QADDISIN GĦAL FRAR

 

2 TA’ FRAR

IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

 

llum, jaħbat l-erbgħin jum wara l-Milied, u l-Knisja tfakkarna fil-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u fil-Purifikazzjoni tal-Verġni Marija.

 

Erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, il-Madonna u San Ġużepp marru fit-tempju biex jagħmlu ċerimonja reliġjuża li kienet preskritta fil-Liġi ta’ Mose’, biex joffru t-tarbija tagħhom bħala l-ewwel wild lil Alla..  Ilo-għan ta’ din iċ-ċerimonja kien biex il-Lhud jifhmu li l-ulied ta’ Alla, afdati f’idejn il-ġenituri li flok Alla kellhom jieħdu ħsiebhom.

 

Il-Liġi kienet tgħid ukoll li l-għonja kellhom joffru ħaruf u ħamiema bħala offerta; fil-waqt li l-foqra joffru par gamiem jew żewġ bċieċen.  Din ta’ l-aħħar kienet l-offerta tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, għax kienu fqar. (Lq. 2:22)

 

Xmun, xwejjaħ li kien fit-tempju, ħa t-tarbija f’idejh u mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, għarfu bħala l-Messija Mwiegħed.  U wara l-preżentazzjoni, sakemm kien qed jitkellem mal-ġenituri, daħlet il-Profetessa Anna, u hi wkoll għarfet fit-tarbija l-Messija li kien wasal.

 

Din il-festa tissejjaħ ukoll ”il-Gandlora”, għax minħabba l-kliem li bih Xmun sejjaħ lil Ġesù: ”Dawl biex idawwal il-ġnus” (Lq. 2:32), kienet daħlet drawwa fil-Knisja li jitbierku u jinxtegħlu x-xemgħat.

 

Il-Knisja tagħmel din il-festa mhux biss biex tfakkarna f’din il-ġrajja, iżda wkoll biex tħajjarna nerġgħu inġeddu l-offerta tagħna nfusna lil Alla.

 

Fir-Rużarju wkoll meta naslu fir-raba’ misteru tal-Ferħ, nieqfu naħsbu għal ftit fuq dan l-episodju.

 

L-għada, u jekk l-għada jaħbat il-Ħadd, it-Tnejn, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, issir Quddiesa mill-Arċisqof, u rappreżentanti minn kull parroċċa ta’ Malta jagħmlu offerta li tmur għall-istituti tal-karita’.

 

Ħsieb

Alla jilqa’ l-offerta tagħna nfusna, minkejja l-miżerja tagħna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3 TA’ FRAR

 

SAN BJAĠJU (BLAS)

Isqof u Martri:  ? – 316

 

Aktarx li San Bjaġju qabel ma sar qassis, kien tabib.  Wara sar Isqof ta’ Sebaste, fl-Armenja.

 

Għalkemm l-Editt ta’ Milan, ta’ l-Imperatur Kostantinu l-Kbir, kien ilu ħames snin li sar, Liċinju li kien l-Imperatur tal-Lvant, baqa’ jippersegwita lill-Insara.

 

Tradizzjoni tgħid li fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Liċinju, San Baġju mar jgħix f’għar bħala eremit.  Xi kaċċaturi ltaqgħu miegħu, u qabduh bil-ħsieb li jagħtuh f’idejn l-Awtorita’.  Fit-triq iltaqgħu ma mara li kellha binha qed jifga mħabba xewka li kienet weħlitlu fi griżmejh.  San Bjaġju talab fuqu u fejqu.

 

Fuq ordni ta’ Agrikolaw, Gvernatur ta’ Kappadoċja, San Bjaġju ġie arrestat, itturmentat, u maqtul fis-sena 316.

 

Bħal-lum, f’xi parroċċi hemm l-użanza li jsir it-tberik tal-griżmejn.

 

 

 

Talba

Mulej, eħlisna nitolbuk, mhux biss mill-mard tal-griżmejn, imma minn kull deni, tar-ruħ u tal-ġisem.

