Laikos

 

 

SANT’ ANTON TAD-DEŻERT

 Vita Antonii

(Il-Ħajja ta' Sant' Anton Abbati)

Minn Sant’ Atanasju

 

Daħla ta’ San Atanasju

 

Hija għażla tajba din taghkom li intom dħaltu mar-rħieb tal-Eġittu u ppruvajtu ssiru daqshom jew tiżbquhom fit-taħriġ tagħkom tal-virtu’. Għaliex magħkom hemm ukoll monasteri u l-isem ta’ raħeb issa ħa fama. Dan l-għemil tagħkom ħaqqu t-tifħir u jalla Alla jwettqu skond it-talb tagħkom.

U billi wkoll intom tlabtuni ngħidilkom xi ħaġa dwar il-mod ta’ kif kien jgħix il-qaddis Antonju u tixtiequ tkunu tafu kif beda l-ħajja tiegħu ta’ reliġjuż, u x’għamel qabel u kif kien it-tmiem ta’ ħajtu, u jekk dak kollu li ntqal dwaru kienx veru, biex tippruvaw timitawh bil-qalb kollha, jien lest li nagħmel dak li tridu intom. Għaliex jien ukoll insib ħafna għajnuna meta biss niftakar f’Antonju u jien naf li intom ukoll meta tisimgħu, barra li tammiraw lil dan il-bniedem, tkunu tixtiequ timitaw l-għan tiegħu u lil ħajtu. Għaliex il-ħajja ta’ Antonju hija, għar-rħieb, gwida għall-ħajja reliġjuża. Emmnu għalhekk dak li smajt dwaru minn dawk li qalulkom: anzi emmnu li ftit qalulkom. Għaliex tassew kienet ħaġa diffiċli għalihom li jgħidulkom kollox, billi ukoll jien, niktbilkom x’niktbilkom f’din l-ittra li ħeġġiġtuni biex nikteb, ftit sejjer ngħid lilkom dwaru. Għalhekk tieqfu qatt issaqsu dwaru lil dawk li waslu sa fejnkom bil-baħar u mbagħad forsi hekk kif kull wieħed jgħidilkom dak li jaf, l-istorja ftit jew wisq tkun tixraq iżjed lil dan il-bniedem.

Issa meta jien irċivejt l-ittra tagħkom ridt nibgħat għal xi wħud mill-irħieb li kienu l-iktar qrib tiegħu biex insir naf iktar dwaru u hekk nibagħtilkom storja iktar mimlija ta’ ħajtu.Imma billi l-istaġun tat-tbaħħir kien se jispiċċa u billi dak li wassalli l-ittra għafasni, ħaffift biex nikteb lit-tjubija tagħkom dak li jien stess naf, għaliex jien ukoll ta’ sikwit kont narah, u dak li jien stajt nitgħallem minnu, għaliex għal żmien twil jien kont l-assistent jew l-ajjutant tiegħu u kont jien li nitfagħlu l-ilma fuq idejh. Qgħadt attent ħafna biex nagħti l-fatti biex ħadd ma jkollu dubju meta jisma’ iżjed, u min-naħa l-oħra biex ħadd ma jaħseb in-nieqes dwar dan il-bniedem billi ma jkunx sema’ biżżejjed dwaru.

 

 

L-Ewwel Ktieb

Kif Antonju ħarreġ lilu nnifsu

 

L-Ewwel Kapitlu

Is-Sejħa ta’ Alla

 

Antonju kien Eġizzjan, bin ġenituri nobbli u tat-tajjeb u billi kienu Nsara rabbewh ta’ Nisrani. Bħala tifel kien jgħix mal-ġenituri tiegħu u kien jaf biss lilhom u d-dar tiegħu, u meta beda jitfarfar u jikber fl-eta’, ma riedx jitgħallem, billi ma xtaqx ikollu l-kumpanija tat-tfal.Ix-xewqa kollha tiegħu kienet kif hemm miktub dwar Ġakobb, li sempliċiment joqgħod id-dar (Ġen 25,27)

Flimkien mal-ġenituri kien imur il-knisja u kien joqgħod ħafna attent, mhux bħat-tfal l-oħra ta’ mparu, u lanqas b’sens ta’ disprezz meta wieħed jibda jikber fl-eta’ imma kien jobdi lill-ġenituri tiegħu, kien jisma’ b’attenzjoni kbira s-siltiet ta’ l-Iskrittura Mqaddsa li kienu jinqraw u b’għaqal kbir kien iżomm f’qalbu l-frott tagħhom. Ukoll, għalkemm kien jgħix f’familja tat-tajjeb, ma kienx jgħid lill-ġenituri biex jagħtuh ikel tajjeb u varjat u lanqas kien jidher li kien jieħu gost bih; kien ikun kuntent b’dak li kienu jagħtuh u qatt ma kien jitlob għal iktar.

Wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, baqa’ waħdu ma’ oħtu żgħira ħafna. Kellu tmintax jew għoxrin sena u kellu jieħu ħsieb id-dar u oħtu. Inqas minn sitt xhur wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, kien sejjer il-knisja bħas-soltu u mat-triq beda jaħseb, kif kienmitluf fi ħsebijietu, bejnu u bejn ruħu kien qiegħed iġib f’moħħu kif l-Appostli ħallew kollox u marru wara l-Mulej, u kif fl-Atti ta’ l-Appostli l-ewwel Insara biegħu kull ma kellhom u taw il-qligħ li kellhom lill-Appostli biex iqassmuh lil dawk li kienu fil-bżonn - b’tama u fidi kbira li l-ħlas kien qiegħed jistennihom fis-sema. B’dawn il-ħsibijiet f’moħħu, daħal il-knisja u nzerta li dak il-ħin kien qiegħed jinqara l-Evanġelju u sema’ lill-Mulej jgħid lir-raġel għani: “Jekk trid tkun perfett mur bigħ dak kollu li għandek, agħtih lill-foqra, ejja warajja u jkollok teżor fis-sema” (Mt 19,21) Antonju ħassbħallikieku t-tifkira tal-qaddisin ġiet f’moħħu bi tnebbiħa divina u, konvint kif kien li dik is-silta mill-Vanġelu kienet inqrat proprju għalih, ħareġ malajr mill-knisja, ta lin-nies tar-raħal tiegħu l-propjeta’ tiegħu, 300 ejkers ta’ raba’ għammiel u sabiħ ħafna. Għamel hekk biex ma biex ma jindaħlux iżjed la lilu u lanqas lil oħtu. Biegħ ukoll dak li kien tiegħu, u minnu għamel kemxa flus mhux ħażin. Din qassamha lill-fqar wara li żamm xi ħaġa minnhom minħabba oħtu.

Imma meta għal darba oħra daħal il-knisja u sema’ l-Mulej jgħid fil-Vanġelu: “Tħabblux raskom għall-għada” (Mt 6,34) ma felaħx jistenna iżjed, ħareġ u qassam li kien baqagħlu mill-flus lill-fqar. Lil oħtu fdaha f’idejn xebbiet fidili li hu kien jaf tajjeb biex tkun imrobbija u mħarrġa fil-verġinita’, u hu nnifsu tħarreġ għall-ħajja reliġjuża li kellu jgħaddi fil-ġejjieni barra mid-dar tiegħu; ħajja ta’ penitenza. Għaliex fl-Eġittu kienu għadhom ma nħolqux eremitaġġi u l-ebda raħeb ma kien jaf bid-deżert il-kbir, imma kull min kien irid jieħu ħsieb ruħu kien jitħarreġ waħdu, mhux ‘il bogħod wisq mir-raħal tiegħu.

Issa f’dak iż-żmien, f’raħal fil-qrib, kien hemm raġel xiħ li sa minn żgħożitu kien jgħix ħajja solitarja. Antonju, malli rah, tħeġġeġ biex jimitah, u hu wkoll beda joqgħod f’postijiet qrib ir-raħal. Minn hemm, mallik kien isir jaf li xi mkien kien hemm persuna mħeġġa, kien imur ifittixha bħal naħla bieżla, u lanqas kien imur lura f’postu qabel ma jkun rah u tgħallem mingħandha dak kollu li kien jgħinu fit-triq tal-virtu’. Imbagħad kien imur lura. Hemmhekk għamel l-ewwel passi tiegħu tal-qdusija. Għamel fehma soda biex ma joħroġx barra mit-triq li kien għażel u lanqas jiddispjaċih għall-wirt tal-ġenituri tiegħu. Ma ftakarx iżjed fil-familja tiegħu imma x-xewqa u l-enerġija tiegħu ġabarhom biex jissaħħaħ fil-ħajja reliġjuża. Beda jagħmel xogħol ta’ l-idejn billi kien sema’ li “jekk wieħed ma jaħdimx lanqas għandu jedd jiekol”.

Parti mix-xogħol tiegħu għamlu biex ikollu l-ħobż, u l-bqija tah lill-fqar. Kien jitlob il-ħin kollu billi kien jaf li wieħed għandu jitlob privatament u l-ħin kollu. U tant kien joqgħod attent għall-qari tal-Kotba Mqaddsa li xejn minn dak li kien jisma’ ma kien jaħrablu imma, kien iżomm kollox f’moħħu u l-memorja tiegħu kienet għalih bħal ħafna kotba.

Hekk Antonju kien jgħix u kien maħbub minn kulħadd. Ingħaqad mar-rħieb għaqlin u l-iżjed qaddisa u kien joqgħod għalihom b’mod kif suppost u xieraq u kien joqgħod jaħseb fuq il-kobor tal-ħeġġa għall-qdusija ta’ kull wieħed minnhom. F’wieħed kien jara l-ħlewwa, fl-ieħor il-perseveranza fit-talb, f’ieħor kien jammira l-paċenzja li qatt ma kienet tħallih jinkorla, f’ieħor l-umanita’ kbira tiegħu. Kien josserva lil dawk li kienu jgħaddu l-lejl kollu fis-sahra u jaqraw il-Kotba Mqaddsa; kien jammira lil min kien isum u jorqod fl-art, kien josserva u jammira lil min kellu l-ħlewwa u l-qalb kbira, u f’kulħadd id-devozzjoni kbira lejn Kristu u l-imħabba wieħed ta’ għall-ieħor. B’hekk, għani b’dak li kien tgħallem minnhom, reġa’ mar fil-post tas-solitudni tiegħu u minn dak il-mument għamel kemm seta’ biex juri fih dak kollu li kien tgħallem minn kull wieħed mill-irħieb.. Qatt ma kien ikollu xi jgħid ma’ dawk ta’ mparu, imma f’moħħu kellu ħaġa waħda biss: li ma jkunx inqas minnhom f’dak li hu tajjeb. U fil-waqt li għamel dan, ma nikket lil ħadd, anzi ħafna kienu ferħana jiltaqgħu miegħu . Għalhekk dawk in-nies tar-raħal li kien imdorri jżur u li kienu jħobbu dak kollu li hu tajjeb, meta kienu jaraw dan il-karattru tiegħu kienu jsejħulu “teofilu” jiġifieri “dak li jħobb lil Alla”. Oħrajn kienu jsellmulu u jqisuh bħala binhom, oħrajn bħal ħuhom.

It-Tieni Kapitlu

L-Ewwel Tentazzjonijiet

 

Ix-xitan li jobgħod u jgħir għal dak kollu li hu tajjeb, ma ħamilx u ma felaħx jara l-mod kif dak iż-żagħżugħ kif kien qiegħed jgħix u pprova juża kontrih kull mezz li hu espert fih. L-ewwel ipprova jbiegħdu mill-ħajja tiegħu tar-ruħ billi jġiblu f’moħħu l-ħsieb tal-ġid materjali li kellu, il-ħsieb tal-kura ta’ oħtu, l-intimita’ tiegħu ma’ qrabatu, l-imħabba għall-flus, l-imħabba għall-fama, il-gost li jagħtik ikel l-raffinat, u l-kumditajiet l-oħra tal-ħajja, u fl-aħħarnett kemm hi iebsa l-virtu’ u kemm trid titħabat biex takkwistaha, fil-waqt li jissuġġerixxu li l-ġisem hu dgħajjef u ż-żmien hu twil. Imma ma waqafx hemm. Qanqal f’moħħu numru mhux ħażin ta’ argumenti foloz biex iwarrbuh mir-rieda li jibqa’ fit-triq it-tajba. Imma meta l-għadu ra li ma seta’ jagħmel xejn quddiem ir-riżoluzzjoni ta’ Antonju u li hu stess kien mirbuħ bir-rieda soda tiegħu u mkeċċi mill-fidi qawwija tiegħu u mwarrab minħabba t-talb xejn ma jaqta’ ta’ Antonju, poġġa l-fiduċja tiegħu “fl-armi li kienu mdendlin minn qaddu” (Ġob 40,11) u jkanta glorja fihom (għaliex dawn huma l-ewwel nassa tiegħu kontra ż-żgħażagħ), qam kontra ż-żagħżugħ, billi bil-lejl beda jfixklu, u bi nhar jattakkah, tant li anke dawk li kienu jarawh kienu jistgħu jintebħu bil-battalja li kienet għaddejja bejniethom it-tnejn. Ix-xitan beda jittantah bil-ħsibijiet ħżiena, u l-ieħor kien ikeċċihom permezz tat-talb li kien jagħmel. Kien iqanqal fih sentimenti koroh u Antonju kollu mistħija, jiddefendi lilu nnifsu permezz tal-fidi, tat-talb u tas-sawm. Ix-xitan bil-lejl kien saħansitra jidhirlu taħt għamla ta’ mara sempliċiment biex iqarraq b’Antonju u hu kien jitfi n-nar ta’ dik it-tentazzjoni billi kien jaħseb fi Kristu u n-nobilta’ li għandna permezz Tiegħu, u fid-dinjita’ tar-ruħ (1 Kor 15) Għal darba oħra l-għadu ssuġġerielu l-gost tal-pjaċiri tas-sensi imma hu nkurlat, u ddispjaċut, ħaseb fuq it-tehddida tan-nar u t-turment tad-dud (Mk 9,43) Dawn kienu t-tarka tiegħu kontra t-tentazzjonijiet u għalhekk ħareġ minnhom qawwi. Għalhekk dawn sfaw ta’ konfużjoni għall-għadu għaliex dak li ħaseb li għandu jkun daqs Alla, issa kien imżeblaħ minn wieħed żagħżugħ, u dak li kien jiftaħar bil-ġisem issa kien mirbuħ minn bniedem imlibbes bil-ġisem. Għenu l-Mulej li ħa l-ġisem għalina u ta lill-ġisem ir-rebħa fuq ix-xitan, sabiex dawk li tassew jissieltu, jkunu jistgħu jgħidu; “Mhux jien imma l-grazzja t’Alla li hemm fija” (1 Kor 15,10)

Billi lanqas b’dan il-mezz is-serp tal-infern ma seta’ jirbaħ lil Antonju, imma ra lilu nnifsu mkeċċi minn qalbu, fl-aħħarnett jgħażżaż snienu kif inhu miktub (Salm 111,10) bħal wieħed mitluf f’dagħdigħa, għamel f’moħħu li jidher lil Antonju taħt is-sura ta’ tifel iswed li beda jfaħħru. Ma ttentaħx iżjed bi ħsibijiet. Billi l-qarrieq kien tkeċċa, b’vuċi ta’ bniedem qallu; “Jien qarraqt lil ħafna u għelibt lil ħafna, madankollu issa meta attakkajt lilek u l-għemil tiegħek bħalma attakkajt lill-oħrajn, ma kontx qawwi u f’saħħti biżżejjed” Antonju staqsieh; “Min int li qiegħed tgħidli dawn l-affarijiet?” Imbagħad irrispondieh b’ton ta’ niket: “Jien dak li jħobb kull ħaġa li mhijiex safja, jien ħsiebi biss biex nitfa’ fix-xibka u nwaqqa’ fit-tentazzjoni liż-żgħażagħ; u lili jsejħuli l-ispirtu tal-fornikazzjoni”. Jien qarraqt b’ħafna li riedu jibqgħu għassa fuqhom infushom. Ħafna li kienu kasti u safja waqqajthom fit-tentazzjoni. Jiena dak li l-profeta kellu jinqeda bih u jsemmih meta ċanfar lil dawk li waqgħu billi qal: “Intom tqarraqtu bl-ispirtu tal-fornikazzjoni jew żina għaliex hu ġegħelkom taqgħu.’’ Jien dak li ta’ sikwit kont nittentak u ta’ sikwit ukoll kont inkun mirbuħ minnek. Imbagħad Antonju rringrazzja lil Alla u bil-kuraġġ kollu qallu; “Mela int ta’ min jiddisprezzak, għaliex moħħok hu iswed u s-saħħa tiegħek daqs dik ta’ tifel żgħir. Ma nħoss l-ebda ħeġġa u ansjeta’ għalik għaliex il-Mulej hu dak li jgħinni u jiena niddisprezza l-għedewwa tiegħi.’’ (Salm 117,7) Malli sema dan il-kliem dak l-ispirtu iswed ħarab minnufih, imwerwer b’dan il-kliem u saħansitra beża’ jersaq lejn Antonju.

Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Antonju fuq ix-xitan jew aħjar dan kien it-trijonf tal-Feddej f’Antonju, il-Feddej “li kkundanna d-dnub fil-ġisem, sabiex il-ġustizzja tal-liġi tkun tista’ titwettaq fina li nimxu mhux skond il-ġisem, imma skond l-ispirtu (Rum 8,3-4)

Antonju, wara li kważi rażżan lix-xitan, baqa’ jgħasses fuqu nnifsu u min-naħa l-oħra allavolja l-għadu kien mirbuħ ma waqafx jittentah. Għaliex kien idur madwaru bħal iljun, ifittex xi okkażjoni biex iwaqqgħu. U Antonju li mill-Kotba Mqaddsa kien tgħallem li l-għadu għandu minjiera ta’ ħażen ( Lq 10,19) intefa’ il-ħeġġa kollha għall-ħajja reliġjuża, billi kellu f’moħħu li għalkemm il-għadu ma kellux il-ħila jħassarlu lil qalbu bil-pjaċiri tal-ġisem, żgur li kien jipprova jwaqqgħu b’mezzi oħra - għax ix-xitan iħobb id-dnub. Għalhekk iżjed u iżjed kien jgħakkes u jrażżan lil ġismu li ma jiġrilux li wara li jkun rebaħ battalja jispiċċa biex jitlef oħra. Minħabba din il-ħaġa, ddeċieda li jitħarreġ fi ħwejjeġ aktar iebsa u ħorox. U ħafna stagħġbu meta raw hekk, imma hu kien jissaporti dan kollu bil-ferħ għaliex il-ħeġġa ta’ l-ispirtu li kienet fih għal żmien twil, ħadmet fih drawwa tajba tant li okkażjoni żgħira mogħtija minn oħrajn kienet twasslu biex jagħmel eżerċizzju jew aħjar taħriġ kbir ta’ żelu. Għaliex tant kien jgħasses fuqu nnifsu li ta’ sikwit kien jgħaddi ljieli mingħajr ma jorqod u din il-ħaġa kienet tiskanta lil kulħadd għaliex kien jagħmilha ta’ sikwit. Kien jiekol darba kuljum wara nżul ix-xemx, u xi drabi kien jikser is-sawma biss wara jumejn u ta’ spiss ukoll wara erbat’ ijiem. L-ikel tiegħu kien ikun ħobż u melħ u x-xorb tiegħu ilma biss. M’hemmx għalfejn nitkellmu dwar il-laħam u l-inbid għaliex lanqas dawk li kienu inferjuri għalih fil-virtuÏ ma kienu jieklu dawn l-affarijiet. Għalih kienet biżżejjed ħasira biex jorqod fuqha; bħala regola kien jorqod fl-art. Qatt ma ried jindilek biż-żejt għaliex kien jgħid li ż-żgħażagħ aħjar jitħarrġu fl-eżerċizzju u ma jfittxux dak li jagħmel artab il-ġisem. Imma iktar għandhom idarruh bis-sagrifiċċju billi jżommu f’moħħhom il-kelmiet ta’ San Pawl: “Meta nkun dgħajjef, imbagħad inkun qawwi” (2 Kor 12,10) Għaliex qal li meta l-gost tal-ġisem ikun dgħajjef, imbagħad is-setgħa tar-ruħ tkun qawwija.

Kellu wkoll dan il-prinċipju li jidher stramb: kien iżomm li t-triq tal-virtu’ ma titqiesx mit-tul taż-żmien, u l-progress li nagħmlu fiha, imma bix-xewqa u b’rieda soda. Għalhekk ma kienx joqgħod jaħseb fuq iż-żmien li għadda minn fuqu, imma kuljum donnu dak inhar qiegħed jibda l-ħajja reliġjuża. Kien jagħmel sforz ikbar biex jimxi ‘l quddiem, il-ħin kollu, jtenni bejnu u bejn ruħu l-kelmiet ta’ San Pawl: “Ninsew l-affarijiet li għaddew u nitħabtu għal dawk li għadhom iridu jiġu’ (Fil 3,13) fil-waqt li f’moħħu kellu wkoll il-leħen tal-profeta Elija jgħid; “Il-Mulej ħaj u quddiemu jien illum ninsab’’ (2 Slat 17,1) Għaliex hu osserva li l-kelma “llum tfisser li li m’għandux jagħti każ taż-żmien li jkun għadda imma, bħallikieku dejjem qiegħed jibda,kien ħerqan li kuljum jidher kif wieħed għandu jidher quddiem Alla: b’qalb safja u lest biex jobdi r-rieda Tiegħu u xejn iżjed. Kien jgħid bejnu u bejn ruħu illi mill-mod ta’ ħajja tal-kbir Elija il-bniedem reliġjuż għandu dejjem jistudja l-mod kif hu qiegħed jgħix qisu f’mera.

 

It-Tielet Kapitlu - Ħajtu fl-Oqbra

 

Wara li rażżan lilu nnifsu, Antonju telaq biex jgħix fl-oqbra li kienu mbegħdin mir-raħal u wara li ftiehem ma’ wieħed li kien qrib tiegħu biex kultant u tant iġiblu l-ħobż. Daħal f’wieħed mill-oqbra, ħabibu għalaqlu l-bieb tiegħu warajh u Antonju baqa’ hemm ġew waħdu. L-għadu ma felaħx għal dan, għaliex beża’ li bil-mod il-mod Antonju kien se jimla d-deżert ukoll bl-irħieb. Lejl wieħed flimkien ma’ qatta’ xjaten, tant sawtu li Antonju ntafa’ ma’ l-art imbikkem bl-uġigħ. Għaliex stqarr, li l-uġeħ tant kien qawwi li d-daqqiet mill-bnedmin ma jwasslux għal agunija bħal dik. Bi providenza ta’ Alla (għaliex il-Mulej ma jinsiex lil dawk li jittamaw fih), l-għada ġie ħabibu biex iġiblu l-ħobż u meta fetaħ il-bieb u rah fl-art mitfugħ qisu mejjet, refgħu, ħadu fil-knisja tar-raħal u poġġieh fl-art. Ħafna minn qrabatu u n-nies tar-raħal qagħdu jgħassu ma’ Antonju bħalma jagħmlu ma’ wieħed mejjet. Imma għal ħabta ta’ nofs il-lejl ġie f’tiegħu u qam u xħin ra li kulħadd kien rieqed u ħabibu biss imqajjem, għamillu sinjal biex imur fejnu u talbu jerġa’ jerfgħu mill-ġdid, jieħdu lura lejn l-oqbra mingħajr ma jqajjem lil ħadd.

