Laikos

 

L-AĦĦAR SESSJONI PUBBLIKA

TAL-KONĊILJU VATIKAN II

ALLOKUZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

It-Tlieta 7 ta' Diċembru,1965

Aħna llum qed intemmu l-Konċilju ekumeniku Vatikan II.  Qed intemmuh fil-milja tal-effiċjenza tiegħu: dan turih il-preżenza numeruża tagħkom, jaffermah l-ispirtu ta' kull min hu miġbur f'din l-assemblea, jikkonfermah it-tmiem regolari tal-ħidma, ixxandru l-armonija tas-sentimenti u tal-intenzjonijiet; u minkejja li l-għadd mhux żgħir tal-kwistjonijiet imqanqlin tul l-istess Konċilju għadhom jistennew tweġiba xierqa, dan juri li dil-ħidma mhix tintemm bit-telqa imma bil-vitalità li reġa' qajjem dan is-Sinodu universali u li fiż-żmien post-konċiljari, bl-għajnuna t'Alla, b'mod ordnat għad jiddedika għal dawn il-problemi l-enerġiji ġenerużi tiegħu.

Lill-istorja dal-Konċilju qed iwasslilha messaġġ tal-Knisja Kattolika rappreżentata f'dan il-post mimli b'Rgħajja li jistqarru l-istess fidi, mnebbħin mill-istess karità, magħqudin fl-istess komunjoni ta' talb, dixxiplina, ħidma u - dak l-aktar tal-għaġeb - ilkoll imxennqin għal ħaġa waħda, li bħal Kristu l-Imgħallem tagħna u Mulejna, jagħtu lilhom infushom għall-ħajja tal-Knisja u s-salvazzjoni tad-dinja.  U lil ta' warajna l-Knisja mhix qed tħallilhom biss stampa imma wkoll il-patrimonju tad-duttrina u tal-kmandamenti tagħha, "id-depożitu" li rċeviet mingħand Kristu li l-meditazzjoni dwaru ma qatgħet xejn matul is-sekli, li ngħex u kien mistqarr, u li issa ġġie ċċarat f'tant aspetti tiegħu, stabbilt u ordnat fl-integrità tiegħu;  depożitu ħaj bil-qawwa tal-virtù divina tal-verità u tal-grazzja li ssawru, u li għalhekk hu adattat biex jagħti l-ħajja lil kull min jilqgħu fil-milja u minnu jmantni l-eżistenza umana tiegħu.

 

Glorja lil Alla

Għalhekk it-tema naturali ta' din l-aħħar meditazzjoni tagħna għandha tkun dwar x'kien il-Konċilju u dwar dak li għamel.  Imma dan jitlob attenzjoni xierqa u jieħu fit-tul; u forsi lanqas f'din is-siegħa mill-aktar ġdida u stupenda Aħna ma nsibu l-kuraġġ li bis-sabar nagħmlu sintesi ta' dan kollu.

F'dal-waqt prezzjuż Aħna rridu nħallu ħsieb wieħed, li bih l-ispirti tagħna jmilu bl-umiltà u fl-istess ħin jelevawhom lejn il-quċċata tal-aspirazzjonijiet tagħna.  Il-ħsieb huwa dan: liema hu l-valur reliġjuż tal-Konċiljuu tagħna?  Reliġjuż, biex ngħidu hekk, minħabba r-relazzjoni diretta ma' Alla l-ħaj, relazzjoni li hi r-raġuni ewlenija tal-eżistenza tal-Knisja u ta' dak li temmen, tittama u tħobb, ta' dak li hi u li tagħmel.

Aħna nistgħu ngħidu li tajna glorja lil Alla, li fittixna nsiru nafu lilu u 'l-imħabbtu, li mxejna 'l quddiem fl-isforz tagħna biex nikkuntemplawh, fix-xewqa li niċċelebrawh, fl-arti tat-tħabbir tiegħu lill-bnedmin li jħarsu lejna bħala Rgħajja u Mgħallmin tat-toroq tal-Mulej?

Sinċerament Aħna nemmnu li iva.  Ukoll għaliex minn din l-intenzjoni fundamentali tal-bidu nibtet il-proposta ta' dal-Konċilju li qed niċċelebraw.  Għadhom jidwu f'dil-Bażilika l-kliem li l-meqjum predeċessur Tagħna Gwanni XXIII kien qal fl-allokuzzjoni tal-ftuħ ta' dan l-istess Konċilju, il-Papa li nistgħu ngħidu li hu l-awtur ta' dan is-Sinodu kbir.  Dakinhar hu qal: "Quod Concilii Oecumenici maxime interest hoc est, ut sacrum doctrinae christianae depositum efficaciore ratione custodiatur atque proponatur . . . Verum profecto est, Christum Dominum ham pronuntiasse sententiam: - quaerite primum regnum Dei et iustitiam eius - Quae vox primum declarat, quo potissimum vires et cogitationes nostras, dirigi oporteat" (Diskorsi, 1962, p. 583).

