Laikos

 

DEKALOGU TA’ KIF INKUNU DOĊLI

GĦALL-ISPIRTU S-SANTU

MIT-TRAŻMISSJONI “SCUOLA DI PREGHIERA”

MTELLGĦA MINN PADRE ANDREA GASPARINO

 

 

1. L-ISPIRTU JITKELLEM KEMM KEMM JINSTEMA’.

 

L-Ispirtu s-Santu jirrispetta ħafna l-libertà tiegħek; l-imħabba tiegħu hija qawwija imma diskreta. Biżżejjed ftit kburija u superfiċjalità u leħnu ma jibqax jasal għandek. L-Ispirtu jiskot. Jiskot u jistenna.

 

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika Dominum et Vivificantem jgħid hekk dwar l-Ispirtu s-Santu: “L-Ispirtu huwa l-gwida suprema tal-bniedem, id-dawl tal-ispirtu tal-bniedem”.

 

 

2. JEKK L-ISPIRTU JIBQA’ JTAMBARLEK, SINJAL LI HEMM XI PROBLEMA SERJA.

 

Meta l-Ispirtu jibqa’ jinsisti, dan għaliex ikun qed jurik xi ferita, jeħtieġ tiftaħ għajnejk. Kwalunkwe dewmien biex tilqaʼ l-vuċi tiegħu jikkawża ħsara serja lill-ħajja spiritwali tiegħek; imma l-ħeffa li twieġeb iġġeddek u tgħinek tinfetaħ biex tagħraf aħjar id-dawl Tiegħu. Imma kemm-il darba l-Ispirtu jtambarlek: “Itlaq dik il-ħbiberija. itlaq dik l-okkażjoni, itlaq dak il-viżżju.” Meta l-Ispirtu jtambarlek, allura trid tagħmel xi ħaġa.

 

Il-Papa fl-enċiklika jgħid: “Taħt l-influss tal-Ispirtu l-bniedem interjuri jimmatura u jissaħħaħ. L-Ispirtu jibni fina l-bniedem interjuri, jgħinnu jikber u jissaħħaħ”.

 

 

3. IS-SIGRIET TAL-FERĦ HUWA LI TAGĦTI FERĦ KONTINWU LILL-ISPIRTU S-SANTU.

 

Imma rridu nibdew mill-konkret, mill-affarijiet żgħar. Kull att ta’ umiltà, kull att ta’ ġenerożità jrawmu l-ferħ li l-Ispirtu s-Santu jiżra’ fina. Meta tagħmel att ta’ mħabba,  int, jekk ma toqgħodx attent, wara tista’ titkabbar xi ftit. Tagħmilx iktar hekk: meta tagħmel xi att ta’ mħabba ibda ieqaf u għid, “Grazzi, Spirtu s-Santu.” Ivvintajt din it-talba jiena stess għalija nnifsi; u meta nagħmel xi att ta’ mħabba, kull darba ngħid: “Grazzi, Spirtu s-Santu, irrid iżjed, irrid iżjed”, biex ngħidlu: “Ibqa’ ispirani bit-tjubija, kompli għatini opportunità biex nagħmel xi ħaġa sabiħa għalik”. L-Ispirtu s-Santu qiegħed jaħdem kontinwament, imma rridu nħalluh jaħdem.

 

Fl-istess enċiklika, il-Papa fin-numru 67 jgħid: “Il-ferħ li ħadd ma jista’ jeħodulna hu don tal-Ispirtu s-Santu”.

 

 

4. L-ISPIRTU QATT MA JGĦEJJA JKELLMEK, JGĦALLMEK U JIFFURMAK.

 

Irrid ngħid li l-Ispirtu s-Santu huwa l-fedeltà tal-imħabba, u juża l-aktar mezzi sempliċi: ispirazzjonijiet, pariri mingħand nies li jħobbuk, eżempji, xhieda, qari, laqgħat, ġrajjiet...

 

Il-Papa fl-enċiklika fin-numru 58 jgħid: “L-Ispirtu s-Santu huwa l-għotja bla waqfien ta’ Alla nnifsu”.

 

 

5. IL-KELMA TA’ ALLA HIJA L-EWWEL “ANTENNA” TAL-ISPIRTU S-SANTU.

 

Jiġifieri: tgħallem aqra l-Kelma ta’ Alla billi titlob lill-Ispirtu; qatt m’għandek taqra l-Kelma mingħajr l-Ispirtu. Imbagħad, imsaħħin mill-Kelma, insejħu lill-Ispirtu. Itlob il-Kelma permezz tal-Ispirtu. Meta tieħu l-Kelma f’idejk, l-ewwel għolli l-antenna tas-smigħ tal-Ispirtu; imbagħad itlob, itlob lill-Ispirtu. Huwa biss permezz tal-Kelma u tat-talb li titgħallem tiddistingwi, tiddixxerni l-vuċi tal-Ispirtu.

 

Il-Papa fl-enċiklika fin-numru 25 jgħid: “Bil-qawwa tal-Vanġelu l-Ispirtu s-Santu iġedded il-Knisja l-ħin kollu”. Ara ftit kif il-Kelma ta’ Alla hija l-antenna kostanti li ġġedded il-Knisja, li biha l-Knisja tingħaqad mal-Ispirtu s-Santu.

 

 

6. TIEQAFX TIRRINGRAZZJA LILL-ISPIRTU S-SANTU GĦAL DAK LI JAGĦMEL GĦALIK.

 

Ħajtek hija nisġa misterjuża u kontinwa ta’ doni tal-Ispirtu s-Santu: mill-Magħmudija sal-mewt. Mit-twelid tiegħek sal-mewt hemm ħajta tad-deheb: id-doni tal-Ispirtu; ħajta tad-deheb li tgħaddi tul ħajtek kollha. Kultant bilkemm tinduna li jkollok xi doni, allura jeħtieġ tistinka biex issib ħafna aktar doni. U irringrazzja lill-Ispirtu s-Santu għal dawk id-doni li tinduna bihom.

 

Il-Papa fl-enċiklika fin-numru 67 jgħid: “Quddiem l-Ispirtu ninżel għarkobbtejja bi gratitudni”.

 

 

7. IX-XITAN JIKKOPJA LILL-ISPIRTU S-SANTU U JAGĦMEL MINN KOLLOX BIEX IFIXKEL IX-XOGĦOL TIEGĦU.

 

Satana hu x-xadina ta’ Alla, jikkopja lil Alla. Huwa wkoll jibgħat l-ispirazzjonijiet tiegħu, hu wkoll jibgħat il-messaġġi tiegħu, u jibgħat il-messaġġiera tiegħu. Xi drabi meta tiftaħ il-midja ssib il-messaġġier jistenniek, iżda l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jkeċċi lil Satana. Biżżejjed nafdaw lilna nfusna lill-Ispirtu kompletament u fil-pront; imbagħad jirnexxielna negħilbu kull tentazzjoni ta’ Satana jekk inkunu marbuta sew mal-Ispirtu s-Santu.

 

Jien niltaqa’ dejjem iżjed ma’ nies li jibżgħu minn Satana: m’hemmx għalfejn nibżgħu minnu għax aħna għandna l-Ispirtu s-Santu. Meta aħna nkunu marbutin mal-Ispirtu s-Santu, Satana ma jista’ jagħmlilna xejn. Meta nsejħu lill-Ispirtu s-Santu, Satana jiġi mblukkat. Meta nitolbu lill-Ispirtu s-Santu fuq in-nies, Satana jkun bla saħħa.

 

Il-Papa fl-enċiklika fin-numru 38 kiteb: “Satana, il-ġenju pervers tas-suspett, jisfida lill-bniedem biex isir l-għadu ta’ Alla”.

 

 

8. OFFIŻA FREKWENTI LILL-ISPIRTU HIJA LI MA MA NŻOMMUX RELAZZJONI MIEGĦU BĦALA PERSUNA.

 

Dejjem inħobb ninsisti fuq dan il-punt, għax aħna ma nittrattawx lill-Ispirtu s-Santu bħala persuna.

 

Iżda Ġesù afdana f’idejh u qal li “Jgħallimkom kollox, ifakkarkom f’dak kollu li għallimtkom jiena”.  L-Ispirtu s-Santu jakkumpanjana, jikkonvinċina dwar id-dnub, jiġifieri jaqlagħna mid-dnub tagħna.

 

Ġesù afdana f’idejh u qal li hu isostnina, jgħallimna, u madanakollu ħafna drabi aħna ma nżommux relazzjoni miegħu bħala persuna ħajja, li jgħix fostna. Aħna nqisuh bħala xi realtà ʼl bogħod minna, ma jidhirx, mhux reali.

 

Il-Papa qal dan il-kliem sabiħ, fin-numru 22 tal-enċiklika: “M’huwiex biss don mogħti lil Persuna (lill-persuna tal-Messija), imma hu huwa nnifsu wkoll Persuna-Don”. Huwa l-Persuna li tagħmel lilu nnifsu don, l-għoti bla waqfien tiegħu nnifsu lil Alla.

 

Mela idra ibda dejjem il-ġurnata billi tgħid: “Il-jum it-tajjeb, Spirtu s-Santu”, li hu qrib tiegħek, fik, u biex tispiċċa l-ġurnata għid: “Il-lejl it-tajjeb Spirtu s-Santu”, li hu fik u li jiggwidak ukoll fil-mistrieħ.

 

 

9. ĠESÙ WIEGĦED LI L-MISSIER JAGĦTI L-ISPIRTU LIL KULL MIN JITOLBU.

 

Ġesù ma qalx li l-Missier jagħti l-Ispirtu lil dawk li jistħoqqilhom; huwa qal li jagħti l-Ispirtu lil dawk li jitolbuh. Għalhekk irridu nitolbu bil-fidi u l-perseveranza.

 

Il-Papa fin-numru 65 tal-enċiklika jgħid: “L-Ispirtu s-Santu hu don li jiġi f’qalb il-bniedem flimkien mat-talb”.

10. L-ISPIRTU HUWA L-IMĦABBA TA’ ALLA MXERRDA F’QALBNA.

 

Aktar ma ngħixu fl-imħabba, iktar ngħixu fl-Ispirtu s-Santu. Iktar ma nsegwu l-egoiżmu tagħna aktar nitbiegħdu mill-Ispirtu s-Santu. Imma l-Ispirtu ma jaqta’ qalbu qatt, jistimulana kontinwament fl-imħabba.

 

Il-Papa fl-enċiklika jgħid: “L-Ispirtu s-Santu hu Persuna-Imħabba, fih il-ħajja intima ta’ Alla ssir don”.

 

Jagħtini bla waqfien l-ħajja intima Tiegħu, għax l-imħabba ta’ Alla mxerrda f’qalbna hija l-Ispirtu s-Santu nnifsu.

 

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes