Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

IL-PAPA PAWLU VI

UDJENZA ENERALI

L-Erbgħa, 12 ta’ Lulju, 1978

 

Il-vaganzi: waqt ta’ meditazzjoni u smigħ

 

F’dil-konversazzjoni qasira tal-udjenza tagħna, aħna qed naħsbu dwar stat mentali doppju li jinfed il-kuxjenza tal-bniedem fil-vaganzi; stat ta’ rilassament ġenerali spontanju minħabba li dak li jkun ikun ħeles mid-dmirijiet tas-soltu, kemm tal-iskola u wkoll dawk tal-professjoni tiegħu; u dan donnu jaqbel mal-istess natura tal-vaganzi nfushom; u biex wieħed jirkupra, anki għal ftit taż-żmien, il-libertà tiegħu: forsi l-vaganzi mhuniex żmien li fihom bniedem igawdi ħinu u l-ħelsien mill-irbit li normalment jillimta dak li nixtiequ nagħmlu?  Forsi l-vaganzi mhumiex żmien  ta’ spontanjetà fil-ħajja li tulhom napprezzaw il-ħajja u nistrieħu?  Iżda għal oħrajn, u spiss ukoll lil dawk il-persuni li japprofittaw ruħhom biex il-vaganzi tagħhom ituhom laqta spontanja skont gostihom u skont xewqathom, il-kunxjenza tagħhom tqiegħdhom f’ sitwazzjoni differenti; japprofittaw ruħhom miż-żmien tal-vaganzi biex il-libertà tagħhom jużawha b’mod utli, xi drabi b’intensità akbar mill-attitudni li jkollhom lejn ix-xogħol tas-soltu, qiesu jkollhom għaġla biex il-libertà jużawha ħalli jagħmlu xi ħaġa li togħġobhom, anki jekk tkun impenjattiva ħafna bħal ngħidu aħna, il-qari, is-saħħa, xi vjaġġ, riflessjoni.  Tajjeb, aħna nawguraw lil kulħadd li l-vaganzi jkunu tassew vaganzi, għall-mistrieħ, l-isvog, biex jikseb lura l-enerġija u l-mistrieħ.  Imma aħna se nitkellmu dwar it-tieni aspett, dwar min jixxennaq biex il-libertà japprofitta ruħu minnha, ladarba ż-żmien itih ċans jinħeles mid-dmirijiet tas-soltu, ħalli “isir konxju” minn ħajtu u biex jerġa’ jorganizza ħsibijietu u dmirijietu.

Din ir-riflessjoni qasira tagħna, issa se tkun dwar dan it-tieni stat mentali, biex niftakru kemm ma tantx aħna padruni tagħna nfusna u li aktar ma nkunu impenjati bir-rutina ta kuljum aktar insibu li jkollna ngħixu ‘l barra minna nfusna, maħkumin mill-pressjoni tad-dmirijiet li nkunu imponejna fuqna nfusna u li jġagħluna ngħixu ħajja qiesha mhix tagħna, mhux ħielsa u kultant lanqas wisq tajba.

Il-vaganzi suppost għandhom iservu, minbarra għas-serħan fiżiku, għall-ħidma spiritwali dwarna nfusna; u aktar ma jħallulna ħin għall-isvog tagħna, ħarba minnha nfusna, daqstant ieħor għandhom iħallulna ħin għar-riflessjoni personali, għarfien attiv, għall-leħen tas-silenzju biex nisimgħu kif qed tisvolġi l-ħajja kollha tagħna.  Aħna nifhmu li ma nkunux kontra l-kurrent tal-psikoloġija tal-persuni intelliġenti, li speċjalment jekk żgħażagħ, ikollhom il-problema li jagħtu direzzjoni lill-mod kif jgħixu.  Anzi, aħna nistednuhom biex iqattgħu xi jiem, jew xi ftit siegħat, fil-meditazzjoni, xi ftit ħin biex jirrevedu u jipprogrammaw l-eżistenza tagħhom.  Spiss dil-ħtieġa tal-konċentrazzjoni titqanqal propju fl-aħjar waqtiet tal-kuntatt tal-ispirtu mar-rivelazzjoni li jippreżentalna l-kwadru tan-natura nnifsu, u li lil min ikun iħares jobbligah jilqa’ l-impuls u jmur ‘l hinn mill-viżjoni tal-kwadru nnifsu, sabiex bil-ħsieb jintrefa’ ‘l fuq u jsir kontempalttiv u kważi estattiku hekk kif jibda jagħraf il-misteru li jilma f’kull ħaġa u li fiha donnha tħabbat il-qalb - niftakru fil-viżjoni ta’ Santu Wistin, li b’xi mod tingħata lil kull spirtu bil-ħila li jikkontempla – (cfr S. Wistin Confessiones, «Quaere super nos»: 10, 6, 9; 13, 32, 47 -).

Dan l-att ta’ konċentrazzjoni, għal min għandu x-xorti li jħaddan il-fidi, faċilment iwassal għat-talb interjuri, iwassal biex jinstama’ leħen li aħna l-insara nafu bih imma kważi dejjem noħonquh u ntappnuh: mhux leħen ta’ kmand, imma leħen li jsejjaħ: “ejja warajja” (Lq 5, 2-7).  Jiġifieri l-istqarrija ta’ esiġenza li jista’ jkollha lwien differenti u aktar u aktar modi differenti kif nistgħu insegwuha, imma f’kull kas, leħen li fiż-żmien ta’ ħajjitna donnu jfassal triq dritta u kuraġġuża, dik ta’ ħajja nisranija awtentika.

Bil-Barka Appostolika tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....