|
Talbiet tal-Quddies għar-Randan
Minn
Ras ir-Randan sa
Sibt il-Palm
L-ERBGĦA TAL-IRMIED
ANTIFONA TAD-DĦUL
Int tħobb il-ħlejjaq kollha, Mulej,
u ma tistmerr xejn minn kulma għamilt;
inti tagħlaq għajnejk għad-dnubiet tal-bnedmin,
biex huma jindmu u taħfrilhom,
għaliex inti Mulej, Alla tagħna.
Ara Għerf 11:2,23
KOLLETTA
Agħtina, Mulej, li nibdew bis-sawm imqaddes
it-taħriġ għat-taqbida tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu,
ħalli nitwettqu bil-qawwa tar-rażan
u nissieltu tajjeb kontra l-ispirti tal-ħażen.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
B’solennità kbira, Mulej,
sejrin noffrulek is-sagrifiċċju fil-bidu tar-Randan:
nitolbuk li, b’għemil ta’ ndiema u mħabba,
inrażżnu fina l-ġibdiet ħżiena
u nitnaddfu minn dnubietna,
ħalli nitħejjew kif jixraq
biex niċċelebraw il-passjoni ta’ Kristu Ibnek,
li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Min jaħseb lejl u nhar fuq il-liġi tal-Mulej
jagħmel il-frott tiegħu fi żmienu.
Salm 1:2-3
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħmel, Mulej, li s-sagrament li rċevejna
jkun ta’ għajnuna għalina,
biex is-sawm tagħna jkun jogħġbok
u jiswielna għall-fejqan ta’ ruħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA L-IRMIED
ANTIFONA TAD-DĦUL
Insejjaħ ’l Alla, u hu jisma’ leħni,
jeħlisni minn dawk li jaħbtu għalija.
Ixħet fuq il-Mulej l-inkwiet tiegħek
u hu jżommok.
Ara Salm 54:17-20,23
KOLLETTA
Agħtina, Mulej, id-dawl tiegħek
qabel ma nibdew il-ħidmiet tagħna,
u għinna aħna u nagħmluhom
biex kulma nagħmlu jkun jibda minnek
u fik jintemm.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
ħares lejn l-offerti li qegħedna fuq l-altar tiegħek:
agħtina l-maħfra tiegħek,
biex b’dawn l-offerti nagħtu ġieħ lil Ismek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Oħloq fija qalb safja , o Alla
u spirtu qawwi ġedded fija.
Salm 50:12
TALBA WARA T-TQARBIN
O Alla li tista’ kollox,
inti tajtna l-barka tad-don qaddis tiegħek;
fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li, b’dan l-istess don,
insibu dejjem il-maħfra u s-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĠIMGĦA WARA L-IRMIED
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija,
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Salm 29:11
KOLLETTA
Fit-tjieba tiegħek, Mulej,
għinna nkomplu l-għemil ta’ ndiema li bdejna,
biex it-tgħakkis tagħna tal-ġisem
iseħħilna nagħmluh b’fehma safja.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju
f’dan iż-żmien tar-Randan imqaddes,
biex, bil-qawwa tiegħu,
il-fehmiet tagħna jsiru jogħġbuk
u jseħħilna b’ħeffa akbar inżommu l-qies f’kollox.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Triqatek, Mulej, għarrafni.
Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Salm 24:4
TALBA WARA T-TQARBIN
Nitolbuk, o Alla li tista’ kollox,
biex, bis-sehem li ħadna f’dawn il-misteri qaddisa,
inpattu għal dnubietna
u nitħejjew sewwa għall-għajnuna tat-tjieba tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA L-IRMIED
ANTIFONA TAD-DĦUL
Weġibna, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek,
dur lejna, Mulej, fil-kobor tal-ħniena tiegħek.
Salm 68:17
KOLLETTA
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,
fil-ħniena tiegħek ara kemm aħna dgħajfin,
u midd il-leminija setgħana tiegħek biex tħarisna.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ilqa’, Mulej, is-sagrifiċċju ta’ tpattija u tifħir
li aħna sejrin noffrulek,
u agħmel li, bis-saħħa tiegħu nindafu minn ħtijietna,
biex noffrulek ukoll ruħna
imħejjija kif jogħġob lilek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
“Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju”,
jgħid il-Mulej;
“għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ
iżda lill-midinbin”.
Mt 9:13
TALBA WARA T-TQARBIN
Inti saħħaħtna, Mulej, bid-don tal-ħajja tas-sema;
agħmel li din it-tqarbina,
li għalissa hija għalina misteru,
tagħtina l-għajnuna għall-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Hu jsejjaħli u jiena nwieġbu;
neħilsu u nerfagħlu ġieħu:
b’għomor twil nimlieh.
Salm 90:15-16
KOLLETTA
O Alla li tista’ kollox,
bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes
agħtina li nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu,
u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Agħmel, Mulej, li niġġeddu dejjem f’ħajjitna
biex noffrulek kif jixraq dan is-sagrifiċċju,
ħalli bih inqaddsu l-bidu ta’ dan iż-żmien qaddis
li jħejjina għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Mt 4:4
jew:
Bir-rix tiegħu jgħattik,
u taħt ġwenħajh tistkenn.
Salm 90:4
TALBA WARA T-TQARBIN
Aħna tqarbinna, Mulej, bl-ikel tas-sema,
li bih nitħeġġu fil-fidi, nissaħħu fit-tama,
u nitqawwew fl-imħabba;
għallimna nħossu l-bżonn li nieklu
lil dak li hu tassew il-ħobż ħaj,
u li ngħixu tabilħaqq
b’kull kelma li toħroġ minn fommok.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TNEJN WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom,
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,
sa ma jkollu ħniena minna.
Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina.
Salm 122:2-3
KOLLETTA
Reġġagħna lura lejk,
o Alla, Salvatur tagħna,
u saħħaħ lil ruħna bit-tagħlim qaddis tiegħek,
biex it-taħriġ tagħna matul ir-Randan imqaddes
ikun ta’ ġid għalina.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ilqa’, Mulej, din l-offerta
li bil-qima kollha qegħdin nagħmlulek,
u agħmel li bl-għajnuna tal-grazzja tiegħek,
hija tqaddes il-ħajja tagħna,
u taqlgħalna l-maħfra u l-ħniena tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
“Tassew, ngħidilkom,
kulma għamiltu ma’ wieħed
mill-iżgħar fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi”, jgħid il-Mulej.
“Ejjew, imberkin minn Missieri,
ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna
li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja”.
Mt 25:40,34
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħmel, Mulej, li din it-tqarbina mqaddsa
tkun għalina ta’ għajnuna u ta’ salvazzjoni
kemm fir-ruħ u kemm fil-ġisem,
biex, bil-grazzja tiegħek,
il-fejqan ta’ ruħna jkun sħiħ.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TLIETA WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Mulej, int kont għalina kenn
minn nisel għal nisel:
minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla.
Salm 89:1-2
KOLLETTA
Ħares, Mulej, lejn din il-familja tiegħek,
u agħmel li r-ruħ tagħna titħeġġeġ bix-xewqa tiegħek,
aħna u nitrażżnu u nżommu l-qies
fil-ħtiġijiet tal-ġisem.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
TALBA FUQ L-OFFERTI
O Alla ħallieq li tista’ kollox,
ilqa’ dawn l-offerti li ġibna quddiemek,
mill-frott li inti nnifsek tajtna fi tjubitek;
int, li pprovdejthomlna bħala għajnuna
fil-ħtiġijiet tagħna ta’ din il-ħajja,
fil-ħniena tiegħek agħmel li issa jinbidlu
f’għajnuna għalina għall-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Weġibni meta nsejjaħlek
oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq,
ħenn għalina u isma’ talbi.
Salm 4:2
TALBA WARA T-TQARBIN
Bis-saħħa tal-misteri qaddisa li bihom tqarbinna,
rażżan fina, Mulej, il-ġibdiet tal-art
u għallimna nħobbu l-ħwejjeġ tas-sema.
Bi Kristu Sidna.
L-ERBGĦA WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej,
għax huma minn dejjem;
ma jifirħux l-għedewwa tagħna minħabba fina:
eħlisna, o Alla ta’ Iżrael,
mid-dwejjaq kollha tagħna.
Salm 24:6,3,22
KOLLETTA
Bi tjieba u ħniena, Mulej,
ħares lejn il-qima tal-poplu tiegħek,
biex aħna, li qegħdin inrażżnu l-ġisem
u niċċaħħdu fil-ħtiġijiet tiegħu,
inqawwu lir-ruħ tagħna
bil-frott tal-għemejjel tajba.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Mill-frott li inti tajtna, Mulej,
aħna ġibna dawn l-offerti
biex nikkonsagrawhom lil ismek;
bħalma inti tibdilhom għalina f’sagrament,
hekk ukoll agħmel
li jkunu għalina ta’ fejqan għal dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik, Mulej,
ħa jithennew għal dejjem, u ħarishom.
Salm 5:12
TALBA WARA T-TQARBIN
Int qatt ma tieqaf titmagħna, o Alla,
bil-kelma u bis-sagramenti tiegħek:
agħmel nitolbuk,
li dan l-ikel qaddis li tagħtina
jġibilna l-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Mulej, agħti widen lil kliemi
agħti kas it-tnehid tiegħi.
Isma’ l-għajat tat-talb tiegħi,
sultan tiegħi u Alla tiegħi.
Salm 5:2-3
KOLLETTA
Agħmel, Mulej,
li ħsiebna jkun dejjem f’dak li hu sewwa
ħa nagħmluh bil-ħeġġa ta’ qalbna,
biex aħna, li mingħajrek ma aħna xejn,
iseħħilna ngħixu kif jogħġob lilek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
agħti widen għat-talb umli tagħna:
ilqa’ l-offerti li qegħdin nagħmlulek,
u reġġa’ lura lejk il-qlub tagħna lkoll.
Bi Kristu Sidna.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Min jitlob jaqla’; min ifittex isib;
u min iħabbat, jiftħulu.
Mt 7:8
TALBA WARA T-TQARBIN
Mulej Alla tagħna,
inti tajtna dawn il-misteri qaddisa
biex isaħħu fina t-tiġdid tagħna;
agħmel li jkunu għalina ta’ fejqan
għal issa u għal li ġej.
Bi Kristu Sidna.
IL-ĠIMGĦA WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Min-niket tiegħi eħlisni, Mulej,
ara n-niket u d-diqa tiegħi,
u aħfirli ħtijieti kollha.
