IL-QUDDIESA

ĠESTI U SIMBOLI

1. IL-VIŻTA LIL ĠESÙ SAGRAMENTAT    

Tkun ħaġa sabiħa li għall-quddiesa dejjem naħsbu ftit minuti qabel, mhux biss biex nilħqu nsibu postna u nidħlu fl-ambjent, imma biex qabel ngħaddu naduraw lil Ġesù Ewkaristija preżenti ħaj fit-Tabernaklu, normalment fil-Kappella tas-Sagrament. Nistgħu nsellmulu b’xi talba spontanja bħal “Ġesù, jiena hawn”, b’xi ġakulatorja qasira, jew anki b’xi Viżta li tgħallimna, li nġorru magħna jew li nsibu fil-post.

2. INWIEĠBU FIL-ĦIN    

Hemm diversi mumenti fil-quddiesa li fihom aħna mistiedna nwieġbu għas-sejħa li qed jagħmlilna Alla permezz tas-saċerdot. Jesprimu t-tweġiba tal-fidi tagħna bħala komunità għall-imħabba li l-Mulej jurina kull darba fil-quddiesa: bħalma hija l-‘Amen’ fi tmiem diversi talbiet u kif nitqarbnu, u frażijiet oħra naqra itwal bħal dawk ta’ wara l-Offertorju (eż. “Jilqa’ l-Mulej minn idejk…”).

It-tweġiba tagħna – la ngħajtu żżejjed u lanqas minn taħt l-ilsien, la ngħaġġlu wisq u lanqas inkarkru, u fuq kollox b’vuċi waħda flimkien bħala komunità u fil-ħin – turi l-korrispondenza tal-qalb tagħna ma’ dik ta’ Ġesù li f’kull quddiesa jkompli jtenni l-“iva” tiegħu lill-Missier għas-salvazzjoni tagħna l-bnedmin ħutu.

3. NISIMGĦU B'ATTENZJONI    

L-ewwel parti prinċipali tal-Quddiesa tissejjaħ ‘il-Liturġija tal-Kelma’. Fiha l-Knisja minn fuq l-ambone xxandrilna l-Bxara t-tajba meħuda mill-kotba tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, li fil-qalba tagħhom hemm il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fis-Salm hemm ukoll it-tweġiba tagħna għall-qari. Nhar ta’ Ħadd issir ukoll it-tifsira ta’ din il-Kelma mis-saċerdot permezz tal-omelija.

F’dawn il-mumenti, sew jekk bilqiegħda biex noqogħdu attenti u sew jekk bilwieqfa biex nuru l-qima tagħna għall-Kelma tal-Mulej, aħna mistednin niftħu widnejna u qalbna, bla ma nħallu xejn jaljenana, biex nilqgħuha b’għożża, għax hi Kelma ħajja li fiha hemm preżenti Kristu nnifsu, li jkellimna b’fomm il-letturi, is-salmista u s-saċerdot li jkun jiċċelebra.

4. IL-ĠESTI F'WAQTHOM    

Il-quddiesa mhijiex ċelebrazzjoni statika imma dinamika. Mill-poplu Lhudi aħna l-Insara writna ħafna ġesti sbieħ li jesprimu l-involviment tal-persuna kollha tagħna fl-iktar talba għażiża għalina. Inqumu bilwieqfa, inpoġġu bilqiegħda, ninżlu għarkupptejna, inħabbtu fuq sidirna, niftħu jdejna jew niġbruhom fit-talb, nagħmlu s-sinjal tas-salib, inbaxxu rasna, nagħlqu għajnejna, u l-bqija.

Kull ġest li nagħmlu, ejja nagħmluh sew, f’ħinu u f’waqtu, u fuq kollox nifhmu xi nkunu nagħmlu u għalfejn qed nagħmluh. Hekk, b’ġisimna kollu, u mhux biss bil-ħsieb tagħna, inkunu qed infissru lil Alla dak li nħossu u li nixtiequ ngħidulu.

5. INĦARSU LEJN L-ARTAL    

L-ewwel parti prinċipali tal-Quddiesa tissejjaħ ‘il-Liturġija tal-Kelma’. Fiha l-Knisja minn fuq l-ambone xxandrilna l-Bxara t-tajba meħuda mill-kotba tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, li fil-qalba tagħhom hemm il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fis-Salm hemm ukoll it-tweġiba tagħna għall-qari. Nhar ta’ Ħadd issir ukoll it-tifsira ta’ din il-Kelma mis-saċerdot permezz tal-omelija.

F’dawn il-mumenti, sew jekk bilqiegħda biex noqogħdu attenti u sew jekk bilwieqfa biex nuru l-qima tagħna għall-Kelma tal-Mulej, aħna mistednin niftħu widnejna u qalbna, bla ma nħallu xejn jaljenana, biex nilqgħuha b’għożża, għax hi Kelma ħajja li fiha hemm preżenti Kristu nnifsu, li jkellimna b’fomm il-letturi, is-salmista u s-saċerdot li jkun jiċċelebra.

6. IS-SKIET BIEX NISIMGĦU    

F’dinja li hi mimlija bl-istorbju u l-għagħa, is-skiet aktar u aktar għandna napprezzawh u nfittxuh. Jgħinna nerġgħu nidħlu f’‘konnessjoni’ ma’ Alla u magħna nfusna. Ġesù nnifsu wriena li biex jisma’ l-kelma tal-Missier fil-qalb tiegħu kellu jfittex il-ħemda ta’ postijiet imwarrba u ħin fis-skiet għat-talb u l-meditazzjoni. Il-valur tas-silenzju nifhmuh ukoll mill-ħajjiet ta’ ħafna qaddisin.

Mhux biss fil-ħinijiet ta’ qabel u wara l-quddiesa għandna nżommu klima ta’ skiet biex ninġabru aħna u nħallu lil min jitlob, imma anki f’diversi mumenti taċ-ċelebrazzjoni, bħalma hu l-ħin ta’ wara l-omelija u ta’ wara t-tqarbin, aħna mistednin nagħtu importanza lis-skiet, ladarba nafu li Alla jippreferih biex jista’ jlissnilna kelmtu fil-qalb tagħna.

7. INKANTAW BIEX INFAĦĦRU    

L-għaref Santu Wistin jgħidilna li min ikanta jkun jitlob darbtejn! Fit-Testment il-Qadim, il-poplu Lhudi kien jitlob permezz tas-Salmi, li prattikament huma għanjiet bl-intenzjoni li jitkantaw bl-akkumpanjament ta’ strumenti mużikali.

F’kull liturġija, iktar u iktar il-quddiesa, il-kant mhuwiex addenda għat-tiżjin, imma parti essenzjali miċ-ċelebrazzjoni li tesprimi l-qalb imfawra bit-tifħir lejn Alla. Il-kor, l-istrumenti mużikali u l-innijiet adatti janimaw lill-ġemgħa biex titlob permezz tal-kant, li fih kulħadd għandu jipparteċipa bil-leħen tiegħu.

8. IL-KWIET WAQT LI ĦERĠIN    

Il-knisja hija d-dar ta’ Alla u għandna nagħtuha r-rispett li jixraq lil dan it-tempju: bl-ilbies, l-imġiba u l-ġesti tagħna. Barra mill-ħin tal-quddiesa, xorta tibqa’ post ta’ talb fejn in-Nisrani fis-skiet u l-ġabra jidħol biex ifittex u jsib lil Alla.

L-aħħar kliem tas-saċerdot fil-quddiesa, “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, ma jfissirx li spiċċa kollox, imma li issa hu mistenni l-impenn tagħna biex inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn. Tkun ħaġa sabiħa li mhux biss nibqgħu f’postna sakemm nispiċċaw inkantaw l-innu tal-aħħar, imma wara dan, noqogħdu ftit miġbura fis-skiet nirringrazzjaw lil Alla tad-doni li għadu kemm tana. Id-diskors bejnietna nżommuh għal barra l-knisja, u noħorġu minnha fil-kwiet biex inħallu lil min irid ikompli jitlob.