 

 

 

 

 

 

3 TA’ FRAR

 

SAN ANSGARJU (OSCAR)

Isqof:  801 – 865

 

San Ansgarju, appostlu tad-Danimarka u ta’ l-Isvezja, twieled fis-sena 801, f’Amiens, Franza, għand familja nobbli.

 

Ġie edukat mill-patrijiet benedittini fil-monasteru ta’ Corbie l-Qadim, f’Picardy, Franza, u wara sar patri fl-istess monasteru.

 

Fis-sena 826, mar id-Danimarka bħala missjunarju, iżda ftit li xejn kellu suess.  Waara tliet snin, fuq stedina tar-Re Bjorn, mar lIsvezja, fejn irnexxielu jikkonverti xi ftit nies, u bena l-ewwel knisja nisranija.

 

F’inqas minn sentejn, fis-sena 832, ġie msejjaħ biex ikun l-Abbati tal-Monasteru ta’ Corbie l-Ġdida, f’Westphalia, il-Ġermanja, u l-Isqof ta’ Umburgo (Hamburg).

 

Wara tlettax-il sena bħala Isqof ta’ Umburgo, fis-sena 845, kellu x-xorti ħażina li jara n-Normanni jinvadu u jħarbtu l-pajjiż, u minħabba fihom ukoll, id-Danimarka u l-Isvezja reġgħu qalbu għall-paganiżmu.

 

Fis-sena 848, ġie maħtur Arċisqof ta’ Brema, l-Ġermanja, u sitt snin wara, fis-sena 854, flimkien ma grupp ta’ missjunarji, reġa’ mar id-Danimarka.  Irnexxielu jikkonverti lir-Re Erik ta’ Jutland, u wara lir-Re Olaf ta’ l-Isvezja.

 

Miet fil-paċi fi Bremen fis-sena 865, u ġie midfun fil-Katidral tal-Belt.

 

Wara l-mewt tiegħu, l-Isvezja reġgħet saret pagana u baqgħet hekk għal żewġ sekli, sakemm reġgħu marru hemm missjunarji oħra.

 

Talba

Mulej Alla li tista’ kollox, agħmel li l-fidi nisranija tibqa’ dejjem tissaħħah fil-pajjiżi ta’ l-Iskandinavja fejn San Ansgarju ħadem b’ħeġġa mill-ikbar.

 

 

 

 

 

 

5 TA’ FRAR

 

SANTA AGATA

Verġni u Martri:  ? – 251

 

Din il-Qaddisa żagħżugħa ta’ l-ewwel żmenijiet, bħala Santa Anjeże, storikament ftit li xejn nafu fuqha.  Nafu fi żgur li ħadet il-martirju fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Deċju, fi Sqallija.

 

Skond tradizzjoni, hi twieldet għand familja sinjura ħafna f’Katanja.  Meta tfarfret, Kwinzjanu, Konslu ta’ Ruma, li kien prefett fi Sqallija, ried jiżżewwiġha, iżda hi ma rieditx, u qaltlu li kienet għarusa lil Ġesù u riedet tibqa’ tiegħu u tiegħu biss.  Biex ibeżżagħha u jġegħilha ċċedi għax xewqa tiegħu, inqeda bl-Editt kontra l-Insara, u ħadha quddiem l-Awtorita’.  Bagħtuha f’dar tal-prostituzzjoni biex idawrulha fehmitha, u ttorturawha li saħansitra qatgħula sidirha, iżda hi baqgħet soda fl-imħabba tagħha lejn Ġesù, sakemm ġisimha ma felaħx għat-torturi u mietet, fis-sena 251.

 

Santa Agata hi waħda mill-Patruni ta’ Malta li missierijietna emmnu li ħelsithom mit-theddid tal-Musulmani.

 

L-isem ta’ Santa Agata (li jfisser “twajba”) jissemma fl-ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

 

Talba

Maħbub Ġesù, inti tara qalbi, inti taf ix-xewqat tiegħi.  Agħmilni tiegħek.  Tiegħek biss irrid inkun.

 

 

 

 

 

 

 

6 TA’ FRAR

 

SAN PAWL MIKI U SĦABU

Martri:  1562 – 1597

 

Nagasaki hija dik il-belt fil-Ġappun magħrufa mad-dinja kollha li fuqha splodiet it-tieni bomba atomika li qerdet mijiet ta’ eluf ta’ nies.

 

Fl-istess belt, tliet sekli u nofs qabel, kienu mietu sitta u għoxrin martri tar-Reliġjon Kattolika, fosthom tliet Ġiżwiti Ġappuniżi:  l-Iskolastiku Pawlu Miki ta’ 33 sena, u ż-żewġ Fratelli, Ġwanni Soam ta’ 19-il sena, u Diegu (Ġakbu) Kisai ta’ 64 sena; sitt Franġiskani li erbgħa minnhom kienu Spanjoli: il-Patrijiet Pietru Battista, Martin de Aguirre u Franġisku Blanco, u l-Fratell Franġisku ta’ San Mikiel; Messikan;: il-Kjeriku Filippu de las Casas; u Indjan: il-Fratell Gunsalv Garcia; is-sbatax l-oħra kienu lajċi ġappuniżi, fosthom tnejn ta’ ħmistax –il sena u ieħor ta’ tnax.  Dawn ġew arrestati u maqtulin għas sempliċi raġuni li kienu Nsara.  Riduhom jiċħdu l-Fidi u meta baqgħu sodi fi mħabbithom lejn Ġesù ġew imsallbin, u wara maqtulin wieħed wieħed bid-daqqiet tal-lanza, fil-5 ta’ Frar 1597.  Ġew ikkanonizzati fl-1627.

 

Qabel miet, Pawlu Miki qal: ” Is-sentenza li għaliha ser jotluni hi li jien Nisrani, u xerridt l-imħabba lejn Ġesù.  Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, naħfer il-persekuturi tiegħi.  Nitlob ’l Alla jkollu ħniena minnhom u nittama li demmi jnissel il-frott fost ħuti l-Ġappuniżi”.

 

Mit-tnissil tal-Fidi Nisranija fil-Ġappun minn San Franġisk Saverju fl-1549, sa kważi żewġ sekli wara, madwar 4,000 Ġappuniż mietu martri.  Fl-1587 kien hemm aktar minn 200,000 Nisrani.

 

Meta fid-dsatax-il seklu, il-missjunarji kellhom il-liberta’ li jirritornaw il-Ġappun sabu eluf ta’ nies li kienu baqgħu Insara bil-moħbi.

 

Ħsieb

L-eżempju ta’ dawn il-Ġappuniżi li sofrew daqstant għall-imħabba tagħhom lejn Ġesù, għandu jistimulana biex akkost ta’ kull sagrifiċċju naraw lil Ġesù iktar magħruf u maħbub.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

6 TA’ FRAR

 

SAN ĠIROLMU EMILIANI

Saċerdot:  1481 – 1537

 

San Ġirolmu twieled f’Venezja, l-Italja, fl-1481.  Meta kien għadu tifel, tilef lil missieru.  Ta’ ħmistax il-sena telaq mid-dar, u ma damx ma daħal suldat, fejn ittraskura u sar indifferenti għar-Reliġjon.

 

Xi għaxar snin wara, meta kellu 25 sena, waqa’ priġunier.  Kif sab ruħu fiċ-ċella beda jirrifletti fuq ħajtu.  Baqa’ sa ma ddeċieda li jekk jirnexxielu jaħrab, ibiddel ħajtu.

 

Fil-fatt ħarab mill-ħabs, u tassew biddel ħajtu, u xtaq isir qassis.  Waqt li kien jistudja kien ukoll isib ħin iżur il-morda, u jgħallem ir-reliġjon lit-tfal iltiema.

 

Fl-1518, meta kellu 37 sena sar qassis, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jieħu ħsieb it-tfal u jedukahom speċjalment lil dawk li kienu orfni jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom.  Meta fl-1528 faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Venezja, ħa f’idejh l-isptar li kien twaqqaf minn San Gejtanu, u kont issibu kullimkien jgħin u jfarraġ.

