Il-Misteri tar-Rużarju tal-Verġni Mqaddsa Marija

 

Tal-Ferħ

(it-Tnejn u s-Sibt)

 

1. Meta l-anġlu Gabrijel ħabbar lil sidtna Marija li kellha tkun omm Alla.

2. Meta sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.

3. Meta sidna Ġesù Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem.

4. Meta sidtna Marija ppreżentat lil binha Ġesù fit-tempju.

5. Meta sidtna Marija tilfet lil binha Ġesù u, wara tlitt ijiem, sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi.

 

Tal-Tbatija

(it-Tlieta u l-Ġimgħa)

 

1. Meta sidna Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort u għereq l-għaraq tad-demm.

2. Meta sidna Ġesù Kristu kien marbut mal-kolonna u fflaġellat.

3. Meta sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.

4. Meta sidna Ġesù Kristu kien mgħobbi s-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju.

5. Meta sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u, wara tliet sigħat ta’ l-agunija, miet.

 

Tal-Glorja

(l-Erbgħa u l-Ħadd)

 

1. Meta sidna Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet.

2. Meta sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.

3. Meta sidna Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli.

4. Meta sidtna Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

5. Meta sidtna Marija ġiet inkurunata mit-Trinità qaddisa, u mgħollija fuq il-kori kollha ta’ l-anġli.

 

Tad-Dawl

(il-Ħamis)

 

1. Meta sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan.

2. Meta sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.

3. Meta sidna Ġesù Kristu ħabbar is-saltna ta’ Alla u sejjaħ għall-indiema.

4. Meta sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-appostli fuq il-muntanja Tabor.

5. Meta sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-misteru ta’ l-Għid.

 

 

Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija

 

Mulej, ħniena.     Mulej, ħniena

Kristu, ħniena    Kristu, ħniena

Mulej, ħniena    Mulej, ħniena

Kristu, ismagħna   Kristu, ismagħna

Kristu, ilqa’ t-talb tagħna    Kristu, ilqa’ t-talb tagħna

Missier etern Alla     Ħenn għalina

Iben Alla li fdejt id-dinja     “

Spirtu qaddis Alla   “

Trinità qaddisa, Alla wieħed     “

Imqaddsa Marija    Itlob għalina

Imqaddsa omm Alla    “

Imqaddsa xebba tax-xbejbiet     “

Omm ta’ Kristu    “

Omm il-Knisja     “   

Omm tal-grazzja t’Alla   “

Omm l-iżjed safja     “

Omm l-iżjed nadifa    “

Omm u xebba     “

Omm bla tebgħa     “

Omm li tistħoqq l-imħabba   “

Omm ta’ l-għaġeb     “

Omm tal-parir it-tajjeb    “

Omm ta’ min ħalaqna     “

Omm ta’ min salvana     “

Xebba kollok għaqal    “

Xebba li tistħoqq kull qima   “

Xebba li tistħoqq kull foħrija    “

Xebba kollok setgħa    “

Xebba kollok ħniena    “

Xebba dejjem marbuta ma’ Alla    “

Mera tal-qdusija     “

Tron ta’ l-għerf     “

Bidu tal-ferħ tagħna    “

Għamara ta’ l-Ispirtu s-Santu     “

Għamara ta’ kull grazzja   “

Għamara ta’ kull tjieba   “

Warda mistika     “

Torri ta’ David     “

Torri ta’ l-avorju     “

Dar tad-deheb     “

Arka tar-Rabta l-ġdida    “

Bieb tas-sema     “

Kewkba ta’ filgħodu    “

Saħħa tal-morda    “

Kenn tal-midinbin     “

Faraġ ta’ l-imnikktin “

Għajnuna ta’ l-insara “

Sultana ta’ l-anġli “

Sultana tal-patrijarki “

Sultana tal-profeti “

Sultana ta’ l-appostli “

Sultana tal-martri “

Sultana tal-konfessuri “

Sultana tal-verġni “

Sultana tal-qaddisin kollha “

Sultana mnissla mingħajr l-ewwel tebgħa“

Sultana mtellgħa s-sema “

Sultana tar-Rużarju mqaddes  “

Sultana tal-familja “

Sultana tal-paċi “

    

Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja  aħfrilna, nitolbuk, Mulej

Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja ismagħna, nitolbuk, Mulej

Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja ħenn għalina

 

Itlob għalina, qaddisa omm Alla biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.

 

Nitolbu

 

(mill-Gandlora sa l-Għid u minn wara żmien il-Għid sa l-Avvent)

Agħti lilna, qaddejja tiegħek, Mulej Alla, nitolbuk, li ngawdu dejjem is-saħħa fir-ruħ u l-ġisem, u bit-talb glorjuż ta’ l-imqaddsa Marija dejjem verġni nkunu meħlusa mid-dwejjaq ta’ issa u ngawdu l-hena ta’ dejjem.  Bi Kristu sidna.   Ammen.

 

(mill-Avvent sal-Milied)

O Alla, int li ridt li mat-tħabbira ta’ l-anġlu, l-Iben tiegħek isir bniedem fil-ġuf tal-verġni mqaddsa Marija, agħtina, nitolbuk, lilna li nistqarruha omm Alla, li nkunu mgħejjunin mit-talb tagħha.  Bl-istess Kristu sidna.   Ammen.

 

(mill-Milied sal-Gandlora)

O Alla li bis-saħħa ta’ Marija, verġni u omm, tajtna l-ħlas tal-ħajja ta’ dejjem, agħtina, nitolbuk, li nġarrbu l-qawwa tat-talba tagħha, li biha stajna nilqgħu ’l min tana l-ħajja ta’ dejjem, ibnek Ġesù Kristu Sidna.   Ammen.

 

(fi żmien l-Għid)

O Alla, li, bil-qawmien mill-mewt ta’ ibnek Ġesù Kristu sidna, għoġbok tferraħ id-dinja, agħtina, nitolbuk, li b’ommu l-verġni Marija, niksbu l-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem.  Bi Kristu sidna.   Ammen.