 

Fiż-żmien

U mill-intenzjoni nibet il-fatt.  Biex napprezzawh kif jixraq jeħtieġ niftakru ż-żmien li fih ġie mniedi; żmien li fih kuħadd jagħraf li kien jimmira għall-kisba tas-saltna tal-art pjuttost milli s-saltna tas-sema; żmien li fih saret drawwa li Alla jitwarrab, li donnu, b'mod żbaljat, hu ħtija tax-xjenza; żmien li fih l-att fundamentali tal-personalità umana, li saret aktar konxja tagħha nfisha u tal-libertà li tgawdi, għandha t-tendenza li żżeffen l-awtonomija assoluta u tirrofta kull liġi traxxendenti; żmien li fih il-lajċiżmu donnu jidher bħala l-konsegwenza leġittima tal-ħsieb modern u l-għola dehen tal-ordni temporali tas-soċjetà; żmien li fih il-manifestazzjonijiet tal-ispirtu laħqu qċaċet ta' irrazzjonalità u deżolazzjoni; żmien, fl-aħħar, li fih qed naraw li fir-reliġjonijiet etniċi l-kbar tad-dinja hemm taqlib u dekadenza li qatt ma rajna qabel.  Fi żmien bħal dan iċċelebrajna l-Konċilju tagħna ad unur ta' Alla, f'isem Kristu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu "li tirfed kollox", "kollox tgħarbel" u li għadha sal-lum tħeġġeġ lill-Knisja "biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina" (cfr 1 Kor 2,10-12), u jtiha viżjoni profonda u fl-istess ħin panoramika tal-ħajja tad-dinja.  Il-kunċett teoċentriku u teoloġiku tal-bniedem u tal-univers, kważi qiesu sfida għall-akkuża tal-anakroniżmu u l-estranjetà, b'dal-Konċilju refa' rasu qalb l-umanità mimlija pretensjonijiet li l-ġudizzju tad-dinja għall-bidu jsostni li huma ġenn, wara, Aħna nittamaw, jibda' jagħraf bħala dehnin, li jaħju; jiġifieri li Alla qiegħed hemm, jeżisti.  Iva Hu veru, Hu ħaj, Hu personali, jaħseb għal kollox, ta' tjieba bla qies; anzi mhux biss tajjeb fih innifsu imma tajjeb bla qies magħna wkoll, Hu l-Ħallieq tagħna, il-verità tagħna, il-ferħ tagħna sal-punt li dak l-isforz li nagħmlu biex inwaħħlu għajnejna u qlubna fuq' dak li aħna nsejħulu kontemplazzjoni, jsir l-aktar att għoli u sħiħ tal-ispirtu, l-att li llum ukoll jista' u għandu ifassal il-ġerarkija tal-piramida mmensa tal-attività umana.

 

