Laikos

 

BIDU TAR-RABA’ SESSJONI TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

ALLOKUZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI
Fest
a tas-Salib Imqaddes
It-Tlieta, 14 ta’ Settembru, 1965

Meqjumin ħuti!

Hu pjaċir tagħna li f’isem il-Mulej niddikjaraw miftuħa dir-raba’ Sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Ħa jogħla lejn Alla Missier tagħna li jista’ kollox, lejn Ġesù Kristu Ibnu u Salvatur tagħna, lejn l-Ispirtu s-Santu Paraklitu, li jagħti l-ħajja u jmexxi l-Knisja Mqaddsa, it-tifħir u r-radd il-ħajr, talli aħna wasalna bil-ferħ għal din il-laqgħa aħħarija ta’ dan is-Sinodu mqaddes, bil-fehma sħiħa u f’għaqda bejnietna b’rieda devota u soda fil-Kelma divina, bi fraternità u armonija profonda mal-fidi kattolika, bl-istudju ħieles u ħerqan tal-bosta kwistjonijiet li jolqtu r-reliġjon tagħna u speċjalment in-natura u l-missjoni tal-Knisja t’Alla, bix-xewqa u l-kunsens ta’ kulħadd li jkollna rabtiet aktar perfetti ta’ komunjoni ma’ ħutna l-insara li għadhom mifrudin minna, bl-għan kordjali li nwasslu lid-dinja messaġġ ta’ ħbiberija u salvazzjoni, b’fiduċja umli u soda li niksbu mingħand il-ħniena divina dawk il-grazzji meħtieġa biex inġibu fit-tmiem b’dedikazzjoni ta’ mħabba u ġeneruża l-missjoni pastorali tagħna, minkejja li m’aħniex denji.

Dal-Konċilju hu xi ħaġa kbira!  Jalla l-ispirtu tagħna jistaħja minn diċ-ċelebrazzjoni tant solenni u ordinata tal-għaqda tal-Knisja li tidher, imma aktar u aktar fil-fond tal-qlub għax sirna nafu lil xulxin u għall-konversazzjoni fi spirtu ta’ talb, li taħseb, ta’ djalogu u fl-aħħar maqbula,  li hawnhekk aħna  għexna bil-ferħ u stqarrejna, ħerqana u hienja li qed inkunu mera u qed inseddqu dik l-għaqda mistika li Kristu ħalla lill-appostli tiegħu bħala wirt mill-aktar prezzjuż u awtentiku, u bħala eżortazzjoni suprema!   Ħalli nibqgħu nifirħu għax tul din iċ-ċelebrazzjoni mill-aktar unika, diġà għal tliet darbiet, u r-raba’ li se tibda issa, b’ritmu annwali regolari, f’dil-bażilika, qaddisa fil-fakra tal-Appostlu Pietru, il-Ġerarkija kattolika stqarret, awtentikat u fissret ċar ir-rabtiet ta’ għaqda solidali u univoka, li bosta differenzi li jinbtu mill-oriġini umani tagħna u l-firdiet li diffiċli tegħlibhom, li jifirdu l-bnedmin bejniethom, iġagħluk taħseb li huma impossibbli, iżda minflok, quddiemna u permezz tagħna, hi realtà hienja, misterjuża u realtà kattolika effettiva.

Jiġuna f’moħħna kliem l-eminenti duttur, predeċessur antik u qaddis tagħna, Ljun il-Kbir: “Meta nara din il-miġemgħa kbira, meraviljuża ta’ ħuti fis-saċerdozju, jidhirli li fost tant qaddisin aħna ninsabu f’assemblea anġelika!” (Sermo 1 – De Anniversario).

Ħa tifraħ flimkien magħna l-Knisja kollha, li tagħha hawn aħna r-Rgħajja u rappreżentanti, li taf u tħossha miġbura magħna f’armonija spiritwali sħiħa, li tirfidha u, jekk tkun tishar thenniha.