Għalhekk dak ir-raġel ħadu lura u l-bieb ingħalaq bħal qabel u Antonju reġa’ sab ruħu waħdu hemm ġew. Ma setax joqgħod bil-wieqfa minħabba d-daqqiet u s-swat li kien irċieva, u għalhekk kien jitlob mindud. Wara t-talb tiegħu qal b’vuċi għolja: “Jien Antonju jien hawn qiegħed, jien miniex sejjer naħrab mis-swat tiegħek. Għaliex allavolja inti ssawwatni iżjed, xejn ma jifridni mill-imħabba ta’ Kristu (Rum 8,35) Imbagħad kanta s-salm “Jekk jitgħammru għal fuqi qatgħa ħarrieba, le ma tibżax qalbi” (Salm 26,3)

Ir-raħeb imbagħad ħaseb u tkellem hekk. Imma l-għadu ta’ dak kollu li hu tajjeb, nistagħġeb li wara tant swat kellu l-kuraġġ jmur lura, sejjaħ flimkien il-ħbieb tiegħu u qalilhom kollu nkurlat: “Qegħdin taraw li aħna ma nrexxilniex inwaqqfu lil dan il-bniedem la bl-ispirtu taż-żina u lanqas bis-swat. Imma hu qiegħed jisfidana; ejjew nattakkawh mod ieħor’’. Għaliex il-pjanijiet tal-ħażen huma ħfief għax-xitan.

Għalhekk bil-lejl tant għamlu storbju li l-post kien triegħed bħal terremot u bħallikieku kissru u għaddew mill-erba’ ħitan tad-dar u x-xjaten donnhom jaħslu jiġru minnhom f’għamla ta’ bhejjem u affarijiet oħra li jitkaxkru u l-post malajr imtela bl-għamliet ta’ ljuni, orsijiet, leopardi, barrin, sriep, lifgħat, skorpjuni u volpijiet li kull wieħed minnhom kien jitħarrek skond ix-xbieha tiegħu. L-iljun beda jgħajjat lest biex jaqbeż, il-barri donnu kien lest jagħti bi qrunu, is-serp tkaxkar imma ma resaqx ħdejh, il-volpi ħejja ruħu bħallikieku lest biex jattakka. U l-istorbju ta’ dawn id-dehriet kollha kien terribbli u r-rabja tagħhom krudila.

Antonju msawwat u maħqur minnhom ħass uġigħ ikbar f’ġismu. Madankollu baqa’ ma beżgħax, u l-ispirtu tiegħu kien iktar ċar u sod. Huwa tniegħed minħabba l-uġigħ li kien iħoss f’ġismu, imma f’moħħu kien kalm u qal kollu ċajt: “Li kieku kellkom u kien hemm xi setgħa fikom kien ikun biżżejjed li jiġi wieħed minnkom biss, imma l-Mulej ħadilkom saħħitkom u dik hi r-raġuni għaliex qegħdin tippruvaw tbeżżgħuni, jekk jista’ jkun bin-numru tagħkom. Hu sinjal li intom bla saħħa li ħadtu l-għamla ta’ bhejjem.’ U kompla qal kollu ferħan: “Jekk tistgħu u jekk irċivejtu l-qawwa fuqi, tistennewx, imma ibdew. Imma jekk ma tistgħux, għaliex qegħdin tkiddu lilkom infuskom għalxejn? Għaliex il-fiduċja tagħna fil-Mulej hija siġill għalina u bħal ħajt ta’ kenn.”

Għalhekk wara li għamlu ħafna sforzi, għażżew snienhom għalih għaliex kienu qegħdin iwaqqgħu għaċ-ċajt lilhom infushom u mhux lilu.

F’din il-ħaġa wkoll il-Mulej ma nesiex it-taqbidiet li kellu Antonju, imma ġie biex jiddefendih. Għaliex Antonju ħares ‘il fuq u lemaħ donnu s-saqaf qed jinfetaħ u raġġ ta’ dawl ġej fuqu. U x-xjaten għebu f’ħakka ta’ għajn, l-uġigħ f’ġismu waqaf f’daqqa u d-dar, jew aħjar il-bini għal darba oħra reġa’ kien sod.

Antonju x’ħin ra li kienet ġietu l-għajnuna, ħa n-nifs iktar ħieles, billi ma kienx iżjed iħoss uġigħ. U staqsa lid-dehra; “Fejn kont? Għaliex ma wrejtx lilek innifsek mill-ewwel biex ittemm it-tbatijiet tiegħi?” U leħen instema’ jgħidlu; “Antonju, jien hawn kont imma jien stennejt biex nara r-reżistenza tiegħek. Għalhekk billi żammejt iebes u ma ċedejtx, jien dejjem se ngħinek u nagħmlek magħruf kullimkien”. Malli sema’ dan il-kliem, Antonju qam u beda jitlob u tant ħa u kellu saħħa li ntebaħ li f’ġismu kellu iżjed qawwa minn qabel. F’dak iż-żmien kellu bejn wieħed u ieħor ħamsa u tletin sena.

 

Ir-Raba’ Kapitlu - Waħdu fid-Deżert

 

L-għada Antonju ħareġ b’ħeġġa ikbar għas-servizz t’Alla u ltaqa’ ma’ dak ir-raġel xiħ li semmejna qabel u talbu jgħix miegħu fid-deżert. Ix-xiħ ma aċċettax minħabba fl-etaÏ tiegħu u għaliex ma kenitx għadha komuni. Imma Antonju bla telf ta’ żmien telaq lejn il-muntanji. Għal darba oħra x’ħin l-għadu ra l-ħeġġa tiegħu, xtaq irażżanha u għalhekk, tefa’ quddiemu fit-triq dixx kbir tal-fidda. Billi Antonju fehem il-qerq tal-Ħażin, waqaf, ħares lejn id-dixx u sfida lix-xitan fih billi qal: “Dixx jew gabarreÏ fid-deżert mnejn ġej? Din m’hijiex triq li għaddew minnha xi nies u ma hemm l-ebda ħjiel li din hi triq traffikuża. U ma setax ikun li waqa’ mingħajr ħadd ma ttenda billi hu kbir ħafna. Barra minn hekk, li kieku ntilef min tilfu zgur kien isibu li kieku dar biex iħares, għaliex il-post hu deżert. Dan hu qerq tax-xitan. M’intix sejjer tfixkel l-għan tiegħi b’din il-ħaġa, ja Satana. Ħalli din il-ħaġa tinqered miegħek.’’ U għal dan il-kliem ta’ Antonju, il-gabarreÏgħeb bħal duħħan quddiem in-nar.

Issa hu u jkompli miexi reġa’ ra dehra oħra. Imma din id-darba ma kenitx dehra jew fantażma, imma li deher kien veru, mitluq fit-triq. Jekk dan kien l-għadu li urihulu jew kenitx xi setgħa aktar għolja li kienet qegħda tħarreġ lid-dixxiplu u turi lix-xitan li hu ma kienx jimpurtah minn xejn lanqas minn għana veru, hu stess ma qal xejn fuq hekk u aħna ma nafux. Nafu biss li kien tassew deheb dak li ra. Antonju stagħġeb b’dik il-kwantita’, imma warrab minnu bħal min-nar u baqa’ għaddej mingħajr ma ħares lura u ġera b’kemm kellu sakemm ma baqax jara dak il-post u ma baqax jiftakar fejn kien.

Għalhekk b’rieda dejjem iktar soda, mar fil-muntanji. Lil hinn mix-xmara sab fortizza li kienet ilha żmien twil mitluqa u li kienet mimlija sriep. Daħal hemm u għammar fiha. Is-sriep ħarbu f’daqqa waħda donnu kien hemm xi ħadd jiġri warajhom u hu għalaq il-bieb. Billi ħażen ħobż kemm iservih għal sitt xhur (in-nies tat-Tebajda jagħmlu hekk u għal sena sħiħa jibqa’ tajjeb u ma jnawwarx) u billi kien hemm l-ilma fil-fortizza, niżel fil-kmamar ta’ ġewwa u beda jgħix hemmhekk waħdu. Hu qatt ma ħareġ u qatt ma ra lil ħadd li ġie jżuru. Għal żmien twil baqa’ jgħix din il-ħajja ta’ qdusija kbira u axxetiċiżmu u kien jirċievi biss il-ħobż darbtejn fis-sena mid-dar ta’ fuq.

Kull min kien jafu u kien jiġi biex jarah ta’ spiss kien jgħaddi ġranet u ljieli sħaħ barra għaliex Antonju ma kienx iħallih jidħol. Dawk li kienu jżuruh kienu bħal donnhom jisimgħu bħal folla kbira hemm ġew, jagħmlu ħsejjes u jgħajtu għajjat li jwaħħax, waqt li jgħidu: “Itlaq minn hawn li hu postna! X’ġejt tagħmel hawn id-deżert? Ma tista’ tagħmel xejn kontra dak li aħna kapaċi nagħmlu”. Għall-ewwel dawk li kien hemm barra ħasbu li kien hemm xi rġiel jiġġieldu ma’ Antonju u li kienu daħlu għandu permezz ta’ sellum. Imma meta tbaxxew u minn ġo toqbra ma raw lil ħadd. Imbagħad ħasbu li kienu x-xjaten, beżgħu għal ġildhom u talbu l-għajnuna ta’ Antonju. Huwa semagħhom, għalkemm ma ta u ma qagħadx jaħseb fuq ix-xjaten, resaq lejn il-bieb u ħeġġeġ lin-nies biex imorru d-dar u ma jibżgħux fil-waqt li qalilhom li x-xjaten jagħmlu dik il-wirja kontra l-beżżiegħa. “Għalhekk roddu s-salib u morru bil-kuraġġ kollu u ħalluhom jaqgħu għaċ-ċajt waħidhom”. Għalhekk telqu imsaħħin bis-sinjal tas-Salib u hu baqa’ waħdu u bl-ebda mod ma kien imweġġgħa minnhom. U lanqas għajja jissielet. L-għajnuna tad-dehriet li kellu mis-sema u d-dgħjufija tal-għedewwa tiegħu ħaffew it-taħbit tiegħu u ħejjewh biex ikollu ħeġġa akbar. Ħbiebu ta’ spiss kienu jmorru fejnu, jistennew li jsibuh mejjet, imma kienu jisimgħuh ikanta; “Ħa jqum Alla

 u jxerred l-għedewwa tiegħu, u dawk li jobgħoduh ħa jaħabru minn quddiem wiċċu. Bħalma jgħib id-duħħan ħa jgħibu huma wkoll; bħalma x-xemgħa tinħall quddiem in-nar hekk ukoll jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla’ (Salm 62,2-3) U wkoll; “Il-ġnus kollha daru madwaru u f’isem il-Mulej jien keċċejthom’ (Salm 117,10)

Għadda kważi għoxrin sena f’din il-ħajja reliġjuża solitarja mingħajr ma joħroġ u mingħajr ħadd ma jarah b’mod regolari. Wara dan, ħafna xtaqu u fittxew li jikkopjaw il-ħajja qaddisa tiegħu, u xi wħud minn ħbiebu ġew u b’kemm kellhom saħħa sfrondaw il-bieb u neħħewħ u Antonju ħareġ minn hemm bħal minn qaddis tal-qaddisin mimli b’sigrieti tas-sema u mimli wkoll bl-Ispirtu ta’ Alla. Din kienet l-ewwel darba li wera ruħu mill-fortizza lil dawk li ġew fejnu. Meta rawh baqgħu skantati għaliex raw li ġismu baqa’ kif kien, la tqal minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju u lanqas għolob bis-sawm u bit-taħbit u bin-numru ta’ drabi li kien jissielet max-xitan. Għaliex hu baqa’ kif kienu jafuh qabel ma nqata’ mid-dinja. Id-dawl ta’ ruħu wkoll kien għal kollox safi. Ma naqasx bil-għali u lanqas iddallam bil-pjaċir fieragħ; ma kellu l-ebda dell ta’ ferħ esaġerat u lanqas ta’ dwejjaq. Ma tħawwadx meta ra folla hekk kbira u lanqas feraħ għax ħafna kienu jsellmulu, imma baqa’ dejjem kalm, bniedem immexxi mir-raġuni divina u b’hekk l-ispirtu tiegħu baqa’ dejjem ekwilibrat.

Permezz tiegħu l-Mulej fejjaq bosta minn dawk preżenti li kienu morda u ħeles oħrajn li kellhom ix-xjaten ġo fihom. U l-Mulej ta lil Antonju ħlewwa f’diskorsu, tant li farraġ lil ħafna fid-dwejjaq tagħhom; għamel ħbieb lil kull min kien għadu u ħeġġeġ lil kulħadd biex ifittxu iżjed l-imħabba ta’ Kristu milli l-ġid kollu tad-dinja. U meta tkellem, ħeġġiġhom biex iżommu f’moħħhom il-ħwejjeġ tajba li għad iridu jiġu u l-imħabba ta’ Alla għalina li “lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma li tah lilna lkoll’’ (Rum 8,32), u ħajjar lil ħafna biex jgħixu ħajja solitarja. Għalhekk minn dak iż-żmien kien hemm monasteri fil-muntanji u d-deżert kien miżgħud bi rħieb li ħarġu minn djarhom, inqatgħu min nieshom u saru ċittadini tas-Saltna tas-Sema.

 

It-Tieni Ktieb - It-Tagħlim ta’ Antonju

 

Kapitlu Ħamsa: X’inhi l-Vokazzjoni ta’ Raheb

 

Meta kellu bżonn jaqsam il-kanal ta’ Arsinoe biex iżur lil sħabu, il-kanal kien mimli kukkudrilli. Hu daħal fih flimkien ma’ dawk kollha li kienu miegħu u waslu x-xatt l-ieħor mingħajr ma ġralhom xejn.

Reġa’ lura lejn il-monasteru tiegħu u kompla l-istess ħidma qaddisa u ġeneruża. Kien jippriedka l-ħin kollu, ikabbar il-ħeġġa ta’ dawk li kienu diġa rħieb u jqanqal ħafna oħrajn għall-imħabba tal-ħajja reliġjuża u malajr, malli l-kelma bdiet tiġbed lill-irġiel, in-numru tal-monasteri sar kbir ħafna; u għal kulħadd Antonju kien gwida u missier.

Darba waħda meta ħareġ u l-irħieb kollha resqu lejh jitolbuh biex jisimgħu diskors, qalilhom hekk bil-lingwa ta’ l-Eġittu:

“L-Iskrittura hija biżżejjed għat-tagħlim tagħna. Madankollu hija ħaġa tajba li nħeġġu lil xulxin fil-fidi u nqanqlu lil xulxin bil-kliem. Għalhekk għidu dak li tafu u għiduh bħat-tfal lil missierhom, fil-waqt li jien bħala l-anzjan fostkom, naqsam magħkom dak li naf u dak li ġarrabt. L-ewwelnett jalla l-istess ħeġġa tkun komuni għal kulħadd, m’għandniex nitilqu dak li nkunu bdejna, jew naqtgħu qalbna mill-ħidma tagħna, jew ngħidu li għixna ħafna f’dan is-servizz, imma iktar għandna nkunu nies li għadna fil-bidu u għandna nitolbu li kuljum ikollna ħeġġa akbar. Għaliex il-ħajja kollha tal-bniedem hi qasira ħafna ħdejn iż-żminijiet li għad iridu jiġu, tant li ż-żmien tagħna ma jixbaħ xejn il-ħajja ta’ dejjem. F’din id-dinja kull ħaġa tinbiegħ b’mod ġust u l-affarijiet jinbidlu ma’ oħrajn ta’ l-istess valur. Imma l-wegħda ta’ ħajja ta’ dejjem tinxtara b’ħaġa żgħira. Għaliex hemm mitkub “Is-snin ta’ ħajjitna huma ta’ sebgħin sena, l-aktar tmenin u l-bqija huma xogħol u dwejjaq’ (Salm 89,10) Jekk imbagħad ngħaddu t-tmenin sena kollha fil-ħajja reliġjuża, jew ukoll il-mija, aħna ma nsaltnux għal dejjem. U jekk it-taħbit tagħna hu f’din id-dinja, il-wirt tagħna ma jkunx f’din id-dinja, imma l-ħlas imwiegħed tagħna jkun fis-Sema. Ġisimna wkoll, li aħna nagħtuh bħala ħaġa li titħassar, nerġgħu neħduh lura nieqes mit-taħsir.

Għalhekk uliedi ejjew ma naqtgħux qalbna, ma ngħejjewx u lanqas naħsbu li qegħdin nagħmlu ħafna; “Għaliex it-tbatijiet ta’ issa m’huma xejn ħdejn il-glorja li għad trid tidher fina” (Rum 8,18) Lanqas għandna nħarsu lura lejn id-dinja, naħsbu li aħna rrinunzjajna ħafna. Għaliex id-dinja kollha hija ħaġa dejqa meta mxebbha mal-Ġenna kollha. Jekk imbagħad aħna konna s-sidien tad-dinja kollha, u rrinunzjajna għad-dinja kollha, dak ukoll ma jkun jiswa xejn ħdejn is-saltna tas-smewwiet. Kif wieħed jiddisprezza munita tal-bronż biex jaqla’ elf tad-deheb, hekk ukoll dak li għandu d-dinja kollha u jirrinunzja għaliha, jagħti ftit u jirċievi mitt darba iżjed. Jekk allura id-dinja kollha ma tiswa xejn ħdejn il-Ġenna, zgur li dak li ta xi ftit għelieqi m’għandux biex jiftaħar u lanqas għandu ma jagħtix każ, għaliex dak li jagħti ma hu xejn, ukoll jekk iħalli dar u ħafna ġid.

Hemm ħaġa oħra x’inqisu: jekk aħna ma ninfatmux minn dawn l-affarijiet minħabba l-virtu’, xorta jkollna nħalluhom warajna iktar ‘il quddiem meta mmutu - u sikwit kif tfakkarna l-Iskrittura dan jiġri. Allura għaliex m’għandniex inħalluhom minħabba l-virtu’ u hekk nirtu saltna?

Għalhekk ejjew ilkoll inkunu nies li ma nkunux ħsiebna fil-ġid. Għaliex x’jiswielna li jkollna dawn il-ħwejjeġ li ma nistgħux nieħdu magħna? Għaliex ma nagħmlux ħilitna biex ikollna dawk il-ħwejjeġ jew aħjar dawk l-affarijiet li nistgħu nieħdu magħna - prudenza, ġustizzja, temperanza, qawwa, fehma, karita’, imħabba għall-fqar, ġentilezza, ħlewwa, ospitalita’? Jekk ikollna dawn il-virtujiet, insibuhom li jmorru qabilna biex jilqgħuna hemm fl-art ta’ dawk ta’ qalbhom ħelwa.

B’dawn il-ħsibijiet jalla bniedem jitqanqal biex joqgħod attent, speċjalment jekk iqis li hu wieħed mill-qaddejja t’Alla u għandu jaqdi lil sidu. Issa kif qaddej ma jissugrax jgħid: “Illum ma naħdimx għaliex ħdimt ilbieraħ’’, hekk ukoll il-bniedem t’Alla lanqas m’għandu jikkalkola u jagħti każ taż-żmien li jkun għadda u jistrieħ fil-jiem li jkunu ġejjin, imma kif insibu fl-Evanġelju (Lq 17,1-8) kuljum juri l-istess rieda, biex iżomm ruħu fil-grazzja tal-Mulej tiegħu u jwarrab mill-periklu. Hekk ukoll ejjew aħna wkoll kuljum nistinkaw fis-servizz tagħna, billi nafu li jekk nitgħażżnu għal jum wieħed, ma jaħfrilniex għaż-żmien l-imgħoddi, imma jinkorla magħna għaliex inkunu nqasnieh. Hekk naqraw f’Eżekjel (Eżek 3,20); hekk ukoll għamel Ġuda meta f’lejl wieħed qered dak li kien ħadem għalih fl-imgħoddi (Ġw 6,71-72)

Għalhekk uliedi, ejjew inkunu sodi fil-ħajja reliġjuża u ma nkunux moħħna band’oħra. Għaliex b’hekk il-Mulej ikun jaħdem magħna kif hemm miktub, “Alla jikkopera fit-tajjeb ma’ kull min jagħżel it-tajjeb” (Rum 8,28). U biex ma naqgħux fin-negliġenza, tkun ħaġa tajba għalina naħsbu fuq is-sentenza ta’ l-Appostlu: “Jien kuljum immut” (1 Kor 15,31) Jekk aħna ngħixu bħallikieku qegħdin immutu kuljum, ma nidinbux. U dan hekk ifisser: illi meta nistenbħu kull fil-għodu, għandna naħsbu li ma nwasslux sa fil-għaxija; u wkoll x’ħin immorru norqdu għandna naħsbu li ma nsebbħux għaliex il-ħajja tagħna min-natura tagħha hi inċerta, u kuljum hi mogħtija lilna mill-Provvidenza. Għalhekk b’dan il-ħsieb f’moħħna ngħixu minn jum għall-ieħor u ma nidinbux. La jkollna xewqa għal xi ħaġa, la jkollna mibegħda għal xi ħadd, lanqas ikollna teżori f’din id-dinja, imma bħala bnedmin li kuljum nistennew li sejrin immutu, għandna nkunu fqar u naħfru kollox lil kulħadd. Ix-xewqat tan-nisa u ta’ gost ħażin għandna nqisuhom bħala ħaġa li taħrab bħar-riħ u nżommu dejjem f’moħħna il-Jum tal-Ġudizzju (Lq 12,5) Għaliex l-ikbar biża’ u l-periklu tat-turment dejjem jiksru l-gost tal-pjaċir u jissodaw lil dawk li għandhom moħħhom imxerred.

Wara li bdejna u qbanda t-triq tal-virtu’, ejjew nitħabtu dejjem iżjed biex nilħqu dak kollu li hemm quddiemna. Ejjew ma nħarsux lura bħall-mara ta’ Lot, speċjalment meta l-Mulej stess qal; “Kull min ipoġġi idu fuq il-moħriet u jħares lura mhux denn tas-saltna tas-smewwiet’ (Lq 9,62) Il-kelmiet “inħarsu lura’’ sempliċiment ifissru li nbiddlu l-ħsibijiet tagħna u neġgħu inħabblu rasna bil-ħwejjeġ ta’ din id-dinja.

U meta tisimgħu min jitkellem dwar il-virtu’, tibżgħux, u lanqas għandkom taraw din il-kelma bħala stramba, għaliex mhix imbiegħda minna. Lanqas hi xi ħaġa barra minna. Li l-virtu’ hija fina, u jekk għandna r-rieda, hija ħaġa ħafifa li nitħarrġu fiha. Il-Griegi jsiefru u jaqsmu l-ibħra biex jistudjaw il-letteratura, imma aħna m’għandniex bżonn insiefru biex naslu għas-Saltna tas-Smewwiet, u lanqas naqsmu l-ibħra biex insibu l-virtu’. Il-Mulej diġa qalilna: “Is-Saltna tas-smewwiet fikom qiegħda’ (Lq 17,21) Għalhekk il-virtu’ trid biss ir-rieda tagħna billi hi ġewwa fina u tikber minna, u l-virtu’ tikber meta r-ruħ iżżomm il-ftehim u tibda tifhem skond in-natura. Dan hu skond in-natura meta din tibqa’ kif kienet magħmula. Din kienet magħmula sabiħa u b’mod perfett. Għal din ir-raġuni, Ġożwe bin Nun ordna lill-poplu; “Idduttaw lil qlubkom skond triqatkom.” (Ġoż 24,23) Ir-rettitudni tar-ruħ tikkonsisti fil-fatt li l-menti jkunu jaqblu man-natura kif kienet magħmula; hekk kif, min-naħa l-oħra, ir-ruħ tkun ħażina meta titbiegħed minn kif għamlitha n-natura.Għalhekk ix-xogħol mhux tqil; jekk nibqgħu kif Alla għamilna, aħna jkollna l-virtu’. Jekk f’moħħna naħżnu l-ħażen, aħna nqisu lilna nfusna bħala ħżiena. U kieku l-virtuÏ kienet ħaġa li rridu nfittxuha ‘l barra minna nfusna, irridu nitħabtu u nitħabtu ħafna; imma jekk hi xi ħaġa li hi fina, ejjew ngħassu fuqna nfusna biex ma jkollniex ħsibijiet ħżiena u nżommu ruħna safja għal Alla, bħala xi ħaġa li Hu fdalna biex ikun jista’ jagħraf l-għemil tiegħu, billi jsibha kif Hu għamilha.

Ejjew nissieltu wkoll biex ma nkunux mirbuħa mill-korla jew naqgħu lsiera tal-konkupixxenza. Għaliex hemm miktub li “l-għadab tal-bniedem ma jaħdimx il-ġustizzja ta’ Alla’ (Ġak 1,20) u “l-passjoni meta tnissel, tiled id-dnub u d-dnub meta jsir, iġib il-mewt’ (Ġak 1,15).

 

Kapitlu Sitta - Dwar l-Assalti tax-xjaten

 

Sakemm indumu ngħixu f’din id-dinja, ejjew ngħassu bla ma nieqfu u l-ħin kollu u kif hemm miktub “B’ħiltek kollha ħares ‘il qalbek’’ (Prov 4;23). Għaliex għandna għedewwa terribbli u bla skrupli ta’ xejn, ix-xjaten ħżiena, u kontrihom għandha tkun il-gwerra tagħna, bħal ma qal l-Appostlu Pawlu, “Għax il-ġlieda tagħna mhix ma’ l-għedewwa tad-demm u l-laħam imma mal-prinċipijiet u s-setgħat, mal-mexxejja ta’ din id-dinja tad-dlam, ma’ l-erwieħ tal-ħażen li jiġġerrew fl-ajru’ (Efes 6;12) Kbir hu n-numru tagħhom fl-ajru madwarna u mhumiex imbegħdin minna. Imma hemm differenza kbira fihom u bejniethom. Ma kont nispiċċa qatt li kelli nitkellem dwar in-natura u d-differenza tagħhom u diskors bħal dan hu għal oħrajn ikbar minna; l-unika ħaġa li issa qiegħda tagħfas u li hi bżonnjuża hi li nkunu kapaċi nagħrfu l-qerq tagħhom kontrina.

Ejjew l-ewwelnett nifhmu din il-ħaġa, li x-xjaten ma kenux magħmula xjaten, għax Alla ma għamel xejn ħażin. Huma wkoll kienu maħluqin sbieħ; imma waqgħu mill-għerf tas-sema. U minn dak in-nhar ‘il quddiem baqgħu jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn mad-dinja, jqarrqu lill-Griegi bid-dehriet tagħhom. Huma jgħiru għalina l-Insara u jqanqlu kollox biex itellfuna mit-triq tagħna għall-Ġenna, biex ma naslux nieħdu l-post mnejn waqgħu huma. Għalhekk hemm bżonn ta’ ħafna talb u dixxiplina fuqu nnifsu biex il-bniedem ikun jista’ jirċievi mill-Ispirtu s-Santu d-don li jagħrfu l-ispirti u jkun jista’ jkun jaf dwarhom - liema minnhom huma l-inqas ħżiena u liema l-aktar ħżiena, fiex jinteressa ruħu kull wieħed minnhom; u kif kull wieħed minnhom jista’ jkun mirbuħ u mkeċċi. Huma għandhom bosta qerq u ħafna modi fil-pjanijiet tagħhom. L-Appostlu qaddis Pawlu u s-segwaċi tiegħu kienu jafuh dan ghax qal: “Il-ħsibijiet tiegħu nafuhom tajjeb’’ (2 Kor 2,11). Aħna li nkunu ttantati minnhom, għandna ngħinu lil xulxin. Għalhekk billi jien b’xi mod kelli esperjenza tagħhom, inkellemkom bħal uliedi.

Jekk ix-xjaten jaraw xi Nsara speċjalment l-irħieb, jitħabtu kollhom ferħana u jimxu ‘l quddiem, dawn jattakkawhom u jġarrbuhom billi l-ħin kollu jqiegħdu xkiel fi triqthom. Dan ix-xkiel huma ħsibijiet ħżiena. M’għandniex nibżgħu mis-suġġerimenti tagħhom għaliex bit-talb, bis-sawm u bil-fiduċja fil-Mulej, dawn malajr ikunu mirbuħa. Madankollu allavolja mirbuħa, ix-xjaten ma jeqfux imma jerġgħu lura kollha ħażen u qerq. Għaliex meta ma jistgħux iħassru l-qalb b’gost impur ċar, huma jattakkawha b’mod ieħor u jippruvaw ibeżżgħuha billi jinżġu fantażmi li jieħu l-għamla ta’ nisa, bhejjem, u rettili, ta’ iġsma ġiganteski, u ta’ eżerċti ta’ suldati. Minkejja dan, m’għandniex nibżgħu mill-fantażmi tagħhom għaliex dawn m’huma xejn u malajr jgħibu, speċjalment jekk wieħed jarma ruħu bil-fidi u bis-Sinjal tas-Salib. Imma huma jissograw u huma għal kollox bla mistħija. Jekk b’dan il-mod ukoll ikunu mirbuħa, jerġgħu jiġu mod ieħor. Huma jippretendu li jagħmlu l-profeziji, li jħabbru l-ġejjieni, li jidhru itwal mis-saqaf u li jidhru bħala fantażmi immensi lil dawk li ma setgħux iqarrqu bil-ħsibijiet. Jekk ukoll isibu lir-ruħ soda fil-fidi u fit-tama tal-għan tagħha, mbagħad iġibu l-kap tagħhom.

Ta’ sikwit, qal, jidhru taħt il-forma kif il-Mulej irrivela x-xitan lil Ġob meta qallu; “Għajnejh donnhom xfar iż-żernieq. Minn fommu joħorġu ilsna ta’ nar, xrar ta’ nar jittajru. Minn imnifsejh joħroġ id-duħħan bħal borma tbaqbaq u tagħli. Nifsu jqabbad il-ġamar u ilsna ta’ nar minn fommu joħorġu “ (Ġob 41,10-13) Meta l-kap tax-xjaten jidher b’dan il-mod, kif għidt ibeżża’, u jiftaħar kif iddeskriva l-Mulej, meta qal lil Ġob; “għalih il-ħadid bħat-tiben u l-bronż bħal għuda msewsa. Jagħmel il-baħar bħal ħwawar ibaqbqu. Ma hemmx fuq l-art bħalu, magħmul li ma jibżax’’ (Ġob 41,18) u f’fomm il-profeta: “Niġri għal wara, nilħaq’’(Eż 15,9) u b’fomm ieħor; “Sabet idi bħal bejta, u bħal min jiġbor bajd mitluq, ġbart jien l-art kollha.’’ (Is 10,14) Ix-xitan jiftaħar ħafna u jagħmel tant tħeddid li bih ifittex li jqarraq lid-devoti. Hawnhekk ukoll aħna l-fidili m’għandniex nibżgħu mid-dehriet tiegħu u lanqas għandna nagħtu każ ta’ kliemu. Hu jigdeb u ma hemm l-ebda verita’ fi kliemu. Għalkemm hu jitkellem hekk u jidher hekk qalbieni, hu jinsab kemm u kif kien imkaxkar b’ganċ bħal serpent mill-Mulej, kien imrażżan b’sarima bħal bhima tat-tagħbija, kellu ħolqa ma’ mnifsejh bħal wieħed maħrub u xufftejh minfudin b’ħolqa (Ġob 40,19) Il-Mulej rabtu bħal għasfur tal-bejt biex aħna ngħaddu ż-żmien bih (Ġob 40,24) Hu u x-xjaten tiegħu huma bħal skorpjuni u sriep biex jitgħaffġu taħt saqajna minna l-Insara. Prova ta’ dan hu l-fatt li aħna għadna ħajjin minkejja t-tifxkil kollu li jagħmel. Għaliex dak li hedded li jqanqal il-baħar u jnixxfu, u jaħkem id-dinja, issa araw, ma jistax ifixkel id-devozzjoni tagħna u lanqas jista’ jżommni milli nitkellem kontrih. Għalhekk ejjew ma nagħtux każ ta’ dak li jista’ jgħid, għaliex hu jigdeb u lanqas nibżgħu mid-dehriet qarrieqa tiegħu. Fix-xjaten wieħed ma jistax jara dawl veru; iktar iġibu xebh u jdewqu minn qabel dak in-nar li kien imħejji għalihom. Huma jfittxu li jbeżżgħu lill-bnedmin b’dak li huma fih stess jinħarqu. Huma jidhru imma f’daqqa waħda huma jerġgħu jgħibu, bla ma jweġgħu lil ħadd u jieħdu magħhom bħan-nar u aħjar dak li jkun jixbah lin-nar, li jkun sejjer jilqagħhom. Għalhekk m’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom minħabba f’hekk għaliex bil-grazzja ta’ Kristu it-taħriġ tagħhom ma jservi għal xejn. Huma jqarrqu b’kulħadd u lesti jieħdu fuqhom kull għamla. Ta’ sikwit mingħajr ma jidhru, jippretendu li jkantaw is-salmi u jikkwotaw siltiet mill-Iskrittura. Xi drabi, meta aħna nkunu naqraw, malajr intennu bħal eku dak l-istess kliem li nkunu qrajna. X’ħin inkunu reqdin, iqajmuna biex nitolbu, u dan b’mod persistenti, bil-kemm iħalluna norqdu. Xi drabi wkoll jieħdu x-xbieha ta’ patrijiet u jippretendu li jakkużawna u jċanfruna għal affarijiet li xi darba kienu kompliċi fihom magħna. Huma ma jagħmlux dan la għat-tjieba u lanqas għall-imħabba tal-verita’, imma biex iwasslu lis-sempliċi għad-disperazzjoni u biex jgħidu li l-axxetiċiżmu ma jservi għal xejn u li jġiegħlu lill-bnedmin jiddejqu mill-ħajja monastika għax iqisuha bħala ħaġa tqila u serja u hekk jitfgħu fix-xibka lil dawk li ħajjithom ma taqbilx magħhom.

Kontra dawn, il-profeta mibgħut minn Alla jlissen kastig billi jgħid; “Ħażin għal min jisqi lil għajru l-kalċi bil-velenu sa kemm isakkru biex iħares lejn l-għera tiegħu.’’ Għaliex qerq u ħsibijiet bħal dawn iġiegħlu lin-nies iħallu t-triq li twassal għall-virtuÏ. U s-Sinjur tagħna stess, ukoll meta x-xjaten qalu l-verita’, sikkithom u qalilhom biex ma jitkellmux, għax wara l-verita’ jmorru jiżirgħu l-ħażen tagħhom. Barra minn hekk hu ried jgħallimna li qatt ma għandna nagħtu każ tagħhom, ukoll meta donnhom ikunu qegħdin jgħidu l-verita’, għaliex ma jixraqx li aħna li għandna l-Iskrittura Mqaddsa u l-liberta’ ta’ Kristu - għandna nitgħallmu mix-xitan li ma żammx l-unur tiegħu imma ħsiebu issa f’ħaġa issa f’oħra. Għalhekk Hu ma jħallihx jitkellem lix-xitan, lanqas biex jikkwota l-kelmiet mill-Iskrittura; “Imma lill-ħażin jgħidlu Alla; x’int titħaddet fuq il-preċetti tiegħi u l-għaqda tiegħi l-għala f’ħajtek?’’ (Salm 50,16) Għaliex huma jagħmlu kollox, jitkellmu, jagħmlu storbju, jagħmlu ta’ bir-ruħhom, iħawdu l-imħuħ, u jagħmlu dan kollu biex iqarrqu lis-sempliċi, jagħmlu ħafna ħsejjes, jidħqu bla sens, isaffru. U jekk wieħed ma jagħtix każ tagħhom, jibku u jnewħu għax ikunu mirbuħa.

Il-Mulej, imbagħad, billi hu Alla, sikket lix-xjaten. Imma aħna li nitgħallmu mill-qaddisin, għandna nagħmlu bħalhom u nimitaw il-kuraġġ tagħhom. Għaliex meta raw dawn l-affarijiet qalu: “Inħares għal imġibti biex le ma nidneb bi lsieni, inqiegħed ilġiem fuq fommi, kemm idum il-ħażen quddiemi’’(Salm 39,2) U wkoll: “U jien bħal trux le ma nisma’, bħal imbikkem li ma jiftaħx fommu’’ (Salm 38;14) Għalhekk ejja ma nisimgħux minnhom; huma m’humiex minn tagħna. Lanqas għandna nisimgħu minnhom meta jsejħulna għat-talb jew jitkellmu dwar is-sawm. Imma iktar noqogħdu attenti biex inkomplu ngħixu ħajja qaddisa u ma nitqarrqux minnhom, li jagħmlu kollox bil-qerq. M’għandniex nibżgħu minnhom għalkemm donnhom jattakkawna jew jhedduna bil-mewt għaliex m’għandhomx setgħa u jistgħu biss jheddu.

Għidt daqshekk dwarhom fil-qosor. Imma issa m’għandniex nibqgħu lura milli nagħmlu diskors iktar sħiħ dwarhom; ikun aħjar għalikom jekk tkunu mwissija.

 

Kapitlu Sebgħa; In-Nuqqas ta’ Setgħa tax-Xjaten

 

Sa minn meta l-Mulej tagħna kien fid-dinja, l-għadu waqa’ u s-setgħat tiegħu tilfu l-qawwa tagħhom. Għalhekk, għalkemm ma jista’ jagħmel xejn, madankollu bħal tirann imwaqqa’ ma jistrieħx imma jħedded, iżda t-theddid tiegħu jkun biss bil-kliem. Ejja kull wieħed minnkom jaħseb f’dak u jkun jista’ jistmerr lix-xjaten. Li kieku kienu marbuta ma’ iġsma bħal dawn tagħna u bħalna, imbagħad ikunu jistgħu jgħidu: “Ma nistgħux insibu nies li jistaħbew, imma jekk insibuhom, inweġġuhom’’. U aħna f’dan il-każ inkunu nistgħu naħarbuhom billi nistaħbew u nsakkru l-bibien f’wiċċhom. Imma billi huma mhumiex hekk, imma jistgħu jidħlu allavolja bil-bibien imsakkrin u billi huma u l-kap tagħhom ix-xitan jinsabu ma’ l-arja kollha u billi għandhom rieda ħażina, huma lesti biex iweġġgħu - bħalma qal il-Mulej; “Dak kien qattiel in-nies sa mill-bidu, u ma żammx mas-sewwa għax ma kienx hemm sewwa fih.” (Ġw 8,44) Madankollu aħna ngħixu u nkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħna, minkejja t-tfixkil kollu tagħhom. Dan hu sinjal ċar li huma m’għandhom l-ebda setgħa. Il-post ma jżommhomx milli jikkomplottaw u jarawna ħbieb tagħhom biex iħalluna bi kwietna. Huma ma għandhom l-ebda mħabba għall-ġustizzja, biex ikunu jistgħu jpattu. Għall-kuntrarju huma ħżiena u jixtiequ biss iweġġgħu lil dawk li jfittxu l-virtuÏ u jonoraw u jqimu lil Alla. Ir-raġuni li ma jagħmlu xejn hi li ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief jheddu. Li kieku setgħu ma kenux jistennew, imma mill-ewwel kienu jagħmlu dak li hu ħażin, billi r-rieda tagħhom hija lesta li tagħmlu, speċjalment kontrina. Arawna issa miġburin hawn u qegħdin nitkellmu kontrihom. Huma jafu illi aktar ma nimxu ‘l quddiem fil-virtuÏ, aktar jiddgħajjfu huma. Mela jekk huma kellhom is-setgħa, ma kenux iħallu wieħed minna l-Insara jgħix, għaliex il-qadi ta’ Alla hu stmerrija għall-midneb. U huma ma jistgħu jagħmlu xejn. Anzi iżjed iweġġgħu lilhom infushom f’din il-ħaġa, għaliex ma jistgħu jagħmlu xejn minn dak li jheddu.

Aħna għandna niftakru f’dan biex ma nibqgħux nibżgħu iktar minnhom. Li kieku għandhom xi setgħa, ma kenux jigu f’folla, lanqas iqanqlu fantażmi, jew iqarrqu u jużaw dehriet: kien ikun biżżejjed li jiġi wieħed waħdu u jagħmel kull ma jrid u kull ma jista’. Kull min tassew għandu xi setgħa ma jeqridx bil-fantażmi u lanqas ibeżża’ bil-folol, imma malajr juża s-setgħa tiegħu kif ikun irid. Imma x-xjaten, li m’għandhom l-ebda setgħa, jaġixxu qishom fuq palk, jibdlu l-għamla tagħhom u jwerwru t-tfal bin-numru u l-forma tagħhom; u minħabba dan kollu iżjed u iżjed għandhom ikunu mżebilħin bħala li m’għandhomx setgħa. Il-veru anġlu li Alla bagħat kontra l-Assirjani ma kellux bżonn folol lanqas fantażmi viżibbli, lanqas taħbit jew ċapċip, imma bil-kwiet kollu uża s-setgħa tiegħu u qered mija u ħamsa u tmenin elf minnhom. Fil-waqt li xjaten bħal dawn bla saħħa ta’ xejn jippruvaw ibeżżgħu, imqar bid-dell tagħhom.

Issa jekk xi ħadd jaħseb fuq il-ġrajja ta’ Ġob u jistaqsi; “Mela għaliex ix-xitan ħareġ u għamel li ried kontrih - qeridlu kull ma kellu, saħansitra lil uliedu u kkaġunalu ulċera gravi?’ għandu jkun jaf li mhux ix-xitan li kellu s-setgħa imma kien Alla li reħa lil Ġob f’idejh biex jippruvah. Billi ma kellu l-ebda setgħa li jagħmel xi ħaġa, talabha, rċeviha u għamilha. U hu talab mhux darba imma darbtejn, u dan wera biċ-ċar li hu dgħajjef u bla saħħa. U m’għandniex għaliex narawha bi kbira li kien bla saħħa. U bla setgħa kontra Ġob meta ma setax jeqred lanqas il-bhejjem tiegħu li kieku Alla ma ppermettilux. U lanqas kontra l-qżieqeż ma kellu setgħa għaliex kif insibu miktub fil-Vanġelju: “Talbu lill-Mulej u qalulu; Ħallina nidħlu fil-qżieqeż’ (Mark 5;12) Jekk m’għandhom l-ebda setgħa fuq il-qżieqeż, wisq u wisq inqas għandhom setgħa fuq il-bnedmin magħmula fuq ix-xbieha ta’ Alla.

Mela minn Alla biss għandna nibżgħu: bl-ebda mod ma għandna nibżgħu minn dawn il-kreaturi, anzi għandna niddisprezzawhom. Verament li iktar ma jagħmlu, iktar irridu nagħmlu sforz biex nisfidawhom. Għaliex l-arma kbira kontrihom hija ħajja tajba u fiduċja f’Alla. Għaliex huma jitwerwru mis-sawm, l-għassa, it-talb, il-ħlewwa, il-kalma, l-istmerrija tal-għana u l-vanaglorja, l-umilta’, l-imħabba lejn il-fqar, l-għoti tal-karita’ u, l-iktar, id-devozzjoni lejn Kristu li għandhom l-axxetiċi. Din hi r-raġuni li għaliha jippruvaw jagħmlu li jistgħu biex ma jkun hemm ħadd li jgħaffeġ fuqhom; għaliex huma jafu bil-grazzja li l-Mulej ta lill-fidili kontrihom meta qal; “Ara tajtkom is-setgħa timxu fuq is-sriep u l-iskorpjuni u ħakma fuq kull qawwa tal-għadu’’ (Lq 10,18)

 

Kapitlu Tmienja; Il-Profeziji tax-Xjaten

 

Iktar. Jekk jippretendu ukoll li jgħamlu l-profeziji u jħabbru l-ġejjieni, ħadd ma għandu jagħti każ tagħhom. Għaliex jgħidulna minn ġranet qabel li ġejjin xi qraba jżuruna u fil-fatt ma jiġux. U dan jagħmluh mhux għaliex ikollhom xi ħniena lejn is-semmiegħa tagħhom, imma biex iħajru u jħeġġu lil dawn biex jafdawhom u wara jaħkmuhom taħt is-setgħa tagħhom u jeqirduhom. Għalhekk m’għandniex nisimgħuhom. Anzi malli jiftħu ħalqhom għandna nkeċċuhom għaliex m’għandniex bżonnhom. Għaliex għandna narawha bi kbira jekk huma, li ġisimhom min-natura tiegħu hu eħfef minn tagħna l-bnedmin, meta jkunu raw xi wħud minn qrabatna qegħdin jibdew vjaġġ, jgħadduhom? Hekk ukoll jagħmel bniedem riekeb fuq żiemel. Dan iwassal kelma ħafna qabel dawk li jimxu. Hekk ukoll hawnhekk m’għandniex għax niskantaw. Huma ma jkunu jafu bl-ebda mod dwar dak li se jsir minn qabel. Alla biss jaf kollox qabel ma jsir u ma jitwettaq. Imma dawn, bħall-ħallelin, jiġru quddiem u jwasslu l-kelma ta’ dak li jkunu raw. F’dan il-mument min jaf lil kemm nies qalu x’qegħdin nagħmlu, kif qegħdin miġbura u kif qegħdin u x’qegħdin ngħidu kontrihom, qabel xi ħadd minna joħroġ biex jagħti l-aħbar. Dan l-istess bħalma jagħmel tifel, li għandu pass ħafif u li jgħaddi lil min jimxi iktar bil-mod.