 

Iżda l-iltiema kienu saru l-mimmi t’għajnejh.  Kera dar għalihom u bl-għajnuna ta’ xi sekulari kien jieħu ħsiebhom għal kollox u jrabbihom hu.  Fl-1531, mar Verona u hemmhekk bena sptar ieħor.  Mar Brescia u bena orfanatrofju.  Minn hemm mar Bergamo fejn bena żewġt orfanatrofji, wieħed ghas-subien u l-ieħor għall-bniet, u hawn fetaħ ukoll dar għan-nisa u x-xebbiet li jkunu għaddejjin minn perjodu ħażin f’ħajjithom.

 

Fl-1532, waqqaf Kongregazzjoni li l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb l-iltiema, il-morda u l-foqra.  Il-membri tagħha kienu saċerdoti, li ġew imsejħin Somaski għax id-dar ċentrali tal-Kongregazzjoni kienet f’raħal żgħir, qrib Milan, jismu Somaska.

 

San Ġirolmu kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem ir-Reliġjon lit-tfal bil-Katekiżmu, f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

 

Miet fit-8 ta’ Frar 1537, fl-eta’ ta’ 56 sena, wara li kien ittieħed b’marda waqt li kien qed idur bil-morda.

 

San Ġirolmu huwa l-Patrun ta’ l-orfni u t-tfal abbandunati.

 

Ħsieb

Nifhem n-neċessita’ li ngħinu bil-mezzi li għandna lill-istituti tal-Karita’. 

Qegħdin ngħinu?

 

 

 

 

 

 

 

 

9 TA’ FRAR

 

SANTA SKOLASTIKA

Verġni:  480 – 547

 

Santa skolastika twieldet fis-sena 480.  Kienet tiġi oħt San enedittu u x’aktarx tewmija miegħu.

 

Meta San Benedittu mar Monte Cassino fejn bena l-monasteru famuż tiegħu, Santa Skolastika marret marret toqgħod xi ħames mili ‘l bogħod minnu, f’Plombariola, u hemm waqqfet monasteru għas-sorijiet li josservaw ir-Regola ta’ San Benedittu.

 

Kienet tmur tiltaqa’ ma’ ħuha darba fis-sena ftit qabel ir-Randan, biex jiddiskutu ħwejjeġ spiritwali u jitolbu flimkien.  Billi ma kinetx tista’ tidħol fil-monasteru tiegħu, hu flimkien ma xi patrijiet kien imur jiltaqa’ magħha f’dar fil-qrib.

 

L-aħħar darba li ltaqgħu, Santa Skolastika kienet ħasset li ma kinetx ser iddum ħajja, għalhekk talbitu biex jgħaddu l-lejl jitolbu flimkien.  Imma hu ma riedx jikser ir-regola tal-monasteru li kien ghu stess, u jqatta’ l-lejl barra mill-monasteru.  Ġara li qamet tempesta qalila u San Benedittu ma setax joħroġ mid-dar, u hekk kellu jibqa’ d-dar ma’ oħtu.

 

Santa Skolastika qaltlu: “Tlabtek faħur u int  ċħadthuli; tlabtu lil Alla u Hu tahuli.”  San Girgor il-Kbir jikkommenta: “Il-Liġi ta’ l-Imħabba rebħet fuq il-Liġi tal-ġustizzja u d-dixxiplina.”

 

Tlitt ijiem wara, Santa Skolastika mietet fl-eta’ ta’ 67 sena, u San Benedittu ra ‘l ruħha bħal ħamiema tittajjar lejn is-sema.

 

San Benedittu difinha fil-qabar li kien ħejja għalih innifsu, u meta miet hu, ġie midfun ħdejha.  Hekk it-tewmin reġgħu ngħaqdu wara li waqqfu ż-żewġ friegħi ta’ dak l-Ordni kbir li baqa’ jiffjorixxi għal erbatax-il seklu, u n-numru ta’ Qaddisin li ta lill-Knisja jlaħħaq iktar minn 5,000.

 

F’Malta għandna żewġ monasteri tas-Sorijiet Benedittini: wieħed fl-Imdina u l-ieħor il-Birgu.

 

Fil-Kalendarju Universali t-tifkira ta’ Santa Skolastika ssir fl-10 ta’ Frar, iżda f’Malta billi dakinhar niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, issir fil-jum ta’ qabel.

