PAWLU VI UDJENZA ĠENERALI Is-Sibt, 13 ta’ Lulju, 1963
L-Ewwel Udjenza Ġenerali tal-Papa Pawlu VI
Uliedi għeżież! Nista’ ngħid li din hi l-ewwel udjenza ġenerali tal-pontifikat tagħna. Diġà ltqajna ma’ bosta persuni u bosta gruppi; imma intom l-ewwel grupp li qed jagħti lil-laqgħa tagħna dil-miġemgħa sabiħa u numeruża, li bl-għadd tagħha, u aktar u aktar bil-varjetà tal-gruppi li jiffurmawha, turi l-kattoliċità, jiġifieri l-universalità tal-Knisja. Merħba bikom u kunu mberkin. Aħna nixtiequ li dil-laqgħa tagħna tnissel fi qlubkom esperjenza spiritwali doppja, kemm il-waħda u kemm l-oħra verament rumani. Dik tal-paternità tal-Vigarju ta’ Kristu. Qalbna hi miftuħa verament għal kulħadd biex tilqagħkom, tfarraġkom u tberikkom. Ngħidulkom flimkien ma’ San Pawl: “Ftaħna fommna għalikom, o Korintin, b’qalbna miftuħa beraħ.....qalbna miftuħha għalikom” (cfr 2Kor, 6, 11). Imbagħad hemm il-fraternità li lilkom hawnhekk tgħaqqadkom b’rabta waħda ta’ fidi u ta’ karità. Rigward dan San Pawl ukoll jgħallimna: “Intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu” (Gal 3, 28). Aħna nixtiequ li jkollna ħin u mod kif insellmu lil kull grupp u lil kull persuna; imma dan mhux possibbli materjalment!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber
|