Dak li rrid ngħid hu dan. Jekk xi ħadd jibda jivvjaġġja mit-Tebajde jew xi post ieħor, huma ma jkunux jafu jekk ikunx sejjer jivvjaġġja qabel jibda l-vjaġġ. Imma malli jarawh fit-triq, jiġru qablu u jwasslu l-aħbar qabel ma jasal. Għalhekk jiġri li wara xi jiem il-vjaġġatur jasal. Imma spiss ħafna l-aħbarijiet li jwasslu huma foloz, għaliex il-vjaġġatur ikun dar lura.

Hekk ukoll xi drabi jitkellmu dwar l-ilma tax-xmara. Malli jaraw xita qawwija nieżla fuq partijiet tal-Etijopja, u billi jafu li minn hemm ix-xmara tibda tfur, huma jiġru quddiem, u jħabbru l-għargħar qabel ma’ l-ilma jasal fl-Eġittu. Il-bnedmin ukoll jistgħu jgħiduh dan, jekk ikunu jistgħu jiġru daqshom. Kif il-messaġġier ta’ David, riekeb fuq żiemel, ra aħjar min kien ġej minn wieħed li ma kienx riekeb; u kif dak li kien jiġri quddiem, qal qabel ħaddieħor mhux affarijiet li kienu għadhomx ma bdewx jitwettqu, imma affarijiet li kellhom isiru u kienu qegħdin isiru; hekk ukoll ix-xjaten, ifittxu jgħaġġlu u jagħtu l-aħbar lill-bnedmin sempiċiment biex iqarrqu bihom. Imma jekk sadattant il-Providenza tiddisponi xorta oħra rigward l-ilmijiet jew il-vjaġġaturi, ħaġa li tista’ tagħmel, mela x-xjaten ikunu qalu l-falz u dawk li jkunu taw kashom jitqarrqu.

U kien għalhekk li l-orakli Griegi qamu u l-bnedmin qabel kienu mqarrqa mix-xjaten, u hu għalhekk ukoll li l-qerq spiċċa għal kollox minn dak in-nhar ‘il quddiem. Għaliex il-Mulej ġie u bil-miġja tiegħu xejjen lid-demonji u lill-ħażen kollu tagħhom. Huma, minn qaddishom, ma jkunu jafu xejn. Jaraw biss ħaddieħor xi jkun jaf u bħal ħallelin jieħdu dak li ħaddieħor ikun jaf u jgħawġuh. Huma jaqtgħu l-ġrajjiet iktar milli jħabbruhom minn qabel. Għalhekk, jekk xi drabi verament iħabbru minn qabel dawn il-ħwejjeġ, ħadd m’għandu jistagħġeb bihom. It-tobba li għandhom l-esperjenza tal-mard, meta jaraw l-istess mard f’oħrajn, jistgħu ta’ sikwit jgħidu minn qabel x’se jiġri billi jiġġudikaw mill-esperjenza. Dan jgħodd għall-baħrin u l-bdiewa. X’ħin iħarsu lejn it-temp u kif ikun, mill-esperjenza tagħhom jgħidu minn qabel jekk ikunx ġej il-maltemp jew il-bnazzi. Minħabba din il-ħaġa, ħadd ma jgħid li huma jħabbru minn qabel minħabba xi tnebbiħ sopranaturali, imma mill-esperjenza u l-prattika. Hekk ukoll, jekk xi drabi x-xjaten jgħidu dawn l-istess ħwejjeġ b’konġuttura, bl-ebda mod m’għandhom ikunu ammirati jew m’għandna nagħtu każ tagħhom. Għaliex x’jiswielhom lis-semmiegħa li jkunu jafu minnhom ġranet qabel x’sejjer jiġri; jew liema ħeġġa wieħed għandu juri biex ikun jaf dawn il-ħwejjeġ, ukoll jekk ikun tassew jafhom? Dan ma jgħinx għall-virtu’ u lanqas mhu sinjal ta’ tjubija. Ħadd minna ma jkun iġġudikat fuq dak li ma jafx u ħadd ma jkun imbierek għal dak li jkun tgħallem u li sar jaf, imma għal jekk żammx sod fil-fidi u jekk tassew ħarisx il-kmandamenti - fuq dawn se jkun iġġudikat.

Għalhekk m’għandniex nagħmlu bi kbar dawn l-affarijiet u lanqas għandna ngħixu ħajja iebsa u mimlija taħbit biex inkunu nafu l-ġejjieni, imma biex nogħġbu lil Alla billi ngħixu ħajja tajba. M’għandniex nitolbu biex inkunu nafu l-ġejjieni jew għall-premju li għandna jistenniena minħabba l-ħajja tagħna kollha sagrifiċċji, imma biex il-Mulej tagħna jkun seħibna u jgħinna biex nirbħu lix-xitan. Imma jekk aħna xi darba nħabblu moħħna biex inkunu nafu l-ġejjieni, ejjew inkunu safja f’moħħna. Għaliex jien ċert li jekk ir-ruħ tkun safja u fl-istat naturali tagħha, din tibda tara kollox ċar u tista’ tara iżjed u iżjed fil-bogħod mix-xjaten, billi jkun il-Mulej li juriha. Hekk kienet ir-ruħ ta’ Eliżew meta kienet tosserva dak li kien qiegħed jagħmel Ġieżi, u meta rat l-eżerċtu li kien hemm ħdejhom (2 Slat 5,26). U qallu Eliżew “Jaqaw ma ġietx ukoll ruħi, waqt li dak ir-raġel niżel minn fuq biex jiltaqa’ miegħek? Huwa l-waqt li tieħu l-fidda u li tieħu l-ħwejjeġ u tikseb oqsma taż-żebbuġ u tad-dwieli u ngħaġ u baqar u qaddejja rġiel u nisa?’’ (2 Slat 6,17) “U talab Eliżew u qal; “Mulej iftaħlu għajnejh biex jara’’. U fetaħ il-Mulej għajnejn il-qaddej u ra l-għolja mimlija żwiemel u mriekeb tan-nar imdawrin ma’ Eliżew.

 

Kapitlu Disgħa: Kif tagħżel dehriet tajba minn dehriet ħżiena

 

Meta jiġu ħdejkom bil-lejl u jkunu jridu jħabbru l-ġejjieni jew jgħidulkom; “Aħna l-anġli’, tagħtux każ tagħhom għaliex ma jgħidux il-verita’. U jekk ifaħħru l-ħajja stretta tagħkom u jsejħulkom hienja, tisimgħux minnhom u bl-ebda mod m’għandu jkollkom x’taqsmu magħhom. Imma aktar tbierku lilkon infuskom u lil darkom u titolbu, u tarawhom jgħibu. Għaliex huma beżżiegħa, u għal kollox jitwerwru mis-sinjal tas-Salib tal-Mulej, billi kien minn fuq is-Salib li l-Mulej neżżagħhom u fixkilhom. (Kol 2,25) Imma jekk jibqgħu ma jistħux, billi jbiddlu d-dehriet tagħhom, tibżgħux u lanqas titgerrxu, u lanqas tagħtu każhom qishom spirti tajba. Għaliex biex tkunu tafu u tagħżlu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bl-għajnuna ta’ Alla hu possibli u ħaġa ħafifa. Dehra ta’ xi ħadd qaddis ma ġġibx inkwiet “għaliex hu ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu, u l-ebda bniedem ma jisma’ l-vuċi tiegħu’’ (Mt 12,19) imma ssir u ġġiblek tant mistrieħ u ħlewwa li tqanqal fir-ruħ malajr hena, ferħ u kuraġġ. Għaliex flimkien mal-viżitaturi qaddisa hemm il-Mulej tagħna li hu l-hena tagħna u s-Setgħa ta’ Alla l-Missier. Il-ħsibijiet tar-ruħ jibqgħu safja u kalmi, b’tali mod li tħares lejn dawk li jżuruha bid-dawl fiha nfisha. Hija tħoss xewqa kbira għall-ħwejjeġ tas-sema u l-ħwejjeġ li għad iridu jiġu, u lesta tingħaqad għal kollox magħhom li kieku kellha tmur magħhom. U jekk xi wħud minna, billi lkoll aħna bnedmin, jirtogħdu għad-dehra ta’ l-anġli t-tajbin, f’daqqa waħda l-anġli jxejjnu l-biża’ bl-imħabba, kif għamel Gabrijel ma’ Żakkarija (Lq 1,13) u l-anġlu li deher fil-qabar qaddis vojt lin-nisa twajba (Mk 16,6) u dak li qal lir-rgħajja fil-Vanġelu; “Tibżgħu xejn’’ (Lq 2,10). Il-biża’ ma jkunx ġej mill-fatt lir-ruħ hi beżżiegħa imma billi tħoss il-preżenza ta’ naturi iktar għolja minnha. Bħal din mela hija d-dehra ta’ qaddisin.

Imma l-assalt u d-dehra ta’ dawk li huma ħżiena hija mimlija nkwiet u storbju; storbju u għajjat u taħbit, bħall-irvellijiet li jagħmlu żgħażagħ goffi u ħallelin. Minn dawn joħorġu malajr biża’ tar-ruħ, tqanqil u taħwid tal-ħsibijiet, qtigħ ta’ qalb, mibegħda lejn l-axxetiċi, ħajja laxka, dwejjaq, it-tifkira tal-familja ta’ dak li jkun, il-biża’ tal-mewt. U mbagħad xewqa kbira biex wieħed jagħmel dak li hu ħażin, disprezz tal-virtu’ u l-karattru ma jibqax sod. Għalhekk meta tara lil xi ħadd u tibża’, u jekk il-biża’ malajr jispiċċa minn fuqek, biex minfloku tħoss ferħ li ma tkunx tista’ tfissru bi kliem, u kuntentezza, kuraġġ u kalma tal-moħħ, qawwa u mħabba ta’ Alla; għandek tħoss ruħek ferħan u titlob, għaliex il-hena u s-sodezza tar-ruħ juru l-qdusija tal-Preżenza. Hekk Abraham ra lill-Mulej u feraħ (Ġw 8,56) u Ġwanni mal-leħen ta’ Marija Omm Alla qabeż bil-ferħ (Lq 1,41)

Imma jekk jidhrilkom xi ħadd u jkun hemm tqanqil u għajjat madwarkom u xeni dinjija u mundana u tħeddid ta’ mewt u dak kollu li kellimtkom dwaru; mela kunu afu li dik id-dehra ġejja minn dak li hu ħażin.

Ħallu li dan ikun ukoll sinjal għalikom. Meta r-ruħ tkompli tibża’, l-għadu jkun preżenti. Għaliex ix-xjaten ma jneħħux il-biża’ tal-bnedmin kif għamel il-kbir Arkanġlu Gabrijel ma’ Marija u ma’ Żakkarija (Lq 1,13,30) jew kif għamel l-anġlu li deher lin-nisa ħdejn il-qabar. Meta jarawkom imbeżżgħin, iżidu iżjed il-fantażmi tagħhom biex iwerwrukom biex imbagħad jersqu lejkom u kollhom żebligħ jgħidulkom: “Inżlu għarkobbtejkom u adurawna’’ (Mt 4,9) B’hekk huma qarrqu bil-Griegi għaliex huma qisuhom bħala allat foloz. Imma l-Mulej tagħna ma jħalliniex nitqarrqu mix-xitan, billi meta deherlu ċanfru u qallu; “Mur minn quddiemi, ja xitan; għax hemm miktub ‘Lill-Mulej Alla tiegħek għandek tadura u lilu biss għandek taqdi’ (Mt 4,10) Għalhekk ejjew niddisprezzaw lill-ħażin dejjem iżjed. Għaliex dak li qal il-Mulej tagħna qalu għall-ġid tagħna, li x-xjaten meta ngħidulhom l-istess kliem, jaħarbu minħabba li kien il-Mulej li ċanfarhom b’dan l-istess kliem.

M’għandniex niftaħru li keċċejna lix-xjaten u lanqas għandna nkunu kburin b’xi fejqan li jkun sar permezz tagħna. Lanqas għandna nammiraw biss lil dawk li jkeċċu x-xjaten u ma nagħtux każ ta’ dak li ma jagħmilx hekk. Kull bniedem għandu jistudja l-ħajja iebsa ta’ għiru jew jikkupjaha u jgħixha jew jisboqha. Għaliex mhijiex ħaġa tagħna li nagħmlu s-sinjali. Din il-ħaġa hija tal-Mulej. Għalhekk qal lid-dixxipli; “Imma mhux b’dan għandkom tifirħu li l-ispirtu joqogħdu taħthom, iżda ifirħu li ismijietkom miktuba fis-smewwiet.’’ (Lq 10,20) Ismijietna miktuba fis-Sema huma xhieda tal-virtu’ tagħna u ta’ ħajjitna. Li nkeċċu x-xjaten hu biss favur li tana l-Mulej. Għalhekk lil dawk li jiftaħru bil-mirakli li jkunu għamlu u mhux bil-virtujiet tagħhom u jgħidu; “Mulej ma keċċejniex ix-xjaten f’ismek u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’’ (Mt 7,22) Huwa jirrispondi; “Tassew ngħidilkom, ma nafkomx’’. Għaliex il-Mulej it-triqat tal-ħżiena ma jafhomx. (Salm 1,6)

Kif għidt hija ħaġa assolutament neċessarja, li wieħed jitlob biex jirċievi l-grazzja li jagħrfu l-ispirti għaliex kif hemm miktub li m’għandniex nafdaw kull spirtu (1 Ġw 4,1)

Issa sejjer nieqaf, u ma nżid xejn minn żniedi, billi ninsab kuntent b’dan biss. Imma biex ma taħsbux li dawn l-affarijiet huma diskors biss tiegħi, u tkunu ċerti li qiegħed nitkellem mill-esperjenza u mill-fatti; se insir qisni wieħed bla għaqal. Madankollu l-Mulej li jismagħni jaf li l-kuxjenza tiegħi hi nadifa u li mhux għalija imma għall-imħabba tagħkom u għall-ġid tagħkom se ntenni dak li rajt mill-prattiki tax-xjaten. Ta’ sikwit kienu jsejħuli hieni u mbierek u jien sħitthom f’isem il-Mulej. Ta’ sikwit ħabbru minn qabel dwar l-ilmijiet tax-xmara u jien għidtilhom; “U dan x’jimpurtakom?’ Darba ġew jheddu u dawwruni qishom suldati f’kamp ta’ battalja. Xi drabi mlew id-dar bi żwiemel, bhejjem u sriep u jien kantajt is-salm “Dawn bil-karrijiet u dawk biż-żwiemel imma aħna f’isem il-Mulej Alla tagħna qawwija” (Salm 20,8) u għal dan it-talb il-Mulej keċċiehom. Darba, fid-dlam, ġew f’wirja ta’ dawl fil-waqt li qalu; “Antonju ġejna ndawluk’’. Imma jien għalaqt għajnejja u tlabt u f’daqqa waħda d-dawl mhux qaddis tagħhom intefa. Ftit xhur wara ġew ikantaw is-salmi u jikkwotaw l-Iskrittura “u jien bħal wieħed trux ma smatjhomx’’ (Salm 37,14) Darba riegħdu l-kunvent imma jien tlabt u l-menti tiegħi baqgħu sodi. U wara reġgħu ġew, iħabbtu saqajhom, isaffru u jaqbżu. Imma billi jien tlabt u ntfajt wiċċi mal-art u bejni u bejn ruħi bdejt inkanta s-salmi, malajr bdew jibku u jingħu bħallikieku ċeduti għal kollox u jien faħħart lil Alla li neħħa u waqqa’ għaċ-ċajt lis-suppervja u lill-furja tagħhom.

Darba deherli xitan, twil u kbir ħafna, imdawwar b’ħafna fantażmi u ssogra jgħidli: “Jien is-setgħa t’Alla u l-provvidenza tiegħu, xi tridni nagħtik?’’ Imbagħad infaħtlu, semmejt l-isem ta’ Kristu u ssugrajt nagħtih daqqa ta’ ħarta u malajr għalkemm kien kbir, minħabba l-Isem ta’ Kristu għeb flimkien max-xjaten kollha tiegħu.Darba waħda waqt li kont sajjem, il-qarrieq deherli bħal patri jġorr il-ħobż u tani parir billi qalli; “Kul u ieqaf minn dawn il-penitenzi ħorox tiegħek, inti bniedem ukoll u tgħarraq saħħtek”. Jiena li naf il-ħażen tiegħu, qomt nitlob u hu ma setax jissaporti dan kollu għax għeb bħal duħħan malli ħareġ mill-bieb. Ta’ sikwit fid-deżert kien iġibli quddiem għajnejja xbihat tad-deheb biex inkun nista’ mmisshom u nħares lejhom u jien kantajt salm kontrih u nħall. Ta’ sikwit kienu jsawtuni imma jien għidt “Xejn ma jifridni mill-imħabba ta’ Kristu” (Rum 8,35) u malli semgħu dan il-kliem, għall-kuntrarju bdew isawtu lil xulxin. Ma kontx jien li waqqafthom u ġibthom fix-xejn, imma kien il-Mulej li qal: “Rajt lix-xitan bħal berqa nieżel mis-sema” (Lq 10,18) Uliedi, jiena għamilt dawn il-ħwejjeġ bħala ħaġa tiegħi billi żammejt f’moħħi s-sentenza ta’ l-Appostlu San Pawl; “Dan kollu qiegħed ngħidu bħala eżempju fuqi” (1 Kor 4,6) biex ma taqtgħux qalbhom u tieqfu fil-ħajja iebsa tagħkom u lanqas tibżgħu mill-fantażmi ta’ Satana u tax-xjaten tiegħu...

Kapitlu Għaxra: Li m’għandniex nibżgħu minn Satana

 

U issa li rajtu li bdejt nitkellem hekk bla ħsieb ta’ xejn, ħudu dan id-diskors ukoll għas-salvazzjoni u għall-inkuraġġiment tagħkom. U emmnuni għaliex jien ma nigdibx. Darba waħda xi ħadd ħabbatli fuq il-bieb tal-kunvent. X’ħin ħriġt rajt figura twila u kbira. U x’ħin staqsejtha ‘Int min int?’ weġbitni ‘‘Jiena Satana’’. Staqsejtu “Għaliex qiegħed hawn?’’ u weġibni “Għaliex il-patrijiet u l-Insara l-oħra kollha jċanfruni għal xejn b’xejn? Għaliex iċanfruni l-ħin kollu?’’. Jien weġibtu; “Mela għaliex tagħtihom fastidju?’’ u rrisponda “Mhux jien qiegħed indejjaqhom, imma qegħdin jinkwetaw ruħhom għal xejn għaliex jien sirt bla saħħa. Qatt ma qraw illi ‘Intemm l-għadewwa, huma ħerba għal dejjem; bliethom ġarraft, diebet magħhom tifkiriethom?’’ (Salm 9,7) Jiena issa la għandi post, la armi u lanqas belt. Kullimkien hemm l-Insara u issa wkoll id-deżert mimli rħieb. Ħa jgħassu fuqhom infushom u ma jistħunix għal xejn b’xejn’’. Imbagħad jien mistagħġeb quddiem il-grazzja tal-Mulej għidtlu; “Għalkemm int giddieb dejjem u qatt ma tgħid il-verita’, madankollu din id-darba għidt il-verita’ allavolja kontra r-rieda tiegħek, għaliex Kristu ġie u neħħielek kull setgħa, tefgħek ‘l isfel u neħħielek kull arma’. Malli sema’ l-isem tal-Mulej, u billi ma ssaportiex is-sħana terribbli li kienet taħarqu, malli sema’ dan l-isem, sparixxa.

Issa jekk Satana nnifsu jistqarr li ma jista’ jagħmel xejn, aħna għandna nikkundannaw għal kollox kemm lilu u kemm ix-xjaten tiegħu.

L-għadu, mbagħad, flimkien mal-klieb tiegħu għandu din l-arti ħażina kollha, imma aħna li tgħallimna d-dgħjufija tiegħu għandna l-ħila niddisprezzawha. Għalhekk ejjew ma nħabblux moħħna rigward din il-ħaġa u lanqas ikollna biża’ f’ruħna u lanqas għandna ngħidu bejna u bejn ruħna billi ngħidu: “Issa jekk jiġi xitan u jegħlibni, jew jerfagħni u jitfagħni minn fuq għal isfel, jew jidhirli f’daqqa waħda u jġenninni bil-biża?’’ Dawn il-ħsibijiet m’għandhom bl-ebda mod jidħlu f’moħħna u lanqas għandna nkunu qalbna sewda bħallikieku sejrin nintilfu. Imma iżjed għandna nkunu qalbiena u nkunu kuntenti bħal bnedmin li sejrin insalvaw. Ejjew inżommu f’moħħna u ma ninsewx li magħna hemm il-Mulej li rebaħhom u ġiebhom fix-xejn. U ejja dejjem nemmnu u naħsbu f’dan, li sakemm il-Mulej jibqa’ magħna, l-għedewwa tagħna ma jmissuniex. Għaliex meta jiġu, kif isibuna, jsiru għalina. Huma jaddattaw il-fantażmi skond l-atteġjament li jsibuna fih. Jekk isibuna mbeżżgħin mill-ewwel jattakkawna bħall-ħallelin li jsibu l-post mhux mgħasses sewwa, u jagħmlu ħafna iżjed minn dak li aħna nkunu qegħdin naħsbu. Jekk jarawna mbeżżgħa u bla kuraġġ, iżidu l-biża’ tagħna dejjem iżjed b’dehriet u tħeddid u għalhekk l-imsejkna ruħ tkun ikkastigata b’dan il-mod. Imma jekk isibuna hiena fil-Mulej, naħsbu fuq il-ħwejjeġ tajba li għad iridu jiġu u jkollna ħsibijiet ta’ Alla u niftakru li kollox qiegħed f’idejn Alla u li x-xitan ma jista’ jagħmel xejn kontra Nisrani u lanqas għandu setgħa fuq xi ħadd; u jekk jara r-ruħ armata b’dawn il-ħsibijiet, hu jaħrab kollu mistħija. Hekk ġralu l-għadu x’ħin ra lil Ġob armat hekk, ħarab minn ħdejh (Ġob 1,21). Imma meta sab lil Ġuda nieqes minn dawn il-ħsibijiet, għelbu (Ġw 13,7). Għalhekk jekk irridu niddisprezzaw lill-għadu ħsibijietna għandhom dejjem ikunu fuq Alla. Ruħna għanha dejjem tkun kuntenta bit-tama u naraw il-ġugarelli tax-xjaten bħal duħħan. Hekk huma stess jaħarbu minflok ma jiġru warajna għaliex, kif għidt, huma jibżgħu ħafna u dejjem jistennew in-nar li huwa mħejji għalihom.