 

Talba

Mulej, il-bnedmin, ukoll jekk ikunu l-għeżież tagħna, jistgħu jonqsuna; iżda int ma tonqosna qatt.

 

 

 

 

 

 

 

 

10 TA’ FRAR

 

SAN PAWL: PATRUN TA’ MALTA

Appostlu:  L-Ewwel Seklu

 

Illum fil-gżejjer tagħna, u kull fejn hemm il-Maltin, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl – Patrun ta’ Malta.

 

Fit-tieni lezzjoni tal-Quddiesa tal-lum, naqraw dik il-parti mill-Atti ta’ l-Appostli, fejn San Luqa jirrakkonta n-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta (Atti 27: 16-28). Dan, il-Knisja tagħmlu, mhux biss biex tirrakkontalna kif sar in-nawfraġju, u għalhekk kif San Pawl ġie fostna l-Maltin, iżda biex tfakkarna li permezz ta’ din il-ġrajja, Malta twieldet fi Kristu, Jum it-Twelid ta’ Malta Nisranija; u biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-grazzja kbira li ta lill Malta tagħna permezz ta’ San Pawl.

 

Din hi l-ikbar festa tagħna l-Maltin, bħala Maltin Insara.  Biha nuru kemm aħna kburin li nissejħu “Ulied San Pawl”.

 

Fis-sena 60, meta sar in-Nawfraġju, il-ftit eluf ta’ Maltin kienu pagani, jaduraw ix-xemx, il-qamar u allat foloz.  Kien San Pawl li tahom it-twemmin f’Alla Wieħed, Veru u Ħaj, u f’Ġesù Kristu Msallab, is-Salvatur tal-bnedmin.  Dan it-Twemmin, missirijietna għaddewh lilna bla mittiefes, minn ġenerazzjoni għal oħra.  Jalla aħna wkoll, bl-istess mod ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna.

 

Huwa tassew xieraq li aħna l-Maltin kull sena nfakkru l-ġrajja ta’ dan in-nawfraġju u fl-istess ħin nagħmlu festa solenni ‘l San Pawl bħala l-Missier tagħna l-Insara Maltin.

 

Ħsieb

Ngħożżu b’għożża l-iktar kbira l-Fidi li ksibna minn għand San Pawl, mhux biss individwalment, iżda wkoll li bħala nazzjon, bħala ġens.

 

 

 

 

 

 

 

 

11 TA’ FRAR

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TA’ LOURDES

 

Fil-11 ta’ Frar 1858, il-Madonna dehret għall-ewwel darba f’Lourdes, Franza, lil Bernardette Soubirous (1844-1879), tfajla ta’ erbatax-il sena.  B’kollox dehritilha tmintax-il darba, ġo għar, mill-11 ta’ Frar sas-16 ta’ Marzu, 1858.

 

Permezz ta’ dawn id-dehriet, il-Madonna tistieden il-midinbin għall-indiema u tqanqal fil-Knisja l-ħeġġa għat-talb u mħabba ikbar speċjalment fl-għajnuna lill-morda u lill-foqra.

 

Fid-19 ta’ Mejju 1866, fil-preżenza ta’ Bernardette, kienet saret l-ewwel quddiesa fil-kappella (Kripta), li 25 raġel, fosthom missierha, kienu ħadmu għal tliet xhur, lejl u nhar, jaqtgħu il-blat biex lestewha.  F’din il-knisja Ġesù Ewkaristija jkun espost minn filgħodu sa filgħaxija, għax il-fini tal-Madonna hu li permezz tagħha, il-bnedmin jersqu iktar qrib lejn Ġesù.  (Fuq il-lemin ta’ din il-knisja, taqsam it-triq, hemm il-Kappella kbira tar-Rikonċiljazzjoni fejn ikun hemm qrar b’ilsna differenti. 

