Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 17 ta’ Mejju, 1978

 

It-tama fil-ġejjieni tinsab fl-għerf tas-salib

 

Hemm bżonn nirriflettu, anzi, naħsbu mill-ġdid.  Ninsabu f’waqt storiku li fih is-sitwazzjoni tas-soċjetà qed tiżviluppa, tinbidel, qed issib quddiema problemi ġodda, diffikultajiet ġodda, possibbiltajiet ġodda.  Kulma jiġri fil-ħajja fid-dieher, iħalli effett fi qlubna.  It-traġedja tal-Onorevoli Aldo Moro, u n-nies tiegħu, ħallitilna niket kbir; it-tmiem tagħha jġagħalna nirriflettu, b’djieqa kbira, dwar dil-ġrajja, qiesna qed nirriflettu dwar kriżi li t-tmiem tagħha għadu ma ħallx il-problemi kollha li qanqlet; minkejja li aspetti ġodda dwar dan id-dramm fatali qed jinfetħu quddiemna bħala sinjali ta’ novitajiet aħjar.

Imma kemm fatti jinqalgħu li jfixklu l-previżjonijiet li jsiru dwar il-ħolma ta’ dinja fl-ordni, ġusta, fil-paċi, iżda diżgrazzjatament imniġġsa b’liġijiet mhux aċċettabbli, b’tilwim li qatt ma ssewwa, bi kwistjonijiet li l-istess progress iqanqal u jħarrax...  Sens ta’ pessimiżmu joħnoq tant tamiet hienja u jherri l-fiduċja tagħna fit-tjubija tal-ġeneru uman.  Din tagħna hi riflessjoni ta’ niket u perikoluża għax therri l-fiduċja f’ġejjieni ta’ dinja ġusta u hienja.

Hekkhu: hawn għandha tieqaf iż-żurżieqa tal-pessimiżmu possibbli tagħna.  Se nagħmlu din l-operazzjoni ta’ rkupru tal-ottimiżmu, li hu dmirna, b’xi ħsibijiet fundametnali, li għandna nisiltu  mill-kuxjenza reliġjuża tagħna, bla ma nippreġudikaw dawk li nistgħu nisiltu mir-raġuni u l-esperjenza tagħna.

L-ewwel ħsieb ta’ faraġ għandna nitolbuh lill-eżistenza u t-tjubija ta’ Alla li jħalli f’idejn il-bniedem l-iżviluppi koroħ, konsegwenza tal-libertà kapriċċuża, instabbli u fallibbli li l-ekonomija tat-treġija superjuri tad-dinja tagħti lil dak l-essri ċkejken imma terribbli, li nsejħulu ‘bniedem’ illi, b’nuqqas jew b’malizzja (bil-kompliċità ta’ essri misterjuz u ta’ ħażen kbir ieħor, id-demonju), jista jħarbat il-binja ideali u regolari tal-opra tal-bniedem innifsu.  Iżda dan id-diżordni ma jorbotx idejn Alla, li jista’ jindaħal u jaf jislet xi ħaġa tajba u ġdida mill-ħażen tal-kattiverja tal-kreatura tiegħu.  Anzi, dil-biċċa xogħol li jerġa’ jkun hemm ordni, hija effett kbir tal-preżenza divina fix-xena umana, preżenza li taf tislet effetti pożittivi minn kull sitwazzjoni umana; niftakru f’San Pawl, li jigħidilna bla tlaqliq: “(Alla) f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28).

U waħda mill-opri tal-arti tal-Providenza favur tagħna, hi propju li jgħinna nsibu teżori ta’ salvazzjoni mill-esperjenza nfisha ta’ ċertu ħażen li jgħakkes l-eżistenza tagħna.  U hawn niftakru l-kliem ta’ faraġ bla qies, li jġeddu, ta’ Kristu stess: “Imberkin l-imnikkta għax ikun mfarrġa” (Mt 5,4), kliem li jidwi wkoll fi kliem l-Imgħallem divin dwar it-tbatija fiż-żmen aħħari tal-istorja: “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar, issalvaw ħajjitkom” (Lq 21,19).

Fit-tbatija umana hemm ċertezza li għandha tfarraġ u tagħmilha tollerabbli, u din hi li t-tbatija mhix għalxejn: hi marbuta ma’ premju li lil San Franġisk t’Assisi, minkejja li magħkus minħabba l-pjagi, kienet iġġagħlu jgħid: “Tant hi kbira l-hena li qed nistenna, li għalija kull uġigħ huwa ferħ”.  Fost il-meravilji li jnissel fina l-kristjaneżmu hemm ukoll dik li għallimna nbatu bil-paċenzja u li niskopru teżori ta’ umanità u grazzja fl-uġigħ u x-xorti ħażina (cfr Fr. COPPÉE, La bonne souffrance, 1908).

Għalhekk it-tiġdid ta’ ħsbna jressaqna lejn l-ottimiżmu li mhuwiex biss teżi intellettwali, imma wkoll viżjoni tal-ħajja, anzi hu dik l-esperjenza li taħji, mhux li tagħti faraġ illużorju lil min jgħix ta’ nisrani u jagħraf ifittex l-għerf u l-enerġija li għandha bżonn l-eżistenza fqira imma erojka tagħna, fis-salib.

Bil-barka Appostolika Tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....