Żommu dejjem dan quddiem għajnejkom biex ma tibqgħux tibżgħu. Meta jkollkom xi viżjoni tibdewx tippanikkjaw, imma tkun xi tkun, bil-kuraġġ kollu, l-ewwelnett staqsu; “Min int u mnejn ġej?’’ u jekk tkun viżjoni ta’ dak li hu tajjeb, tissodisfak u tibdel il-biża’ tagħkom f’hena. Imma jekk hi xi ħaġa ġejja mix-xitan, malajr titlef il-qawwa tagħha kollha, billi tara l-ispirtu tiegħek qawwi u sempliċiment tistaqsi; ‘Min int u mnejn ġej?’u din tkun prova ta’ kalma. Għalhekk meta bin Nun staqsa, tgħallem. (Ġoż 5,13) “X’ħin Ġożwe kien ħdejn Ġeriko, refa’ għajnejh u jara raġel wieqaf quddiemu b’sejf mitluf f’idu. Ġożwe mar lejh u qallu: ‘Int magħna jew ma’ l-għedewwa tagħna?’ Wieġeb; ‘Le imma jien mexxej tal-qtajja’ tal-Mulej, issa ġejt’’ U l-għadu nkixef meta Danjel staqsieh (Ara l-istorja ta’ Susanna f’Danjel 13)

 

It-Tielet Ktieb: Il-Ħidma ta’ Antonju għall-Oħrajn

Kapitlu Ħdax

Il-Persekuzzjoni taħt u fi żmien Massiminu

 

Kulħadd feraħ b’dan id-diskors ta’ Antonju. F’xi wħud żied l-imħabba għall-virtuÏ, f’oħrajn waqqaf il-bruda u f’oħrajn temm is-suppervja li kienet taħkimhom. Kulħadd kien persważ biex jiddisprezza u jżeblaħ l-għemil tax-xitan, fil-waqt li jammira l-grazzja li Alla kien ta lil Antonju biex jagħraf l-ispirti.

Il-kunventi fil-għoljiet kienu bħal tined mimlija b’korijiet tas-sema, ikantaw, jistudjaw, isumu, jitolbu, jifirħu għat-tama ta’ ħajja li għad trid tiġi, jitħabtu biex jagħtu karita’, iħobbu lil xulxin u jaqblu bejniethom. U verament kienu bħal meta tara art ta’ reliġjon u ta’ ġustizzja, art għal kollox differenti. Għax ma kien hemm ħadd li jagħmel id-deni lil ħaddieħor u ħadd ma kien hemm li rċieva d-deni; ma kienx hemm tgergir minħabba l-ġbir tat-taxxi, kien hemm biss numru kbir ta’ axxetiċi, kollha bi skop wieħed; li jikbru fil-virtuÏ, tant li meta wieħed iħares lura lejn il-kunventi u lejn dak in-numru sabiħ ta’ rħieb, wieħed ma jistax ma jgħidx b’leħen għoli: “Kemm huma sbieħ it-tined tiegħek Ġakobb, l-għamajjar tiegħek, Israel! Bħall-widien jinfirxu, bħall-ġonna ħdejn xi xmara, bħal sabbara li l-Mulej ħawwilha, bħal siġar taċ-ċedru ħdejn l-ilma (Num 24,5-6)

Antonju nnifsu mar bħas-soltu fil-kunvent tiegħu fejn kien jgħix waħdu u kompla jgħix il-ħajja qaddisa tiegħu, kuljum jitniegħed bil-ħsieb ta’ l-għamajjar tas-Sema, jixxennaq għalihom fil-waqt li jara kemm hi qasira l-ħajja tal-bniedem. Għaliex meta kien jiekol u jorqod u jagħmel il-bżonnijiet l-oħra tal-ġisem kien iħossu mistħi billi kien jaħseb fl-ispiritwalitaÏ tar-ruħ. Sikwit, meta kien jiekol ma’ ħafna rħieb oħra, kien jerġa’ jiġih il-ħsieb tal-ikel tar-ruħ. Wara li kien jitlobhom skuża kien jitbiegħed ħafna minnhom, billi kien jaħseb li hi ħaġa ta’ mistħija li oħrajn jarawh jiekol. Madankollu kien jiekol waħdu minħabba l-bżonnijiet tal-ġisem, kultant kien jiekol ukoll ma’ sħabu, mistħi minħabba fihom, imma msaħħaħ bil-kliem ta’ għajnuna li tahom. Kien iħobb jgħid li għandna nagħtu l-ħin tagħna kollu lir-ruħ u mhux lill-ġisem. Tassew li bil-fors irridu nagħtu ftit ħin lil ġisimna, imma iktar għandna niddedikaw ħin għar-ruħ u nfittxu l-ġid spiritwali tagħha biex ma titkaxkarx bil-pjaċiri tal-ġisem, imma iktar biex il-ġisem ikun suġġett għar-ruħ. Dwar dan il-Mulej qal: “Tinkwetawx għall-ħajja x’sa tieklu, lanqas għall-ġisem x’sa tilbsu’ (Lq 12,22) “U intom la tfittxux x’tieklu u x’tixorbu u tħabbtu raskom. Dawn kollha jfittxuhom il-pagani tad-dinja, imma Missierkom jaf li teħtieġu dan. Għalhekk fittxu s-saltna tiegħu u dawn jingħatawlkom b’żieda’’ (Lq 12,29-31).

Wara dan, il-persekuzzjoni fi żmien u taħt Massiminu laħqet il-Knisja. Meta l-martri qaddisa ttieħdu Lixandra, Antonju wkoll telaq mill-kunvent tiegħu u mar warajhom fil-waqt li qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex inbatu jekk inkunu msejħa jew inkella nħarsu lejn dawk li qegħdin ibatu’’. Kellu xewqa kbira li jmut martri, imma billi ma riedx imur u jagħti ruħu minn jeddu, kien jaqdi lill-konfessuri fil-minjieri u fil-ħabsijiet. Fis-sala tal-ġudizzju kien kollu ħeġġa għal dawk li kienu msejħin, kien iqanqalhom biex ikunu ġenerużi fit-taqbida tagħhom u kien jilqagħhom fil-martirju tagħhom u jmur magħhom sat-tmiem. Imbagħad, l-imħallef, billi ra n-nuqqas ta’ biża’ ta’ Antonju u sħabu u l-ħeġġa tagħhom f’din il-ħidma ta l-ordni li l-ebda raħeb m’għandu jidher fis-sala tal-ġudizzju u lanqas ma kellu jibqa’ fil-belt. L-oħrajn kollha ħasbu li jkun aħjar li dak in-nhar jinħbew, imma Antonju ħasibha xorta oħra. Ħasel it-tonka tiegħu u l-għada mar u qagħad f’post fil-għoli quddiem u wera ruħu pubblikament lill-prefett. Kulħadd stagħġeb b’dan l-għemil, u l-prefett stess lemħu hu u għaddej fl-iskorta tiegħu. Antonju nnifsu qagħad bla biża’ juri dik il-ħeġġa li hi tagħna l-Insara, għaliex, kif għidt, Alla kien qiegħed iżommu biex jgħin lilna u lill-oħrajn, u biex għal ħafna jkun surmast tal-ħajja iebsa u stretta li hu stess tgħallem mill-Iskrittura. Għaliex biss meta kienu jaraw l-imġiba tiegħu li ħafna kienu jkunu ħerqana biex jimitaw il-mod li bih kien jgħix. Għalhekk, bħal qabel, kien jaqdi lill-konfessuri, u bħallikieku qiegħed jaqsam mal-konfessuri l-ktajjen tagħhom, kien jgħejja jservihom.

Meta iktar tard il-persekuzzjoni waqfet, u l-Isqof Pietru ta’ tifkira qaddisa miet martri, Antonju telaq u mar lura fil-kunvent tiegħu biex jgħammar hemm, martri kuljum tal-kuxjenza, jiġġieled il-ġlidiet tal-fidi. Huwa għex ħajja ta’ axxetiċiżmu aktar qawwi; kien isum dejjem; l-ilbies tiegħu kien xagħar min-naħa ta’ ġewwa u ġild minn barra, u baqa’ jilbes hekk sakemm miet. Qatt ma ħasel ġismu bil-ilma biex jindaf, lanqas qatt ħasel riġlejh u lanqas qatt m’aċċetta li jniżżilhom fl-ilma bla bżonn. Lanqas ħadd ma rah imneżżgħa u lanqas ħadd qatt ra l-ġisem ta’ Antonju mikxuf qabel ma miet u nidfen.

 

Kapitlu Tnax; Fil-Qalba tad-Deżert

(F’Der Mar Antonios, Bejn in-Nil u l-Baħar l-Aħmar)

 

Meta rtira fil-kunvent tiegħu u kien determinat li jgħaddi ż-żmien bla ma joħroġ u lanqas idaħħal lil ħadd, ċertu kaptan tas-sultan jismu Martinjanu mar u ma ħelliehx bi kwietu, billi kellu bintu mħabbta mix-xitan. Għalkemm baqa’ hemm għal ħafna ħin, iħabbat fuq il-bieb u jitolbu jmur jitlob lil Alla għat-tifla, Antonju ma fetaħx imma ttawwal minn fuq u qallu; “Bniedem, għaliex qiegħed issejjaħli? Jien bniedem bħalek. Imma jekk int tafda fi Kristu li jiena naqdi, mur u billi int tafda, itlob lil Alla u jkun kif trid int’’. Hu emmen mill-ewwel, sejjaħ lil Kristu, u telaq ma’ bintu meħlusa mix-xitan. Il-Mulej għamel ħafna affarijiet permezz ta’ Antonju, għaliex Hu jgħid; “Itolbu u jingħatalkom’ (Lq 11,4) Għaliex għalkemm ma fetaħx il-bieb, ħafna nies li kienu jbatu minn xi ħaġa kienu sempliċiment jorqdu barra mill-kunvent u kienu jafdaw f’Alla; kienu jitolbu b’qalb sinċiera u kienu jkunu mfejqa.

Billi ra li ħafna nies kienu jfittxuh u ma kenux iħalluh jirtira bħas-soltu kif xtaq, u billi kien anzjuż u beża’ minn dak li l-Mulej għamel permezz tiegħu, jew li hu stess jitgħolla (2 Kor 12,6: “Jekk irrid niftaħar ma nkunx iblah għax inkun ngħid is-sewwa. Imma ma nagħmlux biex ħadd ma jżommni b’aktar milli jara fija jew jisma’ minni’’) jew ħaddieħor jaħseb dwaru iktar milli hu fil-veritaÏ, ħares madwaru u telaq lejn in-naħa ta’ fuq tat-Tebajde fejn ħadd ma kien jafu. Ġieb xi ħobżiet minn għand sħabu u qagħad bil-qiegħda f’xatt ix-xmara jistenna xi dgħajsa għaddejja biex ikun jista’ jimbarka u jmur magħhom. Waqt li kien ħsiebu f’din il-ħaġa, sama’ leħnu ġej minn fuq, jgħidlu: “Antonju fejn sejjer u għaliex?’ Ma ħax qatgħa u m’allarmax ruħu, billi kien imdorri jisma’ min isejjaħlu hekk; imma qagħad jisma’ u rrisponda: “Irrid immur fin-naħa ta’ fqu ta’ Tebajde billi n-nies ma jħallunix bi kwieti, u minħabba s-sikkatura li qiegħed inħoss hawnhekk, speċjalment għaliex ħafna jitolbuni nagħmel ħwejjeġ li huma ‘l fuq mis-setgħa tiegħi’’. U l-leħen qallu “Għalkemm int se tmur it-Tebajde jew kif qiegħed taħseb, fejn hemm il-mergħat, int se jkollok terfa’ piż akbar u tqil id-doppju. Imma jekk tassew trid tkun waħdek, mur issa fil-qalba tad-deżert’’. Antonju qal; “U min sejjer jurini t-triq, għaliex jien ma nafx fejn hi?’ U malajr ra xi saraċini sejrin ‘l hemm. Antonju qam, resaq lejhom, talabhom biex imur magħhom fid-deżert, u huma laqgħuh bħallikieku b’ordni tal-Provvidenza. Huwa vvjaġġja magħhom għal tlett ijiem u tlitt iljieli u wasal sa għolja gholja ħafna. Kien hemm l-ilma taħt l-għolja, ċar ħafna, ħelu u kiesaħ ħafna; iktar ‘il bogħod kien hemm art ċatta u xi ftit palm selvaġġ tat-tamar.

Antonju, donnu mqanqal minn Alla, ħabb dan il-post għaliex dan kien il-post indikat mil-leħen li kellmu meta kien f’xatt ix-xmara. Għall-ewwel dawk li vvjaġġaw miegħu tawh il-ħobż u kien jgħix waħdu fuq l-għolja billi ħadd ma kien miegħu, għaliex minn dakinhar ‘il quddiem żamm il-post bħal wieħed li reġa’ sab lil daru. Is-Saraċini nfushom li kienu raw il-ħeġġa ta’ Antonju, kienu jħobbu jivvjaġġaw l-hemm apposta u kienu kuntenti jġibulu l-ħobż; kellu wkoll ftit ikel ħelu tat-tamar. Wara, meta sħabu saru jafu fejn kien qiegħed, ħadu ħsieb jibagħtulu l-ikel, bħal ulied li jridu l-ġid lil missierhom. Imma Antonju, meta ra li biex iġubulu l-ħobż xi wħud kien ikollhom xi feriti f’riġlejhom u kienu jgħajjew, u billi xtaq li jiffranka lill-irħieb din it-tbatija, qagħad jaħseb bejnu u bejn ruħu u talab lil xi wħud li kienu jmorru jżuruh biex iġubulu mgħażqa ppuntata, mannara u qamħ. Meta ġibulu dawn l-affarijiet, dar dawra mal-art ta’ madwar l-għolja, u malli sab roqgħa żgħira tajba biex tinżera’, għażaqha u żeragħha billi min-nixxiegħa kellu ilma kemm irid. Kien jagħmel dan kull sena u minn dakinhar ‘il quddiem beda jkollu l-ħobż. Kien kuntent li ma kien iħabbat lil ħadd minħabba f’hekk u f’kollox kien joqgħod attent li ma jkun ta’ piż għal kulħadd.Imma aktar tard, meta ra li n-nies reġgħu bdew ġejjin lejh, kabbar xi ftit ħaxix tal-borma wkoll, sabiex dak li kien imur iżuru ikollu xi ftit ikel wara l-għajja ta’ dik it-triq twila u iebsa. Għall-ewwel il-bhejjem fid-deżert ta’ sikwit kienu jgħarrqu l-uċuħ tiegħu u l-ġnien tiegħu meta kienu jmorru biex jixorbu, imma meta darba waħda qabad bhima minnhom bil-ħlewwa kollha qal lil kulħadd; “Għaliex qegħdin tagħmluli d-deni meta jien lilkom ma jiena nagħmlilkom l-ebda deni? Itlaq u f’isem il-Mulej terġax tersaq lejn dawn l-affarijiet’’. U minn dak in-nhar ‘il quddiem, donnhom kienu qegħdin jibżgħu mill-kmand tiegħu; ma resqux iżjed lejn dak il-post.

Imbagħad baqa’ waħdu fil-għoljiet l-iktar ‘il ġewwa, mogħti għat-talb u għat-taħriġ spiritwali. Imma l-irħieb sħabu li kienu jaqduh talbuh biex kull xahar iġibulu żebbuġ, balzmu u żejt għaliex issa kien sar xwejjaħ.

Kemm-il darba, jgħidulna dawk li kienu jżuruh, likellu jissielet kemm dan hemm; mhux kontra d-demm u l-laħam (Efes 6,12) kif hemm miktub, imma kontra x-xjaten li kienu jaraw x’jaqilgħu biex jikkumbattuh. Għaliex hemmhekk ukoll semgħu l-għajjat ta’ ħafna ilħna u taħbit bħal ta’ armi, u bil-lejl raw l-għolja mimlija bhejjem selvaġġi u lilu rawh jiġġieled bħal kontra għedewwa viżibbli u jitlob kontrihom. Kien ifarraġ lil kull min kien iżuru, imma hu stess kien jiġġieled u jinżel għarkobbtejh jitlob lill-Mulej. U tassew kienet ħaġa li wieħed jammiraha li għalkemm kien waħdu f’dan id-deżert, la kien iħossu jitħawwad u jitfixkel bl-attakki tad-demonju u lanqas kien jibża’ mill-ħafna annimali selvaġġi b’erba’ saqajn u dawk li jitkaxkru qrib tiegħu, imma skond l-Iskrittura, kien jittama b’moħħ klam u safi fil-Mulej bħal fil-Muntanja Sinaj (Salm 125,1); tant li kien hemm miktub li x-xjaten ħarbu u l-bhejjem selvaġġi kienu jgħixu fis-sliem miegħu.

Għalhekk ix-xitan kien qiegħed għassa fuq Antonju u għażżaż snienu kontrih kif jgħid David fis-salm (Salm 112;10) Antonju kellu l-faraġ mill-Feddej u kien jgħix bla ma jkun imweġġa’ mill-ħażen tax-xitan u mill-ħafna affarijiet li kellu l-ħila jivvinta. Kien ixewwex bhejjem selvaġġi għalih waqt li kien ikun jishar matul il-lejl. Darba kważi l-jeni kollha f’dak id-deżert ħarġu mill-għerien tagħhom u dawruh. Antonju kien f’nofshom u kollha b’ħalqhom miftuħ heddew li jigdmuh. Imma billi kien jaf il-ħżunija tal-għadu qalilhom ilkoll; “Jekk irċivejtu s-setgħa fuqi jien lest li tikluni. Imma jekk bagħtukom ix-xjaten iddumux ma tmorru għaliex jien qaddej ta’ Kristu’’. Malli semgħu dan ħarbu, għaliex dan il-kliem kien għalihom bħal frosta.

Ftit jiem wara, waqt li kien qiegħed jaħdem (għaliex hu kien joqgħod attent biex jaħdem) xi ħadd waqaf fil-bieb u beda jiġbed l-ispaga li kien jaħdem biha, għaliex Antonju kien qiegħed jagħmel il-qfief li kien jagħti lil dawk li kienu jżuruh biex ipattilhom għal dak li kienu jġibulu. Qam u ra bhima sa kuxtejha tixbaħ lill-bniedem, imma riġlejha u saqajha bħal ta’ ħmar. Antonju sempliċiment radd is-salib u qal; “Jiena l-qaddej ta’ Kristu; jekk int kont mibgħut kontrija hawn jien’’ u l-mostru tax-xjaten ħarab jgħaġġel, illi bil-għaġġla tiegħu waqa’ u miet. U l-mewt tal-bhima kienet il-waqgħa tax-xjaten, għaliex kienu jħaffu jagħmlu minn kollox biex lil Antonju ma jħalluhx jgħix iżjed fid-deżert. Imma ma rnexxielhomx.

 

Kapitlu Tlettax; L-Għalliem tar-Rħieb

 

Darba, billi l-irħieb talbuh biex kultant u tant jerġa’ jżurhom u jara wkoll fejn kienu jgħixu, telaq flimkien ma’ l-irħieb li marru jiltaqgħu miegħu. Ġemel kien iġorr ħobż u ilma għalihom għaliex ma hemm l-ebda qatra ilma f’dak id-deżert kollu u l-ebda ilma tax-xorb ħlief dak tal-għolja li minnha mlew l-ilma fejn kien hemm il-kunvent ta’ Antonju. Huma u sejrin naqashom l-ilma u kollha kienu fil-periklu, billi s-sħana kienet qawwija. Billi fittxew madwarhom u ma sabu l-ebda ilma, lanqas setgħu jimxu imma ntefgħu ma’ l-art u ħallew il-ġemel imur. Kienu donnhom qatgħu qalbhom. Ix-xwejjaħ, meta ra li kollha kienu fil-periklu, ddispjaċih ħafna u fil-waqt li tniehed, tbiegħed ftit minnhom u talab għarkobbtejh b’idejh miftuħa. Malajr il-Mulej ħareġ nixxiegħa fil-post fejn kien qiegħed jitlob, u kulħadd xorob u ffriska. Wara li mlew il-ġlud tagħhom tal-ilma, fittxew il-ġemel u sabuh, għaliex ġara li l-ħabel tkebbeb ma’ blata u għalhekk żamm sod; ħaduh lura magħhom u wara li sqewh għabbewlu l-ġlud tal-ilma u komplew il-vjaġġ tagħhom bis-sliema.

Malli wasal fil-kunventi li kienu ‘l barra mid-deżert, kulħadd laqgħu, billi raw fih missier. U hu, bħallikieku ġibilhom ikel minn fuq il-muntanja, qagħad ikellimhom u jgħinhom. Għalhekk mill-ġdid kien hemm l-hena fuq l-għoljiet, ħeġġa biex jimxu ‘l quddiem fil-ħajja tar-ruħ u kull wieħed minnhom rabba l-kuraġġ mill-fidi tal-bqija. Hu wkoll feraħ jara l-ħeġġa tal-irħieb u li jsib li oħtu xjieħet fil-verġinita’ tagħha u hija stess kienet gwida għal xebbiet oħra.

Wara xi jiem reġa’ mar lejn l-għolja fejn kien joqgħod. Minn dakinnhar ‘il quddiem ħafna kienu jmorru fejnu u xi wħud li kienu jbatu minn xi ħaġa ssograw jagħmlu l-vjaġġ xorta waħda. Lill-irħieb li kienu jmorru għandu kien dejjem jagħtihom dan il-parir: li jafdaw fil-Mulej u jħobbuh, jbiegħdu minnhom ħsibijiet ħżiena u pjaċiri tal-ġisem, ma joħorġux mit-triq it-tajba billi jpaxxu lil żaqqhom (kif hemm miktub fil-Ktieb tal-Proverbji) jaħarbu l-vanaglorja, jitolbu dejjem, ikantaw is-Salmi qabel u wara li jorqdu, itennu f’qalbhom il-kmandamenti ta’ l-Iskrittura u jiftakru fl-għemejjel tal-qaddisin sabiex bl-eżempju tagħhom ir-ruħ tkun tista’ titħarreġ taħt it-tmexxija tal-Kmandamenti. B’mod speċjali tahom il-parir biex dejjem iżommu f’moħħhom il-kliem ta’ San Pawl. “Tħallux ix-xemx tinżel fuq il-korla tagħkom’’ u li jqisu li dan jgħodd ukoll għall-Kmandamenti l-oħra kollha, biex ix-xemx ma tinżilx mhux biss fuq il-korla tagħna imma fuq kull dnub ieħor li nagħmlu, għaliex hija ħaġa tajba u bżonnjuża li x-xemx ma tikkundannaniex għal xi dnub bi nhar u lanqas il-qamar għal xi waqgħa jew ukoll ħsieb matul il-lejl’’. Biex nissodisfaw u nħarsu din il-ħaġa, tajjeb li nisimgħu u nosservaw l-Appostlu Pawlu, għaliex jgħid; “Iflu lilkom infuskom. Ġarrbu lilkom infuskom’’ (2 Kor 13,5). “Mela kuljum, kull wieħed minnkom għandu jirrifletti fuq l-għemil tiegħu ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl u jekk ikun dineb, ma għandux għax jiftaħar, imma jibqa’ miexi ‘l quddiem fit-tjubija u ma jintelaqx, u lanqas għandu jiġġudika lil għajru u lanqas jiġġustifika lilu nnifsu, bħalma qal il-qaddis Appostlu Pawlu, sakemm jiġi l-Mulej li jfittex l-affarijiet li jkunu moħbija.’’ Għaliex ta’ sikwit ma jirnexxilniex naraw dak li nkunu qegħdin nagħmlu u ma nkunux nafu, imma lill-Mulej xejn ma jaħrablu. Għalhekk inħallu l-ġudizzju għalih. Ejjew nieħdu paċenzja b’xulxin u nerfgħu l-piż ta’ xulxin; ejjew niġġudikaw lilna nfusna u fejn ma jirnexxilniex, nagħmlu ħilitna biex nitbiddlu. Bħala tarka biex ma nidinbux, ejjew nużaw dan il-mod ta’ osservazzjoni; ejja kull wieħed minna jinnota u jikteb l-għemil tiegħu u t-tqanqil ta’ ruħu, donnu sejrin ngħiduh lil xulxin u nkunu zguri illi minħabba l-mistħija kbira li nkunu magħrufin, ma nidinbux iżjed u lanqas naħsbu ħsibijiet ħżiena. Għaliex min jieħu gost jidher li qiegħed jidneb jew wara li jidneb, ma jigdibx għaliex ikun jixtieq jaħbi d-dnub tiegħu? Hekk kif m’għandniex nagħmlu dak li hu ħażin quddiem ħaddieħor, hekk ukoll jekk niktbu l-ħsibijiet tagħna bħallikieku qegħdin ngħiduhom lil xulxin, ngħassu aħjar lilna nfusna minn ħsibijiet ħżiena, għax nistħu jekk ninqabdu u jkunu jafuna. Jalla dak li nkunu ktibna, jkun għalina minflok l-għajnejn tal-irħieb sħabna, illi l-mistħija li nħossu waqt li nkunu niktbu daqs li kieku jkunu jarawna, lanqas biss naħsbu ħażin. U meta aħna nagħġnu lilna nfusna b’dan il-mod, inkunu nistgħu inrażżnu lil ġisimna biex nogħġbu lil Alla u ngħaffġu x-xbiek ta’ l-għadu’’.

 

Kapitlu Erbatax- Mirakli

 

Din kienet l-istruzzjoni li ta lil dawk li kienu jżuruh: kien jagħder lil kull min kien ibati u jitlob u ta’ sikwit il-Mulej kien jisimgħu b’ħafna manjieri. Ma kienx jiftaħar meta Hu kien jisimgħu u lanqas kien igerger meta ma kienx, imma dejjem iżżaħajr lil Alla u ħeġġeġ lil kull min kien ibati biex jieħu paċenzja u biex ikun jaf li l-fejqan mhux ġej minnu u lanqas ġej minn xi bniedem ieħor imma ġej minn Alla li jfejjaq x’ħin irid u lil min irid. Dawk li kienu jbatu emmnu l-kelmiet tax-xwejjaħ minflok il-fejqan billi kienu tgħallmu jbatu bil-paċenzja, imma fl-istess ħin lanqas kienu jaqtgħu qalbhom u dawk li fiequ tgħallmu li m’għandhomx jirringrazzjaw lil Antonju imma biss lil Alla.

Raġel jismu Fronton minn Palatium kellu marda terribbli, għaliex kien jidem ilsienu u għajnejh kienu fil-periklu. Mar ħdejn l-għolja u talab lil Antonju biex jitlob għalih. Wara li talab qal lil Fronton; “Mur u tfieq’’. Fronton oġġezzjona u għal xi jiem baqa’ d-dar fil-waqt li Antonju baqa’ jgħidlu; “Inti ma tistax tfieq sakemm iddum hawn. Mur u x’ħin tasal l-Eġittu tara s-sinjal li seħħ fik’’. Ir-raġel emmen u telaq, u malli lemaħ l-Eġittu, kien meħlus mill-marda tiegħu u fieq skond il-kelma ta’ Antonju, ħaġa li ‘l quddiem sar jafha mill-Mulej waqt li kien qiegħed jitlob.

Tifla minn Busiris fi Tripli kellha marda terribbli u li twaħħxek, kienet tnixxi minn għajnejha, imneħirha u widnejha u dak li kien joħroġ malli jaqa’ fl-art kien isir dud; ġisimha kien paralizzat u għajnejha ma kenux naturali. Billi l-ġenituri tagħha semgħu li xi patrijiet kienu sejrin ħdejn Antonju, u billi t-tfajla kellha fidi fil-Mulej li kien fejjaq lill-mara li kienet tbati mit-tnixxija tad-demm (Mt 9,20); talbuhom biex imorru magħhom flimkien ma’ binthom u l-patrijiet aċċettawhom. Il-ġenituri u binthom baqgħu n-naħa ta’ isfel ta’ l-għolja ma’ Pafnuzju, il-konfessur u r-raħeb. L-oħrajn telgħu fejn Antonju; u bdew jirakkuntaw l-istorja minn meta xtaqu jkellmuh dwar it-tifla, imma hu waqqafhom u tahom stampa ċara tat-tbatijiet tat-tifla u kif hi u niesha vvjaġġaw magħhom. Meta staqsewh jekk dawk ukoll setgħux jitilgħu ħdejh, qalilhom “Le’’ imma qal; “Morru, u intom issibuha mfejqa jekk mhix mejta. Għax din m’hijiex biċċa tiegħi li hi tiġi għand bniedem imsejken bħali, imma l-fejqan hu ħaġa tas-Salvatur li juri l-ħniena tiegħu kullimkien ma’ dawk kollha li jsejħulu. Il-Mulej ukoll sama’ t-talba ta’ din it-tifla u l-imħabba tiegħu urietni li Hu jfejjaqha waqt li hi għadha hemm’’. B’hekk seħħ il-miraklu u x’ħin ħarġu minn fejnu sabu lill-ġenituri ferħana u t-tifla b’saħħitha u mfejqa għal kollox.

Żewġt irħieb sħabu kienu sejrin għandu x’ħin naqashom l-ilma. Wieħed miet u l-ieħor kien qiegħed imut, ma kellux saħħa jkompli l-vjaġġ u nxteħet ma’ l-art jistenna l-mewt. Imma Antonju, bil-qiegħda fuq l-għolja, sejjaħ żewġt irħieb li nzertaw kienu fejnu u ħeġġiġhom fil-waqt li qalilhom; “Ħudu ġarra ilma u ħaffu aqbdu t-triq li tieħu lejn l-Eġittu għaliex kienu ġejjin tnejn, u wieħed minnhom għadu kif miet, u l-ieħor imut jekk ma tħaffux. Dan kien muri lili waqt li kont qiegħed nitlob.’’ Għalhekk l-irħieb marru u sabu wieħed mejjet u difnuh; l-ieħor stejqer bl-ilma u wassluh sa fejn ix-xwejjaħ, għaliex kien hemm vjaġġ ta’ jum. Jekk xi ħadd jistaqsi għaliex ma tkellimx, kien jistaqsi għalxejn. Għaliex is-sentenza tal-mewt ma kenitx ġejja minn Antonju imma minn Alla li hekk għoġbu dwar il-wieħed u rrivela dwar l-ieħor. F’Antonju dan biss hu tal-għaġeb, li waqt li kien bil-qiegħda fuq l-għolja u waqt li kien jishar f’qalbu, il-Mulej irrivelalu affarijiet li kienu qegħdin iseħħu fil-bogħod.

Darba oħra wkoll, waqt li kien bil-qiegħda hemmhekk, ħares ‘il fuq u lemaħ lil xi ħadd qiegħed jinġarr fl-arja u dawk kollha li kienu jiltaqgħu miegħu kienu qegħdin jifirħu ferħ kbir. Mibluh b’dan il-kor u jaħseb fuq dan l-hena tagħhom, talab biex ikun jaf dan x’seta’ kien. U malajr leħen instema’ jgħidlu li dik kienet ir-ruħ tar-raħeb Amun f’Nitria. Huwa għex ħajja ta’ axxeta sakemm xjieħ. Issa minn Nitria sal-għolja fejn kien jgħix Antonju kien hemm bogħod daqs vjaġġ ta’ tlettax-il jum. Dawk li kienu ma’ Antonju, x’ħin raw ix-xwejjaħ kollu ammirazzjoni, staqsewh biex ikunu jafu għaliex kien qiegħed f’dak l-istat u hu weġibhom li kien għadu kif miet Amun. Amun kien magħruf minnhom ħafna għaliex sikwit kien imur iżurhom hemm u għaliex permezz tiegħu saru bosta mirakli u dan kien wieħed minnhom.

Darba waħda Amun kellu bżonn jaqsam ix-xmara imsejħa Licus. Imma l-ilmijiet għamlu li din tfur. Għalhekk talab lil sieħbu Teodoru biex iwarrab daqsxejn il-bogħod minnu biex ma jarawx lil xulxin għerja meta jkunu qegħdin jgħumu biex jaqsmu x-xmara. Teodoru telaq, imma reġa’ staħa jara lilu nnifsu għeri. Waqt li mistħi kien qiegħed jaħseb x’għandu jagħmel, f’daqqa waħda inġarr għan-naħa l-oħra. Teodoru, hu stess bniedem devot, ġie f’sensih u billi ra li Amun kien l-ewwel u ma kienx imxarrab bl-ilma, ried ikun jaf kif qasam. U billi ra li Amun ma xtaqx jitkellem, qabadlu riġlejh u qallu li ma kienx sejjer iħallih imur qabel ma jgħidlu x’kien ġara. Amun, meta ra r-ras iebsa ta’ Teodoru, speċjalment mill-mod li bih tkellem, talbu biex ma jgħid lil ħadd b’dan qabel ma jmut, u mbagħad qallu li kienu ġarrewh l-anġli u wassluh san-naħa l-oħra. Qallu li ma kienx mexa fuq l-ilma, billi din hi ħaġa li mhijiex possibli għall-bnedmin, imma biss għall-Mulej u għal dawk li lilhom Hu jagħti din il-grazzja, bħal ma għamel mal-kbir Appostlu Pietru (Mattew 14,29). Din il-ħaġa Teodoru qalha biss wara li Amun kien miet.

Meta tletin ġurnata wara sħab Amun ġew minn Nitria, l-irħieb li Antonju kien ħabbrilhom bil-mewt ta’ Amun staqsew u sabu li Amun raqad ir-raqda tas-sliem f’dak il-jum u f’dik is-siegħa li fiha x-xwejjaħ kien ra lil ruħu tiela’ s-sema. Kemm dawn u kemm l-oħrajn baqgħu mistagħġba kemm kienet safja r-ruħ ta’ Antonju li sar jaf dak li kien ġara tlettax-il jum qabel u li ra dik ir-ruħ tiela’ s-sema.

Darba oħra l-Konti Arkelaws iltaqa’ ma’ Antonju fil-għoljiet ‘il barra minn fejn kien jgħix Antonju u talbu biex jitlob għal Polikrazja, ix-xebba magħrufa ta’ Laodicea li kienet tixbaħ lil Kristu, għaliex kienet tbati ħafna fl-istonku u f’ġenbha. Minħabba t-tgħakkis kbir tagħha ġisimha kien kollu dgħajjef. Antonju għalhekk talab u l-Konti ħa nota tal-jum meta sar it-talb, telaq lejn Laodicea u sab lix-xebba mfejqa għal kollox. Meta staqsa x’ħin u x’jum kien meta fieqet, ħareġ il-karta li fuqha kiteb il-ħin li fih sar it-talb. X’ħin qalulu, malajr wera dak li kien kiteb fuq il-karta. Hekk ikoll baqgħu mistagħġba li l-Mulej kien ħelisha mit-tbatijiet tagħha waqt li Antonju kien qiegħed jitlob u jsejjaħ lill-Mulej biex ifejjaqha.

Ta’ sikwit kien jitkellem minn ġranet qabel dwar dawk li kienu sejrin iżuruh. Xi drabi anke xahar qabel u r-raġuni għaliex kienu sejrin ħdejh. Għaliex xi wħud sempliċiment kienu jiġu biex jarawh; oħrajn għaliex kienu morda u oħrajn għaliex kienu mħabbtin mix-xjaten. U ħadd ma kien ibati jew jitlef xi ħaġa fil-vjaġġ li jkun għamel u kull wieħed kien jerġa’ lura minn fejn ikun ġie u kien jħoss ruħu mgħejjun. Antonju, meta kien jgġid dawn l-affarijiet, kien jitlob li ħadd m’għandu jammirah rigward din il-ħaġa, imma iktar għandu jammira lill-Mulej li jagħti lilna l-bnedmin il-grazzja li nkunu nafuh, skond il-ħila tagħna.

Darb’oħra niżel biex iżur il-kunventi tal-periferiji u talbuh imur fuq vapur u jitlob ma’ l-rħieb. Hu biss xamm riħa tinten qawwija. L-ekwipaġġ qalulu li fil-vapur kien hemm il-ħut u l-laħam immellaħ u li dik ir-riħa kienet tagħhom imma hu qalilhom li kienet riħa differenti. Waqt li kien qiegħed jitkellem, instemgħet għajta ta’ wieħed żagħżugħ li kellu xitan u li ftit qabel kien tela’ abbord bil-moħbi fuq il-vapur. Wara li ssejjaħ l-isem tal-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu, ix-xitan ħareġ u r-raġel fieq, u kulħadd għaraf li dik ir-riħa tinten kienet ġejja minn dak l-ispirtu ħażin.

Darba oħra mar għandu wieħed nobbli, li kellu fih xitan. Ix-xitan kien tant qalil li dak l-ippossedut ma kienx jaf li kien sejjer għand Antonju. Dan kien jiekol il-ħmieġ ta’ ġismu stess. Dawk li wassluh talbu lil Antonju biex jitlob għalih, u Antonju li ħenn għal dak iż-żagħżugħ talab u għadda l-lejl kollu miegħu. Malli beda jisbaħ, iż-żagħżugħ f’daqqa waħda ħebb għal Antonju u beda jimbuttah. Ħbiebu nkurlaw, imma Antonju qalilhom; “Tinkurlawx u ċċanfrux liż-żagħżugħ, mhux hu, imma x-xitan li hemm fih attakkani talli kien imċanfar u ordnat li jitlaq u jmur f’postijiet fejn ma hemmx ilma tant li fferoċja u għamel hekk. Għalhekk, faħħru lil Alla għaliex il-fatt li qiegħed jattakkani b’dan il-mod għalikom hu sinjal li x-xitan sejjer’’. U għal dan il-kliem ta’ Antonju, iż-żagħżugħ malajr fieq u mbagħad moħħu f’sikktu, għaraf fejn kien, għannaq lix-xwejjaħ u iżżuħajr lil Alla.

 

Kapitlu Ħmistax; Viżjonijiet

 

Bosta rħieb jirrakkuntaw ħafna affarijiet oħra li saru permezz tiegħu u dawn ir-rakkonti jaqblu. Madankollu dawn mhumiex tant kbar daqs il-meravilji ikbar li ra. Darba għall-ħabta tad-disa’ siegħa meta kien se jiekol u qam biex jitlob, ħassu jinġarr fl-ispirtu. Ħaġa stramba, kif kien wieqaf ra lilu nnifsu donnu maħruġ minnu nnifsu u mmexxi minn oħrajn fl-arja. Kien hemm ukoll ħlejjaq jintnu u terribbli stazzjonati fl-arja. Dawn kienu qegħdin jippruvaw ifixkluh u ma jħalluhx jgħaddi. Il-gwidi rreżistew imma l-oħrajn talbu u riedu jkunu jafu jekk kienx ħati, u billi riedu jaqbdu kwistjoni dwar din il-ħaġa, dawk ta’ kontrih bdew jirrakkontaw l-istorja ta’ ħajtu sa minn twelidu. Dawk li kienu jmexxu lil Antonju waqqfuhom, fil-waqt li qalulhom; “Il-Mulej ħassar il-ħtijiet kollha li wettaq sa minn twelidu. Tistgħu biss takkużawh sa meta sar raħeb u kkonsagra ruħu lil Alla’’. Imbagħad billi akkużawh u ma sabu xejn kontrih, il-mogħdija kienet libera u bla xkiel għalih u hu ra lilu nnifsu riesaq u mill-ġdid jidħol fih innifsu biex għal darba oħra jsir Antonju. Nesa jiekol u baqa’ l-bqija tal-jum u l-lejl kollu jitniegħed u jitlob. Għaliex baqa’ mibluh jara kemm għandna nikkumbattu kontra għedewwa u kemm irridu nitħabtu biex nitilgħu fl-arja. Ftakar li propju dak kien li kien qal l-Appostlu Pawlu; “Kif jagħmel il-kap tal-ħakma tal-ajru’’ (Efes 2,2). Hawnhekk l-għadu għandu s-setgħa tiegħu, li jiġġieled u ma jħallix lil dak li jkun jgħaddi mill-ajru jew mill-arja. Għal din ir-raġuni, l-Appostlu Pawlu ħeġġiġna b’mod speċjali: “Aqbdu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu żżommu fil-jum ħażin (Efes 6,13) u hekk ma jsir l-ebda deni fuqna (Tit 2,8) u għalhekk l-għadu jkollu għaliex jistħi. Ejjew aħna li tgħallimna din il-ħaġa niftakru l-kliem tal-Appostlu Pawlu; “Jekk fil-ġisem ma nafx, jekk barra mill-ġisem ma nafx, dak Alla jaf’’ (2 Kor 12,2) Imma l-appostlu Pawlu kien meħud sat-tielet sema u sema’ kliem li wieħed ma jistax ifisser; fil-waqt li Antonju ra lilu nnifsu dieħel fl-arja u jitħabat sakemm ikun meħlus.

Kellu grazzja oħra minn Alla. Meta kien ikun waħdu fuq l-għolja, u kien ikun fid-dubju dwar xi ħaġa li kien ikun sejjer jagħmel, il-Provvidenza kienet tiċċaralu kollox, waqt li jkun qiegħed jitlob. Kien wieħed minn dawk il-beati li kien jgħallimhom Alla (Ġw 6,45). Għalhekk, iżjed tard, meta kellu diskussjoni ma’ xi nies li kienu marru jżuruh dwar il-ħajja tar-ruħ u l-post li jkollha fid-dinja l-oħra, fil-lejl ta’ wara jisma’ lil xi ħadd sejjaħlu minn fuq. Il-leħen qallu; “Antonju qum, oħroġ u ħares’’. Ħareġ (għaliex kien jaf liema ilħna u vuċijiet għandu jobdi), ħares ‘il fuq u lemaħ figura kbira bla forma u terribbli, wieqfa u tasal sas-sħab, u nies telgħin ‘il fuq donnhom fuq il-ġwienaħ. Il-figura kienet qiegħda tiftaħ dirgħajha u kienet qiegħda żżomm lil xi wħud, fil-waqt li oħrajn kienu qegħdin itiru ‘l fuq u jgħaddu minn fejnha u jibqgħu sejrin bla xkiel ta’ xejn. Għal dawn bdiet thażżaż snienha waqt li kienet tifraħ tara lil dawk li kienu qegħdin jaqgħu. Imbagħad Antonju sama’ leħen jgħidlu: “Ifhem din id-dehra’. U billi moħħu nfetaħ fehem li dik kienet il-mogħdija tal-erwieħ u dik il-figura kbira kienet l-għadu li jobgħod lill-fidili. Huwa jaqbad lil dawk li huma fis-setgħa tiegħu u ma jħallihomx jgħaddu, imma ma jkunx jista’ jaqbad lil dawk li ma jkunux ċedewlu u jgħaddu minn fejnu bla tbatija ta’ xejn.Huwa żamm din ix-xena quddiem għajnejh bħala xi ħaġa li tfakkru dejjem x’hemm lest wara din il-ħajja, u stinka dejjem iżjed biex kuljum jimxi iżjed ‘il quddiem fil-virtu’.

Kontra qalbu kien jgħid dawn l-affaraijiet lill-oħrajn. Wara li jkun talab fit-tul u ammirahom f’qalbu, u wara li sħabu jkunu staqsewh u reġgħu staqsewh, kien Iħossu imġiegħel jitkellem. Hu ma setax, bħala missier, jaħbi dawn l-affarijiet lil uliedu. Beda jaħseb ukoll li waqt li l-kuxjenza tiegħu kienet kwieta, meta kien qed jgħidhom kien ikun qiegħed jgħin lill-irħieb, billi kien jgħallem li l-ħajja reliġjuża tagħti frott tajjeb u li sikwit hemm il-faraġ għall-ħruxija tagħha fid-dehriet tagħha.

