edukazjoni. Min kien ikollu jħabbat wiċċu magħha ma kienx ikun jista’ jġerragħha” (nota ta’ P. Manwel).

Meta Tereża kienet għadha novizza, hija kienet takkumpanja lil Swor SanPietru sar-refettorju. “Kien jiswieli hafna li noffri ruħi biex nagħti dan is-servizz ċkejken, għax kont naf li ma kienetx ħaġa ċkejkna li tikkuntenta lil din l-imsejkna Swor San Pietru... iżda ma ridtx nitlef okkażjoni hekk sabiħa li nitħarreġ fl-imħabba..... kien meħtieġ li nċaqlaq u nġorr il-bank b’ċertu mod, fuq kollox bla għaġġla; imbagħad kienet tibda l-passiġġata. Dan kien ifisser li nimxi wara din l-imsejkna marida, waqt li nweżinha miċ-ċinturin; u dan kont nagħmlu bl-akbar ħlewwa li stajt. Imma jekk b’xorti ħażina kienet tagħti pass ħazin, malajr kien jidhrilha li qed inżommha ħażin u li kienet se taqa’”. Meta jaslu r-refettorju dawn it-tejatrini ma kienux jieqfu, għax riedet tgħinha tqiegħdha bilqiegħda, ittellalagħha l-komom tal-libsa u tqattalha l-ħobż.

 

b)   Swor Marija ta’ Ġesù

“Waqt l-orazjoni ta’ filgħaxija, kienu qegħduni quddiem soru li kellha manija stramba.... malli kien tasal din is-soru, hija kienet tibda tagħmel ħoss żgħir stramb li kien jixbah lil dak li wieħed jagħmel meta jħokk żewġ arzelli ma’ xulxin”. Filfatt P. Manwel jinnota li hija kienet il-ħin kollu tgerrem dufrejha bi snienha. “Dak il-ħoss żgħir kien jgħajjini; kien ikolli xewqa li naqbad u ndawwar rasi u nħares lejn il-ħatja... imma fil-qiegħ ta’ qalbi kont inħoss li kien aħjar li nsofri din il-ħaġa għall-imħabba tal-ħanin Alla, u ninsa l-ħoss żgħir... kollox kien għalxejn; kont inħoss l-għaraq ixoqq għalija u kien ikolli nagħmel biss orazzjoni ta’ tbatija, imma għalkemm fit-tbatija, kont infittex kif nagħmel dan mhux b’irritazzjoni... għalhekk kont nisforza lili nnifsi sabiex inħobb dak il-ħoss żgħar li tant idejqek; minflok ma kont nara x’nagħmel biex ma nisimgħux, kont noqgħod attenta biex nisimgħu tajjeb, bħallikieku kien xi kunċert li jsaħħrrek, u l-orazzjoni kollha tiegħi kienet tgħaddi f’li noffri dan il-kunċert lil Ġesù”.    

 

ċ) Swor Marija ta’ San Ġużepp

Din kienet “ittajjar l-ilma maħmuġ f’wiċċi kull darba li kienet terfa’ l-imkatar mill-ilma, għal fuq il-bank tagħha. L-ewwel rejazzjoni tiegħi kienet li ninġibed lura u nixxotta wiċċi, biex nuri lil din is-soru li kienet qiegħdha troxxni u li setgħet tagħmilli pjaċir u taħsel iktar bil-mod, iżda malajr hsibt kemm kont inkun belha li nirrifjuta t-teżori li kienu ngħatawli b’tant ġenerożita’.... hekk li fl-aħħar bdejt tabilħaqq nieħu gost b’din l-għamla ġdida ta’ traxxix”. Tereża tifhem li hija “ruħ żgħira ħafna li ma tistax toffri ħlief ħwejjeġ żgħar ħafna”.

 

Xewqa li jkollha ħuha saċerdot:

a)   Dun Maurice-Berthélemy Bellière (1874-1907)

Tereża tammetti li Alla “dejjem tani dak li xtaqt jien, jew aħjar għamel li jien nixtieq dak li jkun irid jagħtini”, u waħda mix-xewqat tagħha (bħalma kienet tal-ġenituri Qaddisa tagħħa) “li dehritli li ma setgħet isseħħ qatt, dik li jkolli ħija saċerdot... u ara, Ġesù mhux biss tani l-grazzja li xtaqt, iżda għaqqadni b’rabtiet tar-ruħ ma tnejn mill-appostli tiegħu”. “Ġesù qatagħli xewqti u saħansitra tani aktar milli xtaqt, għax jien ma kontx nixtieq ħlief wieħed bħala ħija saċerdot, li kulljum jiftakar fija fuq l-artal imqaddes”.

