QADDISIN GĦAL JANNAR

 

1 TA’ JANNAR

 

L-IMQADDSA OMM ALLA, MARIJA

 

Fl-ewwel tas-sena sena, il-Knisja tagħmel festa lill-Madonna bħala Omm Alla, l-ikbar privileġġ li Alla taha, u li qatt seta’ jagħti lil xi ħadd mill-kreaturi tiegħu.

 

Il-Knisja mhux biss tifraħ u tunura lill-Madonna, iżda tirringrazzjaha wkoll talli aċċettat dan il-privileġġ, li permezz tiegħu daħlet sieħba ma binha Ġesù fil-Fidwa tagħna.

 

Il-Madonna saret Omm Alla meta fit-tħabbira ta’ l-Anġlu, aċċettat li ssir omm Ġesù.

 

Fuq il-Kalvarju, Ġesù ħallielna lil ommu Marija biex tkun l-Omm spiritwali tagħna, ħalli bħalma Hu ġie għandna permezz tagħha, hekk aħna mmorru għandu permezz tagħha.

 

Din il-festa ġiet imwaqqfa mill-Papa Piju XI, bl-enċiklika tiegħu “Lux Veritatis”, tal-25 ta’ Diċembru 1931, biex ifakkar il-ħmistax-il ċentinarju mill-Konċilju ta’ Efesu li kien sar fis-sena 431, meta t-titlu mogħti lill-Madonna, “Theotokos”, Omm Alla, kien uffiċjalment ipproklamat mill-Knisja lid-dinja kollha.

 

 

Talba

Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa ta’ mewtna.  Amen.

 

 

 

 

 

2 TA’ JANNAR

 

 

SAN BASILJU L-KBIR

Isqof u Duttur tal-Knisja:  330 – 379

 

SAN GIRGOR NAZJANZENU

Isqof u Duttur tal-Knisja:  330 – 389

 

Dawn iż-żewġ qaddisin li llum il-Knisja tunurahom it-tnejn flimkien kienu ħbieb kbar ta’ xulxin qishom żewġ aħwa, għexu fl-istess żmien u fl-istess pajjiż, studjaw flimkien, kienu studjużi kbar, saru qassisin u isqfijiet, u saħansitra wara mewthom, it-tnejn ġew magħrufin bħala Dutturi tal-Knisja.

 

 

 

SAN BASILJU L-KBIR

Isqof u Duttur tal-Knisja:  330 – 379

 

Fil-familja ta’ San Basilju nsibu li n-nanna tiegħu Makrina l-Kbira, Missieru Basilju x-Xiħ, ommu Emmelja, oħtu Makrina ż-żgħira, u ħutu Girgor, Isqof ta’ Nissa, u Pietru, Isqof ta’ Sebaste, huma lkoll Qaddisin.

 

Hu twieled f’Ċesarija, Kappadoċja (Illum parti mit-Turkija).  Meta kien qed jistudja f’Ateni ltaqa’ ma Girgor Nazjanzenu u sar ħabib kbir tiegħu.

 

Laħaq tabib, matematiku famuż, filosofu u astrologu.  Influwenzat minn oħtu, Makrina, ħalla d-dinja u mar jgħix bħala eremita, u waqqaf monasteru fuq ix-xmara Iris, fis-sena 358.

 

Fis-sena 364 ġie ordnat saċerdot minn Ewsebju, Arċisqof ta’ Ċisarija.  Tant kien saċerdot kapaċi u ħabrieki li l-ħabib tiegħu Girgor kien qal dwaru: ”L-Isqof mexxa l-poplu, u Basilju mexxa l-Isqof”.

 

Fis-sena 370 ġie elett Arċisqof ta’ Ċisarija bħala suċċessur ta’ Ewsebju.  Irnexxielu jqajjem responsabilta’ soċjali fost l-Insara, billi hu stess kien jittallab biex jinbnew sptarijiet, orfanatorji u skejjel.  Ħadem ħafna kontra l-ereżija ta’ Arju, li kienet tiċħad id-divinita’ ta’ Kristu.

 

Sakemm miet fl-1 ta’ Jannar tas-sena 379, ta’ 49 sena, baqa’ dejjem attiv, b’elokwenza kbira u b’karita’ immensa, li tawh l-isem ta’ Kbir f’ħajtu, u ta’ Duttur tal-Knisja wara mewtu.

 

Kien jgħid: ”Il-ħobż li ma tużax, u l-ħobż ta’ min hu bil-ġuħ; l-ilbies li għandek fil-gwardarobba, hu l-ilbies ta’ min hu għarwien; iż-żarbun li ma tilbisx, huwa ż-żarbun ta’ min hu ħafi; il-flus li għandek imwarrba huma l-flus tal-fqar; l-atti ta’ karita’ li ma tagħmilx huma inġustizzji li inti twettaq.”

 

 

 

San Girgor Nazjanzenu twieled f’Nazjanze, Kappadoċja fis-sena 330.  Missieru Girgor Nazjanzenu x-xiħ, ommu Nonna, ħuħ Ċesarju, u oħtu Gorgonja, huma lkoll qaddisin.