Dal Konċilju hu ħaġa kbira! Bis-saħħa tal-laqgħat regolari, li jnaqqsu xi ftit l-impressjoni tan-novitajiet ta’ dil-laqgħa storika, qatt m’għandha tonqsilha l-attenzjoni u qatt m’għandha tkun anqas ta’ stagħġib il-konsiderazzjoni li aħna qed nagħtu lil dan l-avveniment li qed niċċelebraw, imma pjuttost l-istess drawwa, ġenerata mill-intensità ta’ dawn il-laqgħat, tagħmilna lkoll addattati u aktar qaddisa biex nesploraw it-tifsira misterjuża, kbira u kumplessa tiegħu.  Din is-siegħa solenni m’għandhiex tgħaddi minn quddiemna qiesu li ma ndunajniex biha: din l-esperjenza unika m’għandhiex tkun bħal kull ġrajja noramli oħra, li biha tintiseġ ix-xibka tal-ġrajjiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum; il-preżenza tagħna lkoll flimkien, li qed tlaqqgħana hawn – oh! Niftakruha! – mhix li qed nieħdu sehem fiha aħna biss għax magħna hemm dak Kristu, li aħna miġburin hawn f’ismu (cfr Mt 18, 20) u li l-għajnuna tiegħu dejjem takkumpanja l-mixja tagħna fiż-żmien (cfr Mt 28, 20).

Dan id-dmir li din l-aħħar fażi tal-Konċilju ngħixuha bis-sħiħ, hi responsabbiltà għalina, responsabbiltà li aħna lkoll għandna nkejlu fil-qiegħ ta’ qalbna, u li lkoll għandna nfasslu fuqha atteġġjamenti morali u spiritwali!  Oh!  Ħuti, m’għandniex inħossuna mnikktin li qabel il-ħidma kbira li qed tistenniena, inqiegħdu dan il-waqt ta’ riflessjoni biex l-ispirti tagħna jkunu,mħejjija ħalli jwettqu, kif hu xieraq, it-twaħħid tal-missjoni divina u misterjuża flimkien ma’ tagħna’, twaħħid illi dejjem jaħdem bis-saltna tal-grazzja, imma b’forma u qies notevoli f’dak li għandu x’jaqsam mad-destin tal-Knisja mqaddsa, kif jiġri appuntu, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Konċilju: infatti hawnhekk aħna nistgħu napplikaw għalina nfusna is-sentenza ta’ San Pawl: “Dei enim sumus auditores” (Aħna ħaddiema ma’ Alla) (1 Kor 3, 9), mhux għax nistgħu nimmaġinaw li l-opra t’Alla aħna nistgħu nagħmluha effikaċi, imma għax nittamaw li l-ħidma umli u ħawtiela tagħna tiskeb enerġija u mertu minn dik divina.  Nafu tajjeb li fl-aħħar lil din l-assemblea se jingħatalha d-dritt li tiddikjara ruħha bil-kliem formidabbli, qaddis u appostoliku: “Visum est....Spiritui Sancto et nobis” (Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna...) (Atti 15, 28).  Għalhekk jeħtieġ li aħna nużaw kull għamla ta’ studju sabiex jingħtalna li l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu tirfed lil tagħna u ddawwalha, isseddaqha u tqaddisha. U dan hu l-istudju li nafu bih.  Fil-Ktieb tal-Apokalissi għal seba’ darbiet, il-messaġġ appostoliku (2, 7-3, 22) jwissi lir-Rgħajja – isejħilhom Anġli – tal-Knejjes tal-bidu: “Qui habet aurem, audiat quid Spiritus dicat ecclesiis” (Min għandu widnejn għandu jisma’ dak li l-Ispirtu jgħid lill-Knejjes).  Nisimgħu, li nisimgħu il-leħen misterjuz tal-Parakltiu għandu jkun l-ewwel dmir tagħna fil-jiem li ġejjin u wara d-dawl li se jtemm dil-laqgħa konċiljari; inħallu lill-Ispirtu jsawwab fi qlubna din il-karità, li ssir għerf, dik ir-rettitudni, jiġifieri l-ġudizzju msejjes fuq l-għola razzjonal tad-dehen, li minnu jasal għand Alla mnejn irċieva d-don misterjuz, il-moħħ uman, u f’kull ħsieb, kull azzjoni, isir imħabba, isir karità.  Il-karità li ġejja minn Alla, li mill-bniedem terġa’ lura għand Alla.