 

Ir-Raba’ Ktieb

L-Aħħar Snin ta’ Antonju

Kapitlu Sittax

Id-Devozzjoni li kellu lejn il-Knisja ta’ Alla

Antonju kien ilu jbati u fl-istess ħin kien ta’ dispożizzjoni umli. Billi kien dak li kien, madankollu kien iqim ħafna l-liġi tal-Knisja u kien ikun irid li kull kjeriku jkun onorat iktar minnu. Ma kienx jistħi jmejjel rasu quddiem isqfijiet u saċerdoti, u jekk xi darba kien imur fejnu xi djaknu biex jitolbu parir għall-ġid ta’ruħu, kien jgħidlu dak li kien ikun hemm bżonn biex jgħinu. U meta kienu jitolbu flimkien kien jagħtih il-preċedenza u lanqas kien jistħi jew jikkonfondi meta hu wkoll kien jitgħallem xi ħaġa minnu. Għaliex ta’ sikwit kien jistaqsi u jitlob li jisma’ lil sħabu, u jagħraf li kien isib l-għajnuna jekk xi ħadd ikun qallu xi ħaġa utli. Wiċċu kien juri l-grazzja li kellu f’ruħu. U l-Mulej żejjnu b’don ieħor; jekk kien ikun fil-kumpanija ta’ rħieb, u xi ħadd li ma kienx jafu qabel kien xtaq li jarah, malajr kien jaqbeż lill-oħrajn u jitlaq iħaffef lejh, miġbud minn wiċċu u mill-figura tiegħu. Ma kienx bħall-oħrajn, mhux għaliex kien itwal minnhom jew iktar b’saħħtu, imma għax kien iħalli dan l-effett, is-serjeta’ ta’ ħajtu u tal-imġieba tiegħu, il-fermezza u s-safa ta’ ruħu. Billi ruħu kienet fil-paċi, is-sensi l-oħra viżibbli kienu kalmi wkoll, tant li l-ferħ ta’ ruħu kien jidher fil-ferħ ta’ wiċċu u miċ-ċaqliq ta’ ġismu wieħed kien jara u jagħraf l-istat ta’ ruħu, skond kif insibu miktub fl-Iskrittura. “Qalb hienja tferraħ il-wiċċ, imma n-niket tal-qalb telqa tar-ruħ” (Prov 15,13). Hekk Ġakobb għaraf li Laban kien qiegħed iħejji komplott u qal lin-nisa tiegħu; “Wiċċ missierkom mhux kif kien ilbieraħ u qabel ilbieraħ’’ (Ġen 31,5). Hekk ukoll Samwel sar jaf lil David għaliex għajnejh kienu juru ferħ u snienu kienu bojod bħall-ħalib (1 Slat 16,12). Hekk ukoll kien magħruf Antonju, għaliex qatt ma ħassu inkwetat, billi ruħu kienet dejjem kalma; qatt ma kien ikun qalbu sewda, għaliex il-menti tiegħu kienet dejjem ferħana.

Anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi, kien ta’ min jammirah. Qatt ma żamm xi relazzjoni max-xiżmatiċi ta’ Melezju billi sa mill-bidu kien jaf bil-ħażen u r-ribelljoni tagħhom. Lanqas kien jitkellem b’mod ta’ ħbieb mal-Manikej jew ma’ eretiċi oħra, jekk mhux biex jipperswaduhom jerġgħu lura fi ħdan il-knisja u ma jibżgħux fil-ħażen tagħhom. Kien jgħid li meta wieħed jitkellem magħhom ikun fil-periklu li jeqred ruħu. Bl-istess mod stmerr ukoll l-ereżija tal-Arjani u rrakkomanda lil kulħadd biex jwarrbuhom u ma jemmnux it-tagħlim qarrieq u falz tagħhom. Darba meta xi Arjani marru fuqu u beda jistaqsihom u sab li Arjani, keċċihom bil-qawwa kollh. Qalilhom li d-diskors tagħhom kien agħar mis-sriep.

Darba waħda l-Arjani gidbu u qalu; “Hekk jaħseb Antonju, propju bħalna”. X’ħin sema dan il-kliem, ħassu offiż u baqa’ mbellah. Imbagħad, imsejjaħ mill-isqfijiet u mir-rħieb sħabu kollha, niżel minn fuq il-għolja u mar Lixandra. Ikkundanna l-Arjani billi qal li kienu l-aħħar eretiċi, il-prekursuri ta’ l-Antikrist. Kien jgħallem lill-poplu li l-Iben ta’ Alla ma kienx maħluq mix-xejn, kif għall-kuntrarju kienu jgħidu huma, imma kien l-iben tal-Missier veru proprju, imwieled mill-essenza tal-Missier u ta’ l-għerf.” Għalhekk hi ħaġa ħażina ħafna li wieħed, jgħid li kien hemm xi mument li fih l-Iben ma kienx jeżisti. L-Iben kien dejjem il-Verb li kien mal-Missier. “U qisu li ma jkollkomx x’taqsmu mal-ħżiena bħalma huma l-Arjani. Id-dawl ma jaqbilx mad-dlam. Għalhekk kunu nsara twajbin. Dawk li jqisu bħala kreatura lil dak li hu mwieled mill-Missier u hu l-Verb t’Alla huma bħal dawk il-pagani li jaduraw lill-kreatura u jittraskuraw lill-Ħallieq. Emmnu wkoll li kull ma hu maħluq iħoss stmerrija għalihom għaliex jgħoddu fost il-ħlejjaq il-Mulej li ħalaq kollox u li bih saru l-ħwejjeġ kollha”.

In-nies kollha ħadu gost jisimgħu bniedem bħalu jikkundanna l-ereżija ta’ l-Arjani. In-nies kollha tal-belt kienu jħaffu biex jaraw lil Antonju. Il-pagani wkoll, u dawk fosthom li kienu jsejħulhom saċerdoti kienu jmorru l-knisja jistaqsu u jgħidu: “Irridu naraw il-bniedem t’Alla”. Kulħadd kien isejjaħlu hekk. Infatti f’din il-belt il-Mulej fejjaq ukoll permezz tiegħu ħafna li kienu tturmentati f’moħħhom mix-xjaten. Għaslhekk ħafna pagani, talbu biex imissuh billi kienu jemmnu li seta’ jgħinhom: u f’dawk il-ftit jiem in-numru ta’ dawk li saru nsara kienu ħafna iżjed milli wieħed jista’ jikkalkula li jistgħu jsiru matul sena. Meta xi ħadd ipprova jwarrab il-folla minn fejnu għax qal li kienet qiegħda tfixklu, hu rrispondieh bil-kalma kollha u qallu: “Forsi dawn jistgħu jkunu iktar numerużi minn dawk li kontrihom u magħhom nikkumbatti fuq il-għolja, jiġifieri x-xjaten”

Meta telaq u aħna wassalnieh sal-bieb tal-belt, ġiet mara tiġri warajna tgħajjat u tgħid; “Bniedem t’Alla, stenna għaliex binti hi mħabbta b’mod terribbli mix-xitan. Stenna nitolbok għaliex jien ukoll bil-ġiri qiegħeda inbati”. Ix-xwejjaħ meta sema’ dan il-kliem mitlub minnha b’tant ħeġġa aċċetta li jieqaf. L-omm resqet lejh u tefgħet it-tifla ma’ l-art. Antonju talab u sejjaħ lil Kristu. It-tifla qamet imfejqa għaliex l-ispirtu mniġġes tkeċċa. L-omm ukoll bierket lill-Mulej Alla u lkoll kemm aħna rringrazzjajnieh u Antonju telaq lejn l-għolja kollu ferħan donnu sejjer lejn daru.

------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

Kapitlu Sbatax: Id-Don Li Jifhem Lin-Nies

 

Antonju kien prudenti ħafna. U dak li wieħed l-aktar kien min jammira fih kien il-fatt li, għalkemm qatt ma kien ta’ skola, madankollu kien bniedem għaqli u għaref. Darba żewġ filosfi Griegi marru fejnu bil-ħsieb li jippruvaw lil Antonju. Hu kien jinsab fl-għoljiet tan-naħa ta’ barra. Imma billi fehem lil dawn in-nies mill-bixra ta’ wiċċhom, mar jiltaqa’ magħhom u permezz ta’ interpretu qalilhom: “Ja filosfi għaliex ħadtu dik il-battikata biex tiġu taraw raġel injorant?” Imma meta rrispondewh u qalulu li ma kienx injurant imma għaref ħafna qalilhom: “Li kieku ġejtu biex taraw u tiltaqgħu ma’ wieħed injorant, it-taħbit tagħkom kien ikun għalxejn; imma jekk taħsbu li jien għaref, siru bħali għaliex aħna għandna nimitaw lil dak li hu tajjeb. Li kieku jien ġejt għandkom, kont nimita lilkom; imma ladarba ġejtu għandi, siru bħali, għaliex jiena Nisrani”. Huma telqu miblugħin bil-għaġeb għaliex raw li ix-xjaten ukoll kienu jibżgħu minn Antonju.

Xi nies bħal dawn reġgħu marru għandu fl-għoljiet tan-naħa ta’ barra u ħasbu li kienu sejrin jiżżufjettaw bih billi kien ta’ ftit skola. Antonju qalilhom: “Intom xi tgħidu; x’jiġi l-ewwel, il-moħħ jew l-iskola? U x’inhi l-kawża? Il-moħħ ta’ l-iskola jew l-iskola tal-moħħ?” X’ħin irrispondewh li l-moħħ hu l-ewwel u hu l-moħħ li vvinta l-iskejjel, Antonju qalilhom; “Mela min għandu moħħ f’sikktu, m’għandux bżonn skejjel”. Din ir-risposta skantat kemm lilhom u kemm lil dawk li kienu qed jisimgħuh. Huma telqu skantati jaraw tant għerf fi bniedem sempliċi. Ma kellux il-karattru żorr ta’ wieħed li trabba fil-muntanji u xjieħ hemm imma kien ħelu u kellu manjieri tajba. Kliemu kien imżejjen bl-għerf ta’ Alla tant li ħadd ma sab xi jgħid kontrih, imma kull min iltaqa’ miegħu ħass ruħu kuntent bil-pariri li kien jagħti.

Iżjed tard ġew oħrajn fejnu. Dawn kienu minn dawk il-Griegi li jaħsbu li huma għorrief. Meta talbuh jagħtihom relazzjoni dwar il-fidi tagħna fi Kristu u ppruvaw jiftħu argument dwar il-predikazzjoni tas-Salib ta’ Kristu u xtaqu jiżżufjettaw b’Antonju, hu stenna ftit u wara li ħenn għalihom minħabba l-injoranza tagħhom, qalilhom permezz ta’ interpretu, li seta’ jesprimi kliemu b’mod ċar; “X’hemm l-iżjed nobbli; li tistqarr is-salib jew li tattribwixxu l-adulterji u l-impurita’ lil dawk li intom issejħu allat? Aħna ngħidu huwa li tagħna huwa sinjal ta’ kuraġġ kbir, prova ta’ rebħa fuq il-mewt, imma tagħkom hi ħajja li ġġiegħlkom tgħaddu ħafna ż-żmien bla rażan. Barra minn hekk Kristu wera li hu kien Alla u li ġie fid-dinja biex isalva lill-bnedmin.

“Kellmuna wkoll dwar it-twemmin tagħkom. X’għandkom x’tgħidulna jew x’għandkom x’tgħallmuna, jew xi qligħ jista’ jkollna mit-tagħlim tagħkom? Forsi tridu tagħmluna annimali bħall-annimali bla raġuni li intom taduraw? Forsi tridu tagħtuna parti mill-qilla tal-annimali selvaġġi? Jew għall-kuntrarju, bħalma smajt jingħad, lill-ħrejjef tagħkom, ridtu tagħmlu xi allegoriji u tgħidu li Venere hi d-dinja, Vulkan iz-zopp in-nar, Ġunone l-arja, Apollo x-xemx, Diana l-qamar u Nettunu l-baħar u tgħidu dan b’enfasi kbira li madankollu ma tadurawx lil Alla imma taduraw lil kreatura, u tittraskuraw lil min ħalaq dawn il-ħwejjeġ kollha. Jekk għamiltu dawn l-allegoriji għaliex il-ħolqien hu sabiħ, kien messkom biss tammirawh u mhux issejħulu alla jew allat u għalhekk tagħtu lill-kreaturi unur li jistħoqq biss lill-Ħallieq. Li kieku hu hekk, minflok lill-perit inkunu nonoraw lid-dar li bena; u dak li jirċievi l-unuri jkun is-suldat u mhux il-kmandant tiegħu. X’għandkom xi tgħidu kontra dawn l-argumenti biex nifhmu jekk verament is-salib jistħoqqlux b’xi mod li jkun imwaqqa’ għaż-żuffjett?’

U dawk, malli semgħu dan il-kliem, ħassewhom imbarazzati, u bdew iħarsu ‘l hawn u ‘l hemm. Antonju ra kollox u beda jitbissem u kompla jgħid permezz tal-interpretu; “Dawn l-affarijiet li tkellimt dwarhom għandhom fihom prova li tidher. Imma billi intom tippreferu toqogħdu bir-raġuni fuq kliem u argumenti, u billi għandkom din l-arti, tindunaw ukoll li ma nqimux lil Alla jekk mhux wara li nkunu wrejna r-reliġjon tagħna bi provi verbali jew bil-kliem. L-ewwelnett għiduli dan; il-ħwejjeġ li hawn madwarna u fuq kollox l-għrafien ta’ Alla, kif jiġu murija lilna l-bnedmin permezz tal-provi verbali jew permezz ta’ att ta’ fidi? U x’jiġi l-ewwel, il-fidi li titwettaq permezz ta’ att jew il-prova li titwettaq bil-kliem?’ Huma qalu li l-ewwel kien l-att ta’ fidi u li dan hu l-veru għerf. U Antonju qalilhom; “Sewwa għedtu. Fil-verita’ l-fidi tiġi mill-interjorita’ tal-qalb imma l-loġika toħroġ mill-għaqal ta’ min ikun jirraġuna. Lil dawk li għandhom il-fidi, mhix neċessarja wirja ta’ kliem, anzi l-wirja li tiġi permezz tal-kliem hija żejda. Dak kollu li aħna nifhmu permezz tal-fidi, intom tqisuh ħaġa impossibli. Infatti ta’ sikwit ma nistgħux nuru dak li nemmnu. Minħabba f’hekk hi ħaġa ċara li l-fidi li tidher f’att hija l-ewwel u iżjed qawwija mill-argumenti sofistikati u fini tagħkom.

Aħna l-Insara fhimna l-misteru mhux bil-għerf tal-Griegi, imma bis-setgħa tal-fidi li ġiet mogħtija lilna minn Alla permezz ta’ Kristu. Li d-diskors li issa qegħdin nagħmlu hu veru, joħroġ minn dan; aħna li qatt ma tgħallimna skola profonda, nemmnu fil-Mulej u nagħrfu permezz tal-ħolqien li sar bih, il-providenza divina li tinsab fil-ħlejjaq kollha. U billi l-fidi tagħna hija att, aħna nżommu sħiħ bil-fidi fi Kristu, fil-waqt li mill-banda l-oħra, intom tintrabtu b’diskorsi kollha argumenti u bid-disputi li joħorġu minnhom. U l-illużjoni ta’ l-idoli, li għalikom hija l-fidi, tispiċċa fix-xejn, fil-waqt li l-fidi tagħna togħla kullimkien fuq l-oħrajn kollha. Intom, bl-argumenti kollha tagħkom, ma jirnexxilkomx tipperswadu lil ħadd biex mill-Kristjaneżmu jgħaddi għall-paganeżmu, fil-waqt li aħna meta ngħallmu l-fidi ta’ Kristu, indgħajfu s-superstizzjoni tagħkom u s-servizz tax-xjaten. Dawk kollha li jfaħħruna jagħrfu li Kristu hu l-Mulej, l-Iben ta’ Alla. U intom bl-elokwennza kollha tagħkom u bil-kliem mirqum tagħkom ma jirnexxilkomx tfixklu t-tagħlim ta’ Kristu fil-waqt li aħna, bl-isem ta’ ĠesuÏ Msallab, inkeċċu x-xjaten li intom tibżgħu minnhom bħala allat. Fejn hemm is-sinjal tas-salib jiddgħajjef is-seħer tagħkom u l-veleni ma jaħdmux.

Għalhekk għiduli: fejn hu s-seħer tagħkom? Fejn huma l-orakli tagħkom? Fejn huma l-formuli maġiċi tal-Eġizzjani? Fejn huma l-fantasiji tas-sħaħar? Meta spiċċaw jew iddgħajfu dawn l-affarijiet? Mhux forsi kemm ilu jeżisti s-salib ta’ Kristu? Allura min jistħoqqlu ż-żebligħ, is-salib jew l-affarijiet li xxejnu bih u b’hekk inkixfu d-dgħjufijiet tagħhom? Hija ħaġa stramba li l-qadi lill-allat tagħkom qatt ma għadda minn persekuzzjoni u hu onorat fl-bliet diversi, fil-waqt li kull min jemmen fi Kristu jsofri persekuzzjoni, l-iktar minnkom, u madankollu huwa iktar minnkom fin-numru. Ir-reliġjon tagħkom, li fostkom għandha tant fama u hi protetta u magħluqa, tħassar u teqred, fil-waqt li l-fidi u t-tagħlim ta’ Kristu, għalkemm ta’ sikwit kienu jkunu ppersegwitati mis-slaten u kienu mwaqqgħin għaċ-ċajt minnkom, mlew id-dinja kollha. U meta l-għarfien ta’ Alla kellu tant splendur, jew meta l-mewt tant kienet iddisprezzata u ma tantx wieħed jagħti każ tagħha, jekk mhux meta deher is-salib ta’ Kristu? Ħadd ma jista’ jiddubita minn dan meta jara li l-martri jiddisprezzaw il-mewt minħabba Kristu u li l-verġni tal-knisja jħarsu lejn ġisimhom b’mod pur u safi minħabba Kristu.

Dawn il-ħwejjeġ huma sinjali biżżejjed li juru li r-reliġjon ta’ Alla li hi mibnija fuq il-fidi fi Kristu, hija vera. Imma jekk għadkom ma tridux temmnu u tfittxu l-argumenti tal-kliem, għandkom tkunu tafu li kif qal l-Imgħallem tagħna, il-provi tagħna ma jkunux mibnija fuq il-persważjoni tal-għerf tal-Griegi. Aħna nipperswadu rwieħna b’mod ċar permezz tal-fidi (1 Kor 2,4). Araw, hawn xi wħud ippersegwitati mix-xjaten (dawn kienu dawk l-itturmentati mix-xjaten u marru fejnu.) Ħariġhom fin-nofs u qal; “Intom bl-argumenti kollha tagħkom, jew bi kwalunkwe mezz ieħor bis-seħer tagħkom, sejħu l-allat foloz tagħkom u fejquhom jew jekk ma jirnexxilkomx, waqqfu l-attakk kontrina u araw il-qawwa tas-salib ta’ Kristu’’. Wara li qal dan, sejjaħ lil Kristu u darbtejn jew tliet darbiet għamel is-sinjal tas-salib fuq dawk li kienu maħkuma mix-xjaten. Ħin iweħed l-irġiel qamu u moħħhom reġa’ ġie f’sikktu u raddu ħajr lill-Mulej. Quddiem dan il-miraklu, iż-żewġ hekk imsejħa filosfi baqgħu skantati u twerwru quddiem l-intelliġenza ta’ bniedem hekk kbir u quddiem il-miraklu li kien sar. Antonju allura qalilhom: “Għaliex qegħdin tistagħġbu minħabba dan il-miraklu? Mhux aħna għamilnieh, imma hu Kristu li jwettqu, permezz ta’ dawk li jemmnu fih. Emmnu għalhekk intom ukoll; siru bħalna u taraw li għalina l-kliem sabiħ ma jiswa xejn, imma li jgħodd hu l-fidi mibnija fuq l-imħabba għal Kristu.’’

Dan kien id-diskors ta’ Antonju. Dawn l-irġiel stagħġbu bih u telqu wara li sellmulu, konvinti li hu kien għenhom.

 

------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

Kapitlu Tmintax

Il-Persekuzzjoni Arjana

 

Il-fama ta’ Antonju walset sa għand l-Imperaturi. Malli kostantinu Awgustu u wliedu Kostanzju u Kostante Awgustu saru jafu b’dawn il-fatti kitbulu u talbuh jirrispondihom.Iżda hu ma tax każ ta’ l-ittra tagħhom u ma ħax pjaċir jirċevihom, imma baqa’ jgħix kif kien qabel ma kitbulu. Meta waslulu l-ittri, sejjaħ lill-irħieb u qalilhom: “Għaliex tistagħġbu, li l-imperaturi jiktbulna? Huma bnedmin. Għandkom tibqgħu iżjed skantati quddiem il-fatt li l-Mulej kiteb il-liġi tiegħu għall-bnedmin u kellimna permezz ta’ Ibnu”. Lanqas ried jirċievi l-ittri u qal: “Ma nafx nirrispondi ittri bħal dawn”. Imma l-irħieb kollha talbuh u qalulu: “L-Imperaturi huma Nsara. Jekk jaraw li jkunu mwarrba jirvellaw”. U għalhekk kontra qalbu ppermetta li l-ittri jinqraw. Irrisponda billi faħħarhom għaliex kienu jaduraw lil Kristu u tahom parir li jagħmlu kull ma jwassal għas-salvazzjoni u kitbilhom li m’għandhomx jagħtu importanza lill-ħwejjeġ ta’ issa, imma aktar iżommu f’moħħhom il-ġudizzju li għad irid jiġi. Għandhom jiftakru li Kristu biss hu r-Re Etern. Talabhom biex ikunu jħobbu lill-bnedmin ħuthom u li jieħdu ħsieb tal-fqar u jkunu ġusti. U huma ferħu meta rċivew l-ittra tiegħu. Kien maħbub minn kulħadd u kulħadd kien jixtiequ li jkun missieru.

Imma wara li ħafna kienu avviċinawh u kien jirrispondihom b’dan il-mod, Antonju mill-ġdid reġa’ mar lejn l-għoljiet fejn kompla jgħix il-mod tal-ħajja tas-soltu. Ta’ sikwit, waqt li kien ikun bil-qiegħda jew jippassiġġa mar-rħieb li kienu jmorru jżuruh, kien jibqa’ sieket, kif hemm miktub fil-ktieb tal-profeta Danjel. U ftit wara, jew wara xi siegħa kien jerġa’ jibda jitkellem ma’ dawk li kienu jkunu miegħu billi jkompli d-diskors li kien beda. L-oħrajn allura jkunu fehmu li kellu dehra. Għaliex ta’ sikwit meta kien ikun fuq il-għolja kien jara dak li kien ikun qiegħed iseħħ fl-Eġittu u dawn id-dehriet ddeskrivihom lill-isqof Serapion li kien iżjed ‘il ġewwa u li kien ra lil Antonju ppreokkupat b’din il-viżjoni. Darba oħra, waqt li kien medhi fix-xogħol, daħal f’estasi, u waqt li kien fl-estasi beda jokrob il-ħin kollu. Siegħa wara, dar lejn dawk li kienu miegħu, tniegħed tnehida u kollu mriegħed talab għarkobbtejh għal żmien twil. X’ħin qam ix-xwejjaħ kien jibki. Malli raw hekk l-oħrajn li kienu miegħu bdew jirtogħdu kollhom biża’ u talbuh u nsistew miegħu jgħidilhom għaliex qiegħed jagħmel hekk. Fl-aħħar kontra qalbu kellu jgħidilhom. Bi tnehida kbira qal: “Uliedi aħjar wieħed imut qabel ma jseħħu dawk l-affarijiet li rajt”. Għal darb’oħra talbuh ikompli jgħidilhom dak li kien qiegħed jara, u hu bid-dmugħ f’għajnejh qalilhom: “Il-Knisja sejra tkun maħkuma mill-korla u tingħata lill-bnedmin li jixbħu lill-bhejjem. Rajt il-mejda tal-Mulej imdawra minn kullimkien b’bgħula li kienu jagħtu biż-żewġ lil kull ma kienu jsibu ġewwa. Dawk id-daqqiet ta’ żewġ li jagħtu l-bhejjem qabel ma jkunu mmansati. X’ħin rajt dan kollu jien tnegħidt u naħseb li intom smajtu t-tnegħid tiegħi’’. U qal: Kemm tnegħidt, għax smajt leħen li qalli; “L-altar ikun kontaminat”.