 

Kellu temperament differenti minn ta’ ħabibu Basilju, kien aktar miġbur, ta’ għalih waħdu, u jħobb il-kwiet.  Meta ħabibu mar eremita, hu mar warajh.  Fis-sena 362 ġie ordnat saċerdot, u fis-sena 372 ġie kkonsagrat Isqof ta’ Sasima, mill-ħabib tiegħu San Basilju li kien Arċisqof ta’ Ċisarija.  Fis-sena 380 sar il-Patrijarka ta’ Konstantinopli.

 

Sena wara rtira f’Nazjanze fejn għfil-kwiet, jitlob, jikteb u jippriedka, sakemm miet fil-25 ta’ Jannar tas-sena 389, ta’ 64 sena.  Hu wkoll huwa Duttur tal-Knisja.

 

San Girgor hu wieħed mit-tliet teoloġi l-kbar ta’ Kappadoċja, kolonni tal-Knisja fi żmienu flimkien ma’ ħabibu San Basilju u San Girgor Nissenu (ħu San Basilju).  Hu magħruf bħala d-Duttur tat-Trinita’.  Kien hu l-ewwel wieħed li sejjaħ lill-Madonna “Omm Alla”.

 

Ħsieb

Konna qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma.  Tassew li mhux la kemm temminhom dawk li jgħidu li kollox jinsab f’kollox; imma kulħadd għandu jemminni meta għalina t-tnejn ngħid li konna l-wieħed fl-ieħor f’kollox.

(San Girgor fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ San Basilju).

 

 

 

 

 

 

 

 

 

7 TA’ JANNAR

 

SAN RAJMOND TA’ PENJAFORT

Saċerdot:  1175 – 1275

 

 

San Rajmond twieled f’Katalonja, Spanja, fl-1175, għand familja prominenti.  Kien intelliġenti ħafna, u ta’ għoxrin sena kien ġa beda jgħallem il-filosofija f’Barċellona.

 

Fl-1210 mar Bolonja, belt fl-Italja, fejn fl-1216 laħaq avukat fil-Liġi Ċivili u Kanonika.  Fl-1219, l-Isqof Berengarju ta’ Barċellona sejjaħlu f’pajjiżu u għamlu Kanonku tal-Katidral u Vigarju tad-djoċesi.  Fl-1222 daħal fl-Ordni Dumnikan.

 

Hu għen lil San Pietru Nolasco biex iwaqqaf l-Ordni tal-Madonna tal-Ħniena (Merċedarji) li l-għan prinċipali tiegħu kien li jifdi l-ilsiera.

 

Fl-1230 mar ruma fuq talba tal-Papa Girgor IX biex ikun il-Konfessur tiegħu, u biex jiġbor flimkien id-digrieti kollha tal-Papiet, li kienu ilhom żmien mingħajr ordni.  Hu ġabarhom f’ħames kotba (Decretales Gregorii IX).

 

Fl-1235, il-Papa ħatru Isqof ta’ Tarragona, iżda l-qaddis tant ma ħax gost b’dan l-unur u piż, li marad u l-Papa kellu jħallih jirritorna lejn pajjiżu bħala sempliċi patri biex jirkupra saħħtu.

 

Fl-1238, ġie elett minn ħutu l-patrijiet biex ikun il-Ġeneral ta’ l-Ordni, it-tieni wieħed wara San Duminku.  Kien hu li ħajjar lil San Tumas ta’ Aquino biex jikteb is-”Summa Contra Gentiles”.  Irreżenja minn Ġeneral fl-1240, meta kellu 65.

 

Miet fis-6 ta’ Jannar 1275, fl-eta’ ta’ mitt sena.

 

Ħsieb

Alla ta’ l-imħabba u l-paċi jżommilkom qalbkom fis-sliem, u jħaffef il-mixi tagħkom, billi jħariskom u jkenninkom mit-tfixkil tal-bnedmin, sa ma jdaħħalkom f’dik l-art mimlija b’kull ġid, fejn tibqgħu għal dejjem fil-mistrieħ u s-sliem, fl-għamara ta’ mħabbtu, u fil-ferħ ta’ kull għana.

(Minn ittra ta’ San Rajmond)

 

 

 

 

 

 

 

13 TA’ JANNAR

 

SAN ILARJU

Isqof u Duttur tal-Knisja:  300 – 368

 

San Ilarju twieled f’familja nobbli pagana, f’Poitiers, Franza.  Il-ġenituri tiegħu tawh edukazzjoni tajba, u sar oratur famuż.

 

Bil-qari tal-Bibbja, hu wasal biex ħaddan il-Kristjaneżmu u tgħammed meta kellu tletin sena.  Ħadem ħafna biex jiddefendi u jxerred it-twemmin nisrani.

Martu, li hu kien miżżewweġ qabel tgħammed u li minnha kellu tifla jisimha Apra, kienet għadha ħajja meta ġie magħżul biex ikun l-Isqof ta’ belt twelidu, fis-sena 353.

 

Bħala Isqof, ħadha bl-aħrax kontra l-Arjaniżmu, tant li l-Imperatur Arjan, kostanzu, eżiljah fil-Friġja, fl-Asja Minuri.

 

Fit-tliet snin li dam eżiljat għamel studju tal-Missirijiet Griegi tal-Knisja u kiteb il-ktieb fuq it-Trinita’, l-ikbar opra tiegħu, u fis-sena 359 attenda s-Sinodu ta’ Seleucia fejn iddefenda bil-kbir id-digrieti tal-Konċilju ta’ Niċea.

 

Fis-sena 360, reġa lura fi Franza.  Kiteb ħafna biex isaħħaħ il-fidi kattolika u jfisser l-Iskrittura mqaddsa, u flimkien ma’ san Martin, Isqof ta’ Tours, irsista biex idaħħal il-monastiċiżmu (il-patrijiet f’kunvent) fi Franza.

 

Miet f’Poitiers fit-13 ta’ Jannar 367.  Fl-1572, il-Kalvinisti qerdu l-fdalijiet tiegħu.

 

Talba

 Alla Missier li tista’ kollox, jiena nħoss li l-aqwa dmir tiegħi f’ħajti huwa dan: li dak lkollu li ngħid u nħoss, kollox ikun għalik.

(San Ilarju)

 

 

 

 

 

 

17 TA’ JANNAR

 

SAN Anton

Abbati:  251 – 356

 

San Anton twieled fir-raħal ta’ Koman, fl-Eġittu, fis-sena 251, minn famolja nisranija li kienet sinjura.

 

Meta kellu tmintax-il sena, il-ġenituri tiegħu mietu, u hu safa’ waħdu flimkien ma oħtu iżgħar minnu ħafna.

 

Xi sitt xhur waraq l-mewt tal-ġenituri tiegħu, waqt li kien fil-knisja, sema’ l-kliem tal-Vanġelu: ”Jekk trid tkun perfett, mur bigħ kull ma għandek u qassmu lill-foqra, u ejja imxi warajja, u jkollok teżorfis-sema”.  Ikkonkluda li Alla kien qed ikellmu direttament.  Għalhekk f’qasir żmien, wara li ħa ħsieb oħtu u ħallielha parti mill-wirt, il-kumplament tal-wirt li mess lilu qassmu kollu lill-fqar, u mar jgħix waħdu, l-ewwel fid-deżert, u mbagħad fuq muntanja.

 

Biż-żmien, xi rġiel u żgħażagħ bdew jissieħbu miegħu, kull wieħed f’daqxejn ta’ kamra għalih, iżda fil-qrib tiegħu biex ikunu jistgħu jiġu ggwidati spiritwalment minnu.

 

Fis-sena 305  niżel minn fuq il-muntanja u waqqaf l-ewwel monasteru Nisrani, f’Fajjum.

 

Fis-sena 311 mar Lixandra biex iħeġġeġ fil-Fidi lill-Insara fil-persekuzzjoni ta’ Massimu.

 

Meta wara xi sena l-persekuzzjoni taffiet, mar f’Pispir, ħdejn ix-xmara Nil, u waqqaf monasteru ieħor li għadu jeżisti sal-lum bl-isem ta’ “Der Mar Antonius”.

 

Wara li stabilizza dan il-monasteru, mar jgħix ġo għar fuqw il-muntanja Kolzim.  Iżda anke hawnhekk, in-nies saret taf fejn kien u bdew ġejjen mhux biss mill-Eġittu iżda wkoll minn pajjiżi oħra biex ikellmuh, u meta kienu jitilqu minn ħdejh qalbhom kienet tkun mimlija bi mħabba ikbar lejn Alla.

 

Meta darba rċieva ittra minn għand l-Imperatur Kostantinu l-Kbir, qal lil ta’ madwaru: “Tiskantawx li l-Imperatur kitibli – hu bniedem, bħalma jiena jien.  Iżda stagħġbu kif Alla kiteb lilna, u kellimna wkoll permezz ta’ Ibnu”.

 

Fis-sena 335 reġa mar Lixandra biex flimkien ma San Atanasju jikkumbatti l-ereżija ta’ Arju.  Imbagħad tela’ fuq il-muntanja u baqa’ hemm sakemm miet fis-sena 356, meta kellu 106 snin.

 

Fl-Arti jpinġu lil San Anton b’salib forma ta’ T, b'ħanżir u bi ktieb.  Is-salib ifisser il-qawwa tal-Fidi li għenitu jirbaħ il-ħażin; il-ħanżir għall-ewwel kien jirrapreżenta lid-demonju, imma meta fil-Medju Evu l-Antonjani bdew jaħdmu fil-biedja u kellhom il-privileġġ riservat li jrabbu l-qżieqeż fil-foresti, San Anton ġie meqjus bħala l-protettur ta’ l-annimali , il-ktieb huwa simbolu tal-katerristika speċjali ta’ ħajtu, it-talb u l-kontemplazzjoni.

 

F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimli tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhomlhom.

 

San Anton huwa magħruf bħala l-Fundatur tal-Monastiċiżmu Nisrani.

 

Ħsieb

San Anton jurina bl-eżempju tal-ħajja tiegħu stess li jekk xi ħadd biex iħobbiktar ‘l Alla jiddistakka ruħu mill-ħwejjeġ tad-dinja li joffru ħafna kumditajiet, jista’ jkun ferħan u kuntent b’qalb mimlija hena u paċi.

 

 

 

 

 

 

20 TA’ JANNAR

 

SAN FABJAN

Papa u Martri:  ? – 356

 

Hemm tradizjjoni li tgħid li wara l-mewt tal-Papa San Anteru, fis-sena 236, waqt li l-Kleru u n-nies ta’ Ruma kienu miġbura flimkien biex jagħżlu l-Papa, ħamiema niżlet fuq San Fabjan, u din ġiet meħuda bħala sinjal mill-Ispirtu s-Santu li għandu jiġi magħżul hu.  Din kienet l-ewwel darba li lajk ġie elett Papa.

 

Mexxa tajjeb il-Knisja għal erbatax-il sena.  Hu bagħat lil San Dijonisju u sħabu biex jippridkaw il-Vanġelu fi Franza; ikkundanna lill-Isqof Privatus minħabba l-ereżija li xerred fl-Afrika ; ħareġ digriet li l-Insara kellhom jitqarbnu tliet darbiet fis-sena, fl-Għid, fil-Pentekoste, u fil-Milied; u x’aktarx li kien hu li beda t-”Tberik taż-Żejt” f’nhar Ħamis ix-Xirka.

 

Miet martri fl-20 ta’ Jannar 250.  X’aktarx li kien l-ewwel wieħed li sofra l-martirju fis-seba’ persekuzzjoni ġenerali kontra l-Insara, mill-Imperatur Deċju.

 

Fuq qabru li jinsab fiċ-Ċimiterju ta’ San Kallistu, f’Ruma, hemm dawn it-tliet kelmiet: Fabjanu, Isqof, Martri.

 

Ħsieb

Aħna li probabbilment maħniex ser inkunu xhieda ta’ Ġesù permezz  tal-martirju, nistgħu nkunu xhieda Tiegħu billi ngħixu ħajja ta’ Nsara tassew.

 

 

 

 

 

 

 

20 TA’ JANNAR

 

SAN BASTJAN

Martri:  ? – 288

 

Bħal ħafna ”Atti” ta’ l-ewwel Martri ta’ Ruma, dawk ta’ San Bastjan intilfu wkoll.  Dak li aħna ċerti minn hu, li miet martri, jinsab midfun fi Triq Appia fejn illum filo-qrib hemm il-Bażilika ta’ San Bastjan,  u li kien ġa vvenerat fi żmien San Ambroġ (340 – 397).

 

Skond tradizzjonijiet, jew aħjar leġġenda, San sebastjan daħal suldat fl-Armata Rumana.  Il-kwalitaqjiet sbieħ tiegħu ġibdu l-attenzjoni ta’ l-Imperatur Djoklezjanu li għamlu Kaptan tas-suldati tal-palazz.  F’din il-kariga ħataf l-okkażjoni biex jgħin lill-Insara li kienu qed jiġu ppersegwitati.

 

Djoklezjanu sama’ b’dan, sejjaħlu u heddu biex ma jkomplix.  Meta l-Qaddis baqa’ xorta waħda jgħin lill-Insaara, l-Imperatur ordna li jiġi maqtul billi jisparawlu bil-vleġeġ.

 

Għalkemm ħallewh għal mejjet, bil-kura li tawh xi Nsara, irnexxielu jerġa jieħu saħħtu.  Meta fieq, mar għand l-Imperatur u beda jikkundannah għall-moħqrija tiegħu ma’ l-Insara.

 

Meta l-Imperatur rah quddiemu stagħġeb, iżda meta semgħu jikkundannah, tant irrabja li ordna li jsawtuh sakemm joqtluh.

 

Għalkemm il-leġġendi mhumiex stejjer veri, bdanakollu, jesprimu l-qawwa tal-Fidi, u l-kuraġġ li kellhom dawn l-eroj martri ta’ Kristu.

 

Ħsieb

Għandu jkollna l-kurqġġ  li akkost ta’ kollox ninkoraġġixxu lil min ikun qed jagħmel il-ġid, u nikkundannaw bil-qawwa kollha lil min ikun qed jagħmel il-ħażin.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

21 TA’ JANNAR

 

SANTA  ANJEŻE

Verġni u Martri:  ? – lejn 305

 

Kull ma nafu dwar din il-Qaddisa hu, li kienet għadha żgħira ta’ madwar tlettax-il sena meta mietet martri għall-ħabta tas-sena 305, fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, u ġiet midfuna f’Via Nomentana, f’Ruma, fejn fis-sena 324 inbniet knisja fuq il-qabar tagħha, li wara ġiet mibnija mill-ġdid fis-sena 630 mill-Papa Onorju I.  Isimha hu mniżżel fl-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

 

Leġġenda tgħid li Santa Anjeże kienet tifla sabiħa ta’ familja sinjura.  Tant kienet tħobb lil Ġesừ li ddeċidiet li tagħti ruħha u ġisimha lilu biss.  Meta kien hemm min urieha li xtaq jiżżewwiġha hi rrifjutatu.  Xi ħadd bit-tama li bil-biża’ tat-torturi hija ddawwar fehmitha, akkużaha li kienet Nisranija.

 

L-imħallef, l-ewwel bil-ħlewwa, imbagħad bit-theddid, riedha tiċħad il-fidi tagħha f’Ġesừ.  Meta ma riditx, bagħatha f’dar ta’ fama ħażina.  Iżda hi baqgħet soda.  Kienet tgħid: ”Inħallik iċċappas ix-xabla b’demmi, imma ma nħallik qatt tipprofanali ġismi”.  Żagħżugħ li pprova jersaq lejha b’xewqa żienja, għama, u hi stess fejqitu.  Wara, l-imħallef ordna li tiġi maqtula.

 

B’kuraġġ li jgħaġġeb laqgħet id-daqqa aktarx tax-xabla li tajret ruħha fi ħdan Ġesừ, l-ikbar maħbub ta’ qalbha.

 

San Ambroġ kiteb dwarha: ”Marret għall-martirju, iktar ferħana minn għarusa għat-tieġ.

 

Ħsieb

Bħalma Santa Anjeże wriet l-imħabba l-iktar kbira tagħha lejn Ġesừ meta waslet li offrietlu ħajjietha fil-fjur tagħha b’mewta krudila, hekk ukoll aħna nuru mħabbitna lejn Ġesừ skond is-sagrifiċċji li nagħmlu għalih.

 

 

 

 

 

 

 

22 TA’ JANNAR

 

SAN PUBLJU

Isqof u Martri:  ? – 161

 

San Publju kien Isqof tal-belt glorjuża ta’ Atene lejn nofs it-tieni seklu.  Kien fi żmien l-Imperatur Antoninu Piju (138 – 161) meta l-Knisja kienet imħabbta mill-Injostiċi li kienu jaraw ir-Reliġjon bħala skola ta’ kultura, u għalhekk kienu jgħidu li min ma kienx għaref ma setax jgħid li kien nisrani tassew.  San Publju, fost l-Isqfijiet tajbin, kien qed juri li r-Reliġjon hi fuq kollox imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn għal Alla.

 

Tagħlim ieħor żbaljat ta’ żmien San Publju kien dak ta’ Doċeti, li żammew li Kristu ma kienx bniedem, imma deher biss b’ġisem bħal tagħna.

 

Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, San Publju ma warrabx minn Atene.  Hu ġie kkundannat għall-mewt minħabba twemminu.  Dan jidher li ġara fl-ewwel sena ta’ l-Imperatur Mark Awrelju, jiġifieri fis-sena 161.

 

San Djonisju, Isqof ta’ Korintu, ċanfar lin-nies ta’ Atene talli kienu waqgħu fl-indifferenza wara li l-Isqof tagħhom Publju kien ġie mogħti l-martirju.

 

Għalkemm ma tantx għandna tagħrif dwar San Publju, dawk li ġabru ismijiet il-martri ta’ l-ewwel żmien qiegħdu ismu ma’ dawk ta’ dawk li mietu fil-21 ta’ Jannar.  Aħna niċċelebrawh fit-22 tax-xahar biex ma nħallux barra t-tifkira ta’ Santa Anjeże, li taħbat fl-istess ġurnata.

 

Ħsieb

San Publju hu mudell ta’ ragħaj qawwi fit-taqbida.  Jalla aħna wkoll nuru ruħna qawwijin fil-waqt tal-prova u ma nibżgħux nagħtu ħajjitna għal Kristu, jekk ikollu jitlobhielna.

 

 

 

 

 

 

24 TA’ JANNAR

 

SAN FRANĠISK DE SALES

Isqof u Duttur tal-Knisja:  1567 – 1622

 

San Franġisk, l-ikbar fost sitt ulied ta’ familja nobbli, twieled fil-21 t’Awissu 1567, fChateau de Sales, ħdejn Ġinevra, l-Isvizzera.  Kien studjuż u intelliġenti.

 

Fl-1580, daħal l-Universita’ ta’ Pariġi, u wara mar fl-Universita’ ta’ Padova fejn ta’ 24 sena sar avukat.Għalkemm kellu karriera sabiħa quddiemu, ħalla kollox, biex ikun ordnat saċerdot fl-1593, mill-Isqof ta’ Ġinevra.

 

Intefa’ b’ruħu u b’ġismu għat-tiġdid kattolika f’art twelidu, u rnexxielu jġib mill-ġdid fi ħdan il-Knisja mas-70,000 li kienu ħallewha.  Dan għamlu bil-priedki, id-djalogi, u billi kien jikteb leaflets, iqabbad xi nies biex jikkupjawhom u wara jqassmuhom bl-idejn lill-familji fid-djar.

 

Fl-1602, sar Isqof ta’ Ġinevra, meta kellu 35 sena.

 

Fl-1610, flimkien ma Santa Ġovanna Franġiska ta’ Chantal, waqqaf il-Komunita’ tas-Sorijiet tal-Viżitazzjoni.

 

Kien ħabib kbir ta’ San Vinċenz de Paul, l-appostlu tal-karita’, u bħalu kien bniedem ta’ qalb tajba u umli.  Kien spiss juża dak il-proverbju: ”Iktar taqbad dubbien b’qatra għasel, milli b’barmil ħall.

 

Miet ta’ 55, wara kolp ta’ puplesija, f’Lyons, fit-28 ta’ Diċembru 1622 waqt li kien qed jivvjaġġa lura wara laqgħa li kellu mar-Re Lwiġi XIII f’Avignon fejn iddiskuta miegħu dwar ċerti privileġġi għall-parti Franċiża tad-djoċesi tiegħu.  Ġismu ġie midfurn f’Annecy fl-24 ta’ Jannar 1623.

 

Il-Papa Piju XI iddikjarah Patrun tal-Kittieba u ta’ l-Istampa Kattolika.  F’Malta, id-Direzzjoni ta’ ”Leħen is-Sewwa” kull sena tieħu inizjattiva biex f’dan il-jum l-Arċisqof iqaddes għal dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam ta’ l-istampa u x-xandir.

 

Ħsieb

In-naħla tieħu l-għasel mill-fjuri bla tagħmlilhom il-ħsara, tħallihom kif issibhom, friski u sħaħ.  Il-ħajja spiritwali tagħmel aħjar minn hekk, għax mhux talli ma tħassar ebda sejħa jew ħidma, talli żżejjinhom u tkattrilhom ġielhom.

(Mill-kitba ta’ San Franġisk)

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ JANNAR

 

IL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL

 

Il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl, minħabba n-natura straordinarja tagħha.

 

San Pawl kien Lhudi, ta’ Ċittadinanza Rumana, edukat f’Ġerusalem, u trabba bħala Fariżew akkanit ħafna, anzi fanatiku għal-Liġi ta’ Mose’.  Hekk sar għadu mill-kbar u persekutur aħrax tal-Knisja Nisranija li kienet għadha fil-bidu tagħha.  Saħansitra akkwista l-awtorita’ mingħand il-Mexxejja tal-Lhud biex ikun jista’ jarresta lill-Insara fl-ibliet u fl-irħula u jeħodhom Ġerusalem biex jgħaddu ġuri.  Nafu li kien preżenti fil-martirju ta’ San Stiefnu.

 

Meta bejn is-sena 34 u 36, kien sejjer Damasku, illum il-Kapitali tas-Sirja, biex jippersegwita lill-Insara, Ġesù stess ikkonvertieh u wrieh biċ-ċar li l-persekuzzjoni li kien qed jagħmel lill-Insara, kien qed jagħmilha lilu.  ”Sawl, Sawl, gqiegħed tippersegwitani?”  Qallu: ”Min int, ja Sidi?”  Wieġbu: ”Jien hu Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah ... ”  Din il-ġrajja nsibuha mniżżla fl-Atti ta’ l-Appostli (9:3 – 27; 22:6 – 16; 26:13 – 18); u San Pawl jagħmel riferenza għaliha f’xi ittri (1Kor.15:9 – 10; Gal.1:13 – 16’ Efes.3:6 – 7).

 

Il-Laqgħa straordinarja tiegħu ma Ġesù mhux biss bidlet ħajtu, u minn persekutur qalil, għamlitu wieħed mill-ikbar difensuri, għalliema u qaddisin tal-Knisja Nisranija, iżda kellha effett drammatiku fuq l-istess Knisja.

 

Illum jagħlaq l-ottovarju għall-għaqda ta’ l-Insaraq.  Din l-osservanza, kien bdieha s-saċerdot Paul Watson, il-Fundatur tas-”Society of the Atonement”, fl-Amerika.  Illum tinsab imxerrda f’bosta pajjiżi, u tiġi ċċelebrata wkoll minn ħafna Knejjes Protestanti u Ortodossi.

 

 Ħsieb

L-Evanġelju li ħabbartilkom jiena mhuwiex evanġelju tal-bndemin.  Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

(Gal. 1:11 -12)

 

 

 

 

 

 

 

 

26 TA’ JANNAR

 

SAN TIMOTJU SAN TITU

Isqfijiet:  L-ewwel Seklu

 

San Timotju twieled fil-belt ta’ Listra.  Missieru kien Grieg, u ommu, Ewniċe, kienet mara Lhudija devota.

 

 

Kien ta’ natura timida.  Aktarx li tgħammed minn San Pawl f’Listra, f’madwar is-sena 47, meta kellu xi sittax-il sena.

 

Xi ħames snin wara, ingħaqad ma’ San Pawl meta l-appostlu reġa’ għadda minn Listra, u nsibuh miegħu f’bosta nħawi, u saħansitra fil-ħabs, f’Ruma.  Meta nħeles, ġie mibgħut minn San Pawl bħala l-ewwel Isqof ta’ Efesu, meta kellu madwar 32 sena.

 

San Pawl kitiblu żewġ ittri, l-ewwel waħda mill-Italja fis-sena 64, u t-tieni minn Ruma ftit qabel ma miet fejn talbu biex imur jarah.  Jekk Timotju mar Ruma, żgur li ma sabx lil San Pawl ħaj.

 

Miet f’madwar is-sena 97, meta kellu iktar minn 80 sena.

 

San Ġwann l-Evanġelista li mar jgħix f’Efesu, isemmih fl-Apokalissi, bħala l-”Anġlu ta’ Efesu”.

 

 

 

 

San Titu kien grieg, u hu wkoll ġie kkonvertit minn San Pawl li kien isejjaħlu ”Ibni l-għażiż”.

 

Ħadem ħafna ma’ San Pawl, u flimkien ma San Barnaba mar miegħu għall-onċilju ta’ Ġerusalem, fis-sena 51.

 

F’madwar is-sena 64, San Pawl Isqof ta’ Kreta, gżira twila 200 km, fejn ħaten Timotju kien Gvernatur.  Xi sena wara, irċieva mingħand San Pawl mill-Maċedonja ittra mimlija eżortazzjonijiet għall-Fidili tiegħu.

 

Fl-istess sena mar id-Dalmazja (Jugoslavja), fejn hu meqjum sal-lum bħala l-appostlu ewlieni ta’ dak il-pajjiż.  Imma reġa’ lura fi Kreta fejn miet fil-paċi, fl-eta’ ta’ madwar 93 sena.

 

 

Ħsieb

Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażna.  Għalhekk għandna nħabirku biex inżommu ħajja fina l-grazzja ta’ Alla.

(2 Tim. 1:6)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

27 TA’ JANNAR

 

SANTA ANĠELA MERICI

Verġni:  1470 – 1540

 

Santa Anġela twieldet fil-21 ta’ Marzu 1470, f’Desenzano, raħal fl-istat ta’ Venezja, l-Italja, minn familja ta’ bdiewa.

 

Ta’ għaxar snin tilfet il-ġenituri tagħha, u marret flimkien ma’ ħutha tgħix f’Saqlo ma’ zijuha li daqs bintu.  Iżda meta kellha madwar 22 sena, zijuha miet, u reġgħet lura f’Desenzano.

 

X’ħin rat it-tfal tal-post telgħin bla ebda edukazzjoni Nisranija, iddispjaċiha ħafna, u ddeċidiet li tiddedika ruħha għall-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment tat-tfajliet.  Hekk fetħet skola f’Desenzano, u wara, fl-1516, fetħet oħra fi Brescia, fuq talba tan-nies t’hemm.  Hi qiegħdet l-istituzzjonijiet tagħha taħt il-ħarsien ta’ Sant’ Orsla, verġni u martri.

 

Kellha xewqa kbira li tmur iżżur l-Art Imqaddsa, u negozjant kbir ta’ Brescia għenha bil-flus taqta’ xewqitha.

 

Meta kienet fi Kreta, tilfet id-dawl t’għajnejha.  Iżda xorta waħda kompliet il-vjaġġ u żaret il-postijiet imqaddsa b’devozzjoni kbira.  Imbagħad fi triqitha lura, meta kienet qed titlob quddiem il-kurċifiss fl-istess post fejn kienet għamiet, reġgħet ġiet tara.

 

Fl-1525, il-Papa Klement VII, li sama’ bix-xogħol tagħha, stedinha tieħu f’idejha kongregazzjoni ta’ sorijiet, f’Ruma, li kienu jaħdmu fl-isptarijiet.  Meta qaltlu li hi xtaqet tibqa’ ddedikata għall-edukazzjoni tat-tfajliet, l-ommijiet ta’ għada, il-Papa berikha.

 

Nisa oħra bdew jingħaqdu magħha.  Tul ħajjitha huma kienu għadhom lajċi, imma wara mewtha, fuq l-ispirazzjoni tagħha, bdew il-kongregazzjoni ta’ l-Orsolini b’ħajja kkonsagrata bil-voti.  Imma baqgħu jeżistu dejjem Orsolini lajċi li jgħixu f’darhom jew f’ħajja komunitarja bla voti.  Imma l-iskop prinċipali tagħhom ilkoll hu t-tagħlim tat-tfal u għajnuniet lit-tfal, xebbiet u ommijiet fil-bżonn.

 

Mietet fi Brescia fis-27 ta’ Jannar 1540, fl-għomor ta’ 70 sena.

 

Hi għandha żewġ distinzjonijiet:  Kienet l-ewwel waħda li waqqfet kongregazzjoni għat-tagħlim; u l-ewwel waħda li waqqfet istitut sekulari fejn il-membri jibqgħu jgħixu d-dar bla ma jkollhom ilbies li jiddistingwihom, u ma jieħdu ebda voti formali.

 

Ħsieb

Nitlobkom, għamlu kemm tistgħu biex ittellgħuhom bl-imħabba, fil-għożża u bil-qalb, u mhux bis-suppervja u bil-herra.  Kunu dejjem  ta’ qalb tajba.  Innutaw x’qalilna l-Mulej:  "Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”.

(Santa Anġela Merici)

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ JANNAR

 

SAN TUMAS TA’ AQUINO

Saċerdot u Duttur tal-Knisja:  1225 – 1274

 

San Tumas twieled fil-Belt ta’ Aquino qrib Monte Cassino, fl-1225, minn familja nobbli.  Hu kien is-seba’ wieħed fost ħames subien u ħames bniet.

 

Ta’ ħames snin beda jmur għand il-Patrijiet Benedittini ta’ Monte Cassino biex jitgħallem l-iskola.

 

Fl-1239, meta kellu erbatax-il sena, daħal l-Universita’ ta’ Napli.  Hemm iltaqa’ mal-Patrijiet Dumnikani, u daħal magħhom.

 

Tal-familja ma riduhx isir patri Dumnikan.  Fl-1224, ħutu, fuq ordni tal-ġenituri, qabduh uġabuh lura d-dar bil-fors, u żammewh qisu priġunier f’wieħed mill-kastelli tal-familja, u għamlu minn kollox biex idawrulu fehmtu, bla ma rnexxielhom.  Bil-għajnuna ta’ oħtu li kienet iġġiblu l-kotba, studja sew il-Bibbja u l-filosofija.

 

Meta tawh il-liberta’ fl-1245, reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani, u s-Superjuri bagħtuh Cologne, il-Ġermanja, jistudja taħt San Albertu l-Kbir.

 

Wera intelliġenza u għerf kbar.  Fl-1251, ta’ 26 sena, sar saċerdot, u fil-1252, mar jgħallem fl-Universita’ ta’ Pariġi.

 

Fl-1266, beda jikteb is-Summa Theologica, iżda waqaf ħesrem fis-6 ta’ Diċembru 1273, meta kellu esperjenza profonda waqt li kien qed jitlob wara li qaddes.  Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien waqaf, wieġeb: ”Dak kollu li ktibt jidher qisu tiben ħdejn dak li ġie rrelevat lili”.

 

Kellu mħabba kbira lejn Ġesù Ewkaristija.  Kiteb ħafna innijiet, fosthom it-Tantum Ergo u O Salutaris Hostia.

 

Darba kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss u sama’:  ”Ktibt tajjeb fuqi, Tumas.  Xi trid bħala rigal?”  San Tumas wieġeb: ”Xejn ħlief lilek, Mulej!”

 

Miet fis-7 ta’ Marzu 1274, ta’ 49 sena, wara li rċieva l-vjatku, meta kien fi triqtu biex fuq talba tal-Papa Girgor X jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lyons.

 

Talba

Infaħħruk Mulej, u nirringrazzjawk ta’ l-intellett li bih Int għoġbok iżżejjen il-bniedem.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

31 TA’ JANNAR

 

SAN ĠWANN BOSCO

Saċerdot:  1815 – 1888

 

San Ġwann Bosco, wieħed mill-akbar ħbieb taż-żgħażagħ, twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira.  Biex tkompli tagħqad, ta’ sentejn tilef lil missieru, iżda ommu, minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

 

Meta kellu sittax-il sena daħal il-Liċeo ta’ Chieri.  Minkejja l-istudju li kellu, kien isib ħin biex jiġbed it-tfal tar-raħal tiegħu lejh, saħansitra kien jagħmlilhom kummiedji u bużullotti, biex wara, imbagħad jeħodhom il-knisja u jkellimhom fuq ù.

 

Sa minn ċkunitu kellu f’rasu li jris isir qassis, u meta kellu għoxrin sena daħal is-Seminarju.

 

Meta ġie ordnat saċerdot fl-1841, ta’ 26 sena, intefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-edukazzjoni ċivili u morali taż-żgħażagħ.  Fetaħ dar għat-tfal subien, u ommu kienet tgħinu billi teħodlu ħsieb id-dar, u baqgħet miegħu l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha.

 

Fl-1856, in-numru ta’ tfal subien li hu kien qed jieħu ħsieb laħaq it-800 u kien qiegħed dejjem jiżdied.  Fl-1859, bil-għajnuna ta’ xi qassisin li kienu qed jgħinuh fil-ħidma tiegħu, waqqaf is-Soċjeta’ tas-Salesjani.  Jissejħu  mill-isem tal-Qaddis Protettur tagħhom San Franġisk ta’ Sales.

 

Fl-1872, bil-għajnuna ta’ Santa Marija Domenika Mazzarella, waqqaf ukoll il-Komunita’ tas-Sorijiet Salesjani biex jieħdu ħsieb it-tfajliet.

 

Lil sħabu kien jgħidilhom: “Qisu liż-żgħażagħ bħala wliedkom.  Titilfux il-paċenzja magħhom.  Ixbħu lil Ġesù li ħa tant paċenzja bl-appostli, bin-nuqqas ta’ manjieri tagħhom, bl-injoranza tagħhom, u wkoll bl-infedelta’ tagħhom.  Hu tħallat mal-midinbin b’tant ħlewwa li għaġġeb lil xi wħud.”

 

Don Bosco ma kienx biss il-qaddis tat-tfal.  Kien ukoll kittieb, infatti kiteb ħafna kotba saħansitra “text books” ta’ l-iskola u l-istorja ta’ l-Italja.  Kien ukoll imfittex għall-pariri u ġie kkonsultat minn Papiet, mexxejja ta’ l-istat, Ministri tal-Gvern, eċċ.  Kien ukoll medjatur bejn is-Santa Sede u l-Istat fi żmenijiet diffiċli.  Kien bniedem ta’ diplomazija kbira, organizzatur mill-aħjar, u mexxej mill-aqwa.

 

Is-Salesjani tant kibru malajr li kellhom 250 dar imxerrdin mad-dinja b’aktar minn 130,000 tifel li minnhom kienu joħorġu mat-18,000 apprentist fis-sena, u kienu ġa taw 2,500 vokazzjoni saċerdotali qabel ma Dun Bosco miet fil-31 ta’ Jannar 1880, fl-eta’ ta’ 72 sena.

 

B’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu.

 

Ħsieb

F’ċirkostanzi diffiċli, iżjed jaqbel li nirrikorru għall-għajnuna t’Alla milli ninfexxu f’ħafna tpaċpiċ li jweġġa’ lil min jisimgħu, u li ma jagħmel l-ebda ġid lil min ikun ħati. 

(San Ġwann Bosco)