Terġa’ fuq il-lemin ta’ din il-kappella hemm għolja li ma’ tulha hemm l-istazzjonijiet tal-Via Sacra bi statwi kbar tal-bronż).  Imbagħad inbniet il-Bażilika ta’ Fuq, li l-artal tagħha jiġi sewwa sew fuq l-għar fejn dehret il-Madonna.  Fl-1901 ġiet ikkonsagrata l-Bażilika tar-Rużarju.  Tissejjaħ hekk għax barra l-artal maġġur fiha ħmistax-il kappellun li jirrappreżentaw il-ħmistax-il misteru tar-rużarju.  Fil-25 ta’ Marzu 1958 infetħet il-Kappella ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X, li tesa’ 30,000 ruħ, biex meta jkun il-maltemp il-funzjonijiet isiru fiha.

 

Wieħed mill-messaġġi tal-Madonna kien li ngħidu r-Rużarju.

 

Meta Bernardette staqsiet lill-Madonna min kienet, il-Madonna weġbitha: ”Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”.

 

Talba

O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.

 

 

 

 

 

 

 

14 TA’ FRAR

 

SAN ĊIRILLU

Saċerdot:  827 - 869

 

SAN METODJU

Isqof:  826 – 885

 

San Ċirillu u San Metodju kienu aħwa minn Tessalonika (Salonika), il-Greċja.  San Ċirillu li kien xi sena iżgħar minn ħuh, kien jismu Kostantinu, u biddel ismu meta sar patri, ftit ġimgħat qabel miet.

 

Huwa studja l-Universita’ Imperjali ta’ Kostantinopli fejn fost l-għalliema kellu lill Fozju.

 

Metodju ħalla minn Gvernatur ta’ Kolonja Slava fil-Provinċja ta’ Opsikion, biex ordna saċerdot.

 

Fis-sena 861, fuq talba ta’ l-Imperatur tal-Lvant Mikiel III, iż-\ewġ aħwa marru jevanġelizzaw fl-inħawi li llum jagħmlu parti mir-Russja u l-Bulgarija u għamlu suċċess kbir għax kellhom ħafna u ħafna konverżjonijiet.

 

F’863, il-Prinċep Rotislav ta’ Moravja (fiċ-Ċekoslavakkja u l-Jugoslavja) talab biex jintbagħtu missjunarji Nsara  ħalli jxerrdu l-Kristjaneżmu f’pajjiżu.  Fozju li issa kien il-Patrijarka ta’ Kostantinopli reħa dan ix-xogħol f’idejn dawn iż-żewġ aħwa.  It-tnejn flimkien ippreparaw kotba liturġiċi u qalbu l-Iskrittura fi lsien il-poplu Slav, b’tipi li saru magħrufa bħala ”Ċirilliċi”.  Ċirillu kien ivvinta alfabet li għadu jiġi wżat sal-lum fil-liturġija Jugoslava, u minnu tnisslu l-alfabet Russu, Bulgaru u Serbjan.

 

Billi bdew jinqdew bl-ilsien Slav tal-poplu, ir-Re Lwiġi u l-isqfijiet Ġermaniżi bdew jarawhom koroh u bdew jagħmlulhom il-bsaten fir-roti.  Għalhekk Ċirillu u Metodju, fis-sena 869, marru Ruma biex jiddefendu ruħhom, u l-Papa Adrijanu II laqagħhom u approva x-xogħol tagħhom.  Ċirillu sar patri imma miet f’Ruma, fl-14 ta’ Frar 869.

 

Metodju ġie kkonsagrat isqof u mar ikompli jaħdem waħdu fil-missjoni ta’ Pannonja (Ungerija), u wara l-Papa ħatru Arċisqof ral-Moravja u tal-Pannonja u għamel is-sede tiegħu indipendenti mill-Ġermanja.

 

Miet fis-6 ta’ April 885, f’Velahard, Ċekoslovakkja.

 

Bil-priedki u bil-kitba tagħhom, San Ċirillu u San Metodju wasslu l-Kristjaniżmu fil-pajjiżi tal-Bulgarija, Jugoslavja, Ungerija, Ċekoslovakkja, u wkoll f’partijiet mill-Polonja u r-Russja.

 

Talba

Mulej, Alla li tista’ kollox, ibni l-Knisja tiegħek u saħħaħha dejjem f’għaqda waħda.

 

 

 

 

 

 

17 TA’ FRAR

 

IS-SEBA’ FUNDATURI TAS-SERVI TA’ MARIJA - Seklu Tlettax

 

Sebat irġiel sinjuri, tnejn minnhom miżżewġin, tnejn romol, u tliet ġuvintur, mill-belt kbira ta’ Firenze, l-Italja, kienu membri tal-Konfraternita tal-Verġni Marija, magħrufa bħala ”Laudesi” (dawk li jfaħħru), iddeidew li jħallu kollox, u jmorru jgħixu flimkien f’Monte Senario, ftit ’il bogħod minn Firenze, magħqudin fit-talb, u fis-servizz t’Alla b’devozzjoni speċjali lejn il-Madonna.

 

L-iktar xiħ fosthom kien Buonfiglio (1198-1262) li sar l-ewwel Superjur ta’ l-Ordni, Benedetto dell’Antella (1203-1268), Barolomeo Amidei (1204-1266), Ricovero Ugoccione (1206-1282), Gerardino Sostegni (1204-1282), Giovanni Buonagiunta Manetti (1206-1257), li wara lkoll saru saċerdoti, u Alessio Falconieri (1200-1310) li talab u qala’ li ma jordnax.

 

Bdew josservaw ir-regola ta’ San Wistin, taħt id-direzzjoni tal-Qaddis San Pietru ta’ Verona O.P.

 

Fl-1240, semmew il-komunita’ tagħhom ”Is-Servi ta’ Marija”, u bdew jiġu magħrufa bħala s-Serviti, u bdew jilbsu labitu jixbah lil tad-Dumnikani, iżda kollu iswed.

 

F’ħamsin sena, is-Serviti laħqu mal-10,000 membru, u kellhom mal-mitt monasteru mxerrdin mad-dinja.  Twaqqfu wkoll it-tieni Ordni għas-Sorijiet u t-tielet Ordni għal-Lajċi.

 

Is-seba’ Fundaturi jinsabu midfunin fl-istess qabar fil-monasteru ta’ Monte Senario.  L-aħħar wieħed li miet, u l-iktar wieħed li għex fosthom kien il-Fratell Alessju Falconieri, meta kellu 110 sena, fis-17 ta’ Frar 1310.  Is-seba’ ġew ikkanonizzati f’daqqa, fis-sena 1887.

 

Ħsieb

B’ħeġġa għandkom tfittxu li ssaħħu s-sejħa u l-għażla tagħkom; għax jekk tagħmlu hekk, ma titfixklu qatt.  U hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb tad-dħul fis-saltna ta’ dejjem ta’ Sidna u Salvatur tagħna Ġesù Kristu.  (2 Pt. 1:10).

 

 

 

 

 

 

 

 

21 TA’ FRAR

 

SAN PIETRU DAMIANI

Isqof u Duttur tal-Knisja:  1007 – 1072

 

San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007, għand familja numeruża u fqira ħafna.  Meta kien għadu ċkejken tilef lil missieru.

 

Sa minn tfulitu beda jaħdem, billi daħal ma wieħed ragħaj, u kien jirgħalu l-merħliet.

 

Ħuħ il-kbir, li kien miżżewweġ, ħadu miegħu, imma kien jittrattah ħażin. Imbagħad ħuh ieħor  li kien jismu Damian u kien sar Arċipriet ta’ Ravenna ħadu miegħu, rabbieh, u edukah.

 

Bħala rikonoxximent lejn dan ħuh, Pietru ħa ismu, u beda jissejjaħ Pietru Damiani.

 

Fl-1032 ta’ ħamsa u għoxrin sena laħaq professur.  Iżda l-ħajja tad-dinja ma għoġbitux.  Ried jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla, u fl-1035 ħalla l-karriera ta’ għalliem li kien qabad b’suċċess, u daħal mal-Benedittini fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, fuq il-muntanji Appennini.

 

Il-mortifikazzjonijiet u l-penitenzi li kien jagħmel kienu qed iħassrulu saħħtu, u s-Superjuri tiegħu meta ndunaw, biex ma jħalluhx ikompli jagħmilhom, talbuh jintefa’ fuq il-kitba u l-priedki, u biex jagħti l-irtiri.

 

Fl-1043, meta kellu 36 sena, ġie magħżul biex ikun Abbati ta’ Fonte Avellana, u fl-1057, il-Papa Stiefnu IX, ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia.

 

Ħadem ħafna għall-Knisja, speċjalment bil-kitba, u billi għamel missjonijiet diplomatiċi li wħud minnhom kienu tassew diffiċli, għal seba’ Papiet, bħala Delegat tagħhom.

 

Fl-aħħar, il-Papa Alessandru II, tah permess imur jgħix kif xtaq, fis-solitudni tal-monasteru ta’ Fonte Avellana.  Iżda wkoll minn hemm għamilha ta’ Delegat tal-Papa f’missjonijiet tqal oħra.  Darba fi triqtu lura minn Ravenna fejn kien mar b’Missjoni, marad sew u kellu jirtira fil-monasteru ta’ Santa Maria Vecchia f’Faenza, fejn miet fit-22 ta’ Frar 1072.  Fuq qabru, hemm il-kliem li hu stess kiteb: ” Dak li int, jien kont.  Dak li jien, int għad tkun.”

 

Fl-1828, ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja.

 

Ħsieb

Tħallix li l-qtigħ ta qalb jagħmel bik, toqgħodx tgemgem u titlewwem, tkunx qalbek sewda u mdejjaq, u qis li n-nuqqas ta’ kuraġġ ma jtelliflekx sabrek; imma kun dejjem wiċċek għad-dawl, spirtu ferħan, u fommok mimli bir-radd ta’ ħajr.

(San Pietru Damiani)

 

 

 

 

 

 

22 TA’ FRAR

 

IL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

 

X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

 

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli ta’ l-avorju.  Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

 

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiħi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

 

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San ietru, simbolu ta’ l-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-nisja mal-Papa suċċessur ta’ l-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

 

 

 

Talba

Mulej, int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqsux; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedelta’ tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

23 TA’ FRAR

 

SAN POLIKARPU

Isqof u Martri:  59 – 155

 

San Polikarpu kien żgħażugħ meta ġie mgħammed minn San Ġwann l-Evanġelista u sar dixxiplu tiegħu f’madwar is-sena 80.

 

Meta kellu 37 sena, ġie kkonsagrat Isqof ta’ Smirna, minn San Ġwann stess, probabbilment qabel ma kien eżiljat f’Patmos, fis-sena 96.

 

Waħda mill-avvenimenti kbar f’ħajtu, kienet li f’madwar is-sena 155, meta kellu iktar minn 96 sena, ftit qabel ma miet, mar Ruma biex f’isem il-Knisja tal-Lvant jiddiskuti mal-Papa San Aniċetu, it-twaqqif tal-jum tal-festa ta’ l-Għid il-Kbir, u ddeċidew li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-Għid għal rashom, skond l-użanzi rispettivi tagħhom.

 

Fil-persekuzzjoni ta’ żmien l-Imperatur Antoninu, San Polikarpu kien miġjub quddiem Kwadratu li kien Prokonslu ta’ l-Asja, u kkundannah għall-mewt billi jaħarquh.

 

Meta ġie mitlub biex jiċħad lil Ġesù, wieġeb: ”Jien ili 86 sena li sirt nafu, ħabbejtu u servejtu, u Hu qatt ma naqasni.  Kif nista’ niċħdu issa!”

 

Il-mewt tiegħu ġrat billi ħarquh fl-istadju tal-belt nhar is-Sibt filgħodu tat-23 ta’ Frar 155.

 

Talba

Mulej Allali tista’ kollox, Missier ta’ Ġesù Kristu, Ibnek il-għażiż, li għarrafna min int, Alla ta’ l-Anġli u tal-ħlejjaq kollha u tal-Qaddisin kollha li jgħixu quddiemek.  Imbierek Mulej, talli ħallejtni llum f’din is-siegħa nixrob mill-kalċi ta’ Kristu Ibnek, biex bl-Ispirtu s-Santu nikseb il-qawmien tar-ruħ u l-ġisem għall-ħajja eterna.

(San Polikarpu ftit tal-ħin qabel ma ħarquh)