L

A

I

K

0

S

Home

Ikkuntattjana

It-Tnejn, 11 ta' Lulju 2016

Komunikat tas-Sala Stampa tas-Santa Sede

Xi kjarifiki dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Inħoloq il-każ li ssir kjarifika minħabba aħbarijiet li ħarġu fl-istampa wara l-konferenza li għamel f’Londra l-Kardinal Sarah, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin, xi jiem ilu.  Il-Kardinal Sarah minn dejjem kien ġustament preokkupat dwar id-dinjità taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, biex din tkun espressjoni ta’ atteġġjament tar-rispett u l-adorazzjoni li jixirqu lill-misteru Ewkaristiku.  Xi affarijiet li qal però, ġew interpretati ħażin, qieshom qed iħabbru xi indikazzjonijiet li ma jaqblux ma’ dawk li hemm s’issa fin-normi liturġiċi u fil-kliem tal-Papa dwar iċ-ċelebrazzjoni faċċata tal-poplu u r-rit ordinarju tal-Quddiesa.

Għaldaqstant tajjeb jitfakkar li fl-Institutio Generalis Missalis Romani (Ordinament Ġenerali tal-Missal Ruman), li fih in-normi dwar iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u li għadu fis-seħħ, hemm:“Altare extruatur a pariete seiunctum, ut facile circumiri et in eo celebratio versus populum peragi possit, quod expedit ubicumque possibile sit. Altare eum autem occupet locum , ut revera centrum sit ad quod totius congregationis fidelium attentio sponte convertatur”(jiġifieri: “L-altar għandu jkun mibni bogħod mill-ħajt biex wieħed ikun jista’ jdur madwaru kollu mingħajr diffikultà u ċ-ċelebrazzjoni ssir bil-wiċċ lejn il-poplu, ħaġa li hi ta min issir kull fejn hu possibbli. L-altar imbagħad, għandu jkun imqiegħed b’mod li jkun verament iċ-ċentru li lejh b’mod spontanju, jiġbed l-attenzjoni tal-fidili”).

Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku, fl-okkażjoni taż-żjara lid-Dikasteru tal-Kult Divin fakkar b’mod ċar li l-forma “ordinarja” taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa hi dik li hemm fil-Missal maħruġ mill-Papa Pawlu VI, filwaqt li l-forma “straordinarja”, li kien ta permess għaliha l-Papa Emeritu Benedittu XVI, għall-għanijiet u bir-regolamenti li hu spjega bil-Motu Proprio Summorum Pontificium, m’għandhiex tieħu post (iċ-ċelebrazzjoni) ordinarja.

Għalhekk m’hemm ebda ħsieb li joħorġu xi direttivi liturġiċi ġodda ibda mill-Avvent li ġej, kif xi ħadd b’mod żbaljat ikkonkluda minn xi kliem li qal il-Kardinal Sarah, u jkun aħjar li tkun evitata l-espressjoni “riforma tar-riforma”, b’riferiment għall-liturġija, minħabba li (din l-espressjoni) xi drabi tat lok għall-ekwivoċi.

Dan kollu kien miftiehem waqt udjenza reċenti li l-Papa ta lill-istess Kardinal Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin.

 

   Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber