Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 11 ta' Jannar, 1978

 

L-Evanġelju tal-Milied

 

MILL-ĠDID IL-MILIED.  Din hi meditazzjoni bla tarf li qatt ma tintemm, għanja b'temi fundamentali li jolqtu r-relazzjoni tagħna ma' Alla.  Aħna se nsellmu lil din iċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja kbira tal-Milied billi nagħmlu tagħna l-eżempju li tatna, li min-naħa għalina għandu jkun rivelazzjoni tal-ħsieb divin dwar dak li jolqot ħwejjiġna, u mill-oħra biex l-eżistenza tagħna aħna nfassluha ħalli tkun taqbel ma' dik li l-iktar tixbaħ u tersaq lejn  Alla magħmul bniedem.  Qabel ma għallimna bil-kelma tiegħu, il-Mulej kien l-Imgħallem tagħna bl-eżempju tal-azzjonijiet tiegħu, bl-Evanġelju tad-dehra tiegħu fis-sura umana fostna.

U huwa biss meta fir-riflessjoni tagħna nimmeditaw fuq il-ħajja ta' Kristu li nistgħu ninqalgħu mill-problemi li qatt mhu se jirnexxilna nsolvuhom għalkollox, imma li dejjem għandna fid-dawl tal-preżenza ta' Kristu fid-dinja bħala dawl tal-Verità, bħala faraġ tat-tama u tal-ħajja, li nġarrbu meta nifhmu kif Hu d-dawl tad-dinja, u kemm biss fil-qafas tad-duttrina li ttina l-Knisja aħna nistgħu ngawdu mid-dawl tiegħu u minnu niksbu s-salvazzjoni tagħna.  Li jfisser li aħna nħossuna obbligati li nwaħħlu l-ħarsa tal-fidi tagħna fuq Kristu l-Mulej b'rabta sħiħa kemm tal-ħsieb kif ukoll tal-ħajja.  Niftakru fil-kliem li bih jintemm il-prologu ta' San Ġwann: "U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità" (Ġw. 1, 14). (1)

Imma f'dal waqt li aħna qed nikkuntemplw il-Verb t'Alla magħmul bniedem, minflok il-glorja tiegħu aħna niltaqgħu, fil-ħajja temporali ta' Ġesù, mal-umiljazzjoni tiegħu, iċ-ċokon tiegħu, it-tixjin tiegħu; aħna ma niltaqgħux mal-kobor tiegħu, imma man-negazzjoni tal-valuri tal-ħajja tagħna ta' issa.  Dan jgħidulna l-presepju.  L-umiltà ta' Kristu hija s-sorpriża tagħna.  Umiltà li tumilja l-istennija messjanika tagħna, u tobbligana nibdlu, u saħansitra nikkontradixxu, l-istima li aħna naħsbu li għandna, tal-beni meħtieġa għall-eżistenza naturali tagħna.  U dan infakkruh a bażi ta' żewġ virtuwjiet kristjani, jiġifieri żewġ dimensjonijiet karatteristiċi tal-preżenza tagħna fid-dinja; li rridu ngħidu li huma l-umiltà u l-faqar.

Il-fatt li Alla ried jidher fostna u ried jgħix magħna mlibbes bl-umiltà assoluta hi ħaġa li tħawwadna u tibdlilna l-ġudizzji tagħna dwarna nfusna u dwar ir-relazzjonijiet tagħna mal-ħwejjeġ u l-ġrajjiet tad-dinja.  "Tgħallmu minni - għallem Ġesù fl-Evanġelju tiegħu - għax jien ta' qalb ħelwa u umli". (2)  U dan l-atteġġjament ta' umiltà ma jeffettwax biss il-forom esterjuri tal-ħajja ta' Kristu, daqskemm il-forom essenzjali tal-ħajja, tad-duttrina u tal-missjoni ta' Alla magħmul bniedem. Hawnhekk ta' min jikkowta sentenza magħrufa ħafna ta' San Pawl, li hi sintesi u li toffrielna l-mufitħ biex nifhmu fis-sħuħija tagħha l-figura ta' Kristu; hi l-kwotazzjoni tal-kliem marbutin mal-"Kénosis" ta' Kristu jiġifieri kif Hu tbaxxa biex iseħħ il-pjan tar-redenzjoni tagħna, kliem mill-ittra ta' San Pawl lill-Filippin: (3) "Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù - fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art - il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu Mulej”, għall-glorja ta’ Alla l-Missier”.

Fuq dan tieqaf il-meditazzjoni tagħna li ssir ammirazzjoni bla tarf.  L-umiljazzjoni ta' Kristu ssir prinċipju u mudell tal-eżaltazzjoni tagħna.  Dan dwar l-umiltà tal-bniedem-Alla li dehret hekk kif Hu ġie fid-dinja: jistgħu jsiru osservazzjonijiet oħra bħal dawn dwar il-faqar tal-miġja ta' Kristu fost il-bnedmin.  Minn hawn iseħħ tibdil radikali dwar l-istima tal-ġid marbut mal-isfera naturali tal-ħajja ta' issa; dan it-tibdil hu l-karatteristika tal-kristjaneżmu, fejn l-umiltà u l-faqar jiksbu tifsira li l-kunċett tal-ħajja umana ma jafx bihom, iżda li r-rigal għalih hi l-kisba sopranaturali tas-Saltna t'Alla, tal-ħajja ġdida mwiegħda lil min hu ta' qalb umli u fqir fl-ispirtu.  Naħsbu sew dwar dan!  Dan hu l-Evanġelju! (4)

Bil-Barka Appostolika Tagħna

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

Noti

1. Ġw. 1, 14.

2. Mat. 11, 29.

3. Fil. 2, 5-11.

4. Cfr. Santu Wsitin Sermo 30: PL 38, 191-192; P. GIAMMARIA DA SPIRANO, I Fioretti di S. Francesco d’Assisi, Martello, Milano 1960.

Minn Papiet oħra ....