Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 18 ta' Jannar, 1978

 

It-tama sigrieta biex l-għaqda tibena mill-ġdid

 

Aħna ma nistgħux ninsew koinċidenza tal-kalendarju li din l-Udjenza qed issir nhar it-18 ta' Jannar, għax illum hu l-ewwel jum tal-"Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda Fost l-Insara"; u nħossu li hu dmir tagħna nistednukom biex tingħaqdu f'dir-riflessjoni dwar din il-kwitsjoni permanenti tal-ekumeniżmu, jiġifieri li terġa' sseħħ għaqda effettiva, fil-fidi u d-dixxiplina, bejn kulmin jemmen f'Ġesù Kristu.  Infatti dan hu dmir, nistgħu ngħidu, kostituzzjonali, sabiex l-insara kollha jkunu magħqudin bejniethom, biex skont ir-rieda ta' Ġesù Kristu "jkunu ħaġa waħda" (Ġw. 17, 11-21; 22-23);  dmir li s-sekli ta' firda bejn l-insara għadhom ma taffewhx, anzi, aktarx stimulawh, filwaqt li żmienna jimponi li b'kuxjenza aktar ċara hemm bżonn li l-insara jkunu magħqudin!

L-ewwel ħaġa li għandha ssir hi: li nkunu konxji minn dad-dmir!  Din hi r-rieda solenni ta' Kristu!  Aħna drajna f'sitwazzjoni paradossali, li naħsbu li aħna kristjani awtentiċi minkejja li l-firdiet bejn dawk li jqisu li huma nsara huma bosta, ġejjin mill-bogħod, mill-imgħoddi.   Jekk aħna għandna l-ħerqa li nkunu veri segwaċi u fidili ta' Kristu, għandna nħossuna skomdi, imnikktin, ansjużi, minħabba l-istat li tinsab fih illum is-sekwela tiegħu, il-Knisja tiegħu.  Iżda d-diffikultajiet biex iseħħ fużjoni sħiħa bejn id-denominazzjonijiet insara differenti huma tant, li qed jipparalizzaw kull tama umana li din tista' sseħħ storikament.   Il-firdiet li seħħew rabbew il-kallu, saru tal-ġebel, huma organizzati b'tali mod li nistgħu nqisu utopija kull tentattiv biex jerġa' jinbena kollox taħt ir-ras tagħna li hu Kristu, "Fih il-ġisem kollu - kif jgħid San Pawl - isib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba". (Ef 4,16).

Il-problema tal-għaqda fost l-insara donnha tidher bla soluzzjoni wkoll minħabba l-fatt li għandha tkun vera għaqda; ma nistgħux fuq dil-kelma sagrosanta "għaqda", li l-eżempju tagħha hi l-għaqda ineffabbli tal-Missier Ċelesti ma' Ibnu divin (Ġw, 17, 22), naċċettaw kull tip ta' abbuz fl-interpretazzjoni pluralistika.  L-għaqda tal-ġisem mistiku ta' Kristu, li hi l-Knisja, taċċetta, anzi tesiġi kariżmi differenti (Ef 4, 11-15), dejjem bil-kontribut organiku ta' fidi waħda u karità waħda.  U meta din il-ħtieġa nikkofrontawha mal-kundizzjonijiet konkreti u storiċi tal-gruppi ta' fidili li jħaddnu denominazzjonijiet kristjani differenti, donnu li tgħib kull tama ekumenika; l-istorja ma terġax lura!  Madankollu m'għandux ikun hekk; il-kelma ta' Kristu: "aħna lkoll ħaġa waħda!" għalina mhix biss preċett iżda hija wkoll wegħda profetika; din tlissnet mill-Mulej fit-talba l-kbira tiegħu qabel il-passjoni; ma tistax tibqa' bla mismugħa!

U għalhekk, żewġ konklużjonijiet pożittivi għal dil-"Ġimgħa ta' talba għall-Għaqda fost l-Insara" li qed niċċelebraw.  L-ewwel waħda tissuġġerihielna t-tema magħżula għal din il-Ġimgħa; tgħid: "Intom m'għadkomx barranin".  Din hi kelma oħra ta' San Pawl li jgħallimna biex inkunu diġà komunjoni waħda, karità waħda, sabiex bihom aħna nistgħu nsejħu bħala "ħutna" anki lil dawk l-insara li, sfortunatament, għadhom mifrudin mill-vera għaqda kattolika.  Huma mgħammdin, huma jemmnu fl-Evanġelju, huwa wkoll, aħna hekk nittamaw, jaspiraw għall-għaqda bejn l-insara kollha.  Ifisser li diġà hemm rabtiet ta' għaqda li la nistgħu ninjorawhom u lanqas innaqqsu s-siwi tagħhom; rabtiet mhux perfetti; rabtiet li għadhom juru t-tiċrita li seħħet fi ħdan il-ġabra unika, integra u organika, tal-ġisem mistiku; rabtiet lil lill-Knisja-Omm jitolbuha li jerġgħu jissieħbu magħha b'paċenzja kbira u umiltà eżemplari, filwaqt li għadhom influwenzati minn vitalità ġdida u denja; rabtiet imkissra li llum m'għandhomx ikunu raġuni ta' polemiċi li ma jistgħux jingħelbu, imma raġuni għaliex għandha titkattar l-imħabba jekk huma favur li terġa' tinbena l-għaqda.

U allura, hawn hi t-tieni konklużjoni: hemm bżonn it-talb!  It-talb għall-għaqda, u meta narawha kontra d-dawl, stqarrija sinċiera li bil-ħiliet umani tagħna biss impossibbli naslu biex nilħqu l-għanijiet li nfasslu: "mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn" (Ġw 15, 5).  Hu l-kas li nerġgħu nixtarru kliem il-Mulej; li nerġgħu ndawru talbna lejh b'fiduċja akbar.  X'ma nistgħux niksbu bit-talb?  Hawn tinsab it-tama sigrieta biex terġa' sseħħ mill-ġdid l-għaqda fost l-insara!

Għalhekk nitolbuu lkoll kemm aħna.  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....