Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAOLO VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 2 ta’ Awwissu, 1978

 

Fil-fidi l-milja, il-qawwa u l-ferħ tal-ħajja nisranija

Uliedi u ħuti mill-aktar għeżież,

 

Aħna nifhmu li ħassejtu li għandkom tiġu għal dil-laqgħa, opportunità li mhux tant faċli jkollok, imbuttati minn xewqa sabiha mhux biss biex taraw lill-Papa, imma wkoll, u speċjalment, biex tisimgħu kelmtu, kważi bil-kurżità tar-rgħajja (cfr Lq 2, 15): ħa naraw ftit x’jista’ jgħidilna l-Papa biex jgħallimna u biex ifarraġna.  Fid-dinja li ninsabu fiha, il-geġwiġija ta’ ilħna li kollha jridu jiġbdu l-attenzjoni tagħna hi tant kbira li mhux ħafif tifhem liema huma l-ilħna li ta’ min jismagħhom verament, u fost dawk li jinstemgħu (permezz tar-radju, permezz tal-istampa, permezz tal-iskola, permezz tal-konvivenza soċjali, eċċ) mhux faċli tagħżel liema huma l-ilħna li jaslu għand kull ċittadin tad-dinja biex ikunu ta’ divertiment, jinfurmawh jew biex jgħallmuh.   Liema huma l-ilħna li jobbligawna nisimgħuhom, liema huma dawk li ta’ min jismagħhom, u li jippretenndu li aħna mhux biss ikunu nafu bihom, per eżempju l-ilħna tal-kultura, imma li jridu jobbligawna nqisuhom bħala gwida tal-ħsieb tagħna u fuq kollox, bħala gwida ta’ ħajjitna?  Dawn l-ilħna dominanti ta’ ħajjitna ngħidu li huma l-ideat tagħna.  Kulħadd għandu l-ideat tiegħu, u propju huma jikklassifikaw lill-bnedmin kif jaħsbu u jiddeterminaw l-imġieba.

Ilkoll nafu kif illum dan il-kamp hu miżgħud b’għadd bla qies ta’ ideat li jistgħu jkunu ta’ fejda għall-kultura jew għall-attivitajiet tad-dinja soċjali, imma li minħabba l-għadd kbir tagħhom, minħabba li jduru bħal pinnur u minħabba d-dgħufija intrinsika tagħhom vis-à-vis l-verità, jipproduċu mentalità dejjem aktar problematika u spiss superfiċjali.  Il-bniedem modern kabbar bla qies l-għarfien tiegħu, imma mhux dejjem bi ħsieb samm, mhux dejjem biċ-ċertezza li għandu l-verità.  Imma dan hu l-fatt singolari tat-tagħlim tal-Knisja.  Il-Knisja tistqarr u tgħallem duttrina stabbli u sigura.  Intant, ilkoll għandna niftakru li l-Knisja, qabel ma hi għalliema, hija dixxiplu.  Hi tgħallem duttrina sigura, imma tgħallem duttrina li hi kellha titgħallimha qabel.  L-awtorità tat-tagħlim tal-Knisja ma tiġix minn għerfha, u lanqas mill-kontroll propjament xjentifiku u razzjonali ta’ dak li tipprietka lill-fidili tagħha; imma mill-fatt li hi tħabbar kelma ġejja mill-ħsieb traxxendentali ta’ Alla.  Minn dan tieħu l-qawwa tagħha u d-dawl tagħha.  X’insejħulha dit-trasmissjoni inkomparabbli tal-Ħsieb, tal-Kelma t’Alla?  Insejħulha fidi.

Dwar suġġett ta’ tant importanza u ta’ firxa tant wiesa, issa aħna se nitkellmu fil-qosor dwar tliet punti biss.  L-ewwel wieħed ġej mill-istess natura ta’ dan l-għarfien: hi (il-fidi) mhix kontra r-raġuni, imma hi superjuri għar-raġuni.  Kristu sar mgħallem tagħna biex jgħallimna l-verità, li minnha nfisha tisboq il-ħila tal-intelliġenza tagħna.  Huma biss l-umli li jaċċettaw dan f’atmosfera ta’ għerf, ta’ ordni superjuri.  Ftakru fil-kliem tal-Evanġelju: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11,25).

It-tieni punt hu dwar il-ħtieġa li jkollna u li nistqarru l-fidi:  “Mingħajr il-fidi – hemm miktub fl-ittra lil-Lhud – huwa impossibbli li ngħoġbu lil Alla (cfr Lhud 4, 6).  U kemm drabi fl-Evanġelju nsibu apoloġija tal-fidi, li l-Mulej isib li hi nieqsa saħansitra fid-dixxipli tiegħu: “Bniedem ta’ fidi żgħira – jgħid lil Pietru li kien qed jegħreq – għaliex iddubitajt?” (Mt 14, 31), u tellgħu mill-ilma.

It-tielet punt hu għalqa bla qies ta’ esperjenzi spiritwali: ifakkarulna San Pawl: “Il-fidi taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5, 6).  Illi jfisser li fil-fidi nsibu l-milja tal-ħajja nisranija, il-ferħ, il-faraġ tal-ħajja divina li tħabbret lilna.

Hekk ikun għalina wkoll!  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

   

Minn Papiet oħra ....