L-ewwel wieħed minn dawn ħutha kien Maurice-Bettélemy Bellière. “Kienet l-Omm tagħna Santa Tereża li bgħatitli bħala bukkett fjuri għall-festa tagħha fl695, lill-ewwel ħija ż-żgħir. “Kien seminarista żagħżugħ, imnebbaħ –kif qal hu- minn Santa Tereża, li kien qed jitlob biex ikollu soru li setgħet tingħata b’mod partikulari għas-salvazjoni ta’ ruħu u biex tgħinu bit-talb u s-sagrifiċċji tagħha meta jkun missjunarju, ħalli jkun jista’ jsalva bosta erwieħ”. Tereża tant tifraħ b’dan id-don, ferħ li hija tikkunsidrah kważi ‘infantili’, u “ntfajt għax-xogħol billi fittixt li nirdoppja l-ħeġġa”.

Dun Maurice kien seminarista djoċesan ta’ Bayeux, iltim minn ommu (ġimgħa wara li twieled), għalhekk ġie afdat ma’ oħt l-omm u ma’ żewġha li rabbewh bħala binhom, peress li huma ma kellhomx ulied. Il-missier qatt ma deher aktar fil-ħajja tat-tifel, u Maurice sar jaf li dawk li kienu qegħdin irabbuh ma kienux il-veru ġenituri tiegħu ta’ ħdax-il-sena. Din l-iskoperta ħalliet inpatt tqil ħafna fuq dan it-tfajjel.

Maurice kien ta’ karatttru fraġli, u b’kapaċitajiet umani limitati ħafna. Bħal Tereża imma huwa kellu jbaqbaq ġewwa fih xewqa kbira ta’ kordjalita’, sempliċita’ u mħabba lejn Kristu. Tereża tikteb: “l-ebda fraġilita’ umana ma tista’ tkun ostaklu għal predikazjoni tal-Vanġelu sakemm il-fjamma tal-imħabba tbaqbaq fil-qalb tal-knisja”.

Waqt li kien fit-tieni sena gewwa s-Seminarju Djoċesan, qabel ma mar għal sena ta’ taħriġ  militari obligatorju (il-lieva) f’Novembru, huwa kien kiteb ittra lil monasteru ta’ Lisiuex biex xi soru titlob għalih biex jibqa’ fidil fil-vokazjoni li Alla kien għamillu. Jafdawh għat-talb ta’ Tereża, u bejniethom ikun hemm korrispondenza ta’ 21 ittra. 

Fit-30 ta’ Settembru 1897 huwa riekeb il-vapur minn Marsilja biex imur l-Afrika u jibda’ n-Novizjat mal-White Fathers. Anki Tereża kienet qiegħdha tirkeb bastiment ieħor, u li kien se jwassalha fis-Sema. Minn hemm, u flimkien ma’ ħuha, huma bdew flimkien kampanja missjunarja ta’ proporzjoni bibliku, wieħed minn fuq l-art u l-oħra mis-Sema. Huwa kien missjunarju f’Nyassa (illum Malawi),

Peress li hu kien jaf bl-ingliż, huwa ntagħżel bħala Segretarju tal-ewwel isqof tal-White Fathers. Mons Dupont, bniedem imma li kien diffiċli u esiġenti ħafna. Huwa beda jaħbat jaqta’ qalbu u wara tmien snin, jiġifieri fl-1905 huwa reġa lura lejn Franza, u miet Caen fit-tenera eta’ ta’ 31 sena minħabba mard li ħa waqt li kien il-missjoni. Bosta missjunarji ta’ din il-kongregazjoni li kienet twaqqfet fl668, jew mietu (ħdax) martri, jew mietu minħabba mard li ħadu waqt fil-missjoni fl-ewwel għoxrin sena tal-Kongregazjoni (sitta u ħamsin).

P. Maurice (wieħed miż-żewġ missjunarji li għalihom kienet titlob Tereżina) kien isib wens fit-talba li kienet kitbitlu Tereża: “Nitolbok, O Ġesù, qalb li tħobbok, qalb li ma tistax tiġi mirbuħa, mħejjija biex taqbad mil-ġdid il-kunbattiment wara kull maltempata, qalb li hi ħielsa u li ma tħallix lilha nnifisha li tiġi sedotta, qalb retta u li ma ssegwix mogħdijiet magħwġa” (Je te demande, ô Jésus, ôun Coeur qui t’aime, un Coeur qui ne peut être vaincu, prepare à reprendre le combat après chaque tempête, un Coeur qui est libre et ne laisse pas séduire, un couer qui est droit et qui ne suit pas les chemins tortueux”.  

“I implore, O Jesus, a hearth that loves you, a heart that can never be won, always ready to freshly take on the battle after every storm, a free hearth that doesn’t let itself to be seduced, a righteous hearth that doesn’t follow tortuous paths” (prayer written by St Therese to Fr Maurice-Berthélemy Bellière (1874-1907), one of the two missionaries Therese prayed for) (1874-1907).

