Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 25 ta' Jannar, 1978

 

L-attakki tal-ħażen niġġildulhom bit-tajjeb

 

Illum il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta' San Pawl, ġrajja deċisiva għall-kristjaneżmu, li kkonfermat il-vokazzjoni universali tar-reliġjon il-ġdida illi, imwielda f'pajjiż partikolari u fil-qafas tat-tradizzjoni Għebrajka, f'dan l-Appostlu l-ġdid sabet il-missjunarju li fehem u pprietka l-Evanġelju lill-bnedmin kollha, aktar mill-oħrajn.  Infatti hemm Alla wieħed biss u wieħed biss hu l-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Ġesù Kristu, li ta lilu nnifsu bħala rahan għal kulħadd.  Din ix-xhieda Hu taha fiż-żmien stabbilit: "Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu (huwa San Pawl li qed jagħti xhieda tiegħu innifsu fl-ewwel ittra lil Timtoju, 2,7) - huwa jikteb - qiegħed ngħid is-sewwa, m'iniex nigdeb, biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità".  Illum, it-tislima ta' qima u mħabba tagħna tmur lejn l-Appostlu Pawlu, flimkien mal-ħsieb li llum ukoll, il-pjetà tal-Knisja ddur lejn ix-xewqa appostolika tant kbira iżda mhux mitmuma, li terġa' seħħ għaqda sħiħa bejn l-Insara kollha, bit-talb u bit-tama li x-xenqa li saret aktar ħerqana u aktar plawsibbli bis-saħħa tal-ekumeniżmu kontemporanju, li qed niċċelebraw fi qlubna, u bir-rieda t'Alla, fi qlub ħutna li għandhom mifrudin minna, tikseb il-kuruna tas-suċċess hieni.

Lil San Pawl, imbagħad nitolbuh itina kelma li tfarraġ lil qlubna, mifxulin minħabba tant ġrajjiet tal-ħajja fid-dinja tal-lum, li qed idagħjfu bis-sħiħ il-fiduċja tagħna li d-dinja tista' tagħmel progress fil-mixja lejn il-paċi.  Ilkoll ninsabu mnikktin minħabba x-xegħla tal-vjolenza privata, imma organizzata, fis-soċjetà tal-lum, li l-fenomeni ta' diżordni ċivili qed issarrafhom f'nuqqas ta' sigurtà li jnikktu u li l-pluraliżmu morali u politiku dominanti, maskra tal-libertà, donnu qed itiha r-riħ.  Aktar minn hekk id-diffikultajiet soċjo/ekonomiċi qed jinfirxu u qed ikollhom effetti negattivi ħafna, u milli jidher is-sitwazzjoni se teħżien u b'hekk qed joktru xewqat boloħ ta' tgawdija superfluwa u biżgħat li jipparaliżżaw in-normalità tax-xogħol u qed joħolqu psikoloġija ta' sfiduċja li qed tnixxef l-attivtà produttiva u minflok qed tipproponi rimedji vojta u diżordinati.  U, kif dejjem jiġri, il-ħażen iwelled aktar ħażen li spiss ikun agħar. Ilkoll ninsabuu mħassbin.  L-agħar, jgħidu, m'għandux qiegħ; u t-tentazzjoni tal-pessimiżmu qed terfa' rasha u qed tħeddel ħafna enerġiji li madankollu kienu mqanqlin b'ħarsa għat-tul bit-tama ta' ġejjieni aħjar.  Il-kwadru magħruf minn kulħadd u bid-dell tiegħu qed jagħfas fuq dan il-waqt taċ-ċiviltà tagħna u qed idellel ukoll l-istorja ta' għada.

Allura dan hu r-rimedju tagħna, mislut appuntu mit-teżor tat-tagħlim tal-Appostlu Pawlu.  Hu jtihulna fl-ittra tiegħu lir-Rumani, fejn wara li jkun ħeġġiġhom b'suġġerimenti entużjasti dwar il-ħajja morali li għandha tkun tidher fil-persuni mdawlin bil-fidi u msaħħin bil-grazzja, hu jiġbor fil-qosor l-eżortazzjoni tiegħu f'din is-sentenza magħrufa sew: "Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb" (Rum 12,21).  Kemm tidher sempliċi l-kelma tal-Appostlu u jidher li ta' min iwaħħalha sewwa f'moħħu.  Intant ninnutaw: id-duttrina appostolika hi interjuri, u aktarx tibdel il-mentalità fqira ta'  min iċedi quddiem l-istmerrija u t-taqlib tal-kundizzjonijiet esterjuri li fihom għaddejja l-ħajja tagħna.

Qed ngħixu f'dinja kuntrarja mhux biss minħabba raġunijiet fiżiċi u materjali tal-eżistenza tagħna, iżda li hija wkoll għadu minħabba d-diffikultajiet fl-organizzazzjoni soċjali, jew aħjar minħabba d-diżordni tal-fatturi li ma jħalluhiex torganizza ruħha, jiġifieri li tkun raġjonevoli u ġusta.  Aħna qed inħossu dan l-ingann li qed jagħmel il-konvivenza ċivili diffiċi u kultant insopportabbli: x'għandna nagħmlu?  Għandna nħallu l-ħażen jegħlibna, jiġifieri jaħkimna u jjassarna fl-ispirali li lilna wkoll jagħmluna nies ħżiena?  Dan hu l-proċess tat-tpattija, li jkattar il-ħażen u ma jfejqux.  Jew inkella għandna nbaxxu rasna għall-pessimiżmu u l-għażż u nintelqu f'rassenjazzjoni ta' nies beżżiegħa?  Dan mhux nisrani.  In-nisrani paċenzjuż, imma mhux mitruħ, mhux indifferenti.  L-atteġġjament li jissuġġerixxi l-Appostlu hu li għandu jkollna reazzjoni pożittiva; jiġifieri hu jgħallem biex ma nehdewx nirreżistu bit-tajjeb ħalli neħduha kontra l-offiża tal-ħażen;  jgħallimna nżidu l-isforzi li nagħmlu biex inħobbu u b'hekk negħlbu l-ħsara tad-diżordni morali; jgħallimna nisseddqu fil-virtù u biex inżidu l-ħidma ta' qlubna skont l-esperjenza tal-ħażen li niltaqgħu miegħu fil-mixja tagħna.  Hekk għamel San Pawl.  Hekk għamlu l-Qaddisin.  U hekk għandu jkun għalina lkoll.

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Maltimit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....