Salm 24:17-18
KOLLETTA
Agħmel, Mulej, li l-fidili tiegħek
jitħejjew kif jixraq għall-festi tal-Għid,
biex aħna li b’qalb imħeġġa
lqajna li nrażżnu l-ġisem f’dawn il-jiem tar-Randan,
niksbu minn dan it-taħriġ
frott kbir fir-ruħ ta’ kulħadd.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek,
li bih, fil-kobor ta’ tjubitek,
għoġbok taħfrilna ħtijietna
u tagħtina s-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Daqskemm jien ħaj, jgħid il-Mulej,
jien ma rridx il-mewt tal-ħażin,
iżda li jerġa’ jdur minn ħżunitu u jgħix.
Eżek 33:11
TALBA WARA T-TQARBIN
Tqarbinna, Mulej, bis-sagrament imqaddes tiegħek;
nitolbuk li, bis-saħħa tiegħu,
nitnaddfu mid-dnubiet l-imgħoddija u niġġeddu,
ħalli jkollna sehem mill-ġid
tal-misteru tas-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA L-1 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Il-liġi tal-Mulej perfetta, tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx.
Salm 18:8
KOLLETTA
Dawwar qlubna lejk, o Missier ta’ dejjem,
u agħmel li nagħtu ruħna għas-servizz tiegħek
billi nfittxu dejjem
dak li waħdu hu meħtieġ
u nagħmlu għemejjel ta’ mħabba.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ġeddidna, Mulej,
b’dawn il-misteri qaddisa tiegħek,
biex, bil-qawwa tagħhom,
ikun jistħoqqilna l-ġid li niksbu bihom.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Kunu perfetti, jgħid il-Mulej,
bħalma hu perfett Missierkom
li hu fis-smewwiet.
Mt 5:48
TALBA WARA T-TQARBIN
Xerred dejjem fuqna, Mulej, il-grazzja tiegħek
u ġeddidna b’dawn il-misteri qaddisa:
int, li għallimtna l-preċetti tiegħek,
agħtina dejjem l-għajnuna u s-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
“Ejja”, għidt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”.
Jiena wiċċek infittex, Mulej;
la taħbix wiċċek minni.
Salm 26:8-9
jew:
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej,
għax huma minn dejjem;
ma jifirħux l-għedewwa tagħna minħabba fina:
eħlisna, o Alla ta’ Iżrael,
mid-dwejjaq kollha tagħna.
Salm 24:6,3,22
KOLLETTA
O Alla, int tridna nisimgħu lil Ibnek il-għażiż:
itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħek,
u agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna
ħalli nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Il-Vittma li sejrin noffrulek, Mulej,
tnaddafna minn ħtijietna
u tqaddisna fir-ruħ u l-ġisem
biex niċċelebraw kif jixraq il-misteri tal-Għid.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Dan hu Ibni l-għażiż,
li fih sibt il-għaxqa tiegħi;
isimgħu lilu.
Mt 17:5
TALBA WARA T-TQARBIN
Bil-ħrara kollha rroddulek ħajr, Mulej,
għal din it-tqarbina li għamilna
li biha, sa minn din id-dinja stess,
tagħtina sehem mill-ħwejjeġ tas-sema.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TNEJN WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Eħlisni, Mulej, u ħenn għalija.
Jien b’riġli wieqaf fil-wita:
fil-ġemgħat infaħħar il-Mulej.
Salm 25:11-12
KOLLETTA
O Alla, int ikkmandajtna nrażżu l-ġisem
biex infejqu r-ruħ;
agħtina l-qawwa li nitbiegħdu minn kull dnub,
biex minn qalbna jseħħilna nħarsu l-kmandamenti
li fit-tjieba tiegħek għoġbok tagħtina.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
ilqa’ t-talb tagħna,
u eħlisna mill-ġibdiet ta’ din l-art,
int li ssejħilna biex naqduk
f’dawn il-misteri qaddisa.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom,
jgħid il-Mulej.
Lq 6:36
TALBA WARA T-TQARBIN
Mulej, agħmel li din it-tqarbina
tnaddafna minn ħtijietna
u tgħinna nġarrbu l-hena tas-sema.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TLIETA WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Agħti d-dawl lil għajnejja, Mulej
li ma naqax fir-raqda tal-mewt,
li ma jgħidx l-għadu tiegħi: “Għelibtu!”.
Salm 12:4-5
KOLLETTA
Fil-ħniena tiegħek bla tmiem,
ħares, Mulej, il-Knisja tiegħek;
u, billi l-bniedem jiġġarraf mingħajrek,
agħtih dejjem l-għajnuna tiegħek
biex jitbiegħed minn kull deni.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Taffi, Mulej, il-korla tiegħek għalina
u qaddisna b’dawn il-misteri,
biex ninfatmu mid-drawwiet ħżiena tagħna
u niksbu d-doni tas-sema.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Inxandar għeġubijietek kollha.
Nifraħ u nithenna bik,
ngħanni lil ismek, int Alla l-Għoli.
Salm 9:2-3
TALBA WARA T-TQARBIN
Nitolbuk, Mulej,
biex l-ikel li ħadna mill-mejda mqaddsa
jqawwina ħalli ngħixu ħajja aktar tajba
u jagħtina dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
L-ERBGĦA WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
La tħallinix, Mulej,
Alla tiegħi, titbegħidx minni;
fittex agħtini l-għajnuna.
Salm 37:22-23
KOLLETTA
Ħares, Mulej, lill-familja tiegħek
u żomm sħiħ fiha t-tagħlim
li hija tikseb bl-għemejjel tajba tagħha;
ibqa’ farraġha bl-għajnuna tiegħek,
sa ma twassalha fl-hena tas-sema.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
ħares lejn il-Vittma li sejrin noffrulek;
u, għall-qima li qegħdin nagħtuk,
urina t-tjieba tiegħek
u ħollna mill-irbit ta’ dnubietna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi ,
imma biex jaqdi
u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Mt 20:28
TALBA WARA T-TQARBIN
Mulej Alla tagħna,
int tajtna dan is-sagrament imqaddes
bħala rahan tal-ħajja ta’ dejjem;
agħmel li hu jkun għalina ta’ għajnuna
għas-salvazzjoni tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi,
ara iniex miexi fi triq ħażina,
u mexxini fit-triq ta’ dejjem.
Salm 138:23-24
KOLLETTA
O Alla, inti tħobb is-safa
u troddhulna mill-ġdid jekk nitilfuh;
mexxi lejk il-qalb tagħna
bl-Ispirtu Qaddis tiegħek,
biex inkunu qawwija fil-fidi
u ħabrieka fl-għemil it-tajjeb.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Bis-sagrifiċċju li sejrin noffrulek,
qaddes, Mulej, l-għemil tagħna ta’ qima,
biex dak li qegħdin nistqarru
bit-taħriġ tagħna ta’ tjieba f’dan ir-Randan
iħalli l-frott ukoll fir-ruħ tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Salm 118:1
TALBA WARA T-TQARBIN
O Alla, agħmel li dan is-sagrifiċċju li offrejnielek
jibqa’ jaħdem fina bil-ħidma qaddisa tiegħu
u li nwettquh bl-għemil it-tajjeb tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĠIMGĦA WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex!
Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
Salm 30:2,5
KOLLETTA
O Alla li tista’ kollox,
nitolbuk li l-ħeġġa qaddisa tagħna għat-tgħakkis
teħlisna minn dnubietna,
ħalli naslu b’ruħ safja
għall-festi tal-Għid li ġejjin.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Xerred fuqna, o Alla, il-ħniena tiegħek,
biex tħejjina sew
għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn il-misteri qaddisa,
ħalli nieħdu sehem fihom bil-qima kollha.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Alla ħabbna
u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietn
1 Ġw 4:10
TALBA WARA T-TQARBIN
Irċevejna, Mulej,
ir-rahan tas-salvazzjoni ta’ dejjem;
agħmel, nitolbuk, li aħna nħabirku tajjeb għaliha
biex niksbu l-hena ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA T-2 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab, u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel.
Salm 144:8-9
KOLLETTA
O Alla, inti tagħtina mezzi qaddisa
biex, sa minn din l-art stess,
iddaħħalna f’sehem fil-ħwejjeġ tas-sema;
kun int li tmexxina f’din il-ħajja,
u wassalna f’dak id-dawl li fih inti tgħammar.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Nitolbuk, Mulej,
biex, permezz ta’ dan is-sagrament imqaddes,
ikollna l-frott tal-fidwa tagħna,
ħalli nrażżnu l-ġibda tagħna għall-ħażen
u naslu għall-premju tas-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Kien meħtieġ, ibni, li nagħmlu festa u nifirħu,
għax ħuk kien mejjet u reġa’ qam,
kien mitluf u nstab.
Lq 15:32
TALBA WARA T-TQARBIN
It-tqarbina mqaddsa li għamilna, Mulej,
twassal il-ħidma tagħha fil-qiegħ ta’ qalbna
u b’qawwa kbira timliena b’kull ġid.
Bi Kristu Sidna.
IT-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Għajnejja dejjem fil-Mulej,
għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.
Dur lejja u kun twajjeb miegħi,
għax jiena fqajjar u waħdi.
Salm 24:15-16
jew:
Meta nkun tqaddist f’nofskom
niġmagħkom mill-artijiet kollha;
u nroxx fuqkom ilma safi,
u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom;
u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,
jgħid il-Mulej.
Eż 36:23-26
KOLLETTA
O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek;
inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra
jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub;
ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna,
biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna,
ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Taffi, Mulej, il-korla tiegħek
b’dan is-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;
u, bħalma aħna qegħdin nitolbuk
biex taħfrilna dnubietna,
għinna biex naħfru
lil min, fost ħutna, hu ħati għalina.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Meta jkun inqara l-Evanġelju tas-Samaritana:
Il-Mulej jgħid: “Min jixrob l-ilma li nagħtih jien
isir fih għajn tnixxi l-ilma li jasal
sal-ħajja ta’ dejjem”.
Ġw 4:14
Meta jkun inqara Evanġelju ieħor:
L-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek,
Mulej tal-eżerċti, Sultan tiegħi u Alla tiegħi.
Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Salm 83:4-5
TALBA WARA T-TQARBIN
Ħadna, Mulej, ir-rahan tal-ħwejjeġ tas-sema,
li għadhom moħbijin għal għajnejna,
u sa minn din l-art imtlejna b’ikel spiritwali;
fiċ-ċokon tagħna nitolbuk
biex dak li qiegħed iseħħ ġewwa fina taħt il-velu tal-misteru,
inwettquh bl-għemejjel tajba tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TNEJN WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Tixxennaq u tinfena ruħi
għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.
Salm 83:3
KOLLETTA
Kun dejjem twajjeb, Mulej, mal-Knisja tiegħek,
żommha safja u wettaqha,
u, billi mingħajrek ma tistax tibqa’ sħiħa,
mexxiha dejjem bil-grazzja tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Nitolbuk, Mulej, biex din l-offerta,
li qegħdin nagħmlulek
bħala qaddejja tiegħek,
inti tbiddilhielna fis-sagrament tas-salvazzjoni tagħna.
Bi Kristu Sidna.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,
għax kbira hi t-tjieba tiegħu.
Ġw 1:14
TALBA WARA T-TQARBIN
It-tqarbina li għamilna bis-sagrament tiegħek, Mulej,
tnaddafna f’ruħna
u tgħaqqadna bejnietna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TLIETA WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.
Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,
għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.
Salm 16:6-8
KOLLETTA
Twarrab qatt minna, Mulej, il-grazzja tiegħek,
li biha nagħtu ruħna għas-servizz imqaddes tiegħek
u naqilgħu dejjem l-għajnuna tas-sema.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Nitolbuk, Mulej,
biex il-vittma tas-salvazzjoni li sejrin noffrulek
tnaddafna minn ħtijietna
u taqlgħalna l-ħniena tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb.
Salm 14:1-2
TALBA WARA T-TQARBIN
It-tqarbina mqaddsa li għamilna, Mulej,
tagħtina l-ħajja, issaffina minn ħtijietna,
u tħarisna minn kull ħażen.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
L-ERBGĦA WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Żomm sħiħ il-mixi tiegħi
skont il-wegħda tiegħek,
u ebda deni ma jaħkem fuqi.
Salm 118:133
KOLLETTA
Agħtina, Mulej,
li bil-ħarsien tar-Randan nikbru fl-għerf,
u nitgħajxu bl-ikel tal-kelma tiegħek,
biex nagħrfu nitrażżnu b’ħajja qaddisa,
ningħataw lilek b’qalbna kollha,
u nkunu dejjem magħqudin qalb waħda fit-talb.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ilqa’, Mulej, it-talb u l-offerti
li l-poplu tiegħek qiegħed jagħmillek,
u biegħed minn kull għawġ
lilna li qegħdin niċċelebraw il-misteri tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja, Mulej,
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek.
Salm 15:11
TALBA WARA T-TQARBIN
Qaddisna, Mulej, b’dan l-ikel tas-sema li ħadna,
u żommna ’l bogħod minn kull qerq,
biex ikun jistħoqqilna kulma wegħedtna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Jiena s-salvazzjoni tal-poplu, jgħid il-Mulej.
Kull meta jsejħuli fid-dwejjaq tagħhom,
jiena nismagħhom,
u nkun il-Mulej tagħhom għal dejjem.
KOLLETTA
Fiċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek,
biex, aktar ma qiegħed jersaq il-jum
tal-festa solenni tas-salvazzjoni tagħna,
aktar nitħejjew tajjeb
biex niċċelebraw bil-qima kollha l-misteru tal-Għid.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Naddaf, Mulej, lill-poplu tiegħek
minn kull tinġis u ħażen,
biex l-offerta tiegħu tkun togħġbok;
u biegħdu mill-qerq ta’ kull hena fiergħa,
int li wegħidtu l-hena tassew.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Int tajt il-preċetti tiegħek
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek.
Salm 118:4-5
TALBA WARA T-TQARBIN
Mulej, inti titmagħna b’dan is-sagrament imqaddes;
fit-tjieba tiegħek, agħtina dejjem l-għajnuna,
biex, bis-saħħa ta’ dawn il-misteri qaddisa
u bl-imġiba tagħna,
niksbu l-frott tal-fidwa li tajtna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĠIMGĦA WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ħadd mhu bħalek fost l-allat, Mulej,
għax kbir int u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
int waħdek Alla!
Salm 85:8,10
KOLLETTA
Fit-tjieba tiegħek, Mulej,
sawwab fi qlubna l-grazzja tiegħek,
ħa tgħinna nrażżnu l-ġibda tagħna għall-ħażen
u tqawwina biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
ħares lejn id-doni li qegħdin nikkonsagrawlek,
biex ikunu jogħġbuk
u jiswew lilna għas-salvazzjoni tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Li tħobb ’l Alla b’qalbek kollha,
u tħobb lil għajrek bħalek innifsek,
huwa aqwa minn kull sagrifiċċju.
ara Mk 12:12,33
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħmel, Mulej, li l-grazzja qawwja tiegħek
taħdem sa fl-għeruq ta’ ruħna u ġisimna,
biex, b’fidi sħiħa niksbu għalkollox
il-misteri qaddisa li fihom ħadna sehem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA T-3 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek,
hu li jaħfer dnubietek kollha.
Salm 102:2-3
KOLLETTA
Il-ħarsien tar-Randan imqaddes, Mulej,
jimla lil ruħna bil-ferħ;
nitolbuk biex, bis-sehem sħiħ tagħna
fil-misteru tal-Għid,
nithennew bil-frott kollu tiegħu.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Int, o Alla, bil-grazzja tiegħek,
issaffi r-ruħ u l-qalb tagħna
biex nersqu kif jixraq għall-misteri qaddisa tiegħek;
agħmel, nitolbuk,
li, aħna u nirċevuhom mingħandek
bis-solennità kollha,
irroddulek il-qima tagħna fis-sewwa.
Bi Kristu Ibnek.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Il-pubblikan, wieqaf fil-bogħod,
beda jħabbat fuq sidru u jgħid:
“O Alla ħenn għalija l-midneb”.
Lq 18:13
TALBA WARA T-TQARBIN
O Alla ħanin,
int qatt ma tieqaf tagħtina l-misteri qaddisa tiegħek
biex twassalna għall-perfezzjoni;
agħmel li aħna niċċelebrawhom
bil-qima kollha ta’ qalbna
u nilqgħuhom dejjem f’fidi sħiħa.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IR-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha; aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha:
hekk intom tifirħu u timtlew bil-faraġ tagħha.
Iż 66:10-11
KOLLETTA
O Alla, int b’mod tal-għaġeb
terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem
permezz tal-Verb tiegħek;
agħmel li l-poplu Nisrani
jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa
biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Bil-ferħ ta’ qalbna, Mulej,
noffrulek is-sagrifiċċju tal-fidwa ta’ dejjem;
miċ-ċokon tagħna nitolbuk il-grazzja
li nqimuh b’fidi sħiħa u noffruhulek kif jixraq
għas-salvazzjoni tad-dinja.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Meta jkun inqara l-Evanġelju tal-Imwieled agħma:
Il-Mulej dilikli għajnejja,
u mort, inħsilt, u ġejt nara, u emmint f’Alla.
Ara Ġw 9:11
Meta l-Evanġelju jkun tal-Iben il-Ħali:
Jeħtieġ nifirħu, ibni,
għax ħuk kien mejjet u reġa’ qam
kien mitluf u nstab.
Lq 15:32
Meta jkun inqara Evanġelju ieħor:
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda!
Lejha t-tribù jitilgħu, it-tribù tal-Mulej,
biex, skont il-liġi ta’ Iżrael, ifaħħru isem il-Mulej.
Salm 121:3-4
TALBA WARA T-TQARBIN
O Alla, inti ddawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja;
dawwal il-qlub tagħna bid-dija tal-grazzja tiegħek,
biex dejjem inħobbuk tassew
u nżommu bla heda ħsibijietna
f’dak biss li jogħġob lilek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TNEJN WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Jien fil-Mulej nittama.
Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,
int li rajt l-hemm tiegħi.
Salm 30:7-8
KOLLETTA
O Alla, inti ġġedded id-dinja
bis-sagramenti tiegħek tal-għaġeb;
agħmel li l-Knisja tikseb kull ġid
minn dawn il-mezzi tal-ħajja ta’ dejjem,
u li qatt ma tkun nieqsa
mill-għajnuna tiegħek għall-ħajja ta’ issa.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Nitolbuk, Mulej, biex niksbu l-frott
tas-sagrifiċċju li noffrulek,
ħalli f’din id-dinja neħilsu mill-ġibdiet tad-dnub
u niġġeddu bil-ġid tal-ħajja tas-sema.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Inqiegħed ruħi ġo nofskom,
u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi
u li żżommu l-preċetti tiegħi
u tħarsuhom, jgħid il-Mulej.
Eż 26:27
TALBA WARA T-TQARBIN
Is-sagramenti tiegħek, Mulej,
jagħtuna l-ħajja, iġedduna u jqaddsuna,
u jwassluna fil-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TLIETA WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Intom li bikom l-għatx,
ejjew għall-ilma, jgħid il-Mulej;
intom ukoll li ma għandkomx flus,
ejjew, ixorbu ferħana.
Iż 55:1
KOLLETTA
It-taħriġ qaddis tar-Randan, Mulej,
iħejji sewwa l-qlub tal-fidili tiegħek,
biex jilqgħu kif jixraq il-misteri tal-Għid
u jxandru b’tifħir is-salvazzjoni tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Mill-ġid li inti nnifsek tajtna, Mulej,
inressqu quddiemek dawn l-offerti
bħala xhieda tal-għajnuna
li tagħtina permezz tal-ħlejjaq tiegħek
f’din il-ħajja li tgħaddi,
u biex bihom ikollna l-fejqan għall-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura jqegħidni,
ħdejn l-ilma fejn nistrieħ, jeħodni.
Salm 22 1-2
TALBA WARA T-TQARBIN
Fit-tjieba tiegħek, Mulej, naddaf ir-ruħ tagħna,
u ġeddidna bis-sagramenti tas-sema,
biex hekk ikollna l-għajnuna tiegħek
fil-bżonnijiet tagħna tar-ruħ u tal-ġisem
issa u għal li ġej.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
L-ERBGĦA WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Salm 68:14
KOLLETTA
O Alla, inti tagħti l-premju lit-tajbin għall-merti tagħhom,
u l-maħfra lill-midinbin għall-indiema tagħhom;
fiċ-ċokon tagħna nitolbuk tħenn għalina,
biex nistqarru li aħna ħatja,
u b’hekk naqilgħu l-maħfra ta’ dnubietna.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Nitolbuk, Mulej,
biex is-sagrifiċċju li noffrulek
inaddafna bil-qawwa tiegħu
mid-dnubiet tagħna tal-imgħoddi,
iwettaqna fil-ħajja tal-grazzja,
u jmexxina ’l quddiem fit triq tas-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja
mhux biex jagħmel ħaqq minnha,
imma biex bih hija ssalva.
Ġw 3:17
TALBA WARA T-TQARBIN
Nitolbuk, Mulej, biex id-doni tas-sema li rċevejna
ma tħallix li jkunu l-kundanna tagħna,
għax lilna, fidili tiegħek,
inti tajthomlna b’rahan tal-ħajja.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej!
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.
Salm 104:3-4
KOLLETTA
Fiċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-ħniena tiegħek
biex nuru l-indiema tagħna
billi nbiddlu ħajjitna u nitħarrġu b’għemejjel tajba,
u biex b’qalb safja nibqgħu sħaħ
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek,
ħalli b’hekk nitħejjew sewwa għall-festi tal-Għid.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Agħmel, o Alla li tista’ kollox,
li s-sagrifiċċju li noffrulek
inaddaf lilna, bnedmin dgħajfa, minn kull ħażen,
u jkun dejjem il-ħarsien qawwi tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Inqiegħed il-liġi tiegħi fihom u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom,
u huma jkunu l-poplu tiegħi, jgħid il-Mulej.
Ġer 31:33
TALBA WARA T-TQARBIN
It-tqarbina li għamilna, Mulej,
issaffina u teħlisna minn kull dnub,
biex il-kuxjenza tagħna tinħall minn kull irbit ta’ ħtija
u, bil-grazzja tiegħek, niksbu fejqan sħiħ.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĠIMGĦA WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
B’ismek, o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi,
agħti widen għal kliem fommi.
Salm 53:3-4
KOLLETTA
O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa
biex nirbħu dejjem aktar in-nuqqas ta’ ħila tagħna;
agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna,
u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina,
ngħixu ħajja tajba.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Agħtina, o Alla li tista’ kollox,
li s-sagrifiċċju li noffrulek
inaddafna bil-qawwa tiegħu tal-għaġeb
u jwassalna aktar safja għand dak li waqqfu għalina,
Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Fi Kristu għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,
il-maħfra tad-dnubiet,
skont l-għana tal-grazzja tiegħu.
Efes 1:7
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħmel, Mulej,
li, bħalma nħallu warajna l-imgħoddi tagħna
u nidħlu f’ħajja ġdida,
hekk ukoll nitnaddfu mid-dnubiet qodma tagħna
u niġġeddu b’fehmiet qaddisa.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA R-4 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Imwieġ tal-mewt ħakmuni,
ħbula tal-imwiet dawruni:
fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,
sama’ leħni mit-tempju tiegħu.
Salm 17:5-7
KOLLETTA
Fil-ħniena tiegħek, Mulej,
kun int li tmexxi ’l qlub tagħna,
għax mingħajrek ma nistgħux nogħġbuk.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ilqa’ bis-sliem l-offerti tagħna, Mulej,
u ġiegħel lir-rieda tagħna tilqa’ r-rieda tiegħek,
ukoll jekk ma tridx toqgħod għalik.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Konna mifdija bid-demm għażiż ta’ Kristu,
bħal ħaruf bla ħtija u bla tebgħa.
1 Piet 1:19
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħtina l-grazzja, Mulej,
li s-sagramenti tiegħek inaddfuna,
u li, bil-ħidma tagħhom fina, insiru nogħġbuk.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Agħmel ħaqq minni int, Mulej,
u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi;
min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.
Inti l-kenn tiegħi, o Alla.
Salm 122:2-3
KOLLETTA
Mulej Alla tagħna:
agħtina l-għajnuna tiegħek
biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna,
ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek
meta kien mogħti għall-mewt għalina.
Hu, li hu Alla,
u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
O Alla li tista’ kollox, agħti widen għat-talb tagħna,
u, bis-saħħa tas-sagrifiċċju li noffrulek,
naddaf lill-qaddejja tiegħek
li mingħandek ħadu t-tagħlim tal-fidi Nisranija.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Meta jkun inqara l-Evanġelju ta’ Lazzru:
Il-Mulej jgħid:
Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.
Ġw 11:26
Meta jkun inqara l-Evanġelju tal-adultera:
Ħadd ma kkundannak, mara? Ħadd, Sidi.
Mela anqas jien ma nikkundannak:
mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.
Ġw 8:10-11
Meta jkun inqara Evanġelju ieħor:
Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom,
jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut,
hi tibqa’ waħedha;
imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.
Ġw 12:24-25
TALBA WARA T-TQARBIN
O Alla li tista’ kollox,
lilna li nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu
għoddna dejjem fost il-membri tiegħu:
Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
IT-TNEJN WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni,
il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.
Salm 55:2
KOLLETTA
O Alla, bi grazzja tiegħek liema bħalha,
aħna nistagħnew b’kull barka;
agħtina li nwarrbu l-imgħoddi tagħna,
u ninbidlu fi bnedmin ġodda, ħalli nitħejjew tajjeb
għas-saltna glorjuża tas-sema.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Agħtina, nitolbuk, Mulej
li, aħna u niċċelebraw il-misteri qaddisa tiegħek,
noffrulek bil-ferħ ir-ruħ tagħna,
imnaddfa bit-tgħakkis ta’ ġisimna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Meta jkun inqara l-Evanġelju tal-adultera:
Ħadd ma kkundannak, mara? Ħadd, Sidi.
Mela anqas jien ma nikkundannak:
mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.
Ġw 8:10-11
Meta jkun inqara Evanġelju ieħor:
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej:
min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam,
iżda għandu d-dawl tal-ħajja.
Ġw 8:12
TALBA WARA T-TQARBIN
Is-sagramenti tiegħek, Mulej,
imlewna bil-barka u l-qawwa;
agħmel li bihom
neħilsu dejjem mill-ġibdiet ħżiena tagħna
u nimxu wara Kristu biex nersqu lejk bil-ħeffa.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IT-TLIETA WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej.
Salm 26:14
KOLLETTA
Agħtina, Mulej, li naqdu bla heda r-rieda tiegħek,
biex il-poplu qaddej tiegħek, f’din il-ħajja,
jikber dejjem fit-tjieba u fil-għadd.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju tas-sliem,
biex, fil-ħniena tiegħek, taħfrilna dnubietna,
u tmexxi l-qlub tagħna li ma għandhomx mistrieħ.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Meta nintrefa’ mill-art, jgħid il-Mulej,
jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.
Ġw 12:32
TALBA WARA T-TQARBIN
Agħtina, o Alla li tista’ kollox,
li naħsbu bla heda fuq il-ħwejjeġ tas-sema,
biex dejjem jistħoqqilna nirċievu
id-doni qaddisa tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
L-ERBGĦA WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Inti teħlisni mill-għedewwa tiegħi,
tqegħdni fuq min jaħbat għalija,
teħlisni min-nies tad-dnewwa, Mulej.
Salm 17:48-49
KOLLETTA
O Alla ħanin, dawwwal il-qlub ta’ wliedek
li tqaddsu bl-għemejjel ta’ ndiema,
u, fit-tjieba tiegħek agħti widen għat-talb umli tagħna,
int li tnissel fina x-xewqa tar-rabta miegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju mqaddes,
imwaqqaf minnek għall-ġieħ ta’ ismek,
biex, bil-grazzja tiegħek,
ikun jiswa wkoll ta’ għajnuna għalina.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Alla daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,
li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
Kol 1:13-14
TALBA WARA T-TQARBIN
Il-misteri qaddisa li rċevejna, Mulej,
ikunu għalina duwa tas-sema,
biex ifejqu lil qlubna mill-ġibdiet ħżiena,
u jwettquna u jħarsuna dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĦAMIS WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Kristu hu medjatur ta’ patt ġdid,
biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa,
dawk li huma msejħa minn Alla
jieħdu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.
Lhud 9:15
KOLLETTA
Ieqaf magħna, Mulej, fit-talb umli tagħna,
u żommilna sħiħa t-tama
li aħna nqiegħdu fil-ħniena tiegħek;
naddafna mit-tbajja’ ta’ dnubietna
biex sal-aħħar nibqgħu ngħixu ħajja qaddisa,
u nkunu werrieta tal-wegħdiet tiegħek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Ħares bis-sliem, Mulej,
lejn is-sagrifiċċu li noffrulek,
u agħmel li jkun jiswa għalina, biex induru lejk,
u għad-dinja kollha, biex taqla’ s-salvazzjoni.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Alla lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha,
imma tah għalina lkoll, u miegħu tana kollox.
Rum 8:32
TALBA WARA T-TQARBIN
Tmajtna, Mulej, bid-don tiegħek,
li bih tagħtina s-salvazzjoni;
bis-saħħa ta’ dan is-sagrament,
li bih tgħajjixna fuq din l-art,
fil-ħniena tiegħek, agħtina wkoll il-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IL-ĠIMGĦA WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm;
eħlisni minn id l-għedewwa
u minn dawk kollha li jeħduha kontrija.
Mulej, tħallinix ninfixel, lili li qed insejjaħlek.
Salm 30:10,16,18
KOLLETTA
Aħfer, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek,
u, fit-tjieba tiegħek,
ħollna minn kull irbit ta’ dnub
li fih waqajna ta’ bnedmin dgħajfa li aħna.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
Agħtina, o Alla ħanin, li jkun dejjem jistħoqqilna
naqdu kif jixraq lill-altar tiegħek,
biex, bis-sehem li nieħdu minnu,
naqilgħu s-salvazzjoni tagħna.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Ġesù tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib,
biex immutu għad-dnubiet
u ngħixu għall-ġustizzja;
bil-ġrieħi tiegħu aħna fiqna.
1 Piet 2:24
TALBA WARA T-TQARBIN
It-tqarbina li għamilna, Mulej,
tħarisna bla heda minn kull tiġrib,
u tbegħedna dejjem minn kull ħsara.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
IS-SIBT WARA L-5 ĦADD TAR-RANDAN
ANTIFONA TAD-DĦUL
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni:
jien dudu tal-art, u mhux bniedem,
żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.
Salm 21:20,7
KOLLETTA
O Alla, inti ssalva lill-bniedem f’kull żmien;
imma issa qiegħed tferraħ lill-poplu tiegħek
b’kotra iżjed kbira ta’ grazzji;
dawwar l-għajnejn tiegħek tal-ħniena
lejn dan il-poplu li int għażilt għalik,
u żomm taħt il-ħarsien u l-għajnuna tiegħek
lil dawk li sejrin jieħdu, jew li diġà ħadu,
it-twelid ġdid bil-Magħmudija.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,
li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.
TALBA FUQ L-OFFERTI
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,
inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem
bis-sagramenti tal-Magħmudija aħna u nistqarru ismek;
ilqa’ l-offerti u t-talb tal-qaddejja tiegħek, li jittamaw fik,
u agħmel li naraw xewqatna mitmuma u dnubietna maħfura.
Bi Kristu Sidna.
Amen.
ANTIFONA TAT-TQARBIN
Kristu kien mogħti biex jiġbor ġemgħa waħda
l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.
Ġw 11:52
TALBA WARA T-TQARBIN
Fiċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek
biex, bħalma inti tgħajjixna
bil-Ġisem u d-Demm imqaddes ta’ Ibnek,
hekk ukoll tagħtina sehem
min-natura tiegħu ta’ Alla.
Bi Kristu Sidna.
Amen.