L-għaqda tal-erwieħ

“Bla dubju, huwa bit-talb u s-sagrifiċċju li nistgħu ngħinu lill-missjunarji, imma xi drabi, meta jogħġob lil Ġesù li jgħaqqad flimkien żewġ erwieħ għall-glorja tiegħU, Huwa jippermetti li minn żmien għall-ieħor ikunu lesti juru ħsibijiethom lil xulxin u jitħeġġu biex iħobbu lil Alla dejjem aktar” (naturalment dejjem taħt ubbidjenza).

 

b)   P. Adolphe Roulland (1870-1934)

Kienet qiegħdha toqrob is-sena skolastica tal695-96 meta s-seminarista żagħżugħ tal-Istitut tal-missjunarji esteri ta’ Pariġi kiteb lil monasteru ta’ Lisieux. Kien Seminarista twajjeb li kellu ħeġġa kbira biex jibda’ l-missjoni tiegħu bħala missjunarju. Madre Gonżaga tagħżel lil Tereża għax tikkonsidraha bħala l-aktar waħda adatta għal din il-missjoni. P. Adolphe ġie ordnat presbiteru nhar it-28 ta’ Ġunju 1896. Jgħid lil Madre li jixtieq iqaddes fil-kappella tagħhom, li huwa kien jaf u xtaq iqarben lil Swor Tereża.

F’ittra li Tereża tikteb lil dan is-seminarista li issa daqt kien se jiġi ordnat saċerdot, hija tgħidlu: “nitolbok, Reverendu Father, il-jum li fih il-Mulej jinżel għal-ewwel darba mis-Sema fuq l-artal għal kelma tiegħek, itolbu li jħeġġiġni bl-imħabba tiegħU, ħalli nkun nista’ nixgħelu fil-qlub”.

Jiġi ddestinat għaċ-Ċina, imma jimrad bil-malajra. Tereża tiktiblu: “minn mindu is-Salib ta’ Ġesù ġie merfugħ fuq id-dinja, jeħtieġ nikkunbattu għad-dell tiegħU, filwaqt li niftakru li lanqas lilha ma ġew iffrankati l-provi, minn mindu daħlet fil-Karmelu. Għalhekk għamel mezz li titkellem fuq il-ħniena ta’ Alla: ‘ma nistax nifhem –tispjega- għala l-erwieħ għandhom biża minn Ħabib tant ħelu. Lili jidhirli li tilħaq il-perfezjoni: biżżejjed li wieħed jagħraf ix-xejn tiegħu u jintelaq bħal tfajjel ċkejken f’dirgħajn Ġesù”.

P. Adolphe jiġi mibgħut mhux biss f’parroċċi ġewwa ċ-Ċina, imma anki f’seminarji bħala għalliem tat-Teoloġija. Fil-fatt huwa jiġi mitlub fl-1909 jirritorna Franza għal dan l-istess għan. Waqt l-I Gwerra Dinjija mar jagħti s-servizz tiegħu lil-armata u lis-suldati, u kien hemm li ntebaħ kemm Tereża kienet maħbuba minn dawn is-suldati li bosta minnhom kellhom xbieha u relikwa tal-Qaddisa.

Wara l-Gwerra hu ġie mitlub jagħti s-servizzi tiegħu lis-seminarju ta’ Dormans, u ma kien joħroġ qatt mis-seminarju jekk mhux biex jitkellem fuq Tereża. Qatt ma kien’jiftaħar’ li kien daqstant qrib ta’ Tereża, jew bil-grazzji kbar li rċieva b’interċesjoni tagħha. Huwa ta’ x-xhieda tiegħu fil-proċess tal-Bejatifikazjoni, u kien preżenti għal Kanoniżażjoni tagħha fis-17 ta’ Mejju 1925. P. Adolphe imut nhar it-12 ta’ Ġunju 1934.

Tereża titkellem dwar dan ħuha l-ġdid lejn tmien il-Kapitlu XI, jiġifieri lejn tmien Storja ta’ ruħ. “L-ewwel sentiment tiegħi kien wieħed ta’ ferħ, li malajr inbidel f’sentiment ta’ biża”, u dan peress li “billi kont diġa’ offrejt il-merti tiegħi għal appostlu futur, kont nemmen li ma stajtx nerġa’ noffrihom mill-ġdid skont il-fehmiet ta’ iehor u li, barra minn hekk, kien hemm ħafna sorijiet aħjar minni li setgħu jwieġbu għax-xewqa tiegħu”. Imma Tereża fehmet li l-ubbidjenza setgħet tirdoppja l-merti tagħha, u għalhekk setgħet taċċetta ħuwa ieħor għal min toffri ħajjitha.