Dal-proċess ta’ karità għandu jkun il-karatteristika tat-tmien ta’ dan is-Sinodu ekumeniku.  Aħna għandu jkollna ħila ntemmuh biex lil dan il-waqt vitali tal-Knisja ntuh l-għola tifsira u l-valur l-aktar effiċjenti.  Mill-karità għandna niksbu l-istimolu u l-gwida li tmexxina lejn il-verità, li hawn hi l-għan tagħna li noħorġu għad-dawl, u lejn il-proponimenti li rridu nistabbilixxu hawnhekk; verità u proponimenti li, imħabbrin minn dal-Konċilju, minnu nnifsu organu tal-għola  awtorità pastorali mimlija mħabba, ma jistgħux ma jkunux jesprimu l-karità.  Għaldaqstant l-imħabba tmexxina lejn din it-tfittxija tal-verità, kemm dottrinali kif ukoll normattiva, aħna u niftakru l-kliem għaref ta’ Santu Wistin: “Ebda ħaġa tajba ma taf lilha nfisha perfettament, dment li mhix maħbuba perfettament” (De diversis quaest. 83 – P.L. 40, 24). U lanqas tidher tant iebsa li lil dal-Konċilju ekumeniku tagħna ntuh il-karatteristika ta’att ta’ mħabba; ta’ att ta’ mħabba kbir u tripplu: lejn Alla, lejn il-Knisja, lejn l-umanità.

1.               Inħarsu l-ewwel lejn nfusna, meqjumin ħuti.  Kif nistgħu niddefinixxu mod ieħor il-kundizzjoni, li fiha poġġiena l-Konċilju jekk mhux stat ta’ tensjoni, ta’ sforz spiritwali?  Dan is-Sinodu qatgħana mill-ħedla tar-rutina tal-ħajja ordinarja, reġa’ qajjem fina kuxjenza sħiħa dwar il-vokazzjoni tagħna u tal-missjoni tagħna, qanqal fina qawwiet mistura. Xegħel l-ispirtu tal-profezija fl-ispirtu tagħna, l-ispirtu tipiku tal-Knisja t’Alla; ħeġġeġ fina l-ħtieġa, id-dmir li nxandru l-fidi tagħna, li nfaħħru lil Alla, li niggranfaw ma’ Kristu, li nħabbru l-misteru tar-rivelazzjoni u tar-redednzjoni fid-dinja.  Forsi din mhix imħabba?  Imsejħin għad dan id-dibattitu, fejn qed nikkkuntemplaw id-dinja ta’ żmienna miksija biċ-ċpar tad-dubju u d-dlam tal-irreliġjożità, donnu li tlajna fl-isfera tad-dawl ta’ Alla; aħna stess soċi u aħwa tal-bnedmin li ngħixu fosthom, meta lħaqna dan il-livell spiritwali għoli, donnu li ħriġna ‘l barra minn din l-art, mill-kumplikazzjonijiet u l-irvina tagħha, u qed naraw ċar u sħun ix-xemx tal-ħajja – et vita erat lux hominum (u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin) (Ġw 1, 4) – aktar mill-kliem, bl-umiltà, b’mod filjali, bil-ferħ, bi spirtu ta’ verità, lejn il-Missier tagħna; u lejh nerfgħu, bil-kant u bid-dmugħ, it-tifħir tagħna għall-kobor tal-glorja tiegħu, li llum tidhrilna aktar ċara minħabba l-progress li bniedem għamel fl-għarfien tal-kożmu; ix-xorti tajba tagħna li wriena ismu, saltnatu, ir-rieda tiegħu; u wkoll li taffa t-tbatija li hawn fid-dinja, l-uġigħ, l-immanità tal-miżerji tagħna u tal-iżbalji qerrieda; iżda hawn inħossuna qawwija daqs qatt qabel minħabba ċ-ċertezza li għandna għax fina tidwi qawwa singolari li tfakkarna li aħna d-difensuri tal-ispirtu, aħna l-ħarriesa tad-destin uman, aħna l-interpreti tal-vera tama.  U forsi din mhux imħabba li fl-Iskrittura Mqaddsa għandha mnaqqxa formula straordinarja: “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha?” (1 Ġw 4, 16).  Infatti l-Konċilju jitniżżel fl-istorja tad-dinja ta’ żmienna bħala l-għola, l-aktar ċar u l-affermazzjoni umana ta’ reliġjon sublimi, li mhix ivvintata mill-bnedmin, imma rivelata minn Alla, li tikkonsisti f’relazzjoni mill-aktar għolja ta’ mħabba li Hu, il-Missier ineffabbli, permezz ta’ Kristu Ibnu Ħuna, waqqaf mal-umanità fl-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja.

2.               U hawn hu t-tieni waqt tal-karità tal-Konċilju tagħna.   Għaliex aħna u ngħidu dan, inħossu li m’aħniex waħedna.  Aħna poplu, il-Poplu t’Alla.  Aħna Knisja kattolika.  Soċjetà singolari, li tishar u spiritwali fl-istess ħin.  Il-Konċilju jġagħalna naraw aktar ċar li l-Knisja tagħna hi mwaqqfa fuq l-unità tal-fidi u l-universalità tal-imħabba.  It-tfittxija ta’ soċjalità perfetta u superjuri, li hi l-problema kaptitali tal-istorja u li donnhu m’hemmx soluzzjoni għaliha jekk niftakru fil-ġrajja eterna ta’ Babilonja li traġikament għadha tiddomina fi żmienna, fil-prinċipji tagħha għalina hi mtemma, anki jekk fil-fatt f’sens virtwali biss; u nafu li ma tistax tkun miċħuda s-soluzzjoni li qed nipproponu aħna, jiġifieri l-komunjoni li tgħaqqadna u li nipprietkaw, għax mhix imsejsa fuq kriterji ta’ idolatrija individwali jew idolatrija soċjali, imma fuq kollox, fuq prinċipju reliġjuż li ħadd ma jista’ jmeri: l-imħabba, l-imħabba lejn il-bniedem mhux għall-merti tiegħu jew għall-interessi tagħna, iżda għall-imħabba t’Alla.  U qatt qabel issa, sa minn meta l-Knisja li kienet għadha titwieled meta “kienu qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4, 32), il-Knisja ma affermat, għexet u gawdiet, talbet u xtaqet li sseħħ għal kollox l-għaqda effettivament integrata u mistika li jtiha Kristu, daqskemm fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dal-Konċilju.  Fil-kaos tal-ġrajjiet preżenti, fid-dawl ta’ taqlib li għad iseħħ fil-ġejjieni, fl-esperjenza deludenti tan-nuqqas ta’ qbil fost il-bnedmin li dejjem ifiġġ, u fil-mixja irreżistibbli tal-popli lejn l-għaqda ta’ bejniethom, kellna bżonn nikkonfermaw, kważi b’esperiment, l-għaqda, li tagħmilna lkoll familja u tempju t’Alla, ġisem mistiku ta’ Kristu; kien neħtieġ li niltaqgħu u nħossuna verament aħwa, li ngħatu l-bewsa tal-paċi lil xulxin, li nħobbu lil xulxin, f’kelma waħda, kif Kristu ħabb lilna.  U l-imħabba tagħna hawnhekk, diġà kellha u għad tħalli l-effetti li jagħtu karattru lil dal-Konċilju quddiem l-istorja t’issa u tal-ġejjieni. Dawn l-effetti xi darba għad ikunu ta’ fejda għall-istudjuż biex ifisser x’inhi l-Knisja f’dan il-waqt deċisiv u kritiku tal-eżistenza tagħha: jistaqsi “x’kienet qed tagħmel il-Knisja kattolika dak iż-żmien?”  It-tweġiba tkun “Kienet qed tħobb”.  Kienet qed tħobb b’qalb pastorali, dan jafu kulħadd,  anki jekk hu diffiċli ħafna tidħol fil-fond tal-għana ta’ din l-imħabba, li għal tlett darbiet qanqlet qalb Pietru niedem u mħeġġeġ (tiftakru? Ġesù jgħid  lil Pietru: Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar mill-oħrajn? – U hu jwieġeb: Iva, Mulej, inti taf li jien inħobbok.  U Ġesù jgħidlu: Irgħa n-nagħaġ tiegħi” Ġw 21, 15)!  Huwa l-mandat imnissel mill-imħabba lejn Kristu? Li tirgħa n-nagħaġ tiegħu, oh!, iva għadu jgħodd u dan hu l-għala ta’ dil-kattedra, li tinfirex u għadha tiswa u tagħti r-raġuni tal-għala tal-kattedri individwali tagħkom, venereabbli ħuti; u llum taffermah b’kuxjenza u b’qawwa ġdida; jgħid dan il-Konċilju: il-Knisja hi soċjetà msejsa fuq l-imħabba u mmexxijja mill-imħabba!  Jibqa’ jingħad li l-Knisja ta’ dal-Konċilju tagħna kienet tħobb b’qalb missjunarja.  Ilkoll nafu kif dan is-Sinodu Mqaddes qed jimponi fuq kull kattoliku tajjeb biex ikun appostlu, u kemm wassal b’qawwa l-għanijiet taż-żelu appostoliku lill-bnedmin kollha, lir-razez kollha u lin-nazzjonijiet kollha, lil klassijiet kollha: l-universalità tal-imħabba, wkoll meta tegħleb il-qawwiet li jippersegwitawha jew titlob minnha/minnu dedikazzjoni sħiħa u erojka, hawnhekk kellha, u se jibqa’ jkollha leħen solenni li jibqa’ għal dejjem.  Iva, ħabbet, u għadha tħobb, il-Knisja tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, b’qalb ekumenika, jiġifieri b’dirgħajn miftuħin beraħ, umilment, b’għożża, lill-aħwa nsara kollha li għadhom għorba għall-komunjoni perfetta ma’ dil-Knisja tagħna, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.  Jekk kien hemm nota ta’ niket li baqgħet issus waqt id-diskussjoniet ta’ dal-Konċilju, żgur hi dik dwar il-probelma kbira tar-reintegrazjoni bejn l-insara kollha f’għaqda li ried minnha Kristu, dwar id-diffikultajiet u t-tamiet:  venerabbli ħuti, u intom reverendi u maħbubin Osservaturi, mhux din hi n-nota tal-karità?

