L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi

Home  

Ikkuntattjana

 

 

Rapport ta' Radio Vaticana, 16/05/2017, 12:06 ...

 

Malta: l-Isqfijiet jappellaw għall-vot responsabbli fl-elezzjonijiet li ġejjien

 

F’messaġġ li bagħtu qabel l-elezzjoni ġenerali li ser issir fit-3 ta’ Ġunju, Mons. Charles Scicluna u Mons. Mario Grech,  rispettivament  isqfijiet  ta’ Malta u Għawdex, appellaw għar-responsabbiltà.  Kitbu: “L-Elezzjoni  Ġenerali hi ġrajja importanti ħafna  fil-ħajja tas-soċjetà Maltija. Se nagħżlu lil min ser nafdaw it-tmexxija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin”.

 

Għażla favur il-ġid komuni
L-Isqfijiet sejħu għal “responsabbiltà serja” li titlob “li nippreparaw ruħna sew ħalli nagħmlu deċiżjoni infurmata”.  Il-messaġġ  ikompi jgħid li din ir-responsabbiltà titlob li wieħed jagħraf  “quddiem Alla dak li hu veru u xieraq”, u allura  jagħżel “dak li hu tassew għall-ġid komuni u għal soċjetà ġusta”.

 

Niddefendu l-ħajja u dinjità tal-bniedem
Il
-vot tagħna” - tisħaq il-Knisja ta’ Malta - “hu tweġiba għad-domanda: x’tip ta’ soċjetà rridu għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet futuri?.  It-tweġiba titlob li nagħżlu “persuni  ta’ għaqal u integrità,  li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi li nemmnu fihom,  fosthom  dak ewlienital-ħarsien tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha” flimkien “mar-rispett lejn id-dinjità  ta’ kull persuna”. Fl-aħħar tal-messaġġ l-isqfijiet jappellaw għall-parteċipazzjoni ċivika fl-elezzjoni u jħeġġu għad-“djalogu” u  “għar-rispett  kbir lejn il-verità  u lejn xulxin, ukoll lejn min jaħsibha differenti minna”.

 

Attenzjoni għall-ħarsien tal-Ħolqien

Dejjem b’tħejjija għall-elezzjoni ġenerali, il-Kummissjoni għall-Ambjent fi ħdan il-Knisja Kattolika, ħarġet ukoll dokument. Fih  hi titlob lill-kanditati biex “ma jagħmlux wegħdiet li mhumiex sostenibbli li mbagħad jispiċċa jbati minnhom kulħadd, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli”. Id-dokument li xxandar mill-aġenzija Sir, ikompli jgħid:“Nagħmlu appell lill-partiti biex jimpenjaw ruħhom fil-qasam tal-ambjent bil-fatti, b’liġijiet u b’policies li ma jħallu ebda lok għall- abbużi”.

 

Tnaqqis fil-ħela ambjentali

Fid-dokument wieħed isib għoxrin rikjesta  dettaljata, fosthom per eżempju, is-setgħa għad-dritt ta’ veto  lillawtorità nazzjonali  tal-ambjent  u lil dik għall-patrimonju kulturali fejn jidħlu l-permessi;  li ssir reviżjoni sħiħa tal-policies  u l-pjanijiet ta’ żvilupp; li tiġi adattata policy  dwar il-kontroll tal-ħsejjes; li jkun hemm policy biex jitnaqqas il-ħela tad-dawl. 

 

M’għandhomx jintesew il-ħtiġijiet abitattivi
Id-dokument jitlob li l-parlamentari jiddikjaraw bil‑miktub “il-pożizzjoni li jkollhom f’kumpaniji jew intrapriżi privati” u li jsir studju annwali dwar il-ħtiġijiet abitattivi.  Fih hemm ukoll analiżi tal-proposta li tinbena mina bejn Malta u l-gżira ta’ Għawdex, flimkien ma’ appell  biex ikunu kkunsidrati u evalwati alternattivi oħra  permezz ta’ konsultazzjoni  publika u  studji li jikkunsidraw l-impatt ekonomiku u ambjentali. Il-kummissjoni temm tgħid: “Il-patrimonju tagħna huwa fraġli, imma huwa wkoll riżorsa ekonomika, u l-ħarsien tal-ambjent huwa importanti għas-saħħa fiżika u mentali tan-nies”.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.