Bil-karattru tagħha, Tereża tixtieq anzi “inkun ta’ siwi għal aktar minn żewġ missjunarji. U ma nistax ninsa’ nitlob għal kulħadd, u nwarrab is-saċerdoti sempliċi li l-missjoni tagħhom xi drabi hija iebsa biex titwettaq daqs dik tal-appostli li jippriedkaw lil dawk li ma jemmnux”.

Niġbdu lil kulħadd magħna

“Għall-erwieħ sempliċi m’hemmx bżonn mezzi komplikati… Ġesù tani mezzi sempliċi biex inwettaq il-missjoni tiegħi. Huwa fiehemni din il-kelma tal-Għanja tal-għanjiet: ‘Iġbidni warajk, u niġru għar-riħa ta’ fwiħatek’ (Għ 1, 3-4)... meta r-ruħ tkun ħelliet lilha nnifisha tinqabad mir-riħa li titilfek ta’ fwiħatek, ma tagħrafx aktar tiġri waħedha, l-erwieħ kollha li hija tħobb jiġu mkaxkrin warajha; dan iseħħ mingħajr ma jkunu mġiegħla, bla sforz; huwa konsegwenza naturali tal-ġibda tagħha lejk. Hekk kif turrent ta’ ilma, waqt li jinxteħet bil-qawwa fl-oċejan, ikaxkar warajh dak kollu li ltaqa’ miegħu fi triqtu, bl-istess mod, o Ġesù tiegħi, ir-ruħ tintefa fl-oċejan bla qies ta’ mħabbtek, tiġbed magħha t-teżori kollha li għandha... Mulej, int taf, jiena ma għandi ebda teżori oħra ħlief l-erwieħ li int għoġbok tgħaqqad ma tiegħi... għarraft ismek lil dawk li int tajtni: kienu tiegħek, u int tajthom lili”.

Irrid inħobbok b’imħabbtek

“O Alla tiegħi, jiena qatt ma xtaqt għajr li nħobbok, ma nixxennaq għal ebda glorja oħra. Imħabbtek imxiet qabli sa minn tfuliti, kibret miegħi, u issa hi abbiss li ma nistax inkejjel il-profondita’ tiegħu. L-imħabba tiġbed l-imħabba; u għalhekk, Ġesù tiegħi, imħabbti tagħti s-salt lejk, trid kieku timla l-abbiss li qiegħed jiġbidha. Imma jaħasra! lanqas mhi biss qatra nida mitlufa fl-oċejan!... Biex inħobbok bħalma int tħobb lili, jeħtieġli nissellef imħabbtek stess, u mbagħad biss insib il-mistrieħ. O Ġesù forsi hi illużjoni, imma jidhirli li int ma tistax timla lil xi ruħ b’imħabba iżjed milli mlejt lil tiegħi; huwa għalhekk li nażżarda nitolbok biex tħobb lil dawk li tajtni kif ħabbejt lili stess”, u “jekk fis-Sema niskopri li int tħobb lilhom aktar milli lili, nifraħ, għax minn issa nagħraf li dawn l-erwieħ jistħoqqilhom imħabbtek ħafna iżjed minn ruħi”.

Xewqa interjuri li tkun ħaġa waħda ma’ Alla

“Li kieku n-nar u l-ħadid kellhom ir-raġuni, u dan tal-aħħar kellu jgħid lill-ieħor: ‘Iġbidni’, ma jkunx qiegħed juri forsi li jixtieq jidentifika ruħu man-nar b’tali mod li jinfdu u jimlieh kollu kemm hu bis-sustanza tikwi tiegħu u donnu jsir ħaġa waħda miegħu? Maħbuba Madre, ara din hija t-talba tiegħi: nitlob lil Ġesù li jiġbidni fil-fjammi ta’ mħabbtu, li jgħaqqadni miegħu hekk bis-sħiħ illi jgħix u jaħdem fija Hu. Inħoss li iktar ma n-nar tal-imħabba jqabbadli qalbi, iktar ngħid: Iġbidli, u iktar ukoll l-erwieh li se jersqu lejja dawn l-erwieh iktar se jiġru bil-ħeffa wara r-riħa tal-fwieħat tal-Maħbub tagħhom, għax ruħ mixgħula bl-imħabba na tistax tibqa’ inattiva; bla dubju, bħal Santa Marija Maddalena, hija tibqa’ f’riġlejn Ġesù, tisma’ l-kelma ħelwa u mħeġġa tiegħU”.