3.               U din il-laqgħa konċiljari ikkonċentrata għal kollox fuq isem Kristu u l-Knisja tiegħu, u għalhekk b’konfini speċifiċi, lanqas tista’ tgħid li hi kuntenta biha nfisha, magħluqa, mhux konxja, insensibbli lejn l-oħrajn, lejn il-follol bla qies ta’ bnedmin li m’għandhomx l-istess xorti tagħna li jkunu milqugħin, bħalma aħna aħna bla mertu tagħna, f’din is-saltna beata ta’ Alla, li hi l-Knisja.

Mhux hekk, mhux hekk.  L-imħabba li tanima l-komunjoni tagħna ma taqtgħaniex mill-bnedmin, ma tagħmilniex esklusivisti, egoisti.  Anzi, ġaladarba l-imħabba ġejja minn Alla, tedukana għas-sens ta’ universalità: il-verità tagħna timbuttana lejn il-karità – tiftakru t-twissija tal-Appostlu: “Veritatem autem facientes in caritate” aħna naħdmu bil-verità lejn il-karità (Ef 4, 15).  U hawn f’din l-assemblea, l-istqarrija ta’ din il-liġi ta’ karità għandha isem qaddis u gravi: insejħulha responsabbiltà; San Pawl jgħid li hi urġenza: “Caritas Christi urget nos”, il-karità ta’ Kristu ssuqna (2 Kor 5, 14).  Aħna nħossuna responsabbli lejn-umanità kollha.   Aħna midjunin ma’ kulħadd (cfr Rum 1, 14).  Il-Knisja fid-dinja mhix għan fija nfisha; hi qiegħda għas-servizz tal-bnedmin kollha; għandha d-dmir li lil Kristu turih lil kulħadd, indvidwi u popli, bl-akbar firxa u bl-akbar ġenerożità possibbli; u din hi l-missjoni tagħha.  Hi l-ħabbâra tal-imħabba, - tiddefendi l-paċi vera u flimkien ma’ Kristu ttenni: “Ignem veni mittere in terram”. Jiena ġejt biex inkebbes in-nar fid-dinja (Luqa 12, 49).  U l-Knisja kienet teħtieġ dan l-għarfien, din id-dikjarazzjoni; u l-Konċilju qed joffrilha din l-okkażjoni.