Dan kien ra x-xwejjaħ u wara sentejn seħħet il-persekuzzjoni ta’ l-Arjani u s-sakkeġġ tal-knejjes, tant li serqu l-vażi sagri u tawhom lill-pagani biex jeħduhom. L-Arjani ġiegħlu lill-pagani kkundannati għal xogħol iebes biex jinġabru magħhom ħalli jidhru li huma ħafna u quddiemhom għamlu dak li riedu fuq l-altar. Allura aħna lkoll fhimna li d-daqqiet ta’ żewġ ta’ dawk il-bgħula li Antonju kien ra kienu jfissru dak li l-Arjani kienu qegħdin jagħmlu bħalissa qishom bnedmin neqsin mir-raġuni. Imma malajr, malli ra din id-dehra, Antonju farraġ lil dawk li kienu hemm miegħu fil-waqt li qalilhom; Uliedi, ssewdux qalbkom. Il-Mulej issa hu nkurlat, imma wara jfejjaq. Il-Knisja dal-waqt jerġa’ jkollha s-sbuħija ta’ qabel u tiddi daqs qabel. U taraw li min sofra persekuzzjoni jerġa’ lura lejn daru fil-waqt li min għamel il-ħażen imur lejn il-moħbiet tiegħu u l-fidi reliġjuża, s-sigurta’ u kull ħelsien ikunu kullimkien. Biss, oqogħdu attenti biex ma titħassrux u tmorru ma’ l-Arjani. Dan tagħhom mhux it-tagħlim ta’ l-Appostli imma t-tagħlim tax-xjaten u ta’ Luċifru, missierhom , u ħareġ minn moħħ bla frott u bla żerriegħa kif kienu l-bgħula tad-dehra li kelli”.

 

------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

Kapitlu Dsatax

L-Influwenza Spiritwali Tiegħu

 

Hekk kienet il-ħajja ta’ Antonju. U m’għandniex niddubitaw li dawn l-għeġubijiet saru u seħħu permezz ta’ bniedem. Għaliex b’dan seħħet il-wegħda tas-Salvatur li qal: “Jekk ikollkom il-fidi daqs iż-żerriegħa tal-mustarda tistgħu tgħidu lil din il-muntanja “Inqala’ minn hemm” u hi tinqala’ u xejn ma jkun impossibli għalikom. Kif ukoll: “Tassew tassew ngħidilkom li kull ma titolbu lil Missieri f’Ismi, Hu jagħtihulkom. Itolbu u jingħatalkom”. U l-istess Salvatur qal lid-dixxipli tiegħu li kienu jemmnu fih. “Fejqu lill-morda, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Meta kien ifejjaq, Antonju ma kienx jagħti l-ordnijiet imma kien jitlob u jsejjaħ l-isem ta’ Ġesu’, biex juri lil kulħadd li mhux hu kien ifejjaq imma l-Mulej li permezz ta’ Antonju wera l-imħabba tiegħu lejn il-bnedmin u kien ifejjaq lil dawk kollha li kienu jbatu. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Antonju, hu kien jitlob biss u jgħaddi ħajja axxetika li għaliha kien jgħix fuq l-għolja. Kien kuntent jikkuntempla ħwejjeġ tas-sema. Kien jiddispjaċih biss meta ħafna kienu jġegħluh imur fl-inħawi lil hinn mill-għolja li kienet qrib xatt ix-xmara. Bosta mħallfin talbuh jinżel minn fuq l-għolja għaliex kien impossibli għalihom li jitilgħu hemm minħabba l-folla li kienet tmur warajhom. Imma talbuh biex għall-inqas imur jarahom. Ma ħax gost b’din il-ħaġa u ma riedx jinżel ħdejhom. Imma huma nsistew u bagħtulu xi kkundannati bis-suldati għassa magħhom biex forsi minħabba fihom jinżel. Imma hu, billi ħass dan l-obbligu u ra li dawk l-ikkundannati kienu qegħdin jitolbuh bil-ħniena, niżel minn fuq l-għolja biex jiltaqa’ magħhom. U dan it-taħbit tiegħu ma kienx għalxejn. Għal ħafna li kellhom bżonn ta’ l-għajnuna, il-wasla tiegħu kienet ta’ ġid kbir għalihom. L-istess mħallfin ħadu gost ħafna jarawh. Tahom il-parir sabiex iħobbu l-ġustizzja fuq kull ħaġa oħra, li jibżgħu li jkunu ġġudikati bl-istess ġudizzju li huma jiġġudikaw. Madankollu hu kien iħobb id-dar tiegħu fuq il-għolja, fuq kollox.

Infatti darba waħda, imġiegħel minn ċerti individwi li kienu fil-bżonn u mitlub minn wieħed uffiċjal tas-suldati permezz ta’ xi messaġġiera, Antonju niżel mill-għolja u mar ħdejhom. Kellimhom xi ftit fuq is-salvazzjoni ta’ dawk li ġew ma’ dak l-uffiċjal, u wara li talab għal dawk li kienu qegħdin ibatu, ħaffef biex jerġa’ jmur fuq l-għolja. L-uffiċjal talbu biex jibqa’ hemm ftit ieħor u ma jkollux għaġġla jmur lura. Iżda huma qablu li ma setax jieqaf u biex Antonju jipperswadih ta eżempju mill-isbaħ. Qallu: “Hekk kif il-ħut x’ħin idum barra mill-ilma jmut, hekk ukoll l-irħieb, jekk idium fostkom u joqogħdu fejnkom, jitħassru. Hekk kif il-ħut iħaffef biex jerġa’ lura lejn il-baħar, hekk ukoll aħna rridu nħaffu mmorru lura lejn l-għolja, biex ma ninsewx il-ħajja interjuri tar-ruħ”. Malli sema’ dan il-kliem u kliem ieħor, dan l-uffiċjal ħassu meraviljat u qal: “Tassew dan hu bniedem t’Alla għaliex mnejn ġej dan l-għerf kollu fi bniedem komuni jekk dan mhux maħbub minn Alla?”

Uffiċjal ieħor jismu Balakios, kien jippersegwita bil-qawwa u bil-kefrija kollha lill-Knisja minħabba l-misħutin Arjani. Billi kien tant krudil wasal saħanstira biex isawwat lill-verġni u jneżża’ u jiflaġella lill-irħieb li ma redux ikollhom x’jaqsmu mal-ħażen ta’ l-Arjani. Antonju għalhekk kitiblu ittra li kienet tgħid hekk; “Qiegħed nara l-korla u l-qilla ġejja fuqek. Tibqax tippersegwita lill-Insara biex il-qilla u l-korla ma tilħqikx, għaliex waslet biex tinżel”. Imma Balacius beda jidħak, rema l-ittra ma’ l-art, beżaq fuqha, insulenta lill-messaġġiera u qalilhom jgħidu lil Antonju: “Billi qiegħed nara li inti tant qiegħed tieħu ħsieb u tippreokkupa ruħek bl-irħieb, niġi fejnek”. Ħamest ijiem wara l-korla ta’ Alla laħqitu. Balacius u Nestorju, il-prefett ta’ l-Eġittu telqu lejn Kajreos, l-ewwel waqfa qabel ma jilħqu Lixandra. It-tnejn kienu rekbin l-aktar żwiemel mansi li kien irabbi Balacius nnifsu. Imma qabel ma waslu fl-istazzjoni, iż-żwiemel bdew jilagħbu flimkien kif is-soltu jagħmlu ż-żwiemel u f’daqqa waħda l-iżjed żiemel mans, dak li fuqu kien riekeb Nestorju, gidem lil Balacius, tefgħu ma’ l-art, ifferoċja fuqu li bi snienu qattagħlu koxxtu. Balacius ittieħed Lixandra u wara tlett ijiem miet. U kulħadd baqa’ mistagħġeb kif dak li basar Antonju seħħ ftit jiem wara.

Hekk Antonju fittex li jikkonvinċi, permezz ta’ ittri lill-imħallfin l-iktar ħorox u kellem b’dan il-mod lill-oħrajn kollha li marru fejnu biex jinsew is-setgħa li għandhom li jiġġudikaw lil ħaddieħor u jqisu bħala ħienja lil dawk li jinqatgħu mid-dinja. Kien jaqbeż għal kull min kien isofri inġustizzja, li donnu kien ikun hu li kien isofri dak li kienu jsofru oħrajn. Tant kellu ħeġġa għall-ġid ta’ l-oħrajn li ħafna suldati u għonja ħallew id-dinja u saru rħieb. F’kelma waħda Alla poġġieh bħala tabib għall-Eġittu. Ħadd ma mar fejnu darba waħda u ma reġax lura ħieni. Min qatt mar jibki l-mejtin fejnu u malajr ma nesiex id-dwejjaq tiegħu? Min qatt ma mar għandu mikul bil-korla u ma reġax lura kollu ħbiberija? Min qatt ma mar ifittxu ddisprat fil-faqar tiegħu u wara li semgħu u rah ma ddisprezzax l-għana u ma ħassux imfarraġ fil-faqar tiegħu? Liema raħeb li ħass ruħu nċert fil-vokazzjoni tiegħu qatt mar fejnu mingħajr ma reġa’ lura msaħħaħ kontra d-diffikultajiet? Liema żagħżugħ qatt ma tela’ fejnu fuq l-għolja u ltaqa’ miegħu li ma biddilx ħajtu u beda jħobb is-safa? Min qatt mar fejnu imħabbat mid-demonju u ma reġax imtela’ bit-tama? Min qatt mar fejnu ibati minn taħwid ta’ ħsibijiet u ma reġax lura b’moħħ kalm?

Din kienet ħaġa oħra kbira li kienet tispikka fil-qdusija ta’ Antonju, li jagħraf l-ispirti, kif diġa’ għidt u billi kellu dan id-don, kien jagħraf il-movimenti u t-tqanqil tagħhom. Mhux biss ma kienx imżeblaħ mill-ispirti ħżiena, imma lil kull min kien ikun imħabbat bi ħsebijietu għallmu kif jirbaħ il-qerq tagħhom, u fissrilhom il-ħażen ta’ l-ispirti li kienu jħabbtuhom u d-dgħjufija tagħhom. U kull min kien jisimgħu kien jerġa’ lura, msaħħaħ bħal atleta midluk, mimli fiduċja kontra n-nases ta’ Luċifru u x-xjaten tiegħu.

Ukoll, kemm tfajliet li diġa kellhom l-għarus, wara li rawh mill-bogħod baqgħu verġni fi Kristu! Marru fejnu wkoll pellegrini mill-ibgħad naħat tal-Greċja u reġgħu lura lejn djarhom b’ġid kbir għal ruħhom, bħallikieku kienu edukati minn missier. Issa, wara mewtu, kollha bħal iltiema mitluqin waħidhom, għandhom il-faraġ biss fit-tifkiriet tiegħu u billi jħarsu t-tagħlim u l-pariri li kien jagħti.

 

Kapitlu Għoxrin

Il-Mewt Tiegħu

 

Hija ħaġa xierqa li ngħid kif temm il-ħajja tiegħu u intom ukoll tixtiequ tisimgħuha, għaliex ukoll mewtu hi ta’ min jimitaha. Kif kienet id-drawwa tiegħu u kif kien soltu jagħmel, mar iżur l-irħieb li kienu jgħixu fil-għoljiet tan-naħa ta’ barra. Billi sar jaf minn Alla li l-mewt tiegħu kienet fil-qrib, qal lil sħabu; “Din hija l-aħħar żjara li sejjer nagħmlilkom u jkun miraklu jekk terġgħu tarawni qabel immut. Ukoll għalija waslet is-siegħa li nħallikom għaliex għandi kważi mija u ħames snin”. Għal dan il-kliem huma bdew jibku, jħaddnuh magħhom u jbusu lil dak ix-xwejjaħ. Imma hu baqa’ jkellimhom kollu ferħan bħal wieħed li qiegħed iħalli belt barranija biex imur f’dik tiegħu u kompla jgħidilhom biex ma jċedux fil-ħidmiet tagħhom, ma jaqtgħux qalbhom fil-ħajja tagħhom tar-ruħ li hija ħajja iebsa imma “Bħalma diġa għidt, wieħed għandu jmut kuljum u jimita lill-qaddisin. Tersqux lejn is-segwaċi ta’ Melezju. Huma xiżmatiċi u intom tafu l-ereżija ħażina u profana tagħhom. Lanqas għandu jkollkom relazzjoni ma’ l-Arjani. Il-ħażen tagħhom hu magħruf minn kulħadd. Jekk taraw xi mħallfin li qegħdin jipproteġuhom tibżgħux, għaliex it-trijonf tagħhom jispiċċa. Huwa mortali u ftit idum. Żommu ruħkom safja mit-taħsir ta’ dawn in-nies, u fuq kollox żommu sħaħ fil-fidi tas-sinjur tagħna Ġesu’ Kristu li kienet mgħoddija lilkom mill-għorrief qaddisa, u li intom tgħallimtu mill-Iskrittura u li xi drabi fakkarthielkom jien ukoll”.

L-irħieb sħabu riedu jżommuh bil-forza biex imut fosthom, imma hu m’aċċettax għal ħafna raġunijiet li fiehem għalkemm fis-skiet, l-iktar minħabba d-drawwa tal-Eġizzjani. Infatti dawn għandhom id-drawwa li, bid-devozzjoni kollha ikeffnu f’lożor ta’ għażel fin l-iġsma tal-mejtin u tal-martri qaddisa għeżież għall-Mulej: ma jidfnuhomx imma jqegħduhom fuq speċi ta’ katallett u jżommuhom id-dar għandhom u b’hekk jaħsbu li jkunu qegħdin iqimu l-mejtin tagħhom. Imma Antonju ta’ sikwit kien jitlob lill-isqfijiet biex ikellmu lin-nies dwar dan biex ma jħallux dan isir. Għamel ħiltu kollha mal-lajċi biex iwaqqfu din id-drawwa u ċanfar lin-nisa biex ma jagħmlux dan, għax qal li dan la hu ġust u lanqas leġittimu. “Ukoll illum” qalilhom “għadhom jeżistu l-oqbra tal-patrijarki u tal-profeti. Il-ġisem tal-Mulej ukoll tqiegħed f’qabar u ġebla kbira għattietu, sakemm irxoxta fit-tielet jum”. B’dan il-kliem wera li jkun qiegħed jonqos dak li ma jidfinx l-iġsma tal-mejtin, ikunu kemm ikunu qaddisin. Infatti x’hemm ikbar u iżjed qaddis minn ġisem il-Mulej? Ħafna, wara li semgħu dan il-kliem, minn dak in-nhar ‘il quddiem, difnu l-mejtin u rringrazzjaw lill-Mulej talli rċevew dan it-tagħlim ġust.

Billi kien jaf b’din id-drawwa, u beża’ li kienu serjin jagħmlu hekk ukoll b’ġismu, Antonju malajr ħalla lill-irħieb u tela’ fuq l-għolja fejn kien is-soltu jgħammar. Ftit xhur wara marad u sejjaħ lil dawk li kien hemm miegħu. Kienu tnejn li kienu jgħixu fl-istess dar miegħu. Dawn għal ħmistax-il sena sħaħ kienu ilhom jgħixu l-ħajja reliġjuża u jaqduh minħabba l-eta’ avvanzata tiegħu u lil dawn qalilhom; “Jiena sejjer naqbad it-triq ta’ missirijieti, kif hemm miktub fl-Iskrittura, għax il-Mulej qiegħed isejjaħli. Oqogħdu attenti u titilfux il-frott il-jġib il-qadi tagħkom lil Alla, imma fittxu li tibqgħu sodi fil-ħeġġa tagħkom bħallikieku qegħdin tibdew issa. Tafu kemm huma qarrieqa d-demonji. Rajtu kemm huma feroċi u fl-istess ħin dgħajfa. Għalhekk tibżgħux minnhom. Ħallu lil Kristu jkun in-nifs li tieħdu. Poġġu l-fiduċja tagħkom fih u għixu qiskom sejrin tmutu kulju, oqogħdu għassa fuqkom infuskom u ftakru fil-ħwejjeġ li għidtilkom. Qisu li ma jkollkomx x’taqsmu max-xiżmatiċi u ma’ l-Arjani li huma eretiċi. Għaliex tafu kif jien ukoll kont naħrabhom minħabba l-ereżija falza tagħhom li teħodha kontra Kristu. Għalhekk fittxu l-ewwelnett li tingħaqdu mal-Mulej u mbagħad mal-qaddisin sabiex wara mewtkom, jilqgħukom fit-tabernakli ta’ dejjem. Aħsbu f’dan u ifhmuh. U jekk qegħdin tieħdu ħsiebu tħallu lil ħadd jieħu lil ġismu fl-Eġittu li ma jmorrux jieħduh f’xi dar u dik hi r-raġuni li tlajt fuq l-għolja. U intom tafu kemm ċanfart lil min kien jagħmel hekk u ma ħallejthomx ikomplu din id-drawwa. Għalhekk idfnu lil ġismi u aħbuħ taħt l-art. Żommu l-kliem tiegħi biex ħadd ħliefkom ma jkun jaf fejn hu ġismi u fejn ikun midfun. Fil-jum tal-qawmien mill-imwiet jiena nirċevih mhux imħassar mill-Mulej. Aqsmu ħwejġi, u lill-isqof Atanasju agħtuh ġild ta’ nagħġa u l-ħasira li fuqha kont norqod, li tahieli ġdida, imma li jiena keddejt. Il-ġild l-ieħor agħtuh lill-isqof Serapjon u għalikom żommu l-libsa magħmula mix-xagħar. U issa Alla jħariskom, uliedi, għaliex Antonju se jħalli din id-dinja u ma tarawhx aktar”.

Malli spiċċa dan il-kliem, bisuh u refa’ riġlejh. U fil-waqt li ħares lejn dawk li kienu miegħu qishom ħbieb, ħassu ferħan bil-preżenza tagħhom. Kellu ħarsa ħelwa. U hekk miet u ngħaqad ma’ missirijietu. U allura dawk it-tnejn, skond l-istruzzjonijiet tiegħu, ġeżwru l-ġisem ta’ Antonju u difnuh taħt l-art u dawk biss jafu fejn hu moħbi. Dawk li rċevew il-ġlud tan-nagħaġ tal-qaddis Antonju u l-ħasira qadima li fuqha kien jorqod kienu jieħdu ħsiebhom bħala teżor kbir. Meta kienu jarawhom kienu qishom qegħdin jaraw lil Antonju stess u meta kienu jilbsuhom kienu qishom qegħdin iġorru bil-ferħ it-tagħlim tiegħu.

Dan hu t-tmiem tal-ħajja fil-ġisem ta’ Antonju u l-bidu tal-ħajja tiegħu fir-ruħ. U wkoll jekk dak li rrakkontajna huma ftit ħdejn il-virtujiet insara tiegħu. Madankollu tistgħu tifhmu kemm Antonju kien bniedem t’Alla, li minn tfulitu sa xjuħitu baqa’ sod fir-rieda tiegħu biex jgħix ħajja aħjar. Qatt ma kiel laħam, qatt ma biddel l-ilbies aħrax tiegħu, u lanqas qatt ħasel riġlejħ. U madankollu, minkejja dawn is-sagrifiċċji kollha, l-membri kollha ta’ ġismu baqgħu ċari. Kien għadu jara ċar u ma waqgħetlu l-ebda sinna, biss kienu ttieklu sal-ħanek minħabba l-eta’ kbira tiegħu. Idejh u riġlejh kienu iktar sodi minn ta’ dawk li kienu jieklu ikel differenti u kienu jilbsu lbies fin u jinħaslu ta’ spiss.

Il-virtujiet spiritwali tiegħu u r-ruħ tiegħu maħbuba minn Alla, għamluh bniedem kullimkien eżaltat, ammirat u mixtieq minn dawk li qatt ma rawh. Għaliex Antonju ma kienx magħruf għad-diskorsi tiegħu, lanqas għall-għerf tiegħu ta’ din id-dinja u lanqas għal kull għemil ieħor ta’ din id-dinja, imma biss għat-tjieba spiritwali tiegħu li kienet don ta’ Alla. Għaliex kif setgħu jkunu jafu bih fi Spanja, fi Franza, f’Ruma u fl-Afrika, hu li dejjem qagħad moħbi fuq il-għolja, jekk mhux għaliex Alla, jagħmel u jippermetti li kullimkien jkunu magħrufa n-nies tiegħu u li ta lil Antonju l-fama li kien wiegħdu sa mill-bidu? Bnedmin bħalu, ukoll jekk jaħdmu fil-moħbi u jixtiequ li ħadd ma jkun jaf bihom, il-Mulej jagħmilhom musbieħ għal kulħadd biex kull min jismagħhom ikun jaf li l-kmandamenti jistgħu jinżammu u jkollhom il-kuraġġ li jimxu fit-triq tal-virtu’.

 

Epilogu

 

Għalhekk issa aqraw dan lill-irħieb l-oħra biex jitgħallmu kif għandha tkun il-ħajja tagħhom u jikkonvinċu ruħhom li l-Mulej Ġesu’ Kristu jigglorifika lil dawk li jigglorifikawh, u mhux biss iwassal sas-Saltna tas-Sema lil dawk li jaqduh sal-aħħar, imma wkoll lil dawk li f’din id-dinja jippruvaw jinħbew u jgħaddu ħajja rtirata. Huwa jagħmel li isimhom ikun magħruf kullimkien u jkunu msemmija għat-tjubija tagħhom u kif kienu jgħinu lil ħaddieħor. U jekk ikun hemm bżonn aqrawh ukoll lill-pagani biex huma wkoll jagħrfu mhux biss li il-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu hu Alla u l-Iben ta’ Alla, imma wkoll li permezz ta’ dawk li jaqduh sinċerament u li jafdaw fih, ikeċċu x-xjaten li l-pagani jaħsbu li huma allat, imma li fil-fatt m’humiex allat, imma wkoll jgħaffġuhom u jkeċċuhom bħala qarrieqa u jħassru lill-bnedmin. Dan jagħmluh b’Ġesu’ Kristu Sidna li tiegħu hi l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

miġjub għall-Malti minn Dun Alwiġ Camilleri

ħajr lill-Kan. Ġwann Sultana