It-talb hija l-lieva li terfa’ lid-dinja

 “‘Agħtini lieva, punt fuq xiex inserraħ, u jiena nerfa’ d-dinja’. Dak li Arkimede ma setax jikseb, għax it-talba tiegħu m’għamilhiex lil Alla u ma saritx ħlief mil-lat materjali, il-Qaddisin kisbuh fil-milja kollha tiegħu. Dak li Jista’ Kollox tahom bħala punt fuq xiex iserraħ: Lilu nnifsu u Lilu biss; bħala lieva: it-talb, li jixgħel b’nar ta’ mħabba. U huwa b’dan il-mod li huma refgħu d-dinja, huwa b’dan il-mod li l-Qaddisin li għadhom jitqabdu fuq l-art qegħdin jerfugħuha, u li sal-aħħar tad-dinja, il-Qaddisin li għad iridu jiġu jerfugħha wkoll”.  

Ġaladarba Ġesù tela’ s-Sema, Tereża tixtieq issa timxi fuq it-traċċi tiegħU, u “lanqas nixtieq ninxteħet fl-ewwel post, imma fl-aħħar”.     

 

Xi idejat ċentrali minn-noti ta’ hawn fuq

 

kemm hija limitata u kemm tbiddel fehmtha minn ħin għall-ieħor il-qalb tal-ħlejjaq!!!...malajr rajt li mħabbti ma kienetx mifhuma.

xbieha tal-Kurċifiss bid-demm iqattar minn wahda mill-idejn tieghU u kif ħadd ma jfittex li jiġbru. Tiddeċiedi li hi toqgħod hemm tilqa’ dan id-demm, u wara xxerdu fuq l-erwieħ

ma rridx inkun qaddisa bin-nofs, ma jbeżżagħnix li nbati għalik, ma nibżax ħlief minn ħaġa waħda: hija li nżomm ir-rieda tiegħi; ħudha int, għax ‘jiena nagħżel kollox, kulma trid int”.

Tifhem il-vokazjoni tagħha hi l-imħabba, “mingħajr l-imħabba, l-opri kollha mhumiex ħlief xejn imqar dawk li jiddu l-aktar,

“Ġesù fehemni li kien permezz tas-salib li ried jagħtini l-erwieħ, u l-ġibda tiegħi għat-tbatija kibret fil-qies li żdiedet it-tbatija

Trid tkun ivvjaġġajt minn taħt din il-mina mudlama biex tifhem id-dlam tagħha”. jiena lesta nxerred sal-aħħar qatra ta’ demmi biex nistqarr li hemm Sema”.

nidhirlek li qed nesaġera l-prova tiegħi... b’danakollu... dan mhuwiex aktar velu għalija, huwa ħajt li jibqa’ tiela’ sas-smewwiet u jgħatti l-firmament mimli kwiekeb... Meta ngħanni l-hena tas-Sema, ngħanni sempliċement dak li rrid nemmen”.

Din it-telqa f’idejn Alla wassalha biex thobb aktar

“Ġesù kien rieqed, bħal dejjem fid-dgħajsa tiegħi. A! Nara tajjeb li l-erwieħ rari jħalluH jorqod bil-kwiet ġewwa fihom”.

Taħsibx li jiena qiegħdha ngħum fil-faraġ, o, le! Il-faraġ tiegħi hu li ma jkollix faraġ fuq l-art. Mingħajr ma jsemma’ leħnu, Ġesù jgħallimni fil-moħbi

-triq waħdenija li tieħu għal din il-Ħuġġieġa Divina: din it-triq hija t-telqa ta’ tifel ċkejken li jorqod bla biża f’dirgħajn Missieru”.

hija tiġbor il-fjuri tiegħi miftuħa petala petala b’imħabba, u waqt li tgħaddihom mill-Idejn divini tiegħek, o Ġesù, tixħet hija ukoll dawn il-fjuri li jkunu kisbu –bil-mess divin tiegħek- valur infinit, u tixħethom fuq il-Knisja sofferenti biex titfilha l-fjammi,

tiskopri mil-ġdid il-qawwa tal-ordinarju meta jsir b’ħafna mħabba

A! Issa nifhem li l-imħabba perfetta tinsab f’li ġġerrah id-difetti tal-oħrajn, ma tiegħodx taħseb bid-dgħufijiet tagħhom, tedifika lilek innifsek bl-iċken atti ta’ virtu li tarhom jitħarġu fihom

soru li għandha t-talent li ddejjaqni f’kollox. Il-maniji tagħha, kliemha, il-karattru tagħha narahom ma jogħġbuni xejn. B’danakollu hija soru qaddisa li żgur għandha togħġob lill-ħanin Alla... għidt bejni u bejn ruħi li l-imħabba ma għandhiex tikkonsisti fis-sentimenti iżda fl-għemil... kull darba li kont niltaqa’ magħha, kont nitlob lill-ħanin Alla għaliha, waqt li noffrilu l-virtuwijiet u l-merti kollha tagħha

tfittex “il-kumpanija ta’ ħuti s-sorijiet li l-inqas li jiġbduni, u nwettaq ma’ dawn l-erwieħ miġruħa l-uffiċju tas-Samaritan it-tajjeb