Meditazzjoni dwar il-Knisja nfisha u dwar id-dinja

Għad jingħad li aktar milli fuq il-veritajiet divini l-Konċilju aktar ta kas tal-Knisja, tan-natura tagħha, ta' kif hi magħmula, tal-vokazzjoni ekumenika tagħha, tal-attività appostolika u missjunarja.  Din l-għaqda sekolari reliġjuża li hi l-Knisja ppruvat tagħmel riflessjoni dwarha nfisha biex tagħraf lilha nfisha aħjar, biex tiddefinixxi ruħha aħjar, u biex bħala konsegwenza tagħti aktar ordni lis-sentimenti u l-preċetti tagħha.  Hu minnu.  Imma dan l-att ta' introspezzjoni ma kienx għan fih innifsu, ma kienx biss att ta' sapjenza umana pura, ta' kultura tad-dinja; il-Knisja nġabret fil-qalba tal-kuxjenza spiritwali u intima tagħha mhux biex tifraħ b'xi analiżi erudita tal-psikoloġija reliġjuża jew tal-istorja tal-esperjenzi tagħha, inkella biex togħqod tafferma mill-ġdid id-drittijiet tagħha u toqgħod tiddeskrivi l-liġijiet tagħha, imma biex fiha nfisha fil-ħajja tagħha, fil-ħidma tagħha, fl-Ispritu s-Santu, tiskopri mill-ġdid il-kelma ta' Kristu u biex tidħol fil-fond tal-misteru, jiġifieri l-pjan u l-preżenza t'Alla fuqha u fiha, u biex terġa' titħeġġeġ mill-ġdid fil-fidi li hi s-sigriet tas-sigurezza tagħha u tas-sapjenza, u b'dik l-imħabba li ġġagħlha tkanta bla heda t-tifħir lil Alla: Santu Wistin jgħid: cantare amantis est (Il-kant hu ta' min iħobb) (Serm. 336; P.L. 38, 1472).  Id-dokumenti konċiljari, fuq kollox dawk dwar ir-Rivelazzjoni Divina, dwar il-Liturġija, dwar il-Knisja, dwar is-Saċerdoti, dwar ir-Reliġjużi, dwar il-Lajċi, juru ċar din l-intenzjoni reliġjuża diretta u primarja u juru kemm hi trasparenti, friska u għanja l-vina spiritwali, (juru) li l-kuntatt ħaj ma' Alla l-ħaj ifawwar fil-qalb tal-Knisja u minnha jixtered fuq l-irqajja niexfa tad-dinja tagħna.

 

Il-karità

Imma ma nistax inħalli barra osservazzjoni kapitali biex neżamina t-tifsir reliġjuż ta' dal-Konċilju: l-interess l-aktar qawwi tal-Konċilju kien li jistudja d-dinja moderna.  Forsi l-Knisja qatt qabel din l-okkażjoni ma ħasset il-ħtieġa li ssir taf, toqrob, tifhem, tippenetra, isservi, tevanġelizza lis-soċjetà ta' madwarha, tilħaqha, kważi tiġri wrajha, bit-tibdil b'ritmu mgħaġġel u ma jaqta' xejn li għaddej fiha.  Dan l-atteġġjament, influwenzat mid-distanzi u mill-firdiet tal-aħħar sekli, tul is-seklu li għadda u f'dan is-seklu, speċjalment bejn il-Knisja u ċ-ċiviltà profana, u mnebbaħ mill-missjoni essenzjali tas-salvazzjoni li dejjem ħaddnet il-Knisja, kien qed jaħdem bil-qawwa u bla heda fil-Konċilju sal-punt li lil xi wħud daħlilhom is-suspett li l-persuni u l-atti tas-Sinodu Ekumeniku kienu aktar dominati mir-relativiżmu tolleranti u żejjed dwar id-dinja t'hemm barra b'dannu għall-fedeltà li tistħoqq lit-tradizzjoni u b'dannu għall-orjentament reliġjuz tal-istess Konċilju.  Aħna ma nemmnux li għandna nitfgħu l-ħtija ta' dil-ħsara, fl-intenzjonijiet veri u profondi tagħha u fil-manifestzzjonijiet awtentiċi tagħha.

Pjuttost irridu ninnotaw kif ir-reliġjon tal-Konċilju tagħna primarjament kienet il-karità; u ħadd ma jista' jakkużah b'irreliġjożità jew infedeltà lejn l-Evanġelju minħabba dan l-orjentament prinċipali meta niftakru li huwa Kristu stess li jgħallimna li l-karatteristika li biha jingħarfu d-dixxipli tiegħu hi l-imħabba lejn ħuthom (cfr. Ġw 13, 35) u meta nħallu jidwi fl-ispirtu tagħna l-kliem appostoliku: "Quddiem Alla u missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom u żżomm ruħek bla tinġis 'il-bogħod mid-deni" (Ġakbu 1, 27) u wkoll: "min ma jħobbx lil ħuh li jara kif jista' jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?" (1 Ġw 4, 20).

Minnu li l-Knisja tal-Konċilju hediet sew tistudja, minbarra lilha nfisha u r-relazzjoni tagħha ma' Alla li jżommha magħquda, lill-bniedem, il-bniedem kif jidher fir-realtà tal-lum: il-bniedem ħaj, il-bniedem mehdi għal kollox bih innifsu, il-bniedem li jqis lilu nnifsu ċ-ċentru ta' kollox u jażżarda jgħid li hu l-bidu u r-raġuni ta' kull realtà.  Il-bniedem fenomenu sħiħ, jiġifieri mlibbes bl-ilbies tal-apparenzi bla għadd tiegħu; kważi tmeżmez quddiem dil-ġabra ta' Padri konċiljari, bnedmin ukoll, ilkoll Rgħajja u aħwa, għaldaqstant attenti u jħobbu: il-bniedem traġiku minħabba d-drammi tiegħu, il-bniedem superman tal-bieraħ u tal-lum u għalhekk dejjem dgħajjef u falz, eġoista u feroċi; imbagħad il-bniedem imdejjaq bih innifsu, li jibki u li jidħaq; il-bniedem versatili dejjem lest jirreċta kull parti, u l-bniedem li jentużjażma ruħu biss bir-realtà xjentifika, il-bniedem kif inhu, li jaħseb, li jħobb, li jaħdem li dejjem jistenna xi ħaġa "il-filius accrescens" (Ġen 49, 22); u l-bniedem sagru bl-innoċenza ta' tfulitu, bil-misteru tal-faqar tiegħu, bil-pjetà tan-niket tiegħu; il-bniedem individwalista u l-bniedem soċjali; il-bniedem "laudator temporis acti"  u l-bniedem li joħlom il-ġejjieni; il-bniedem midneb u l-bniedem qaddis; eċċ.  L-umaneżmu lajk u profan fl-aħħar deher fl-istatura terribbli tiegħu u f'ċertu sens sfida lill-Konċilju.  Ir-reliġjon ta' Alla li sar bniedem iltaqgħet mar-reliġjon (għax hekk hi) tal-bniedem li jsir Alla.  X'ġara? nuqqas ta' qbil, taqbid, anatema? seta kien; imma dan ma seħħx.  L-istorja antika tas-Sammaritan kienet il-mudell tal-ispiritwalità tal-Konċilju.  Il-konċilju kien mirfud minn simpatija immensa. L-iskoperta tal-ħtiġijiet umani (u huma kbar daqskemm jitkabbar bih innifsu bin id-dinja) ġibdet l-attenzjoni sħiħa tas-Sinodu tagħna.  Tal-anqas tuh dal-mertu intom l-umanisti moderni, li tirrifjutaw it-traxxendenza tal-ħwejjeġ supremi u tagħrfu l-umaneżmu l-ġdid tagħna; aħna wkoll, aħna aktar minn kulħadd, etużjasti dwar il-bniedem.

 

Fiduċja fil-bniedem ...

U x'eżamina dan il-venerabbli Senat fl-umanità, illi hu, imdawwal bid-dawl tad-divinità, beda jistudja: qies mill-ġdid il-wiċċ bifrontali ta' xbiehetu: il-miżerja, il-kobor tal-bniedem, il-ħażen profond tiegħu, innegabbli, li ma jistax ifejjaq lilu nnnifsu, it-tajjeb li għad fadal fih, bil-karatteristika dejjiema tas-sbuħija misterjuża u sovranità qatt megħluba.  Imma hemm bżonn nagħrfu wkoll li dal-Konċilju, mqiegħed biex jiġġudika l-bniedem, aktar waqaf jixtarr il-wiċċ hieni tal-bniedem milli dak imqarras.  L-atteġġjament kien ħafna ottimist bi pjan.  Mewġa ta' għożża u ammirazzjoni tferrgħet mill-Konċilju għal fuq id-dinja umana moderna.  Iva, ikkundanna l-iżbalji; għax hekk tesiġi il-karità, xejn anqas mill-verità; imma għall-bniedem kien hemm biss tbeżbiż, rirpett u mħabba.  Minflok djanjosi li jaqtgħu l-qalb, rimedji inkoraġġjanti; minflok profeziji traġiċi, mill-Konċilju ħarġu messaġġi ta' fiduċja għad-dinja kontemporanja; il-valuri tagħha mhux biss kienu rispettati, imma onorati, l-isforzi tagħha mwieżna, l-aspirazzjonijiet tagħha msoffija u mbierka.

Araw, bħala eżempju: il-lingwaġġi bla għadd tal-ġnus tal-lum ingħatatilhom il-fakultà li liturġikament jesprimu l-kelma tal-bnedmin lil Alla u l-Kelma t'Alla lill-bnedmin, lill-bniedem bħala bniedem ingħata għarfien lill-vokazzjoni fundamentali tiegħu fil-milja tad-drittijiet u għal traxxendenza tad-destin; l-aspirazzjonijiet supremi tiegħu tal-eżistenza, id-dinjità tal-persuna, għall-libertà onesta, għall-kultura, għat-tiġdid tal-ordni soċjali, għall-ġustizzja, għall-paċi, ġew imsoffija u xprunati; u lill-bnedmin kollha saritilhom stedina pastorali u missjunarja biex jiddawlu bl-Evanġelju.  Issa qed nitkellmu dwar l-għadd kbir u l-wisa' tal-kwistjoniijiet li jolqtu r-riżq uman, li eżamina l-Konċilju li lanqas kellu l-għan li jħoll il-problemi urġenti kollha tal-ħajja moderna; uħud minn dawn tħallew biex il-Knisja tagħmel aktar studju dwarhom, ħafna minnhom kienu pppreżentanti fil-qosor u b'mod ġeneriku, u għalhekk huma miftuħin għal studju aktar fil-fond u soluzzjonijiet differenti.

 

... u djalogu

Imma hemm ħaġa oħra li tajjeb ninnotawha: il-maġisteru tal-Knisja, minkejja li ma jridx jiddikjara xi sentenzi dommatiċi straordinarji, xerred il-kotra tat-tagħlim awtorevoli tiegħu fuq għadd kbir ta' kwistjonijiet li llum jiddominaw il-kuxjenza u l-attività tal-bniedem.  Biex ngħidu hekk, daħal fi djalogu miegħu; u, dejjem biż-żamma tal-awtorità ul-kwalitajiet tiegħu, tkellem bil-lingwa faċli u ta' ħbiberija mnebbħin mill-karità pastorali.  Xtaq li jkun mismugħ u mifhum minn kulħadd; ma indirizzax biss l-inteliġenza spekulattiva, imma għamel ħiltu biex jesprimi ruħu wkoll bl-istil tal-konversazzjoni ordinarja tal-lum illi l-esperjenza mgħejxa u l-użu tas-sentiment kordajli jgħanuha b'vivaċità li tiġbed u qawwa perswassiva akbar: tkellmet mal-bniedem tal-lum, kif inhu.

U hemm ħaġ'oħra li jeħtieġ ninnutaw: dan l-għana dottrinali kollu jimmira lejn direzzjoni waħda: li jaqdi lill-bniedem.  Il-bniedem, ngħidu aħna, f'kull kundizzjoni li jinsab fiha, f'kull debbulizza tiegħu, f'kull ħtieġa tiegħu.  Il-Knisja kważi ddikjarat ruħha bħala l-qaddejja tal-umanità, propju fil-ħin li kemm il-maġisteru ekkleżjastiku kif ukoll it-tmexxija pastorali tagħha, bis-saħħa tal-Konċilju, kisbu splendur akbar u ħerqa akbar: l-idea tal-ministeru kellha post ċentrali.

Dan kollu u dak kollu li nistgħu ngħidu dwar il-valur uman tal-Konċilju forsi ddevja xi ftit il-ħsieb tal-Knisja miġbura f'Konċilju, lejn direzzjoni antropoċentrika tal-kultura moderna?  Mhux iddevja imma indirizaha.

Imma min josserva mill-qrib dan l-interess li l-Konċilju wera b'mod partikolari lejn il-valuri umani u temporali ma jistax jiċħad li dan kien interess xprunat mill-karattru pastorali li l-Konċilju għażel kważi bħala programm, u jrid jammetti li dak l-interess qatt mhu mifrud mill-interess reliġjuż mill-aktar awtentiku, kemm għall-karità, li kienet in-nebħa ewleinija tiegħu (u fejn hemm il-karità, hemmhekk hemm Alla!), kif ukoll dwar ir-rabta, li l-Konċilju dejjem afferma u mexxa' 'l quddiem, li hemm bejn il-valuri propjament umani u dawk temporali ma' dawk spiritwali, reliġjużi u eterni: li jmil fuq il-bniedem u fuq l-art iżda jintrefa' lejn is-saltna t'Alla. 

 

Ħobb lill-bniedem biex tħobb 'l Alla

Il-mentalità moderna, bid-drawwa li tiġġudika kollox mill-aspett tal-valur, jiġifieri fuq kemm il-ħaġa hija utli, ikollha tammetti li tal-anqas għal dir-raġuni l-valur tal-Konċilju huwa kbir: kollox kien jimmira lejn l-utilità umana, u allura qatt m'għandu jingħad li reliġjon bħalma hi dik kattolika, hija inutli, reliġjon li fl-għamla tagħha l-aktar koxjenti u effikaċi, bħalma hi dik konċiljari, tistqarr kollha kemm hi li hi favur u għas-servizz tal-bniedem.  Ir-reliġjon kattolika u l-ħajja umana b'hekk jaffermaw mill-ġdid l-allejanza ta' bejniethom, il-konverġenza fir-realtà umana; f'ċertu sens, ir-reliġjon kattolika hija l-ħajja tal-umanità.  Hija l-ħajja, minħabba l-interpretazzjoni, li fl-aħħar hija eżatta u sublimi, li r-reliġjon tagħna tagħti lill-bniedem (il-bniedem fih innifsu mhux misteru?); u ttihielu minħabba l-għarfien imdawwal li għandha ta' Alla: biex insiru nafu lill-bniedem, lill-bniedem veru, lill-bniedem integrali, jeħtieġ inkunu nafu lil Alla; bħala prova ta' dan biżżejjed għalhekk niftakru fil-kelma taħraq ta' Santa Katerina ta' Siena: "Fin-natura tiegħek, Alla etern, jien se nagħraf in-natura tiegħi" (Or. 24).  Hija l-ħajja għax tiddeskrivi n-natura u d-destin tal-ħajja, ittiha l-veru tifsira tagħha.  Hija l-ħajja għax hi l-liġi suprema tagħha, u tħawwel fiha l-enerġija misterjuża li tagħmilha, nistgħu ngħidu, divina.

Venerabbli Ħuti u Wliedi hawnhekk preżenti, jekk aħna niftakru kif fil-wiċċ ta' kull bniedem, speċjalment jekk isir trasparenti minħabba dmugħu u l-uġigħ, nistgħu naraw il-wiċċ ta' Kristu (cfr Mt 25, 40), Bin il-bniedem, u jekk fil-wiċċ ta' Kristu nistgħu u għandna naraw il-wiċċ tal-Missier ċelesti: "min jara lili, qal Ġesù, jara wkoll lil Missieri" (Ġw 14,9), l-umaneżmu tagħna jsir kristjaneżmu, isir teoċentriku; tant illi nkunu nistgħu nistqarru: biex inkunu nafu lil Alla jeħtieġ inkunu nafu lill-bniedem.  Allura dal-Konċilju, li tefa' l-attenzjoni ewlenija tiegħu fuq il-bniedem, għandu d-destin li lid-dinja moderna jipproponilha mill-ġdid il-passi lejn progress ħieles u ta' faraġ? Dan ma jkunx, fl-aħħar mill-aħħar sempliċiment tagħlim ġdid u solenni biex inħobbu 'l-bniedem u b'hekk inħobbu 'l Alla?  Inħobbu 'l-bniedem mhux qiesu strument, imma bħala l-ewwel għan lejn it-tmiem suprem traxxendenti, bidu  u r-raġuni ta' kull imħabba.  U allura, dal-Konċilju kollu kemm hu jissarraf fit-tifsira reliġjuża konklussiva tiegħu li mhu xejn aktar ħlief stedina qawwija u ta' ħbiberija għall-umanità tal-lum biex, permezz tat-triq tal-imħabba fraterna issib mill-ġdid lil dak Alla "li t-tbegħid minnu jfisser waqa', li meta nduru lejh inqumu, li meta nibqgħu fih nissaħħu u meta ngħixu fih itina l-ħajja " (Santu Wsitin, Solil. 1, 1, 3; P. L. 32, 870).

Għalhekk nittamaw li fi tmiem dal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u fil-bidu tat-tiġdid uman u reliġjuz, li l-Konċilju kellu l-għan li jistudja u jmexxi 'l quddiem, l-istess nittamaw li jkun għalina Ħuti u Padri Konċiljari; hekk nittamaw li jkun għall-umanita kollha kemm hi, li hawn tgħallimna nħobbuha aktar u naqduha aħjar.

U filwaqt li għal dan il-għan aħna ninvokaw mill-ġdid l-interċessjoni tal-Qaddisin Ġwanni l-Battista u Ġużeppi, Patruni tas-Sinodu ekumeniku, tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, sisien u kolonni tal-Knisja Mqaddsa u magħhom Sant'Ambroġ, Isqof, li llum qed niċċelebraw il-festa tiegħu u bih kważi qiesna qed ngħaqqdu l-Knisja tal-Orjent ma' dik tal-Oċċident, bl-istess mod u minn qalbna nitolbu ħerqana l-protezzjoni ta' Marija Santissma, Omm Kristu u għalhekk aħna nsejħulha wkoll Omm il-Knisja, u b'vuċi waħda, b'qalb waħda niżżu ħajr u nagħtu ġieħ lil Alla ħaj u veru, lil Ibnu u lill-Ispirtu s-Santu.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber