Laikos

 

 

FTUĦ SOLENNI TAT-TIENI SESSJONI

TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

ALLOKUZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru, 1963


Sliem lilkom, ħuti għeżież fi Kristu, li sejjaħnielkom minn qalb il-popli kollha fejn il-Knisja Mqaddsa Kattolika ferrxet ir-regoli ġerarkiċi tagħha. Sliem lilkom mistednin tagħna, li ġejtu hawn minn rajkom biex flimkien magħna tieħdu sehem fit-tieni parti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li b’qalb hienja Aħna qed nibdew illum, taħt il-ħarsien tal-Arkanġlu Mikiel, Difensur tal-poplu nisrani.

Oh, kemm hu floku l-isem profetiku u nobbli ta’ “Knisja”, jew aħjar kongregazzjoni u laqgħa ta’ din il-miġemgħa rispettabbli ta’ aħwa, li għaliha ġew persuni ta’ rispett kbir mir-reġjuni tal-orjent u l-punent, mill-pajjiżi tan-nofsinhar u tat-tramuntana! Oh, kif tidher isseħħ b’tifsira ġdida s-sentenza li tiġi f’moħħna Aħna u nosservaw dan l-ispettaklu; “Leħinhom xtered mal-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.” (Rm 10,18; Sal 19,5)! Oh, kemm jilmaw b’mod meraviljuz, f’għaqda, dawk il-kliem misterjużi ta’ waħda u kattolika li niddeskrivuha bihom! U minn dan l-ispettaklu li qed tippreżenta ruħha bih il-Knisja universali, aħna mġagħlin nirriflettu mhux biss fuq l-oriġini appostolika, li hawn qed narawha kważi pinġuta u ċċelebrata, imma wkoll dwar l-għanijiet li l-Knisja, li Aħna nħobbu bla qies, trid tkompli ssawwar biex tifforma bnedmin qaddisa. Il-karatteristiċi li joħorġu għad-dawl huma dawk propji tal-Knisja; wiċċ l-Għarusa ta’ Kristu jiddi; u l-ispirtu ta’ kull wieħed u waħda minna jixgħel b’dak is-sens, li jinħass iżda li jibqa’ dejjem misterjuz, li bih inħossu li aħna l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u ninħakmu minn dik l-hena bla tarf u bla paragun, li l-profani għadhom sajmin minnha, li tinbet minn dik is-sentenza: “kemm hi ħaġa sabiha u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien” (Sal 133,1). Għaldaqstant jidhrilna li jkun utli ħafna nikkuntemplaw u nnaqqxu fi qlubna dak li ġej sa mill-ewwel ġrajja umana u divina li qed iseħħ bħalissa. Infatti ninsabu hawn mill-ġdid, qiesna f’ċenaklu ieħor, li jidher ċjejken mhux minħabba l-binja spazjuża imma minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li jinsabu fih; il-Verġni Marija, Omm Kristu, tiġi hawn maġenbna mis-sema; hawn madwarna, illi għalkemm fiż-żmien u fil-mertu Aħna l-aħħar wieħed, Aħna suċċessuri tas-Sede tal-Appostlu Pietru, u minkejja, miegħu naqsmu l-istess awtorità u l-istess kariga, ġejtu tiltaqgħu magħna, Venerabblli Ħuti, li intom ukoll appostli, għax il-bidu tagħkom jinsab fil-Kulleġġ Appostoliku u intom il-werrieta tiegħu; miġburin hawn bl-istess fidi u bl-istess karità, flimkien nerfgħu talba waħda; bla dubju hawnhekk aħna ngawdu l-benna tad-don sopranaturali tal-Ispirtu s-Santu fostna, għalliem, li jtina l-enerġija; hawnhekk l-ilsna tal-popli kollha jidwu flimkien u l-messaġġ li jintbagħat lid-dinja kollha jkun wieħed; hawnhekk waslet il-Knisja b’mixja ċerta wara li terrqet għal kważi għoxrin seklu f’din id-dinja; hawnhekk il-moltitudni appostolika mlaqqa’ minn madwar id-dinja kollha, tistejqer qiesha minn għajn li jaqta’ kull għatx u jdawwal kull għatx ġdid; u minn hawn, wara li tkun reġgħet qabdet il-mixja fid-dinja u fiż-żmien, titlaq lejn destinazzjoni li tmur ’l hinn minn din l-art u ‘l hinn miż-żmien t’issa.

Sliem, Venerabbli Ħuti: hekk jilqagħkom l-iċken wieħed fostkom, il-qaddej tal-qaddejja t’Alla, minkejja li mgħobbi bl-għola mfietaħ mogħtija lil Pietru minn Kristu Ġesù; hekk, hu jirringrazzjakom tax-xhieda tal-ubbidjenza u l-fiduċja li għandkom fih, hekk, hu juri bil-fatti li jrid jitlob, jiddjaloga, jiddelibera, jaħdem flimkien magħkom. Insejħu b’xhud lil Alla immortali illi sa mill-bidu ta’ din it-tieni sessjoni ta’ dan il-Konċilju kbir, f’qalbna m’hemm ebda għan ta’ dominju uman u lanqas interess ewlieni fis-setgħa tagħna; minflok, ħuti, hemm ix-xewqa u r-rieda li nobdu l-kmandament divin li lilna qiegħdna bħala l-għola Ragħaj tagħkom ilkoll u fostkom. Amar bħal dan jitlob minnkom, jiġifieri “ix-xirka tal-qaddisin”, il-fedeltà tagħkom lejna, qalbkom magħquda ma’ tagħna, il-kollaborazzjoni tagħkom magħna li għalina hu “ferħ u kuruna” (cfr Fil 4, 1). U aħna noffrulkom lura hwejjeġ li henijin noffruhomlkom: il-qima tagħna, l-istima tagħna, il-fiduċja tagħna, l-għozza tagħna.

Kien il-ħsieb tagħna li noffru lilkom l-ewwel Enċiklika tagħna, kif inhi t-tradizzjoni; imma għalfejn – għidna bejnna u bejn ruħna – nikkomunikaw bil-kitba dak li f’okkażjoni ta’ hena kbir u partikolari ħafna, jiġifieri dan il-Konċilju Ekumeniku, nistgħu nesprimu bil-fomm lil min jinsab hawn? Issa ma nistgħux ngħidu dak kollu li għandna f’moħħna li bil-kitba nistgħu nesprimuh aħjar. Imma għal did-darba naħsbu li dan id-diskors ta’ issa jista’ jkun preludju kemm għal dal-Konċilju kif ukoll għall-missjoni pontifikali tagħna. Din id-darba, għalhekk, leħinna se jieħu post l-Enċiklika li bl-għajnuna tal-grazzja t’Alla, Aħna nittamaw li nibgħathulkom wara li jgħaddu dal-ġranet impenjattivi.


Omaġġ lill-memorja ta’ Ġwanni XXIII

U issa, wara li sellimtilkom jidhrilna li hu xieraq nippreżentaw lilna nfusna lilkom. Infatti Aħna ġodda f’dil-ħidma pontifikali tagħna, anzi pjuttost qed ninawgurawha. Intom tafu li fil-21 ta’ Ġunju li għadda, ġurnata li fiha b’ferħ kienet taħbat il-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, il-miġemgħa tal-Kardinali – li lilha hawn preżenti hu l-ferħ tagħna li mill-ġdid nuruha r-rispett u l-qima tagħna – bla ma taw kas tad-dgħufija u l-imperfezzjoni tagħna, għażlu li jaħtruna mmexxu s-Sede Episkopali ta’ Ruma u għalhekk l-Għola Isqof tal-Knisja kollha.
Aħna u niftakru dan, fl-istess ħin ma nistgħux ninsew il-memorja hienja u immortali tal-predeċessur tagħna Ġwanni XXIII li ħabbejna ħafna. Fina u f’kull min irnexxilu jarah f’dil-kariga li issa hija tagħna, ismu jġibilna quddiem għajnejna l-memorja tal-figura doċli u saċerdotali tiegħu meta nhar il-11 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet kien inawgura l-ewwel sessjoni ta’ dal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, u għamel dak id-diskors li mhux biss għall-Knisja imma wkoll għall-umanità kollha deher li kien profezija ta’ qalb profetika dwar is-sitwazzjoni tal-epoka li ninsabu fiha. Dak id-diskors għadu jidwi fil-memorja tagħna u fil-kuxjenza tagħna biex juri t-triq li għandu jimxi fiha dal-Konċilju, u se jiswa wkoll biex iwarrab minn qlubna kull dubju u għejja, jekk ninħakmu bihom tul dil-mixja diffiċli. O għażiż, venerabbli Papa Ġiovanni! Jintraddlek ħajr, jintraddlek ġieħ talli amart, kważi mbuttat minn pjan divin, li jitlaqqa’ dal-Konċilju, biex lill-Knisja jiftħilha toroq ġodda u fl-istess ħin isawwab fuq l-art l-ilmijiet friski u benefiċi, li għadhom misturin, li jfawru mill-grazzja ta’ Kristu Alla. Int, bla ma kellek ebda mbuttatura mid-dinja, bla ebda pressjoni partikolari, qiesek qed tbassar il-proġetti t’Alla tas-smewwiet u billi twaħħadt mal-ħtiġijiet imbiegħda u għerja ta’ żmienna, deherlek li kellek terġa’ torbot il-ħajt li nqata’ minn mal-Konċilju Vatikan I. B’hekk int irnexxilek tegħleb spontanjament in-nuqqas ta’ fiduċja li kien nissel f’xi wħud dak il-Konċilju, qiesu li biex titwieżen il-Knisja kienet biżżejjed is-setgħa suprema mogħtija minn Ġesù Kristu lill-Isqof ta’ Ruma, li dak il-Konċilju kien għaraf, bla ma ta kas tal-għajnuna li tiġi mill-Konċilji Ekumeniċi.

Minbarra dan int laqqajt lill aħwa, suċċessuri tal-Appostli ħalli jerġa’ jibda l-istudju li kien waqaf u l-liġijiet li baqgħu mdendlin, u wkoll sabiex huma jħossuhom magħqudin ħaġa waħda mal-Papa u mingħandu jirċievu qawwa u direzzjoni ħalli “d-depożitu sagru tad-duttrina nisranija jkun imħares u mgħallem b’mod aktar effikaċi” (AAS 54 (1962), p. 790 [p. 1097]). Imma flimkien ma dan l-għan nobbli tal-Konċilju int għaqqadt ieħor ukoll, il-pastorali, kwistjoni li tidher aktar urġenti u aktar flokha minn tal-ewwel. Int infatti wissejt: “Il-ħidma tagħna bħala għan prinċipali lanqas m’hi li niddiskutu xi temi prinċipali tad-dutrina ekkleżjastika”, imma pjuttost “li nidħlu aktar fil-fond tagħha biex tkun ippreżentata skont il-ħtieġijiet taż-żminijiet tagħna. (AAS 54 (1962), pp. 791-792 [p. 1101.1103]). Int saħħat ukoll l-opinjoni li, fl-elementi li bih hu msawwar il-maġisteru ekkleżjastiku, id-dutrina nisranija ma tistrieħx biss fuq l-analiżi tal-verità bir-raġuni mdawla mill-fidi, imma wkoll fuq il-kelma li tiġġenera l-ħajja u l-azzjoni; u li l-awtorità tal-Knisja m’għandhiex tkun esklussivament li tikkundanna l-iżbalji li jisfugurawha, iżda għandha wkoll tniedi dokumenti pożittivi u kostruttivi li bihom hi mogħnija. Jekk għalhekk id-dmir tal-maġisteru ekkleżjastiku mhux biss spekulattiv u lanqas biss negattiv, allura jeħtieġ li f’dal-Konċilju dan jidher bl-akbar forza u qawwa tad-duttrina ta’ Kristu li qal: “Il-kliem li għidtilkom huma spirtu u ħajja” (Ġw 6, 64).

Aħna m’aħniex se ninsew u nġibu fix-xejn in-normi li b’intwizzjoni ta’ għerf kbir fassalt int, l-ewwel missier ta’ dal-Konċilju, u li hawnhekk hu tajjeb li nerġgħu nfakkruhom: “Iżda aħna, m’għandniex biss inħarsu dan it-teżor kbir – jiġifieri d-duttrina kattolika -, qiesu li moħħna biss f’dak li hu antik, imma, bil-ħeffa, bla biża’, għandna ninbqgħu għaddejjin bil-ħidma li titlob minna din l-epoka, u nkomplu l-mixja li l-Knisja ilha tterraq fiha għal kważi għoxrin seklu. Bħala konsegwenza “hemm bżonn nagħmlu tagħna l-mod kif nippreżentawha biex ikun jaqbel mal-maġisteru, li l-karattru tiegħu hu fuq kollox pastorali” (AAS 54 (1962), pp. 791-792 [p. 1101.1103]).

U anqas se nittraskuraw il-kwistjoni importanti dwar l-għaqda bejn kull min jemmen fi Kristu u jrid ikun parti mill-Knisja tiegħu, li inti Giovanni, urejt li hi d-dar paterna miftuha għal kulħadd; sabiex din it-tieni sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku li qed niċċelebraw, Konċlju mniedi u mibdi minnek, jimxi b’fedeltà fit-triq li fassalt int, u jkun jista’ jilħaq dak l-għanijiet li int xtaqt b’tant ħerqa kbira.

Liema hi fil-prinċipju t-triq u l-għan ta’ dal-Konċilju

Venerabblli ħuti, nerġgħu nibdew il-mixja li qbadna. Iżda dan l-għan evidenti jqanqal l-ispritu tagħna biex neżaminaw ħaġ’oħra, ta’ importanza tant gravi u tant tispikka li aħna nħossuna fid-dmir nistqarruhielkom minkejja li din l-assemblea kollha diġà taf biha u donnha tilma bid-dija tagħha.
 

Mnejn se tibda, Venerabbli ħuti, il-mixja tagħna? U mbagħad ‘il fejn se nimxu, jekk aktar milli lejn ir-raġunijiet li s’issa tkellimna dwarhom, aħna nħarsu lejn il-liġijiet divini li għandna nobdu? U fl-aħħar, għal liema konklużjoni għandha twassalna din it-triq? Xi skop għandna, sakemm għadna hawn fuq din l-art, minkejja li rridu nadattaw ruħna għaż-żminijiet u s-sitwazjonijiet ta’ dil-ħajja li tintemm, għandna nimmiraw għalih għall-ġid suprem tal-bnedmin, u li rridu naslu fih wara dan il-pellegrinaġġ fid-dinja?

Dawn it-tlett mistoqsijiet, li huma tant elementari għall-intellett imma li l-gravita tagħhom hi tal-għola livell, għandhom tweġiba waħda, li dehrilna li għandna ntennu f’din is-siegħa solenni u f’din il-miġemgħa u li rridu nxandru mad-dinja kollha: jiġiferi li Kristu, ngħidu li Kristu, huwa l-bidu ta’ kollox għalina, Kristu hu l-gwida tagħna, Kristu hu t-tama tagħna u l-iskop kollu ta’ ħajjitna.

Dan il-Konċilju għandu jżomm sħiħ f’moħħu din ir-rabta, waħdanija u ta’ bosta suriet, fissa u stimolanti, moħbija u tidher, soda u gratifikanti, li biha aħna magħqudin ma’ Ġesù Kristu, minnu mnisslin, li għalih aħna ngħixu u għalih aħna mxennqin. Din l-assemblea tagħna hawn miġbura m’għandu jkollha ebda dawl ieħor ħlief dak ta’ Kristu li hu d-dawl tad-dinja; qlubna m’għandhomx ifittxu verità oħra ħlief il-kelma tal-Mulej li hu l-imgħallem waħdieni tagħna; m’hemmx għalfejn inħabblu rasna fuq xejn ħlief li nobdu l-preċetti tiegħu b’ubbidjenza fidila f’kollox; m’għandu jkollha fiduċja f’xejn aktar ħlief f’dik li tikkonferma d-dgħufija kbira tagħna għax imsejsa fuq kliemu: “Jien magħkom sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28,20).

Mhux li kien li, f’din is-siegħa storika, nsibu l-ħila li ngħollu leħen li jixraql lilu! Ejjew hawnekk nagħmlu tagħna l-kliem tal-Liturġija Mqaddsa: “Aħna nagħrfu lilek biss, o Kristu – b’moħħ safi u sempliċi – nitolbuk bid-dmugħ u bil-kant: -Isma’ t-tnehid tagħna!” (Brevjar Ruman, Innu tal-Lawdi tal-Erbgħa fil-liturġija tas-Siegħat, fl-ewwel u t-tielet ġimgħa tas-Salterju, b’xi tibdil). Aħna u nlissnu dan il-kliem, quddiem għajnejna mistgħaġba u ansjużi donnu jispikka Ġesù nnifsu, imponenti bil-majestà grandjuża li biha jiddi l-Pantocrator fil-Bażiliki tagħkom, Venerabbli ħuti tal-Knejjes Orjentali, u intom ukoll tal-Knejjes tal-Punent. Hawnhekk Aħna donnu qed naraw lill-predeċessur tagħna Onorju III jadura lil Kristu kif narawh fil-mużajk meraviljuz li hemm fl-abside tal-Bażilika ta’ San Pawl Barra l-Ħitan. Dak il-Papa, ta’ daqs mill-iċken u b’ġisem li jidher kważi mxejjen mixħut wiċċu fl-art, qed ibus riġlejn Kristu, li jiddomina b’mod ġantesk, bil-mantar tal-majestà bħala mgħallem irjali, jiddomina u jbierek il-miġemgħa kbira miġbura fil-Bażilika li hija l-Knisja. U din ix-xena jidhrilna li qed narawha mill-ġdid mhux f’xi xbieha fuq il-ħajt bil-linji u l-kuluri tagħha, imma fir-realtà, f’din l-assemblea li tagħraf lil Kristu bħala l-bidu u l-għajn li minnha jfawru l-Fidwa tal-bniedem u l-Knisja; li bl-istess mod tagħraf lill-Knisja bħala tnissil dinji u misterjuz, u estensjoni ta’ Kristu nnifsu; qiesu li l-għajnejn tal-moħħna qed jaraw dik il-viżjoni tal-Apokalissi li l-Appostlu Ġwanni jiddeskrivi b’dal-kliem: “Imbagħad l-anġlu wrieni x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf” (Ap 22,1).

Jidhrilna f’postu ħafna li dal-Konċilju jibda minn dix-xbieha, u aħjar minn diċ-ċelebrazzjoni mistika. Infatti, diċ-ċelebrazzjoni tħabbar li l-Mulej tagħna Ġesù Kristu hu l-Verb inkarnat, Iben Alla u Bin il-Bniedem, Feddej tad-dinja, jiġifieri tama għall-ġeneru uman u Magħllem waħdieni tiegħu, Ragħaj, Ħobż tal-Ħajja, il-Kap tagħna u l-Vittma tagħna, il-Medjatur ewlieni bejn Alla u l-bnedmin, Salvatur tad-dinja li għad ikun Sultan fis-sekli ta’ bla tmiem u din iċ-ċelebrazzjoni tiddikjara li aħna għandna sejħa divina minn Kristu, aħna dixxipli tiegħu, appostli, xhieda, ministri, rappreżentanti; u flimkien ma’ ħutna l-oħra aħna membri ħajjin tiegħu ilkoll miġburin f’dak il-Ġisem wieħed immens u mistiku li, bis-saħħa tal-fidi u tas-sagramenti, jitgħolla bla qies fost il-ġenerazzjonijiet umani; qed nitkellmu dwar il-Knisja tiegħu, li hi għaqda spiritwali u viżibbli, fraterna u ġerarkika, temporali fil-preżent, imma ġurnata waħda tkun fl-eternità għal dejjem.

Venerabbli ħuti, jekk inqisu bl-attenzjoni dak li hu tal-akbar importanza, jiġifieri li Kristu hu l-ħallieq tagħna u l-Kap tagħna, hu minnu li ma narawhx b’għajnejna imma hu veru, u li kulma għandna kollox ġej minnu, tant illi flimkien miegħu nsiru “Kristu sħiħ”, u li dwaru naqraw fil-kitbiet ta’ Santu Wistin u li d-dutrina tal-Knisja bih mimlija, bla dubju jidhru ċar l-għanijiet ewlenin ta’ dal-Konċilju: liema għanijiet, fil-qosor u biex inkunu ċari, se niġbru f’erba’ punti li huma: id-definizzjoni, jew jekk nippreferu, il-kuxjenza tal-Knisja, ir-riforma tagħha, il-ħolqien mill-ġdid tal-għaqda bejn l-insara u d-djalogu tal-Knisja mal-bnedmin tal-lum.
Niddefinixxu aħjar il-kunċett ta’ Knisja


Qabel kollox m’hemm ebda dubju li l-Knisja tixtieq, anzi l-ħtieġa tad-dmir iġagħalha fl-aħħar mill-aħħar, tagħti definizzjoni sħiħa tagħha nfisha. Aħna lkoll nafu perfettament ix-xbiehat sbieħ li bihom hi deskritta n-natura tal-Knisja fil-Kotba Mqaddsa; f’ħafna pajjiżi tissejjaħ il-binja ta’ Kristu, dar t’Alla, tempju fejn jgħammar Alla, u l-poplu tiegħu, il-merħla tiegħu, dielja, għalqa, belt u fl-aħħar Għarusa ta’ Kristu u Ġisem mistiku tiegħu. L-abbundanza ta’ dawn id-definizzjonijiet kienu r-raġuni għala l-Knisja, imqanqla minnhom, għarfet lilha nfisha bħala għaqda stabbilita fid-dinja, li tidher, mogħnija bil-ġerarkija tagħha, u fl-istess ħin animata minn ġewwa b’qawwa misterjuza. Bl-Enċiklika eminenti tal-predeċessur tagħna Piju XII, li tibda bil-kliem Mystici Corporis, min-naħa seħħew uħud mill-aspirazzjonijiet tal-Knisja biex tesprimi duttrina eżawrjenti dwarha nfisha, mill-oħra kienet ta’ xprun qawwi biex tagħti definizzjoni tagħha nfisha aktar speċifika u kemm jista’ jkun sħiħa. Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan I għall-bidu kellu l-għan li jaffronta dan l-argument, u biex jistudjawh inġabru personalitajiet awtorevoli kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Knisja. Dawn kienu mqanqlin minn bosta kawżi esterni: l-iżviluppi fil-ħajja soċjali fid-dawl tal-kultura ta’ dak iż-żmien; it-tkattir tar-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin; il-ħtieġa li d-diversi denominazzjonijiet insara jkunu ġudikati skont il-fehma waħdanija li tinsab fir-rivelazzjoni divina; u raġunijiet oħra bħal dawn.


M’għandniex għax nistgħaġbu illi, wara li għaddew kważi għoxrin seklu minn mindu twaqqfet ir-reliġjon ta’ Kristu, u wara tant progress li għamlet il-Knisja kattolika u l-komunitajiet reliġjużi l-oħra li jissejħu kristjani u meqjusin bħala Knejjes, ma kullimkien, ebda stagħġib, konna qed ngħidu, li l-kunċett veru, suprem u sħiħ tal-Knisja kif imwaqqfa minn Kristu u li baqgħet tinbena mill-Appostli, għadha teħtieġ tifsira aktar bir-reqqa. Il-Knisja hi misteru, jiġifieri realtà misterjuza imwaħħda ħaġa waħda mal-preżenza divina, u għalhekk min-natura tagħha tawtorizza studji ġodda u dejjam aktar fil-fond tagħha nfisha.

Il-moħħ uman min-natura tiegħu jiżviluppa bil-ħsieb u l-iskoperti. Minn xi veritajiet li jikseb mill-esperjenza jasal għal għarfien aktar profond u għoli kemm fil-qies u wkoll fil-metodu. Mill-veritajiet l-oħra djalettikament jislet oħrajn; u meta jieqaf janalizza xi realtà magħmula minn bista elementi u garantita miċ-ċertezza fundamentali, jieqaf fuq xi wieħed minn dawn l-aspetti; biex hekk jagħti sens lix-xogħol tal-ispirtu investigattiv li li fuqu msejsa listorja tal-ġeneru uman.

Jidhrilna li wasal iż-żmien li fih jeħtieġ neżaminaw aktar fil-fond, norganizzaw u nesprimu l-verità dwar il-Knisja ta’ Kristu, forsi mhux b’dawk l-istqarrijiet li jissejħu ‘definizzjonijiet dommatiċi’ imma pjuttost billi b’dikjarazzjonijiet ta’ maġisteru aktar trasparenti u awtorevoli l-Knisja titkellem dwar dak li taħseb dwarha nfisha.

Il-kuxjenza tal-Knisja tiċċara lilha nfisha, b’rabta sfiqa ma’ fedeltà sħiħa lejn il-kliem u lejn dak li afferma Kristu, billi tilqa’ b’rispett reverenzjali t-tagħlim żgur tat-Tradizzjoni Mqaddsa, ubbidjenti għad-dawl interjuri li jtiha l-Ispirtu s-Santu, li issa donnu qed jitlob dan mill-Knisja: li bil-forza kollha tagħha tfittex li tfiehem lill-bnedmin kollha, hi x’inhi.

Aħna nifhmu li għad jseħħ dan l-awgurju tagħna: li f’dal-Konċilju Ekumeniku l-Ispirtu tal-verità jsawwab id-dawl l-aktar għammiexi tiegħu fuq il-Knisja qaddisa u għalliema biex itarfilha d-duttrina l-aktar evidenti dwar in-natura tal-istess Knisja, ħalli b’hekk jiġri li l-Għarusa ta’ Kristu tfittex lilu bħala mudell u, imqanqla b’imħabba taħraq nar lejh, tagħmel ħilitha kollha sabiex tiskopri għamlitha, jiġifieri s-sbuħija li Hu jrid li tiżreġ fil-Knisja tiegħu.

Għaldaqstant is-suġġett ewlieni li qed nipproponu għal din it-tieni sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku jirrigwarda l-Knisja. Għalhekk se tkun studjata sewwa n-natura intima tagħha, biex inkunu nistgħu naslu għal spjegazzjoni kompatibbli mal-lingwaġġ uman, sabiex il-vera kostituzzjoni ewlenija tal-Knisja titfisser aktar fil-fond u toħroġ aktar għad-dawl il-missjoni diffenzjata u salvifika tagħha.

L-ispekulazzjoni filosofika tista’ tislet minn dan riflessjonijiet straordinarji ġustfikati għall-aħħar, illi jistgħu jkunu mgħarbla b’attenzjoni anki minn ħutna mifrudin minna, għax spjegazzjonijiet bħal dawn, kif nixtiequ minn qiegħ qalbna, lilhom ukoll jindikawlhom aħjar it-triq biex iseħħ il-qbil unanimu.

Fost il-ħafna problemi diversi li se jiddiskuti l-Konċilju, l-ewwel waħda se tolqot lilkom bħala Isqfijiet tal-Knisja t’Alla. M’għandniex diffikultà niżgurawkom li Aħna qed nistennew dan id-dibattitu b’tama kbira u fiduċja sinċiera. Fil-prattika, filwaqt li naċċettaw id-dikjarazzjonijiet dommatiċi dwar l-Isqof ta’ Ruma tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan I, hemm bżonn neżanimaw aktar fil-fond id-duttrina dwar l-Episkopat, id-dmirijiet tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ Pietru.. B’hekk lilna jaslulna l-kriterji li għandna nimxu fuqhom biex inwettqu l-funzjoni appostolika tagħna. Minkejja li Kristu żejjen din il-funzjoni universali bil-milja u l-awtorità tas-setgħa li jixirqilha, kunu afu però li tista’ tisseddaq b’ħiliet akbar bl-għajnuna u l-kollaborazzjoni jekk il-maħbubin u venerabbli Ħuti fl-Episkopat juru magħna kollaborazzjoni aktar ta’ siwi u aktar konxja tal-kariga li huma mgħobbijin biha, b’modi u għamliet li jridu jiġu stabbiliti kif jixraq.

Wara li din id-duttrina tkun iċċarata, jkun imiss il-kapitlu l-ieħor, li għandu x’jaqsam mal-istruttura tal-Ġisem mistiku li jidher ta’ Kristu, li hija l-Knisja militanti u pellegrina fuq l-art, jiġifieri s-saċerdoti, il-reliġjużi, il-fidili, kif ukoll Ħutna mifrudin minna, għax huma wkoll għandhom is-sejħa biex ikollhom sehem sħiħ fiha.

Kulħadd konxju kemm hu importanti u x’valur għandu dan l-impenn teoloġiku tal-Konċilju, li minnu l-Knisja tista’ tikseb għarfien akbar tagħha nfisha, jiġifieri l-enerġija tagħha, id-dawl tagħha, il-ferħ tagħha u l-qdusija tagħha. Nittamaw li Alla jtemm dawn it-tamiet tagħna!


It-tiġdid tal-Knisja kattolika

Dawn it-tamiet jolqtu wkoll għan primarju ieħor tal-Konċilju li qed niċċelebraw: hu dak li ngħidulu t-tiġdid tal-Knisja.
Fil-fehma tagħna dan it-tiġdid għandu jibda mill-għarfien tar-relazzjoni li biha l-Knisja hi marbuta ma’ Kristu. Kif għidna, il-Knisja trid tfittex mill-ġdid xbhietha fi Kristu. Jekk wara din id-diskussjoni tara li hemm xi dell, xi difett fil-wiċċ tagħha, fil-libsa tat-tieġ tagħha, x’għandha tagħmel bl-inizjattiva u bil-kuraġġ? Kif inhu ovvju, din ir-riċerka ma jkollha ebda għan ieħor ħlief it-tiġdid tagħha nfisha, tikkoreġi lilha nfisha, terġa’ lura biex taqbel mal-mudell divin tagħha, għax id-dmir ewlieni tagħha hu li timitah.

Niftakru kliem Kristu fit-talba saċerdotali, meta kellu mdendlin fuqu l-aħħar turmenti u l-mewt: “U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità” (Ġw 17,19).

Il-Konċilju Vatikan II – din hi l-fehma tagħna – għandu japplika u jimxi fuq din id-direttiva tal-ħajja li ried Kristu. Hekk biss, meta l-ħidma għall-qdusija interjuri tkun intemmet, il-Knisja tkun tista’ turi wiċċha lid-dinja kollha, u tgħid dal-kliem: Min jara lilha jara lil Kristu, l-istess bħalma r-Redentur Divin kien stqarr dwaru nnifsu: “Min ra lili ra lill-Missieri” (Ġw 14,9).

Minn dan l-aspett il-Konċilju Ekumeniku jista’ jitqies rebbiegħa ġdida li fi ħdan il-Knisja terġa’ tqanqal enerġiji u possibbiltajiet enormi li donnhom baqgħu mistura fil-qlub. Infatti hu għan tal-Konċilju, kif jidher ċar, li kemm ir-rikkezzi interjuri tal-Knisja kif ukoll in-normi li jirregolaw l-istituzzjonijiet kanoniċi tagħha, kif ukoll il-forom ritwali jerġgħu jiksbu l-enerġija primittiva tagħhom. Jiġifieri li dal-Konċilju jimmira biex il-Knisja tenfasizza dik il-perfezzjoni u l-qdusija inkantevoli li jistgħu jiġu biss mill-imitazzjoni ta’ Ġesù Kristu u l-għaqda mistika miegħu li jista’ jtiha l-Ispirtu s-Santu.

Bla dubju l-Konċilju għandu sejħa biex iġedded il-Knisja b’aktar qawwa. Iżda jeħtieġ noqgħodu attenti ħalli, minħabba l-fatt li qed naffermaw u nixtiequ dan kollu, ma jkunx hemm xi ħadd li jaqtagħha li f’dawn iż-żminijiet il-Knisja tista’ tkun akkużata li m’obdietx l-intenzjoni tal-Fundatur tagħha f’ħaġa daqstant importanti. Bil-maqlub, il-fatt li qed tistqarr b’mod ċar il-fedeltà tagħha lejn Kristu f’dak li hu essenzjali, jimlieha b’ferħ rikonoxxenti u jnissel fiha ħerqa kbira u mpenn biex tneħħi t-tbajja li għandha, ħtija tad-dgħufija umana. Għalhekk, it-tiġdid li qed jaħseb fih il-Konċilju m’għandux jaqleb ta’ taħt fuq il-ħajja tal-Knisja attwali, imma pjuttost illi jirrispetta dawn it-tradizzjonijiet u jeħlishom mill-għamliet mgħawġa u evanexxenti, billi jagħmilhom aktar awtentiċi u għammiela.

Forsi Ġesù lid-dixxipli ma qalilhomx: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar?” (Ġw 15, 1-2). Dal-kliem tal-Evanġelju huwa aktar minn biżżejjed biex ifisser sew il-punti prinċipali tal-perfezzjonament li l-Knisja qed tfittex u ssegwi. It-tema tal-perfezzjonament tagħha jolqot il-vitalità interjuri u esterjuri tagħha: bħalma Kristu hu ħaj il-Knisja għandha tkun ħajja wkoll. Dment li l-fidi u l-karità jkunu l-prinċipji tal-eżistenza tagħha, huwa ċar li ma tista’ tinjora xejn minn dak li jista’ jsaħħaħ rieda hienja u jagħti manteniment ġdid lill-fidi u li l-kultura u l-edukazzjoni nisranija jagħmilhom aktar effiċjenti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Irridu nfissru li bl-ebda mod m’għandna nittraskuraw la l-istudju bla heda u lanqas il-kult l-aktar devot tal-verità divina, li huma bla dubju l-pedamenti ta’ din ir-riforma. Ir-rispett lejn il-karità se jkollu l-post tal-akbar unur. Għalhekk irridu nixxenqu għal “Knisja ta’ karità” jekk irridu li hi jkollha ħila tiġġedded bis-serjetà u – dak li hu aktar iebes u diffiċli – tittrasforma d-dinja kollha. Minbarra dan, il-karità, kif jaf kulħadd, hija r-reġina u qiesha l-għerq tal-virtuwjiet insara l-oħrajn kollha, jiġifieri tal-umilta, tal-faqar, tal-pjetà, tal-ispirtu ta’ sagrifiċċju, tal-kuraġġ fl-istqarrija tal-fidi, tal-imħabba fit-tfittxija għall-ġustizzja u tal-virtuwijiet l-oħra li l-bniedem iħaddem bl-imġieba tiegħu.

F’dan, ix-xogħol tal-Konċilju Ekumeniku jimraħ f’oqsma bla tarf: Il-Liturġija Mqaddsa hi qasam minnhom mingħajr dubju fost tal-ewwel u li twarrad bil-karità. Minħabba li fl-ewwel sessjoni saret ħafna diskuzzjoni fit-tul dwar dan, nittamaw li issa tasal għal konklużjonijiet imqita. L-ispirtu tal-Padri konċiljari żgur li se jimpenja ruħu bl-istess ħeġġa u l-istess ħerqa fl-oqsma l-oħra wkoll; minkejja li hemm il-biża’ li minħabba n-nuqqas ta’ ħin mhux il-kwistjonijiet kollha jistgħu jkunu eżaminati fil-fond kif jixirqilhom, tant illi l-istudju dwar xi wħud minnhom ikollu jitħalla għal xi sessjoni aktar ‘il quddiem.

Ir-rikostruzzjoni tal-għaqda fost l-insara

Il-predeċessur tagħna Ġwanni XXIII kien stabbilixxa għan ieħor, it-tielet wieħed, illi għandu jitqies assolutament l-aktar wieħed gravi fil-qasam tal-istituzzjonijiet spiritwali; qed nirreferi għal dak li għandu x’jaqsam “mal-insara l-oħra”, jiġifieri dawk, li minkejja li jemmnu fi Kristu, ma nistgħux – oh! Ferħ miċħud lilna! – nikluduhom ma’ dawk li huma magħqudin magħna f’għaqda perfetta fi Kristu. Din l-għaqda li minħabba fiha huma suppost magħqudin magħna bis-saħħa tal-Magħmudija tista’ toffrihielhom biss il-Knisja kattolika, u huma dan jixtiequh għax hi rabta meħtieġa.
Dak li qed jiġri llum fi ħdan il-komunitajiet insara mifrudin minna u li qed jafferma ruħu jum wara ieħor, juri infatti, u aktar minn kollox, żewġ affarijiet: li l-Knisja ta’ Kristu hi waħda u għandha tkun waħda u li din l-għaqda misterjuza li tidher ma tistax isseħħ jekk mhux bis-saħħa ta’ fidi waħda, jekk mhux bis-sehem fl-istess Sagramenti, jekk mhux b’rabta ma’ ordinament ekkleżjastiku wieħed, minkejja li wieħed jista’ jaċċetta lingwaġġi differenti, istituzzjonijiet leġittimi, regoli ta’ mġieba skont il-preferenzi ta’ kull waħda.
X’għandu jaħseb, u kif għandu jġib ruħu l-Konċilju quddiem dan l-għadd sostanzjali ta’ folol ta’ ħutna mifrudin minna u dwar il-varjetajiet possibbli fi ħdan din għaqda? Huwa ċar. Din il-miġemgħa konċiljari hija eċċezzjonali anki minħabba dir-raġuni. Tal-anqas fix-xewqat, fit- talb lil Alla, fit-tħejjija, il-Konċilju għandu x-xenqa ta’ dik li ngħidulha ekumeniċità sħiħa u universali. Illum titbissmilna t-tama, għada forsi tkun realtà. Filwaqt li jsejjaħ, jgħodd, jiġbor fil-maqjel, in-nagħaġ li bi dritt u ġustizzja jiffurmaw il-merħla, il-Konċilju, intant jiftaħ il-bibien, jgħolli leħnu u jistieden bil-ħerqa lil tant nagħaġ ta’ Kristu li għadhom mhumiex miġburin fil-magħlaq tal-istess maqjel. Għalhekk dan il-Konċilju jistenna, fiduċjuz li jagħmel ħiltu biex fil-ġejjiieni jkunu bosta li bi spirtu fratern ikunu sehem mill-ekumeniċità awtentika tiegħu.

Hawnhekk, id-diskors tagħna hu indirizzat b’rispett lejn id-delegati tal-komunitajiet insara mifrudin mill-Knisja kattolika, mibgħutin minnhom biex jassistu għal dil-laqgħa solenni bħala, kif ngħidu, osservaturi.
Hu pjaċir tagħna nilqgħuhom minn qalbna.


Irroddulhom ħajr talli ġew.

Permezz tagħhom irridu nibagħtu lill-venerabbli komunitajiet insara li huma qed jirrappreżentaw hawnhekk, messaġġ li jesprimi l-għozza tagħna paterna u fraterna.
Leħinna jitriegħed u qalbna tħabbat għax bħalma l-preżenza tagħhom fostna ttina faraġ bla qies u tama ħelwa, bl-istess mod il-firda tagħhom minn magħna tnikket bl-imrar ‘il qalbna.

Jekk hemm xi ħtija fina għal dil-firda, b’talba umli nitolbu maħfra lil Alla u nitolbu maħfra lil dawk ħutna jekk huma jħossu li aħna offendejniehom. Min-naħa tagħna aħna lesti naħfru minn qalbna l-offiżi lill-Knisja kattolika u lesti ninsew l-uġigħ li feriha minħabba l-kontroversji mġebbdin u l-firdiet.

Jalla l-Missier ċelesti jilqa’ bit-tjieba din id-dikjarazzjoni tagħna u jrodd lil kulħadd paċi verament fraterna.

Kif nafu tajjeb, għad hemm kwistjonijiet li min-natura tagħhom huma gravi u kumplikati,
Kwistjonijiet li hemm bżonn nistudjawhom, niddiskutuhom u nsolvuhom. Bil-karità ta’ Kristu li ssuqna rridu verament li dan iseħħ bla telf ta’ żmien; imma nagħrfu wkoll li hemm bżonn ħafna kundizzjonijiet sabiex dawn id-diffikultajiet jista’ jintlaħaq ftehim dwarhom u tinstab soluzzjoni għalihom, u dawn il-kundizzjonijiet għadhom ma waslux biex jippermettulna naslu nħollu l-kobba ta’ dil-problema. Madankollu ma jkunx ta’ wġigħ għalina nistennew bil-paċenzja il-jum hieni li fih fl-aħħar isseħħ ir-rikonċiljazjzoni perfetta.

Sadttant nixtiequ nikkonfermaw lill-osservaturi li hawn preżenti xi kriterji ewlenin li aħna nifhmu li fuqhom għandha sseħħ l-għaqda ekkleżjastika ma’ ħutna mifrudin, sabiex huma jkunu jistgħu jwassluhom, kull wieħed u waħda lill-komunitajiet insara tagħhom, u barra minn hekk, sabiex leħinna jasal ukoll għand il-venerabbli ħutna nsara mifrudin minna u li ma aċċettawx l-istedina biex jingħaqdu magħna, anki mingħajr impenn ta’ rbit reċiproku ma’ dal-Konċilju. Minkejja illi, kif nemmnu, huma diġà jafuhom dawn il-kriterji, aħna nemmnu li jkun ta’ vantaġġ li nerġgħu ntennuhom issa.

Id-diskors li qed nindirizzawlhom hu assolutament paċifiku u sinċier. Fih m’hemm moħbi ebda għejra, ebda kalkolu moħbi ta’ interess terren. Aħna, kif hu dmirna, marbutin għal kollox, hielsa u sodi, mal-fidi tagħna, li aħna nemmnu b’ċertezza li hi divina. Madankollu aħna ċerti wkoll li hi, żgur mhix ostaklu biex naslu għall-ftehim mixtieq bejnna u bejn ħutna mifrudin minna: infatti din hi verità divina, li hi l-bidu tal-għaqda, mhux tan- nuqqas ta’ qbil u l-firda. Wara kollox, marridux li l-fidi tagħna tkun sors ta’ polemika magħhom.

Imbagħad, bir-rispett dovut, inqisu kemm hu korrett il-patrimonju reliġjuż li wirtna minn ta’ qabilna li hu komuni għal kulħadd, u li ħutna mifrudin żammew u ħarsu u f’xi każi żviluppawh ukoll. Napprovaw bil-ferħ l-isforzi ta’ min bl-onestà jfittex li joħroġ għad-dawl u jagħti ġieħ lit-teżori awtentiċi tal-verita u tal-ħajja spiritwali ta’ dawn ħutna mifrudin, bl-għan li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jitjiebu. Aħna fiduċjużi li huma wkoll għatxana biex isiru jafu d-duttrina tagħna f’aktar dettall, josservaw kif din tnixxi raġjonevolment mill-kumplessità tar-Rivelazzjoni divina u jaraw li jiksbu wkoll għarfien aħjar tal-istorja tagħna u tal-ħajja reliġjuża tagħna.

Minbarra dan, hu pjaċir tagħna li dwar dal-punt, Aħna, li aħna konxji mid-diffikultajiet gravi ħafna li jostakolaw l-għaqda tant mixtieqa, naffermaw li Aħna nqiegħdu l-fiduċja kollha tagħna f’Alla. Għal dan il-għan Aħna nkomplu nduru bit-talb tagħna lejh u naħdmu bil-forzi tagħna kollha biex noffru xhieda aktar evidenti tal-ħajja nisranija u tal-karità fraterna. Jekk imbagħad ir-riżultat ma jkunx dak li nixtiequ u nistennew aħna, niftakru f’dal-kliem ta’ Kristu, mimli faraġ: “Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista’ jkun” (Lq 18,27).

Djalogu tal-Knisja mad-dinja tal-lum

Fl-aħħar, il-Konċilju kellu rakkomandazzjoni biex jintrabat mal-komunità umana tal-lum billi jibni speċi ta’ pont. Dan hu fatt meraviljuz! Filwaqt li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, hi tibqa’ dejjem iżżid il-ħeġġa tagħha, il-Knisja tintgħaraf u tibqa’ bogħod mis-soċjetà profana li hi mdawra biha, biex b’hekk tiskopri wkoll u tikkkonferma l-impenn missjunarju mogħti lilha, dmir kapitali, bil-mira li bla heda ta’ xejn jibqa’ jitħabbar l-Evanġelju lill-ġeneru uman, hi x’inhi l-kundizzjoni tiegħu, skont l-amar li rċeviet.
Wara kollox, intom stess, venerabbli ħuti ġarrabtu l-esperjenza ta’ dal-prodiġju. Fil-ftuħ tal-ewwel sessjoni, u mixgħulin mid-diskors tal-inawgurazzjoni ta’ Ġwanni XXIII, mill-ewwel fhimtu li x-xogħol tagħkom hu li tiftħu beraħ, biex ngħidu hekk, messaġġ ta’ merħba, ta’ fraternità, ta’ tama lill-bnedmin kollha. Att li żgur mhux tas-soltu, iżda meraviljuz! Id-don tal-profezija, biex ngħidu hekk, mogħti lill-Knisja, donnu sbroffa f’daqqa; u bħalma San Pietru f’jum il-Pentekoste kien imnebbaħ biex bla telf ta’ żmien jiftaħ ħalqu u jkellem lill-poplu, intom ukoll ma qtajtuhiex li tiddiskutu l-ewwel dak li jolqot lilkom iżda dak li jolqot lill-umanità, ma ħadtux deċiżjoni li titkellmu bejnietkom, imma li tindirizzaw lill-bnedmin.

Minn dan, venerabbli ħuti, joħroġ li l-karatteristika ewlenija ta’ dal-Konċilju hi l-karità, karità kbira u bla qies, karità li aktar moħħha fil-ġid tal-oħrajn milli fl-interessi tagħha, jiġifieri moħħha fl-imħabba universali ta’ Kristu!

Dil-karità terfa’ qlubna ‘l fuq. Meta nsibu quddiem għajnejna l-ħajja tal-bnedmin kif inhi llum, istintivament jiġri li aktar tolqotna l-biża’ milli l-faraġ, aktar ninħakmu min-niket milli mill-ferħ, u aktar inkunu moħħna biex inżommu l-periklu bogħod minna u biex nikkundannaw l-iżbalji milli biex nibnu l-fiduċja u l-ħbiberija.

Jeħtieġ inħarsu lejn ir-realtà, u bl-ebda mod ma naħbu l-ġerħa li għal ħafna raġunijiet tferi saħansitra lil dan l-istess Konċilju universali. Forsi aħna tant għomja li mhux qed nosservaw tant postijiet vojta waqt f’din l-assemblea? Fejn huma ħutna ta’dawk in-nazzjonijiet fejn ġiet dikjarata gwerra lill-Knisja? U f’liema qagħda tinsab il-Knisja? Meta nqisu dawn il-fatti, jidhrilna li huma ferm aktar gravi jekk ħarsitna ddur fuq dak li nafu, u aktar u aktar lejan dak li ma nistgħux inkunu nafu, dwar il-Ġerarkija sagra, dwar ir-reliġjużi, u l-verġni qaddisin, u dwar l-għadd bla qies ta’ wliedna li minħabba l-fedeltà żonqrija lejn Kristu u lejn il-Knisja huma maħkumin mill-biża’, vessazzjonijiet, tribulazzjoni u oppressjoni. Kemm inħossu qalbna titnikket minħabba din it-tbatija, u kemm aħna aktar imnikktin meta naraw li f’ċerti territorji l-libertà reliġjuża kif ukoll drittijiet fundamentali oħra tal-bniedem huma kalpestati mill-ideoloġiji u s-sistemi ta’ min ma jittollerax opinjonijiet differenti minn tiegħu fejn tidħol il-politika, ir-razza, ir-reliġjon ta’ kull ġeneru. Inħossuna mnikktin ukoll li f’xi postijiet għad hemm diskriminazzjoni kontra min irid jistqarr ir-reliġjon tiegħu bla ħabi u bil-libertà. Però. Aħna u nikkundannaw dan il-ħażen, minflok kliem iebes, nippreferu nagħmlu eżortazzjoni sinċiera u ħielsa lil kull min qed jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dis-sitwazzjoni ta’ niket, sabiex, fl-aħħar, jieqaf jiżra’ l-mibgħeda bla raġuni lejn ir-reliġjon kattolika. Kulmin jistqarr li hu kattoliku għandu jitqies bħala ċittadin mhux bħala għadu li ma tistax tafda fih, anzi għandu jitqies bħala persuna ħawtiela fi ħdan l-istat li jgħix fih. Napprofittwa ruħna wkoll minn din l-okkażjoni biex b’għozza kbira nsellmu lil-kattoliċi li qed ibatu minħabba l-fidi tagħhom, u nitolbu bil-ħerqa lil Alla għalihom biex ikun ta’ faraġ partikolari għalihom.

Is-swied il-qalb tagħna ma jintemmx hawn. Jekk inħarsu lejn il-familja umana, ninħakmu minn ansjetà enormi minħabba d-diżastri li tinsab tissara magħhom: fuq kollox l-ateiżmu, li ħakem parti mill-komunità umana u f’dak li għandu x’jaqsam mal-mentalità, il-morali u l-ħajja soċjali, qaleb l-ordni ta’ kollox ta’ taħt fuq b’mod li ftit ftit il-bniedem qed warrab fil-ġenb il-kunċett preċiz ta’ dak l-ordni. Aktar mhu qed jiċċara d-dawl li ġej minn għarfien akbar u aħjar tan-natura, ftit ftit – sfortunatament – l-għarfien ta’ Alla aktar qed jiċċajpar u bħala konsegwenza qed jiċċajpar ukoll l-għarfien tal-bniedem innifsu. Għalhekk, filwaqt li l-progress qed jipperfezzjona b’mod tal-għaġeb magni ta’ kull tip u għamla għall-użu tal-bniedem, ta’ kuljum is-solitudni, is-swied il-qalb, id-disperazzjoni qed jinvadulu qalbu.
7. Kieku għandna ħafna xi ngħidu dwar il-kundizzjonijiet kumplikati u, għal ħafna raġunijiet, ta’ niket, tal-bniedem modern, imma llum mhux il-kas li nitkellmu dwarhom. Issa, kif għadna kif stqarrejna, qalbna mħeġġa bil-karità bħalma hi mħeġġa l-Knisja miġbura fil-Konċilju. Qed insegwu b’simpatija kbira din l-epoka tagħna u l-ħafna manifestazzjonijiet kontradittorji tagħha, u aħna maħkumin ukoll minn rieda bla qies biex lill-bnedmin kontemporanji nwasslulhom il-messaġġ tal-imħabba, tas-salvazzjoni u tat-tama li Kristu ġab fid-dinja: “Alla ma bagħatx lil Ibnu biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 17).

Jalla d-dinja tkun taf fiż-żgur li l-Knisja tħares lejha bl-imħabba, li għandha ammirazzjoni sinċiera lejha u l-għan sinċier tagħha mhux li tiddominaha imma li taqdiha, mhux li tiddisprezzaha imma li tkattrilha d-dinjità tagħha, mhux li tikkundannaha imma li toffrilha faraġ u salvazzjoni.

Minn dal-Konċilju li ħarstu timraħ fuq id-dinja kollha, il-Knisja ddawwar il-ħarsa ta’ moħħha lejn xi kategoriji ta’ persuni. Jiġifieri, tħares lejn il-foqra, lejn min hu fil-bżonn, lejn min hu mnikket, u lejn min hu magħkus minħabba l-ġuħ u l-uġigħ li huma kollha marbutin ma’ xulxin: għalhekk iddur lejn dik il-parti tal-umanita li tbati u tibki, għax taf li dawn il-persuni jiffurmaw parti minnha bi dritt evanġeliku, u hi hienja ttenni l-istess kliem tal-Mulej: “Ejjew għandi, intom ilkoll” (Mt 11, 28).

Il-Knisja mbagħad iddawwar ħarsitha lejn in-nies tal-kultura, dawk iddedikati għall-istudju letterarju, għall-osservazzjoni tan-natura, għal-‘belle arti’; il-Knisja tagħti ġieħ lilhom ukoll, u b’interess kbir għandha l-ħsieb tilqa’ l-esperjenzi tagħhom, tapprova l-frott tal-ġenju tagħhom, tiddefendi l-libertajiet tagħhom u lill-qlub inkwieta tagħhom toffrilhom aċċess għall-għola sferi tal-kelma divina u tal-grazzja divina.

Tħares lejn il-ħaddiema, lejn id-dinjità ta’ persunthom u tax-xogħol li jagħmlu, lejn it-talbiet leġittimi tagħhom, lejn il-ħtiġijiet tagħhom li għadhom mhux mitmuma, jalla l-qagħda soċjali tagħhom titjieb u l-ħajja spiritwali tagħhom timxi ‘l quddiem; u wkoll għall-ħidma li wieħed jista’ jafdalhom f’idejhom li però għandha ssir bi spirtu rett u nisrani; qed nitkellmu dwar il-missjoni li hemm bżonn jinħalaq ordni ċivili ġdid li fih il-bnedmin ikun ħielsa u jħossuhom aħwa. Il-Knisja, Omm u Għalliema tinsab magħhom.

Tħares lejn min jiggverna. Minflok it-twiddib li soltu spiss ikollha tindirizzalhom, illum il-Knisja ddur lejhom bi kliem mimli inkuraġġiment u fiduċja. Kunu qalbkom tajba, kapijiet tan-nazzjonijiet! Lill-popli tagħkom tistgħu ttuhom bosta mill-ġid meħtieġ fil-ħajja tal-bniedem, jiġifieri l-ħobż, it-tagħlim, l-ordni, id-dinjità li jistħoqqilhom it-tfal u ċ-ċittadini; dan però dment li intom tkunu konxji dwar x’inhu l-bniedem, ħaġa li jista’ jgħallimhulkom biss u sħiħ, id-dehen nisrani. Meta taħdmu bi ftehim kollettiv skont il-liġi tal-ġustizzja u tal-imħabba, tkunu tistgħu tirregalawlhom il-ġid l-aktar prezzjuz fost kollox, il-paċi li kulħadd jixtieq b’qalbu kollha u li l-Knisja tiddefendi u tmexxi ‘l quddiem b’tant determinazzjoni; b’hekk tkunu tistgħu tgħaqqdu l-popolazzjonijiet kollha f’nazzjon wieħed. Alla magħkom!
Il-Knisja kattolika tħares aktar ‘il bogħod, lil hinn mill-konfini tal-famlja nisranija; infatti kif tista’ mħabbitha tibqa’ magħluqa f’ċertu limiti meta hi għandha timta l-imħabba ta’ Alla l-Missier, li “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (cfr Mt 5,45), u li tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex bih issalva?” (cfr Ġw, 3,16). Għal dir-raġuni hi timraħ lil hinn mill-komunitajiet insara u tħares lejn ir-reliġjonijiet l-oħra li għadhom iħaddnu l-kunċett u l-għarfien ta’ Alla waħdieni, ħallieq, ġeneruz, l-aktar għoli u li jittraxxendi n-natura ta’ kollox; dawk li jipprattikaw il-kult ta’ Alla b’atti ta’ pjetà sinċiera u li fuq dawn id-drawwiet u minn dat-twemmin isejsu l-prinċipji tal-ħajja morali u soċjali.

F’dawn ir-reliġjonijiet il-Knisja kattolika tinnota bla dubju, u b’għafsa ta’ qalb, nuqqasijiet, mankanzi u żbalji; madankollu ma tistax ma ddawwarx ħsiebha lejhom ukoll, biex tiżgurahom li r-reliġjon kattolika tiġġudika u tirrispetta dak li hu veru, tajjeb u onest li jinsab fihom; imbagħad biex tfakkar illi – peress li tiddefendi b’konvinzjoni – kif jitolbu l-esiġenza u d-dmirijiet ċivili – id-drittijiet ta’ Alla fuq il-bnedmin, hi minn ta’ quddiem biex fost il-bnedmin ta’ żmienna tiddefdni s-sens reliġjuz u l-kult ta’ Alla.

Fl-aħħar, il-Knisja tħares lejn l-oqsma l-oħra immensi tal-attività umana: jiġifieri fejn qed jitrabbew il-ġenerazzjonijiet il-ġodda taż-żgħażagħ, mixgħulin bix-xewqa li jgħixu u jiddistingwu ruħhom; fejn in-nazzjonijiet il-ġodda jiksbu għarfien tad-drittijiet tagħhom, tal-libertajiet u tal-istituzzjonijiet ċivili; fejn għadd bla qies ta’ bnedmin isofru s-solitudni minkejja li jgħixu fil-ħamba ta’ komunità umana li ma jirnexxiliex twassal lill-ispirtu tagħhom kelma ta’ salvazzjoni. Il-Knisja ddawwar kelmtha lejn dawn kollha, leħen mimli tama u tawgura u toffri lil kulħadd id-dawl tal-verità, tal-ħajja u tas-salvazzjoni għax Alla “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2,4).

Venerabbli ħuti,

Lil-missjoni afadata f’idejna biex inwasslu s-salvazzjoni, hija kbira u iebsa. Biex naslu għal dan kif imiss aħna nġabrna hawn flimkien f’din l-assemblea solenni. L-armonija bejn qlubna lkoll, soda u fraterna, tmexxina u ssaħħaħna. Jalla l-komunjoni tagħna mal-Knisja ċelesti tkun ta’ fejda għalina; jalla jgħinuna l-qaddisin tas-sema li huma meqjumin b’devozzjoni partikolari fid-diversi djoċesijiet u kongregazzjonijier reliġjużi; jalla jgħinuna l-anġli u l-qaddisin kollha speċjalment il-qaddisin Pietru u Pawlu, San Ġwanni l-Battista u b’mod partikolari ħafna San Ġużepp li l-Konċilju ddikjarah patrun tiegħu. Jalla tishar fuqna u ttina l-għajnuna materna tagħha l-beatissima Verġni Marija, li aħna ninvokaw b’talb ħerqan; jalla Kristu jippresjiedi; u kollox ikollu l-għan li jagħti glorja lil Alla, ad unur tas-Santissma Trinità, li aħna nażżardaw inwasslu likom ilkoll fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (AAS 55 (1963), pp. 841-859).
[Dan li ġej meħud mis-sors AAS 55 (1963), p. 859; huwa nieqes mill-edizzjoni uffiċjali].
Nagħtu merħba minn qalbna wkoll lil-insara tat-tradizzijonijiet orjentali tal-lingwa griega li kienet il-lingwa tal-ewwel Konċilji ekumeniċi u tal-Missirijiet il-kbar u d-Dutturi tal-Knisja: Bażilju Manju, Girgor ta’ Nissena, Girgor it-Teologu, Ġwanni Kriżostmu, Ċirillu ta’ Alessandrija, Ġwanni Damaxxenu u tant oħrajn li dawlu l-ekumene kollha u għadhom il-glorja tal-ħsieb nisrani.

Ħuti tal-Knejjes qaddisa tal-Orjent ejjew nitolbu u naħdmu għall-glorja t’Alla u sabiex tinxtered is-saltna tiegħu bil-fidi u l-imħabba.

Insellmu wkoll lill-insara tal-popli slavi u niżgurawhom li hi x-xewqa tagħna li nitolbu u naħdmu għall-glorja t’Alla u sabiex tinxtered is-saltna tiegħu bil-fidi u l-imħabba.

Miġjub għall-Malti it-Taljan minn Joe Huber