“Meta l-imħabba tkun xeħtet għeruq profondi fir-ruħ, hija tidher fuq barra”.

biex twettaq sewwa l-ħidma tagħha, kellha tingħaqad ma’ Ġesù,

imma aktar ma nersqu lejn Alla aktar insiru semplici

 

Il-Fidi (Siltiet mil-kitbiet ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù)

 

Hija l-fiduċja u xejn ħlief il-fiduċja li għandha twassalna sal-Imħabba...  (Ittra 197, lil Marie)

 

“Il-bniedem tassew fqir fl-ispirtu, fejn se ssibu? Jeħtieġ tfittxu ‘l bogħod ħafna”, jgħid is-Salmista... Ma jgħidx li jeħtieġ tfittxu fost l-erwieħ kbar, iżda “‘l bogħod ħafna”, jiġifieri fit-tbaxxija, fix-xejn... A! Ħa noqogħdu, għalhekk, ‘il bogħod ħafna minn dak kollu li jlellex, ħa nħobbu ċ-ċokon tagħna, ħa nħobbu li ma nħossu xejn. Imbagħad inkunu foqra fl-ispirtu, u Ġesù jiġi jfittixna, inkunu kemm inkunu ‘l bogħod, u jibdilna fi fjammi ta’ mħabba... O! Kemm nixtieq li nista’ nfiehmek x’qiegħda nħoss!... Hija l-fiduċja u xejn ħlief il-fiduċja li għandha twassalna sal-Imħabba... (Ittra 197, lil Marie)

 

Innutajt kemm-il darba li Ġesù ma jridx jagħtini ħażniet minn qabel; hu jitmagħni minn waqt għal ieħor b’ikel ġdid għalkollox, u jien insibu fija bla ma nkun naf kif ikun hemm... Nemmen bis-sempliċità kollha li huwa Ġesù nnifsu moħbi fil-qiegħ ta’ qalbi ċkejkna u msejkna, li jagħtini l-grazzja li jaħdem fija u jagħmel li naħseb dak kollu li jridni nagħmel f’dak il-ħin. (Storja ta’ Ruħ, Ms A 76q)

 

Li nikber jien, ma jistax ikun; ikolli nġerraħ lili nnifsi hekk kif jien bl-imperfezzjonijiet kollha tiegħi. Imma rrid infittex mezz biex immur is-Sema minn triq żgħira dritta ħafna, qasira ħafna, triq żgħira ġdida għalkollox. (Storja ta’ Ruħ Ms Ċ 2w)

 

A! Minkejja ċ-ċokon tiegħi, jien irrid kieku ndawwal l-erwieħ bħall-Profeti u d-Dutturi; għandi l-vokazzjoni li nkun Appostlu...  irrid kieku niġġerra fuq l-art, nippriedka ismek u nħawwl is-Salib glorjuż tiegħek fuq l-art infidila. Iżda, o Maħbub tiegħi, missjoni waħda biss ma tkunx biżżejjed għalija... Irrid kieku nkun missjunarju mhux biss għal ftit snin, imma rrid li kont sa mill-ħolqien tad-dinja u li nkun sa tmiem is-sekli... Imma fuq kollox, irrid kieku, o Maħbub Salvatur tiegħi, irrid kieku nxerred demmi għalik sal-aħħar qatra... (Storja ta’ Ruħ, Ms B 3q)

 

Għadni nħoss l-istess fiduċja sfieqa li nsir Qaddisa kbira, għax jiena ma noqgħodx fuq il-merti tiegħi, billi ma għandi ebda wieħed, imma nittama f’Dak li hu l-Virtù, il-Qdusija Nfisha. Huwa Hu biss li, għax jikkuntenta ruħu bl-isforzi dgħajfa tiegħi, jerfagħni sa għandU u, waqt li jgħattini bil-merti infiniti tiegħu, jagħmilni Qaddisa. (Storja ta’ Ruħ, Ms A 32q)

 

Mingħajr ma juri ruħu, mingħajr ma jsemma’ leħnu, Ġesù jgħallimni fil-moħbi, mhux bis-saħħa tal-kotba, għax jien ma nifhimx x’inkun qed naqra. Imma xi drabi, kelma bħal din li nkun ħadt fl-aħħar tal-orazzjoni (wara li nkun bqajt fis-skiet u fin-nixfa) tiġi tfarraġni: “Hawn hu l-għalliem li jien nagxħtik, huwa jgħallmek dak kollu li għandek tagħmel. Irrid nagħmlek taqra fil-ktieb tal-ħajja, fejn tinsab ix-xjenza tal-imħabba. (Storja ta’ Ruħ, Ms B 1q)

 

Bħalma l-għasafar żgħar jitgħallmu jgħannu billi joqogħdu jisimgħu l-ġenituri tagħhom, hekk ukoll it-tfal jitgħallmu x-xjenza tal-virtù, l-għanja sublimi tal-imħabba divina, mingħand l-erwieħ imqabbda biex jiffurmawhom għall-ħajja. (Ms A 53q)

 

Minn xi żmien kont offrejt lili nnifsi lill-Bambin Ġesù biex inkun il-ġugarell ċkejken tiegħu: kont għedtlu biex ma jinqediex bija bħala ġugarell li jqum ħafna u li t-tfal iħarsu lejh bla ma jażżardaw imissuh, imma bħala ballun żgħir li ma jiswa xejn, li Hu seta’ jitfa’ mal-art, jagħtih bis-sieq, itaqqbu, iħallih f’xi rokna jew jagħfsu ma’ qalbu jekk jogħġbu hekk. (Ms A 64q)

 

Ġesù jieħu pjaċir jurini t-triq waħdanija li tieħu għal din il-Ħuġġueġa Divina: din it-triq hija t-telqa ta’ tifel ċkejken li jorqod bla biża’ f’dirgħajn Missieru… (Ms B  1q)

 

Il-ħanin Alla ma damx wisq ma għamilni nifhem li l-glorja vera hi dik li tibqa’ għall-eternità u li, biex tiksibha, mhux meħtieġ li tagħmel għemejjel kbar u li jidhru, imma li tinħeba u titħarreġ fil-virtù hekk li l-id ix-xellugija ma tkunx taf x’inhi tagħmel il-leminija… (Ms A 32q)

 

Ma rridx noqgħod naħzen il-merti għas-Sema; irrid naħdem għall-Imħabba tiegħek biss… Fl-għabex ta’ din il-ħajja, għad nidher quddiemek b’idejja vojta, għax ma nitolbokx, Mulej, li tgħodd l-għemejjel tiegħi. (Talba 6)

 

Bil-ferħ għad nikkontemplak fl-aħħar jum iġġorr ix-xettru tas-Salib; ladarba għoġbok tagħtini b’sehem dan is-Salib hekk prezzjuż, nittama li fis-Sema nkun nixbhek u nara jilmaw fil-ġisem glorifikat tiegħi l-istigmati addisa tal-Passjoni tiegħek… (Talba 6)

 

Fil-jiem hekk ferrieħa ta’ żmien il-Għid, Ġesù għamilni nħoss li hemm tabilħaqq erwieħ li ma għandhomx fidi, illi bl-abbuż tal-grazzji, jitilfu dan it-teżor prezzjuż, għajn tal-uniċi ferħat safja u vera. (Ms Ċ 5w)

 

Dak li jogħġbu (lill-Ħanin Alla) hu li jarani nħobb iċ-ċokon tiegħi u l-faqar tiegħi, hi t-tama għamja li jien għandi fil-ħniena tiegħu… Dan hu t-teżor waħdieni tiegħi.  (Ittra 197 lil Marie)

Sabiex inkunu ta’ Ġesù, jeħtieġ li nibqgħu ċkejknin, żgħar bħal qatra nida… O ! Kemm huma ftit l-erwieħ li jixxenqu li jibqgħu żgħar b’dan il-mod ! (…) Huwa sar il-Fjur tal-għelieqi biss sabiex juri lilna kemm jgħożż is-sempliċità. Il-Ġilju tal-wied jixxennaq biss għal qatra nida żgħira (…) L-imsejkna qatra nida żgħira li tibda tilma bħal djamant prezzjuż li, waqt li tirrifletti x-Xemx tal-ġustizzja, tkun saret bħalha. Imma, dan mhux kollox. Il-Kewkba divina, waqt li tħares lejn il-qatra nida tagħha, tiġbidha lejha, u hi titla’ lejha bħal ftit fwar ħafif u tqiegħed lilha nfisha fl-eternità fi ħdan il-ħuġġieġa taqbad tal-imħabba mhux maħluqa. U tibqa’ magħquda magħha għal dejjem. (Ittra 141 lil Céline)

 

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u Charles de Foucauld

 

Congar jikteb li skond ma jaraha huwa, l-Ispirtu s-Santu tana “fil-bidu ta’ dan is-sklu atomiku ‘żewġ fanali mistiċi’ mqiegħdha mill-Ispirtu s-Santu fl-istorja tagħna”. Hu hawn li nistgħu naraw aħjar u aktar ċar iż-żmien li qegħdin ngħixu fih issa.

 

Xebh bejn Tereża u Charles

 

-        Għexu fl-istess żmien. Charles huwa 14-il-sena akbar minn Tereża;

-        L-ewwel Milied ta’ Charles (1886) huwa l-istess wieħed li fih Tereża kellha l-konverżjoni tagħha;

-        Charles jasal Nazareth nhar l-10 ta’ Jannar 1889, l-istess jum li Tereża daħlet il-monasteru ta’ Lisieux;

-        Sija Charles u sija Tereża jitkellmu fuq l-aħħar post. Charles jikteb: “Ġesù talment ħa l-aħħar post li ħadd ma jista’ jeħoduhulu”. Tereża tikteb: “l-unika ħaġa li ħadd ma jgħir għalih huwa l-aħħar post. Ejjew niġru lejn l-aħħar post, ħadd mhu se jiġi jgħid li hu tiegħu”.

-        San Ġwanni Pawlu II waqt li kien qiegħed jkellem liż-żgħażagħ jtemm l-ittra billi jsemmi lil Tereża u l-messaġġ sempliċi tagħha. Alla hu mħabba. Kull persuna hija maħbuba minn Alla. Alla jistenna li aħna nħobbuh lura. Tereża tasal għal din il-konklużjoni wara esperjenza ta’ deżert, ta’ fidi mudlama.

-        It-tnejn imutu fis-solititudni. Dan ma jfissirx li jmut waħedhom fiżikament, imma li jmutu f’deżert, id-deżert tal-Karmelu kienet issejjaħlu Tereżina, jew id-deżert fid-deżert għal Charles.

-        Charles għex għal tnax-il-sena fl-anjostiċiżmu, jiġifieri li ma kien jinnega xejn, imma lanqas ma kien jemmen, lanqas f’Alla. Tereża tgħix dan indirettament permezz ta’ Pranzini.

-        It-tnejn għixu fidi tassew nieqsa minn kull sentiment. Tereża tikteb: “nixfa u dalma, kollox jiġġenerali piena, it-Tqarbin, it-talb, il-meditazjoni, kollox, kollox, anki li ngħid lil Ġesù li nħobbu. Huwa meħtieġ li jiena niggranfa mal-ħajja tal-fidi. Kieku mqar nisma lil Ġesù jgħidli li jħobbni! Imma ma jgħidli qatt”. Charles jikteb: “Għal dak li jirrigwarda l-imħabba ta’ Ġesù, huwa wriehilna biżżejjed għax nemmnuH bla ma nħossuH, li nħossu li aħna nħobbuH u Hu jħobbna, kieku tkun is-Sema; imma s-Sema eċċettu f’ċerti eċċezjonijiet, m’hijiex hawn isfel”. Dakinhar li miet hekk jikteb lil kuġina tiegħu: “Tħoss li qiegħed tbati, mhux dejjem tħoss li tħobb u hija tbatija akbar: imma taf li tkun tixtieq tħobb, u li tixtieq li tħobb hija mħabba”.

“Jiena rrid nemmen” tgħid Tereża. “Jiena rrid inħobb” igħid Charles. Charles jixtieq jagħmel minn kull siegħa ta’ nixfa, dikjarazjoni ta’ mħabba.

-        It-tnejn kellhom xewqa kbira li jsalvaw l-erwieħ bi spirtu missjunarju, imma t-tnejn intebħu li dan jintlaħaq b’meżżu b’metodoloġija different ħafna minn dawk tagħna. Jikteb Charles: “Il-mezzi li Ġesù ħallielna biex inkomplu l-opra tas-salvazjoni fid-dinja, il-mezzi li uża huwa fil-presepju, ġewwa Nażareth u fuq is-Salib huma faqar, umiljazjoni, li jkun abbandunat, persekuzjoni, tbatija, salib. Ekku l-armi tagħna, dawk tal-Għarus divin tagħna li qiegħed jitlobna li nħalluH jgħixhom mil-ġdid ġewwa fina. Aħna ma nsibu xejn li huwa aqwa minnu u Hu ma xjaħx”.

-        Sija Tereża u sija Charles jgħaddu minn prova tal-fidi li ddum sal-mewt, prova li twassal biex kif jgħid Charles “nħallu lil Ġesù jkompli jgħix ġewwa fina” fis-solitudni u s-silenzju li fihom jidhru diversi atti ta’ fidi u ta’ mħabba bil-konvinzjoni li ma taqta’ xejn li fl-għaqda tal-qaddisin, tiġi minsuġa magħha s-salvazjoni ta’ bosta erwieħ.

 

  

Mela:

                                                                     

Noti min P. Juan De Bono ocd

 

   


[1] Dawn l-idejat Tereża tiġi inspirata fihom mil Poeżija nr 3 ta’ San Ġwann tas-Salib bejn il-Festa tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema tal695 u t-Tħabbira tal-Anġlu tal1896).

[2] Fin-nota numru 69, P. Manwel igħid li din l-avversarju kienet Swor Marija.