PAWLU VI UDJENZA ĠENERALI L-Erbgħa, 15 ta’ Ġunju, 1977
L-Ewkaristija, fus ta’ ħajja nisranija awtentika
Intom ukoll, uliedi għeżież, iċċelebrajtu l-festa ta’ Corpus Domini l-Ħadd li għadda? Jiġifieri s-solennità liturġika tal-Ewkaristija, li f’ċertu mod, tiġbor fiha l-mixja reliġjuża li mexxietna lejn l-għaqda, anzi lejn il-komunjoni ma’ Kristu? Tajjeb, żgur li lkoll kemm intom fhimtu li aħna, iva, wasalna f’punt l-aktar għoli tal-mixja tagħna lejn tmiemha; wasalna għandu, fil-preżenza reali imma moħbija, li dejjem tibqa’ fl-isfera taż-żmien li jgħaddi u li ma jinbidilx, anzi jafferma kemm hu fieragħ, u li jkaxkarna lejn il-ġejjieni, lejn il-mewt ta’ ġisimna, lejn l-oċejan misterjuz tal-ħajja l-oħra. Kemm bħala sagrifiċċju u memorjal tal-passjoni ta’ Ġesù għall-fidwa tagħna, kif ukoll bħala sagrament tal-mejda divina tiegħu, l-Ewkaristija għalina mhix l-aħħar laqgħa, imma tibqa’ rahan u wegħda ta’ ħajja li trid tiġi, fil-milja tal-hena tat-twaħħid tagħna ma’ Kristu glorjuz. Dan juri li l-laqgħa ewkaristika tista’ u għandha tittenna. Ġesù ried jieħu s-sura tal-ħobż kważi biex jimliena bix-xenqa għalih, biex nirċevuh u nerġgħu nirċevuh, biex nagħmluh ikel li għandna nixtiequh u tgawdija, aħna u nġeddu l-komunjoni ma’ dak li jtina ċ-ċans li ningħaqdu miegħu. Għalina dan jidher bħala t-tmiem tal-waqt ewkaristiku: sublimi u ta’ drawwa; straordinarju u ordinarju, ta’ rabta, jiġifieri li ngħixu f’atmosfera verament sopranaturali, minkejja li l-eżistenza tagħna għalissa tibqa’ din ta’ fuq l-art, tas-soltu, mortali. Kelma ta’ Santu Wistin, għal darb’oħra, donnha tiġbor fil-qosor dan id-duwaliżmu, uman-divin ta’ ħajja nisranija mantnuta bl-Ewkaristija: «sic vive, ut quotidie possis sumere»; għejx b’mod li tkun tista’ tiekol l-Ewkaristija ta’ kuljum (Cfr. S. Wistin Cath. ad Par. de Euch. Sacr., 60). Din l-ispiritwalità, imħarsa u stimulata mill-qrubija u l-faċilità tal-laqgħa ewkaristika, tista’ tkun għajn ta’ kristjanità awtentika li tissarraf fi programm għal min hu verament fidil. It-tieni konsegwenza ta’ meta l-Ewkaristija nagħmluha parti mill-istil ta’ ħajjitna, tirrigwarda r-relazzjonijiet soċjali, l-armonija u t-tjubija mal-persuni li jsiru parti mill-konvivenza tagħna. Ġesù jgħallimna li ma nistgħux nagħmlu denjament xi att reliġjuz jekk m’aħniex rikonċiljati ma’ ħuna (Mt 5, 23). Kif tista’ tinbidel id-dinja kieku din id-dixxiplina li tiddisponina għall-Ewkaristija tkun imħaddma kif jixraq! Madankollu dan diġà qed iseħħ permezz ta’ tant erwieħ evanġeliċi u ġenerużi li jgħixu ħajjithom jeżerċitaw il-karità bla waqfien, li jagħtu lilhom infushom, li jissagrifikaw ruħhom fis-skiet, propju minħabba l-mument tat-tqarbina mqaddsa li tkebbes fihom, qiesha fanal fiċ-ċella interjuri tagħhom! Dir-relazzjoni bejn iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u d-dinjità, is-safa, l-innoċenza tar-ruħ nisranija, hi l-ewwel rakkomandazzjoni dejjiema li jagħmel l-Appostlu Pawlu, li nistgħu nqisuh bħala l-ewwel evanġelista tal-Ewkaristija, fir-rakkont ċelebri tas-“sinassi” liturġika tal-oriġini tal-kristjaneżmu. Tajjeb li dan it-test imbierek nerġgħu naqrawh. Infatti, fl-ewwel ittra lill-Korintin, l-Appostlu jikteb: “Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.” Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi. Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess (1 Kor. 11. 23-29). Liema kuxjenza sinċiera, liema umiltà anzjuża, liema fiduċja umli għalhekk, għandu jilbes il-pass tagħnas aħna u nersqu lejn Ġesù Kristu fl-Ewkarsistija! Dan intennuh ilkoll lilna nfusna, sabiex is-Sagrament il-kbir ikun tassew għalina vjatku mill-aktar hieni lejn il-ħajja ta’ dejjem! Bil-Barka Appostolika Tagħna.
Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber
|