Nistgħu forsi aħna ninsew li minn hawnhekk tfawwar ix-xmara fil-baħar tal-istorja sekolari tas-salvazzjoni, storja terrena tal-imħabba ċelesti?  Nistgħu aħna nittraskuraw il-fatt li dal-Konċilju qed jirrivela lill-Knisja nfisha għarfien aktar sħiħ u profond tar-raġunijiet għaliex teżisti, li huma r-raġunijiet misterjużi ta’ Alla “li ħabb id-dinja” (Ġw 3, 16); u r-raġunijiet tal-missjoni tagħha dejjem għanja u għammiela bi ħmira ta’ tiġdid li tgħajjex. għall-umanità?

Il-Konċilju qed joffri lill-Knisja, lilna speċjalment, dehra panoramika tad-dinja: nistgħu aħna nagħmlu mod ieħor ħlief li nħarsu lejha u nħobbuha? (cfr Mk 10, 21).  Dil-kontemplazzjoni se tkun wieħed mill-atti ewlenin ta’ dis-sessjoni tal-Konċilju tagħna li qed tibda; mill-ġdid u fuq kollox, imħabba, imħabba lejn il-bnedmin tal-lum, huma min huma, jinsabu fejn jinsabu, kollha kemm huma.  Filwaqt illi kurrenti oħra tal-ħsieb u azzjoni jħabbru prinċipji differenti ferm biex jibnu ċ-ċiviltà tal-bnedmin, is-setgħa, l-għana, ix-xjenza, it-taqbid, l-interessi u aktar, il-Knisja tħabbar l-imħabba.  Il-Konċilju hu att solenni ta’ mħabba għall-umanità.  Jalla Kristu jgħinna sabiex dan iseħħ.  F’dal-punt qed ikiddna ħsieb ieħor li donnu jidher kuntrast ma’ dil-firxa gratifikanti u qawwija tas-simpatija kristjana u umana tagħna lejn kull persuna u lejn kull poplu ta’ din l-art.   Infatti nafu, minn esperjenza morra u dejjem attwali, li l-imħabba wkoll, u forsi l-imħabba speċjalment, tiltaqa’ ma’ u tipprovoka indifferenza, oppożizzjoni, disprezz, ostilità.  Ebda dramm, ebda traġedja qatt ma jistgħu jitqabblu mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li appuntu għall-imħabba li kellu u minħabba l-ostilità ta’ ħaddieħor bata’ s-salib.  L-arti tal-imħabba spiss tinbidel f’arti ta’ tbatija.  L-istess il-Knisja: se twaqqaf l-impenn tagħha li tħobb minħabba r-riskji u d-diffikultajiet li jopponuha?

Isimgħu mill-ġdid lil San Pawl: “Min qatt jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rum 8, 35); u erġgħu ftakru ftit fil-lista ta’ kuntrarju li l-Appostlu, kważi biex jisfidahom, jippreżentalna biex ifakkar li xejn ma jista’ jeħodha kontra l-karità, xejn m’għandu jifridna.  Tajjeb, dan il-Konċilju jitlob umilment lill-Mulej, il-grazzja li jkun denn li jislet minnu l-hena kif għamlu l-ewwel appostli (cfr Atti 5, 41), li ħassew il-ferħ għax kienu jistħoqqilhom ikunu mmaqdra minħabba Ġesù.  Għaliex l-offiża li saret lil dal-Konċilju paċifiku hija kbira u ta’ niket: mhumiex ftit dawk li jmisshom jinsabu bilqiegħda hawn magħkom, venerabbli ħuti, li ma setħgux jilqgħu l-istedina tagħna għax inġustament inżammu mill-jiġu;  sitwazzjoni li turi li l-oppressjoni gravi ta’ wġigħ li biha f’ħafna pajjiżi l-Knisja kattolika hi mgħakksa u b’kalkolu premeditat jippruvaw joħonquha jew jeliminawha.  Qalbna timtela bl-imrar aħna u ngħidu dan, għax nindunaw kemm id-dinja għadha bogħod mill-verità, mill-ġustizzja, mil-libertà u mill-imħabba, jiġifieri mill-paċi, biex nużaw kliem il-meqjum predeċessur tagħna Ġwanni XXIII (cfr Enċ. Pacem in Terris).

Imma b’fedeltà lejn l-ispirtu ta’ dal-Konċilju aħna nirrreaġixxu b’att ta’ mħabba doppju: lejn ħutna fit-tbatija: Oh! Jalla l-anġli t’Alla jwasslilhom it-tislima tagħna, il-fakra tagħna, l-għożża tagħna; u jalla jkun ta’ faraġ għalihom isiru jafu li t-tbatija tagħhom, l-eżempju tagħhom, huma unur għall-Knisja ta’ Alla, u minflok jintilfu fid-dmugħ, ikebbsu mill-ġdid fit-tama l-komunjoni ta’ karità li tgħaqqadhom magħna. U r-reazzjoni l-oħra lejn dawk li jeħduha kontra Kristu u l-Knisja tiegħu, jintimidaw u jipparaliżżaw lil min jemmen f’Alla. Iżda b’fedelta mal-ispirtu ta’ dal-Konċilju aħna se nirreaġixxu. U r-reazzjoni l-oħra lejn dawk li jeħduha kontra Kristu u l-Knisja tiegħu, iwerwru u jipparalizzaw lil min jemmen f’Alla, se tkun mill-ġdid reazzjoni umli u ta’ tjieba kbira, dik li għallimna l-Imgħallem divin: ‘Ħobbu lill-għedewwa tagħkom... u itolbu għal min jippersegwitakom u jaqilgħu qlajja fuqkom... (Mat 5, 44). Dal-Konċilju żgur li għandu jkun sod u ċar dwar ir-rettitudni tad-duttrini; madankollu, lejn dawk li huma għomja bil-preġudizzju anti-reliġjuz jew li minħabba raġunijiet inġustifikati huma anti-klerikali u tant għadhom iġagħlu l-Knisja tbati, aktar milli nikkundannaw lil xi ħadd, il-Knisja għandha sentimenti ta’ tjubija u paċi, ta’ talb, iva, se nitolbu lkoll bl-imħabba sabiex Alla jkollu ħniena magħhom, dik il-ħniena li aħna nitolbu għalina nfusna. L-imħabba biss għandha tkun ir-rebħa ta’ kulħadd! U jalla tittrijonfa l-paċi bejn il-bnedmin! Il-paċi li f’dal-ġranet hi miġrugħa u mdemmija minħabba kunflitti ħorox bejn il-popli li tant għandhon bżonn il-paċi. F’dan il-waqt lanqas nistgħu nibqgħu fommna sieket dwar ix-xewqa ħerqana tagħna li tieqaf il-gwerra u bejn il-popli jerġa’ jkun hemm rispett reċiproku u armonija; jalla bla telf ta’ żmien u għal dejjem tittrijonfa l-paċi! U hawn jintemm id-diskors tagħna, li m’għandu ebda għan ieħor ħlief li jiċċara u jagħti ħeġġa ġdida lil din l-aħħar sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku. Kif qed taraw, vernerabbli ħuti, ma tkellimna dwar ebda suġġett li se jkun eżaminat u li l-assemblea se tiddelibera dwaru: però, is-silenzju tagħna jissokta bħala turija tal-għan studjat tagħna li l-kelma tagħna ma tantiċipax l-orjentazzjoni ħielsa tal-opinjonijiet tagħkom dwar is-suġġetti li hemm quddiemkom. B’dankollu ma nistgħux inħallu barra xi oservazzjonijiet.

L-ewwel waħda hi r-rikonxxenza tagħna lejn dawk kollha li ħadmu, u aħna nafu b’liema reqqa, fil-Kummissjonijiet u s-Sotto-Kummissjonijiet ħalli d-dokumenti  li dalwaqt se tiddiskutu dwarhom imkunu mħejjija kif jixraq.  Ikun xi jkun il-ġudizzju tagħkom dwar dawn id-dokumenti, kulmin ta ħinu biex jistudja, u ħadem bla heda fuqhom ħaqqu tifħir u gratitudni.

It-tieni ħaġa hi li b’ferħ qed inħabbar li se nwaqqaf istutuzzjoni, mixtieqa minn dal-Konċilju: Is-Sinodu tal-Isqfijiet, li se jkun iffurmat minn Isqfijiet li fil-biċċa l-kbira jkunu nominati mill-Konferenzi Episkopali bl-approvazzjoni tagħna, li se jibda jitlaqqa’, skont il-ħtiġijiet tal-Knisja, mill-Isqof ta’ Ruma, għall-konsultazzjoni u l-kollabrazzjoni, meta, għall-ġid ġenerali tal-Knisja, hu jidhirlu li jkun meħtieġ.  Inħossu li jkun żejjed inżidu li dil-kollaborazzjoni tal-Episkopat għandha tkun ta’ fejda kbira għas-Santa Sede u għall-Knisja kollha, u, b’mod partikolari tista’ tkun utli għall-ħidma ta’ kuljum tal-Kurja ta’ Ruma, li aħna rikonoxxenti ħafna lejha għall-għajnuna li ttina, u li l-għajnuna tagħha, bħall-Isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom, aħna wkoll neħtieġu b’mod permanenti biex inwettqu d-dmirijiet appostoliċi tagħna.  Aktar informazzjoni u regolamenti oħra ma jdumux ma jaslu lil din l-asemblea.  Aħna ma ridniex niċċaħdu mill-unur li b’ferħ ngħaddulkom dal-messaġġ biex għal darb’oħra nistqarrulkom il-fiduċja tagħna, l-istima tagħna u l-fraternità tagħna.  Ejjew inqiegħdu din in-novità sabiħa u promettenti taħt il-protezzjoni ta’ Marija Santissma.

It-tielet, li intom diġà tafu biha, hi d-deċiżjoni uffiċjali li nilqgħu l-istedina li nżuru fis-sede tagħha, fi New York, l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni dinjija; u dan se jsir, jekk Alla jrid, waqt li tkun għadha għaddejja din is-sesjsoni tal-Konċilju.  Aħna se nkunu assenti għal ftit żmien biex lir-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet miġburin hemmhekk, inwasslulhom messaġġ ta’ unur u paċi.  Aħna rridu nittamaw li l-messaġġ tagħna jingħaqad mal-vot unanimu tagħkom għax aħna m’għandna ebda għan ieħor ħlief li b’leħinna nwasslu wkoll dak tagħkom, li dejjem, b’qima u bis-saħħa tal-missjoni appostolika afdata min Kristu f’idejkom u f’idejna, inħabbru u nawguraw armonija, ġustizzja, fratellanza, paċi fost il-bnedmin ta’ rieda tajba maħbubin minn Alla.

U ma ninsewx it-tislima b’qima u kordjali fi Kristu lil kull wieħed u waħda minnkom, ħuti miġburin f’dal-Konċilju, kemm dawk mill-Orjent u wkoll dawk mill-Punent.  Nixtiequ wkoll nesprimu r-rispett u s-sodisfazzjon tagħna għall-preżenza tal-Membri tal-Korp Diplomatiku.  Inżidu wkoll it-tislima tagħna lill-Osservaturi individwali, li aħna ferħanin u onorati li jinsabu magħna, u niżgurawhom li nirrispettawhom u ngħozzuhom.  Imbagħad insellmu wkoll lill-Udituri rġiel u nisa, lill-periti u lil kulmin jassisti u jagħti servizz biex jista’ jsir dal-Konċilju; lill-istampa speċjalment lir-radju u t-televiżjoni.  Il-Barka Appostolika tagħna fuq kulħadd.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber