ITTRA ENĊIKLIKA HUMANAE VITAE

TAL-PAPA PAWLU VI

25 ta’ Lulju 1968

 

 

Lill-Venerabbli Patrijarki, Arcisqfijiet u Isqfijiet

u Ordinarji Lokali oħra

li huma fil-paċi u f’għaqda mas-Sede Apostolika

lill-Qassisin, lill-Insara

u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba

 

  

Venerabbli Ħutna u Maħbubin Uliedna,

 

DAĦLA

 

It-tnissil tal-ħajja

 

       1.    Id-dmir l-aktar gravi tat-trasmissjoni tal-ħajja umana li fiha l-miżżewġin huma kollaboraturi, liberi u responsabbli, ma’ Alla Ħallieq, kien minn dejjem għajn ta’ ferħ kbir anki jekk xi drabi msieħeb ma’ diffikultajiet u tbatija.

            Fiż-żmenijiet kollha, it-twettiq ta’ dan id-dmir poġġa fuq il-kuxjenza tal-miżżewġin problemi serji, iżda fl-iżvilupp ta’ dawn l-aħħar żmenijiet tas-soċjetá ġara tibdil li ħoloq kwistjonijiet ġodda li l-Knisja ma setgħetx ma tagħtix każ tagħhom, għaliex jittrattaw fuq suġġet li jolqot tant mill-qrib il-ħajja u l-hena tal-bnedmin.


 

 

L-EWWEL PARTI

 

ASPETTI ĠODDA TAL-PROBLEMA

U L-MAĠISTERU

 

 

 

Formulazzjoni ġdida tal-problema

 

 

        2.    It-tibdil li sar hu infatti importanti u ta’ għamliet differenti.  Qabel kollox hemm l-iżvilupp mgħaġġel taż-żieda tal-popolazzjoni.  Ħafna  fissru l-biża li l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber b’aktar ħeffa mill-ikel għad-dispożizzjoni ta’ tant familji batuti u ta’ popli li qegħdin fit-triq ta’ l-iżvilupp. U għalhekk hi kbira t-tentazzjoni ta’ l-Awtoritajiet li jilqgħu għal dan il-perikolu permezz ta’ miżuri radikali.  Imbarra dan, il- kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ djar, kif ukoll il-ħtiġijiet li żdiedu kemm fil-qasam ta’ l-ekonomija kemm ukoll f’dak ta’ l-edukazzjoni, il-lum jagħmlu ta’ spiss diffiċli l-għixien xieraq ta’ għadd għoli ta’ ulied.

          Qegħdin ukoll nassistu għal tibdil kemm fil-mod li nikkunsidraw il-persuna tal-mara u l-post tagħha fis-soċjetá, u kemm fil-valur li għandu jiġi mogħti lill-imħabba bejn il-miżżewġin fiż-żwieġ, kif ukoll liema tifsira għandha tingħata lill-atti tal-miżżewġin f’relazzjoni ma’ din l-imħabba.

          Fl-aħħarnett u fuq kollox il-bniedem kiseb progressi stupendi, fil-ħakma u fl-organizzazzjoni raġonevoli tal-forzi tan-natura, b’tali mod li qed jipprova jaħkem lilu nnifsu:  l-ġismu, il-ħajja psikika, il-ħajja soċjali u saħansitra l-liġijiet li jirregolaw it-trasmissjoni tal-ħajja.

3.         Dan l-istat iqanqal diffikultajiet ġodda.  Quddiem il-kundizzjoni tal-ħajja tal-lum u quddiem it-tifsira li r-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin għandhom għall-armonija bejn ir-raġel u l-mara u għall-fedeltá ta’ bejniethom, hu forsi meħtieġ li jiġu riveduti r-regoli etiċi li eżistew sa issa, fuq kollox jekk tikkonsidra li huma ma jistgħux jiġu mħarsa mingħajr sagrifiċċji, kultant erojċi?

   U aktar:  jekk nestendu f’dan il-qasam l-applikazzjoni ta’ ‘l hekk imsejjaħ  “prinċipju ta’ totalitá”, ma nistgħux nammettu li l-intenzjoni li wieħed ikollu inqas tfal, b’mod aktar raġjonevoli, tbiddel l-isterilizzazzjoni materjali f’kontroll leċitu u għaqli tat-twelid?  Ma nistgħux nammettu li l-iskop aħħari tal-prokreazzjoni hu parti mill-ħajja totali tal-miżżewġin, u mhux għall-atti meħuda wieħed wieħed?  Qed jiġi mistoqsi wkoll jekk imħabba l-fatt li s-sens tar-responsabbiltá tal-bniedem li nafdaw aktar fir-raġuni u fil-volontá tiegħu milli fir-ritmi bioloġiċi ta’ l-organiżmu tiegħu, kif il-bniedem jirregola t-twelid.

 

Il-maġisteru tal-Knisja

    4.   Dawn il-kwistjoniijiet talbu mill-Maġisteru tal-Knisja riflessjoni profonda fuq il-prinċipji tad-duttrina morali taż-Żwieg:  duttrina imwaqqfa fuq il-liġi naturali, imdawla mir-Rivelazzjoni divina.

          L-ebda kattoliku ma jrid jiċħad lill-Maġisteru tal-Knisja d-dmir li jinterpreta anki l-liġi morali naturali.  Infatti hi ħaġa żgura, kif kemm-il darba ddikjaraw il-Predeċessuri tagħna, li Ġesú Kristu meta ta lill-Appostli l-awtoritá divina tiegħu u meta bagħthom jgħallmu l-kmandamenti tiegħu lill-ġnus kollha, għamilhom kustodji u interpreti awtentiċi tal-liġi morali kollha, jiġifieri mhux biss tal-liġi tal-Vanġelu, iżda anki ta’ dik naturali li hija wkoll l-espressjoni tal-volontá t’Alla, li t-twettiq sewwa tagħha hu wkoll meħtieġ għas-salvazzjoni.

          Skond din il-missjoni tagħha, il-Knisja dejjem tat – u iżjed kompliet tagħti fiż-żmenijiet fil-qrib – tagħlim li jaqbel kemm man-natura taż-żwieġ u kemm għall-użu tajjeb tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-miżżewġin.

 

Studju speċjali

    It-twettiq ta’ l-istess missjoni tal-Knisja ġegħlitna nikkonfermaw u nkabbru l-Kummissjoni ta’ studji li l-predeċessur tagħna Giovanni XXIII kien waqqaf f’Marzu tal-1963.  Din il-Kummissjoni li kienet tħaddan flimkien ma’ ħafna studjużi tad-diversi xjenzi fuq iż-żwieġ, anki koppji ta’miżżewġin li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja taż-żwieġ u b’modi speċjali dwar il-kontroll tat-twelid u tforni tagħrif meħtieġ biex il-Maġisteru tal-Knisja jkun jista’ jwieġeb kif jixraq għal dak li qegħdin jistennew mhux biss il-kattoliċi, iżda wkoll l-opinjoni pubblika mondjali.

    Ix-xogħol ta’ dawn l-esperti, kif ukoll l-ideat u l-pariri li ġew mibgħuta jew minn jeddhom jew għax mitluba minn ħutna l-Isqfijiet, tawna l-għajnuna biex ngħarblu aħjar l-aspetti kollha ta’ dan is-suġġett komplikat. Għalhekk bil-qalb kollha nfissru lil kulħadd il-gratitudni ħajja tagħna.

It-tweġiba tal-maġisteru

    6.   Il-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Kummissjoni ma setgħux jiġu kunsidrati minna bħala definittivi u lanqas ma setgħu jneħħu minn fuq spallejna d-dmir li neżaminaw personalment din il-kwistjoni serja;  anki għaliex fi ħdan il-Kummissjoni, ma ntlaħaqx ftehim sħiħ dwar ir-regoli morali li kellhom jiġu proposti u fuq kollox  għaliex x’uħud mill-kriterji għas-soluzzjoni tal-problema ma kienux jaqblu għal kollox mad-duttrina morali dwar iż-żwieġ imgħallma dejjem mill-Maġisteru tal-Knisja.

Għalhekk, wara li għarbilna bl-attenzjoni l-aktar kbira d-dokumenti kollha li ġew imressqa quddiemna, wara ħafna riflessjoni u talb, għandna issa l-ħsieb bis-setgħa tal-.

missjoni mogħtija lilna minn Kristu, li nagħtu t-tweġiba għal dawn il-kwistjonijiet importanti.


 

IT-TIENI PARTI

 

PRINĊIPJI DOTTRINALI

 

 

Viżjoni sħiħa tal-bnedmin

    7.   Il-problema tat-twelid, bħal kull problema ieħor li għandu x’jaqsam mal-ħajja tal-bniedem, għandu jiġi kunsidrat il fuq mill-aspetti partikulari  -  kemm ta’ ordni bioloġiku jew psikoloġiku, demografiku jew soċjoloġiku  -  fid-dawl ta’ l-aspett sħiħ tal-bniedem u tal-vokazzjoni tiegħu mhux biss naturali u ta’ din id-dinja, iżda anke sopranaturali u ta’ l-eternitá.  U billi biex jiġġustifikaw il-metodi artifiċjali tal-kontroll tat-twelid, ħafna ġiebu l-argument tal-ħtiġijiet, kemm ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin, kemm tar-responsabbiltá tal-ġenituri (“paternitá responsabile”), hemm bżonn li nagħmlu ċara l-idea ta’ dawn iż-żewġ realitajiet kbar fil-ħajja taż-żwieġ u niftakru l-aktar f’dak li ġie mfisser dan l-aħħar fuq dan is-suġġett, b’mod l-iktar awtorevoli, mill-Konċilju Vatikan li fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes.

 

L-imħabba bejn il-miżżewġin

    8.   L-imħabba bejn il-miżżewġin tidher fil-vera natura u nobbiltá tagħha meta tiġi kunsidrata fl-ogħla oriġini tagħha li hu Alla li hu Imħabba, “il-Missier, li minnu kull paternitá fis-sema u fl-art, tieħu l-isem tagħha”  (S Pawl lill-Efesin 3, 15).

    Iż-żwieġ għalhekk ma hux effett tal-każ jew riżultat ta’ l-evoluzzjoni ta’ forzi naturali bla raġuni:  iż-żwieġ hu istituzzjoni għarfa tal-Ħallieq biex iwettaq fl-umanitá l-pjan tiegħu ta’ mħabba.  Permezz ta’ l-għoti tagħhom infushom lil xulxin u lil ħadd iżjed fiż-żwieġ, ir-raġel u l-mara jingħaqdu biex jipperfezzjonaw lil xulxin u biex jikkollaboraw ma’ Alla fil-ġenerazzjoni u fl-edukazzjoni ta’ ħajjiet ġodda..

    Għall-imgħamdin, imbagħad, iż-żwieġ għandu d-dinjitá ta’ sinjal sagramentali tal-grazzja billi jirrappreżenta l-għaqda ta’ Kristu u Knisja.

 

Il-karatteristiċi ta’ l-imħabba

    9.   F’dan id-dawl jidhru ċari n-noti u l-ħtiġijiet karatteristiċi ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin, li fuqhom hu ta’ l-aqwa importanza li jkollna idea eżatta.

    Qabel xejn din l-imħabba hi umana, jiġifieri sensibbli u spiritwali fl-istess ħin.   Għalhekk mhix sempliċi ġibda ta’ l-istint u ta’ sentiment, iżda wkoll u qabel kollox hi att tal-volontá libera li permezz tal-ferħ u tat-tbatijiet tal-ħajja ta’ kuljum jagħmel li l-miżżewġin isiru qalb waħda u ruħ waħda u flimkien jilħqu l-perfezzjoni umana tagħhom.

    Imbagħad, din l-imħabba hi totali jiġifieri għamla għal kollox speċjali ta’ ħbiberija personali, li fiha l-miżżewġin jaqsmu bejniethom bil-ġenerożitá kull ħaġa, mingħajr riservi barra minn lokhom jew b’interessi ta’ egoiżmu.  Ir-raġel u l-mara li tassew jinħabbu, ma jinħabbux biss għal dak li jircievu mingħand xulxin, imma għall-istess imħabba, kuntenti li jagħtu lil xulxin lilhom infushom.

    Iżjed:  l-imħabba hi fidila u esklussiva sal-mewt.  Hekk jifhmuha, infatti, l-għarus u l-għarusa fil-ġurnata li fiha bil-libertá kollha, waqt li jafu sewwa x’ser jagħmlu, jintrabtu bir-rabta taż-żwieġ.  Il-fedeltá kultant tista’ tkun diffiċli, imam hi dejjem possibbli, u dejjem nobbli u ta’ mertu.  Dan ħadd ma jista jiċħdu.  L-eżempju ta’ tant miżżewġin ma’ tul is-sekoli juiri li l-fedeltá mhux biss taqbel man-natura taż-żwieġ, iżda hi bidu ta’ feliċitá kbira u twila.

    Fl-aħħar, din l-imħabba hija għammiela.  Ma tirrestrinġix ruħha biss għar-rapport bejn ir-raġel u l-mara, iżda ssib ukoll il-mezz kif tmur 'l hinn minn hekk biex tnissel ħajja ġdida.  Iż-żwieġ u l-imħabba konjugali, min-natura tagħhom huma ddestinati għall-prokreazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal.  It-tfal verament, huma r-rigal suprem taż-żwieġ u fil-livell mill-aktar għoli jikkontribwixxu għall-prosperità tal-ġenituri tagħhom.

    Il-“paternitá responsabbli” għandha tiġi kunsidrata taħt aspetti differenti, leġittimi u marbuta bejniethom.

Il-“paternitá responsabbli”

10. Għalhekk, l-imħabba bejn il-miżżewġin titlob mill-miżżewġin li jkunu jafu kif jixraq il-missjoni tagħhom għall-paternità responsabbli, li bir-raġun illum issir insistenza li wieħed jifhimha tajjeb.

    Fir-relazzjoni mal-proċessi biologiċi, paternitá responsabbli   tfisser konoxxenza u rispett lejn il-funzjonijiet biologiċi:  l-inteliġenza ssib fis-setgħa li tagħti l-ħajja, liġijiet biologiċi li jagħmlu parti mill-persuna umana.

    Fir-relazzjoni mal-ġibdiet ta’ l-istint u tal-passjonijiet, “paternitá responsabbli” tfisser il-kontroll meħtieġ li r-raġuni u l-volontá għandhom ikollhom fuq l-istint u l-passjonijiet.

    Fir-relazzjoni mal-kondizzjonijiet fiżiċi, ekonomiċi, psikoloġiċi u soċjali, l-“paternitá responsabbli”  titwettaq kemm bid-deċizjoni studjata u ġeneruża tat-trobbija ta’ familja numeruża, kemm bid-deċiżjoni, meħuda għal raġunijiet gravi u b’rispett lejn il-liġi morali, li għal żmien jew għal anki għal żmien mhux determinat, jiġi evitat it-twelid ta’ tarbija oħra.

    Paternitá responsabbli tfisser ukoll u fuq kollox reazzjoni aktar sħiħa ma’ l-ordni morali oġġettiv imwaqqaf minn Alla u li jiġi nterpretat sewwa minn kuxjenza retta.  It-twettiq responsabbli tal-paternitá jfisser għalhekk li l-miżżewġin jagħarfu sewwa d-dmirijiet tagħhom lejn Alla, lejhom infushom, lejn il-familja u lejn is-soċjetá skond il-ġerarkija ġusta tal-valuri.

    Fit-twettiq tad-dmir tagħhom tat-trasmissjoni tal-ħajja, l-ġenituri għalhekk ma humiex liberi li jimxu skond ma jidhrilhom huma, bħallikieku jistgħu jagħżlu għal kollox waħedhom it-triqat onesti li minnhom għandhom jgħaddu, iżda għandhom iqabblu l-għemil tagħhom ma’ l-intenzjoni ta’ Alla Ħallieq, li tinsab imfissra fl-istess natura taż-żwieġ u ta’ l-għemil tiegħu u murija mit-tagħlim kostanti tal-Knisja.

 

Qima lejn in-natura u l-iskopijiet ta’ l-att taż-żwieġ

    11. L-att li permezz tiegħu il-miżżewġin jingħaqdu f’intimitá onesta u li permezz tiegħu tiġi trasmessa l-ħajja umana, hu, kif fakkar il-Konċilju, “onest u xieraq” u jibqa’ leġittimu anke jekk għal raġunijiet indipendenti mill-volontá tal-miżżewġin, huma jkunu jafu li mhux ser ikun hemm tfal (infekond), għaliex jibqa’ ordinat biex ifisser u jsaħħaħ l-għaqda tagħhom.  Infatti, kif tgħallimna l-esperjenza mhux minn kull att konjugali tiġi ħajja ġdida.  Alla, b’mod l-aktar għaref, għamel liġijiet u ritmi naturali ta’ fekonditá li permezz tagħhom diġá jsir spazju ta’ żmien bejn twelid ta’ tarbija u oħra, iżda meta l-Knisja titlob il-bnedmin li jossevaw ir-regoli tal-liġi naturali interpretati mid-duttrina kostanti tagħha, l-Knisja tgħallem li kull att taż-żwieġ ma għandux jagħlaq it-triq għat-trasmissjoni tal-ħajja.

 

Iż-żewg aspetti:  l-għaqda u  l-prokreazzjoni

    12. Din it-dutrina, diversi drabi mgħallma mill-Maġisteru, hi mwaqqfa fuq ir-relazzjoni li hemm bejn iż-żewġ tifsiriet ta’ l-att taż-żwieġ:  it-tifsira ta’ l-għaqda (unitiva) u t-tifsira tal-prokreazzjoni.  Din ir-relazzjoni taż-żewġ tifsiriet riedha Alla u l-bniedem ma jistax jifridha minn jeddu.

    Infatti, imħabba l-istess struttura tiegħu, l-att taż-żwieġ, waqt li jgħaqqad profondament lill-miżżewġin, jagħmilhom kapaċi għall-ġenerazzjoni ta’ ħajjiet ġodda, skond liġijiet miktuba fl-istess esseri tar-raġel u tal-mara.  Meta jiġu mħarsa mir-raġel u mill-mara dawn iż-żewġ aspetti meħtieġa, l-aspett unitiv u l-aspett prokreattiv, l-att taż-żwieġ iwettaq bis-sħiħ is-sens ta’ vera mħabba ta’ xulxin u l-iskop għas-sejħa l-aktar għolja tal-bniedem għall-paternitá.  Aħna naħsbu li l-bnedmin taż-żmenijiet tagħna huma b’mod partikulari kapaċi li jwettqu dan il-karattru l-iżjed raġjonevoli u uman ta’ dan il-prinċipju, fondamentali.

 

Fedeltá lejn il-pjan t’Alla

   Infatti jingħad sewwa li att ta’ żwieġ impost mingħajr rispett lejn il-kondizzjonijiet u lejn ix-xewqat leġittimi ta’ parti, ma hux veru att ta’ mħabba u hu nieqes għalhekk minn ħtieġa ta’ l-ordni morali tajjeb fir-relazzjonijiet abejn il-miżżewġin.  Għalhekk, min jirrifletti tajjeb għandu anki jagħraf li att ta’ mħabba lejn xulxin, li jfixkel id-disponibiltá tat-trasmissjoni tal-ħajja magħmula minn Alla Ħallieq skond liġijiet partikolari, ikun f’kontradizzjoni mal-pjal taż-żwieġ u mar-rieda ta’ l-Awtur tal-ħajja.  Li tuża dan id-don t’Alla u teqred, anki f’parti biss, it-tifsira tiegħu u l-iskop tiegħu, tfisser li tikkontradixxi għan-natura tar-raġel kif ukoll tal-mara u għar-relazzjoni l-iktar intima bejniethom u għalhekk tmur kontra l-pjan t’Alla u kontra l-volontá tiegħu.  Għall-kuntrarju, meta l-bnedmin jagħmlu użu mid-don ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin u jirrispettaw il-liġijiet tal-proċess tal-ġenerazzjoni jfisser li jagħarfu li huma m’humiex l-imħallfin tal-bidu tal-ħajja umana, iżda pjuttost ministry tal-pjan stabbilit mill-Ħallieq.  Infatti, kif il-bniedem ma jistax jagħmel għal kollox kull ma jrid b’ġismu in ġenerali, hekk ukoll, għal raġuni partikolari, ma jistax jagħmel kull ma jrid bil-fakultajiet ġenerattivi tiegħu imħabba li għandhom l-iskop li jagħtu l-ħajja li tagħha Alla huwa l-bidu.  “Il-ħajja tal-bniedem hi sagra” jgħidilna Giovanni XIII  “minn malli titfaċċa, hi ġejja direttament minn Alla Ħallieq.”

 

Meżżi illeciti tar-regulazzjoni tat-twelid

    14. Fuq dawn il-kolonni tad-duttrina umana u nistanija taż-żwieġ, ikollna għal darb’oħra niddikjaraw li ma hiex assolutament leċita għal regolazzjoni tat-twelid l-interruzzjoni diretta tal-proċess ġenerattiv ġa mibdi, u fuq kollox l-abort volontarju u prokurat, anki jekk għal raġunijiet ta’ kura (terapewtiċi).

    Għandha tiġi wkoll eskluża, kif il-Maġisteru tal-Knisja ddikjara kemm-il darba, l-isteralizzazzjoni diretta, kemm għal xi żmien u kemm għal dejjem, kemm tar-raġel u kemm tal-mara.

    Lanqas ma hi permessa xi azzjoni jew qabel l-att taż-żwieġ, jew waqt dan l-att, jew fl-iżvilupp tal-konsegwenzi naturali tiegħu, li jkollha l-ħsieb, bħala skop jew bħala mezz, li l-prokreazzjoni ma tkunx possibbli.

    Lanqas ma jista jinġieb bħala raġuni tajba biex tiġġustifika li l-att taż-żwieġ isir b’mod apposta li ma jinġiebux tfal, ir-raġuni li l-fatt ta’ dawn l-atti magħmula ħazin huma ħaġa waħda (u għalhekk ħaġa żgħira) ma’ l-atti tajba li saru qabel jew li ser isiru ‘l quddiem u għalhekk jitħalltu u jiffurmaw flimkien ħaġa  waħda ta’ moralitá tajba.  Fil-veritá, jekk kultant hu leċitu li tittolera deni morali zgħir biex tevita deni akbar jew biex tagħmel xi ġid akbar, ma hux leċitu, lanqas għal raġunijiet l-aktar gravi, li tagħmel il-ħażin  biex minnu joħroġ it-tajjeb, jiġifieri li tagħmel xi ħaġa pożittiva tal-volontá li hi minnha nnifisiha diżordni u għalhekk ma tixraqx lil-persuna umana, anki jekk issir bil-ħsieb li jintagħmel jew jiġi mħares xi ġid individwali, familjari jew soċjali.  Għalhekk hu żball li taħseb li att taż-żwieġ, magħmul apposta b’mod li ma jkunx hemm tfal, u għalhekk fih innifsu mhux tajjeb, jista jsir tajjeb minn attijiet oħra tajbin taż-żwieġ.

 

Mezzi ta’ kura

    15. Il-knisja, għall-kuntrarju, ma żżommx bħala ħaġa mhux leċita l-użu tal-mezzi ta’ kura (terapewtiċi), meħtieġa biex jiġi kkurat mard ta’ l-organiżmu, anki jekk jirriżulta xi impediment, li jista jitbassar minn qabel, għall-prokreazzjoni, basta li impediment bħal dan ma jkunx magħmul apposta biex jimpedixxi t-twelid.

 

Il-perjodu infertili

    16. Dwar dan it-tagħlim tal-Knisja fuq il-moralitá ta’ l-atti taż-żwieġ, xi ħadd jista’ jqanqal id-diffikultá, kif għedna fuq (numru 3), li hu privileġġ ta’ l-intelliġenza tal-bniedem li jiddomina l-enerġiji tan-natura bla raġuni u jindirizzahom lejn skop li jaqbel mal-ġid tal-bniedem.  Issa, xi wħud jistaqsu:  fil-każ tagħna, mhix forsi ħaġa raġonevoli, f’tant ċirkostanzi, li nirrikorru għall-użu tal-kontroll artifiċjali tat-twelid biex niksbu l-armonija u l-paċi tal-familja u kondizzjonijiet aktar tajba għall-edukazzjoni ta’ l-ulied li diġá ġew fid-dinja?  Għal din id-diffikultá jeħtieġ inwieġbu b’mod ċar:  il-Knisja hi l-ewwel waħda biex tfaħħar u tirrikmanda l-użu ta’ l-intelliġenza f’opra li tgħaqqad hekk mill-qrib lill-kreatura raġonevoli mal-Ħallieq tagħha, iżda żżomm li dan għandu jsir bir-rispett lejn l-ordni mwaqqaf minn Alla.

    Għalhekk jekk hu meħtieġ xi spazju ta’ żmien bejn it-twelid ta’ tarbija u oħra. Kemm għal raġunijiet serji jew imħabba kondizzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi tal-miżżewġin jew imħabba ċirkostanzi oħra, il-Knisja tgħallem li jista jintagħmel użu mir-ritmi naturali li hemm fil-funzjonijiet ġenerattivi permezz ta’ l-użu taż-żwieġ biss fiż-żmien infertili u b’hekk it-twelid jiġi regolat mingħajr ma jiġu miksura l-prinċipji morali li semmejna aktar ‘il fuq.    

    Il-Knisja ma tmurx kontra tagħha  nnifisha meta żżomm bħala leċitu l-użu tal-perijodi infertili waqt li tikkundanna bħala mhux leċitu l-mezzi direttament kuntrarji għall-fekondazzjoni, anki jekk mixtieqa minn raġunijiet li jidhru tajba u serji.  Fil-fatt bejn iż-żewġ każi teżisti differenza essenzjali.  Fl-ewwel każ, il-miżżewġin jagħmlu użu leġittimu minn dispożizzjoni naturali, fil-każ l-ieħor huma jimpedixxu li żvolġiment tal-proċessi naturali.  Hu minnu li fiż-żewġ każi, il-miżżewġin jaqblu fir-rieda pożittiva li jevitaw it-tfal għal raġunijiet tajba billi jfittxu l-assigurazzjoni li t-tfal ma jiġux, iżda dashekk ieħor hu minnu li biss fl-ewwel każ huma lesti biex jiċċaħdu mill-użu taż-żwieġ fiż-żmien li fih jistgħu jiġu l-ulied, meta l-prokreazzjoni, għal raġunijiet tajba, ma hiex mixtieqa.  Fiż-żmien infertili, imbagħad, jagħmlu użu miż-żwieġ bħala wirja ta’ mħabba u biex iħarsu l-fedeltá ta’ bejniethom.  Meta jagħmlu hekk jagħtu prova ta’ mħabba tabilħaqq onesta.

 

Konsegwenzi gravi tal-metodi artifiċjali tal-kontroll tat-twelid

    17. In-nies tajba jistgħu aktar jikkonvinċu ruħhom kemm f’dan il-qasam, id-duttrina tal-Knisja hi soda jekk jirriflettu fuq il-konsegwenzi tal-metodi tal-kontroll artifiċjali tat-twelid.  Ħalli nikkunsidraw, qabel kollox, liema triq wiesgħa u ħafifa b’dan il-mod tinfetaħ għan-nuqqas ta’ fedeltá fiż-żwieġ u biex il-moralitá titbaxxa     kullimkien.  Ma tridx ħafna esperjenza biex tagħraf id-debolezza umana u biex tifhem li l-bnedmin  -   u l-aktar iż-żgħażagħ li jaqgħu hekk malajr fuq dan il-punt  -  għandhom bżonn li jiġu inkoraġġiti biex jibqgħu fidili lejn il-liġi morali.  Għalhekk ma għandux jiġi mogħti lilhom xi mezz ħafif biex jaħarbu mill-osservanza tal-liġi morali.  Wieħed għandu wkoll jibża li l-bniedem, jekk jidra l-użu tal-mezzi kontra t-twelid, jispiċċa biex jitlef ir-rispett lejn il-mara, u mingħajr ma jagħti każ aktar ta’ l-ekwilibriju tiegħu fiżiku u psikoloġiku, jasal biex jikkunsidra lill-mara bħala sempliċi strument ta’ tpaxxij egoista u mhux aktar bħala sieħba, rispettata u maħbuba.

    Għandna nirriflettu wkoll fuq l-arma perikoluża li b’hekk niġu nqegħdu f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi li ma jagħtux każ tal-bżonnijiet morali.  Min jista’ jluim ‘il xi Gvern li jkun irid japplika għas-soluzzjoni tal-problemi tal-popolazzjoni dak li jkun magħruf bħala leċitu lill-miżżewġin għas-soluzzjoni tal-problemi tal-familja?  Min jimpedixxi lill-Gvernijiet li jiffavorixxu u saħansitra jimponu fuq il-popolazzjonijiet tagħhom, jekk ikun jidhrilhom li hu meħtieġ, dak il-metodu tal-kontroll tat-twelid li huma jiġġudikaw li hu l-aktar tajjeb?  B’dan il-mod, il-bnedmin li jkunu jridu jewitaw id-diffikultajiet individwali, familjari u soċjali li jiltaqgħu magħhom fl-osservanza tal-liġi t’Alla, jaslu biex iħallu f’idejn l-indħil ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, il-parti l-aktar personali u l-aktar riservata ta’ l-intimitá taż-żwieġ.

Għalhekk jekk ma rridux inħallu fil-kapriċċ tal-bnedmin, il-missjoni tal-ġenerazzjoni tal-ħajja, għandha bilfors nagħarfu l-limiti li ma jistgħux jinqabżu fid-dominju tal-bniedem fuq ġismu u fuq il-funzjonijiet tiegħu; limiti li ħadd ma jista jikser kemm jekk ikun bniedem privat, kemm jekk ikun mogħni bl-awtoritá.  Dawn il-limiti għandhom jiġu determinati mir-rispett li jixraq lill-integritá ta’ l-organiżmu uman u tal-funzjonijiet tiegħu, skond il-prinċipji fuq imsemmija u skond il-“prinċipju ta’ totalitá” imfisser mill-Predeċessur tagħna Piju XII.  (Fl-1953 u fl-1956).

 

Il-Knisja:  garanzija tal-veri valuri umani

    18. Wieħed jista jissuppponi li dan it-tagħlim forsi ma jkunx milquigħ minn kulħadd bil-ħeffa:  ħafna huma l-ilħna  -  imxerrda mill-mezzi moderni ta’ propaganda  -  li ma jaqblux mal-leħen tal-Knisja.  Tabilħaqq, ħadd ma jistagħġeb li bħall-Fundatur Divin tagħha, il-Knisja hi “sinjal ta’ kontradizzjoni,”  iżda l-Knisja ma tieqafx li xxandar il-liġi morali kollha, kemm naturali u kemm evanġelika.  Din il-liġi ma ġietx magħmula mill-Knisja u għalhekk l-anqas tista’ tibdilha;  hija għandha biss id-depozitu tagħha u s-setgħa li tinterpretaha mingħajr ma tista’ tiddikjara leċitu dak li ma huwiex imħabba li hu fih innifsu kuntrarji għall-veru ġid tal-bniedem.

    Meta tiddefendi l-moralitá taż-żwieġ, il-knisja taf li qed tagħti s-sehem tagħha fit-twaqqif mill-ġdid ta’ ċiviltá tassew  umana:  hija timpenja lil-bniedem biex ma jiċħadx ir-responsabbilitajiet tiegħu biex iħallihom f’idejn il-mezzi tekniċi u b’dan stess tiddefendi d-dinjitá tal-miżżewġin.  Fidila lejn it-tagħlim u l-eżempju tal-Feddej, il-Knisja turi li hi ħabiba sinċiera tal-bnedmin li lilhom trid tgħin mill-bidu tal-vjaġġ f’din l-art  “biex jieħdu sehem bħala wlied fil-ħajja ta’ Alla ħaj, Missier tal-bnedmin kollha”  (San Luqa 2, 34). 

 

 


 

IT-TIELET PARTI

 

DIRETTIVI PASTORALI

 

 

Il-Knisja “mater et magistra”

    19. Il-kelma tagħna ma kenitx tkun espressjoni xierqa tal-ħsieb u tat-tħassib tal-Knisja, Omm u  Għalliema tal-Ġnus kollha, kieku, wara li stedinna l-bnedmin biex iħarsu u jirrispettaw  il-liġi divina dwar iż-żwieġ, ma ngħidulhomx kelma ta’ konfort dwar it-triq tar-regolazzjoi onesta tat-twelid, allavolja fost il-kondizzjonijiet diffiċli li llum qed inikktu l-familji u l-popli.  Il-Knisja, infatti, iġġib ruħha mal-bnedmin, l-istess bħall-Feddej divin:  tagħraf id-debolezzi tagħhom, għandna ħniena mal-folol, tilqa’ l-midinbin; iżda ma tistax tirrinunzja għat-tagħlim tal-liġi li fir-realtá hi dik il-liġi proprja għal kull ħajja umana restawrata għall-veritá tagħha oriġinali u mmexxija mill-ispirtu t’Alla.

 

Il-possibiltá ta’ l-osservanza tal-liġi divina

    20. Id-duttrina tal-Knisja fuq ir-regolazzjoni tat-twelid skond il-Liġi t’Alla, tidher għal bosta bħala diffiċli jew għal kollox impossibbli fil-prattika.  Tabilħaqq, bħal ħafna affarijiet importanti u ta’ ġid, din il-Liġi titlob ħidma iebsa u sforzi individwali, familjari u soċjali.  Anzi ma tkunx tista’ titwettaq mingħajr l-għajnuna t’Alla, li jgħin u jsostni r-rieda tajba tal-bnedmin.  Dawn l-isforzi, peró, jinnobilitaw lill-bniedem u huma ta’ ġid għall-umanitá.

 

Kontroll fuqna nfusna

    21. Prattika onesta tar-regolazzjoni tat-twelid titlob qabel kollox lil-miżżewġin ikollhom konvinzjoni soda dwar il-veri valuri tal-ħajja u tal-familja u li jfittxu li jakkwistaw padronanza sħiħa fuqhom infushom.  Il-ħakma tal-istitnt, permezz tar-raġuni u tal-volontá libera, jitolbu naturalment ċertu kontroll biex il-ġibdiet ta’ l-imħabba fil-ħajja taż-żwieġ ikunu skond l-ordni tajjeb u b’mod partikulari b’tali mod li tkun tista’ tiġi mħarsa l-kontintenza perjodika.  Din id-dixxiplina, li tfisser purezza tal-miżżewġin, minflok ma tagħmel ħsara lil-imħabba taż-żwieġ, tagħtiha valur uman aktar għoli.  Titlob sforz il-ħin kollu, iżda minħabba l-ġid li tagħmel, il-miżżewġin jiżviluppaw il-personalitá sħiħa tagħhom għaliex iżejnuha b’valuri spiritwali.  Din id-dixxiplina fuqhom infushom iġġib fil-ħajja familjari tal-miżżewġin frott ta’ serenitá u paċi u tgħin fis-soluzzjoni ta’ problemi oħra, iżżid fil-mizzewġin l-attenzjoni lejn xulxin, tgħin biex jinqered ‘l-egoizmu li hu għadu tal-vera mħabba u tkattar fihom is-sens tar-responsabbiltá.  Permezz tad-dixxiplina fuqhom infushom il-ġenituri jakkwistaw qawwa aktar profonda u aktar effikaċi għall-edukazzjoni ta’ l-ulied;  it-tfal u ż-żgħażagħ jikbru fil-vera stima tal-valuri umani u fl-iżvilupp seren u armonjuż tal-fakoltajiet tagħhom spiritwali u sensibbli.

 

Ambjent tajjeb għall-kastitá

    22. Aħna rridu f’din l-okkażjoni niġbdu l-attenzjoni ta’ l-edukaturi u ta’ dawk kollha li għandhom xi responsabbiltá fl-ordni tal-ġid komuni tal-bnedmin fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent tajjeb għall-edukazzjoni tal-kastitá, jiġifieri għar-rebħa tal-vera libertá fuq l-abbużi permezz tar-rispett lejn l-ordni morali.

    Dak kollu li bil-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni soċjali jwassal għall-eċċitament tas-sensi, għan-nuqqas ta’ kontroll tal-ħajja morali, kif ukoll kull għamla ta’ pornografija jew ta’ wirjiet ħżiena għandhom iqanqlu r-reazzjoni sinċiera u għalenija tal-persuni kollha li jixtiequ l-progress taċ-ċiviltá u d-difiża ta’ l-ogħla ġid ta’ l-ispirtu uman.  Ma jiswa xejn li x’uħud jippruvaw jiddefendu dan il-ħażen bi skużi ta’ l-arti jew tax-xjenza jew bl-argument li l-awtoritajiet pubbliċi qed iħallu l-libertá f’dan il-qasam (tal-moralitá).

 

Appell lill-gvernijiet

    23. Lill-Gvernijiet, li huma responsabbli ewlenin tal-ġid komuni u tant jistgħu jħarsu l-kostumi morali,  Aħna ngħidulhom:  tħallux li l-moralitá tal-popli tagħkom titbaxxa;  tħallux li jidħlu b’mod legali fil-familja  -  li hi ċ-ċellula fondamentali  -  prattiċi kuntrarji għal-liġi naturali u divina.  Hemm triq oħra li permezz tagħha l-Gvernijiet jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom għas-soluzzjoni tal-problema taż-żieda tal-popolazzjoni:  hija t-triq tal-politika li taħseb fil-familja, it-triq li b’mod għaqli teduka l-popli għar-rispett lejn il-liġi morali u lejn il-libertá taċ-ċittadini.

    Aħna nifhmu sewwa d-diffikultajiet kbar li għandhom f’dan il-Gvernijiet, l-aktar fil-pajjiżi fejn għadhom fit-triq ta’ l-iżvilupp.  Għall-problemi tagħhom iddedikajna l-Enċiklika tagħna “Populorum Progressio”.

    Iżda mal-Predeċessur tagħna, Giovanni XXIII, nirripetu:  “Dawn id-diffikultajiet ma jiġux mirbuħa billi nirrikorru għall-metodi u mezzi li ma jixirqux  lill-bniedem u li ma jfissrux ħaġ’oħra ħlief l-idea għal kollox materjalista ta’ l-istess bniedem u tal-ħajja tiegħu.  Il-vera soluzzjoni tinstab biss fl-iżvilupp ekonomiku u fil-progress soċjali li jirrispettaw il-veri valuri umani, individwali u soċjali”  (Enċiklika “Mater et Magistra”).  Lanqas ma nistgħu mingħajr inġustizzja kbira nwaħħlu fil-Provvidenza t’Alla għal dak li, għall-kuntrarju, hu ħtija tan-nuqqas ta’ dehen fil-gvern, tan-nuqqas ta’ ġenerożitá u wisq aktar tan-nuqqas ta’ ħeġġa fl-isforzi u fis-sagrifiċċji meħtieġa biex jassiguraw li jogħla l-livell tal-ħajja ta’ poplu u ta’ l-ulied kollha ta’ Alla.  J’Alla l-gvernijiet kollha  -  kif diġá qegħdin jagħmlu x’uħud li jistħoqqilhom tifħir  -  iħeġġu aktar b’ġenerożitá l-isforzi tagħhom.  J’Alla ma tonqosx l-għajnuna lil xulxin bejn il-membri kollha tal-familja umana:  hu kamp li kważi ma għandux limiti dak li qiegħed jinfetaħ għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kbar.

 

Lill-bnedmin tax-xjenza

    24. Irridu issa nfissru l-inkoraġġiment tagħna lill-bnedmin tax-xjenza li “jistgħu jagħtu sehem kbir għall-ġid taż-żwieġ u tal-familja u tal-paċi tal-kuxjenza, jekk, billi jgħaqqdu l-istudji tagħhom, ifittxu li jiċċaraw aktr fil-fond il-kondizzjonijiet differenti li jgħinu regolazzjoni onesta tal-prokreazzjoni umana” (Kostituzzjoni Pastorali “Gaudium et Spes”).  B’mod partikolari hu mixtieq li, skond l-awgurju magħmul mill-Papa Piju XII, ix-xjenza medika jirnmexxielha tagħti bażi biżżejjed żgura għar-regolazzjoni tat-twelid, imwaqqfa fuq l-osservanza tar-ritmi naturali.  B’hekk il-bnedmin tax-xjenza, u b’mod partikolari x-xjenzati kattoliċi, jagħtu s-sehem tagħhom biex juru bil-fatti li, kif tgħallem il-Knisja, “ma jistax ikun hemm vera kontradizzjoni bejn il-liġijiet diversi fuq it-trasmissjoni tal-ħajja u dawk li jiffavorixxu imħabba ġenwina tal-miżżewġin” (Gaudium et Spes).

Lill-miżżewġin Insara

    25. U issa l-kelma Tagħna inwassluha aktar direttament lil uliedna, b’mod partikolari lil dawk li Alla jsejjjaħ biex jaqduh fiż-żwieġ.  Il-Knisja, waqt li tgħallem li ma nistgħux naħarbu mil-liġi t’Alla, tħabbar is-salvazzjoni u tiftaħ permezz tas-sagramenti t-triqat tal-grazzja, li tagħmel mill-bniedem kreatura ġdida, kapaċi li tikkorrispondi fl-imħabba u fil-vera libertá għall-pjan tal-Ħallieq u Feddej tiegħu u kapaċi li tħoss ħelu l-madmad ta’ Kristu.    

    Il-miżżewġin insara, għalhekk għandhom jiftakru li s-sejħa nisranija tagħhom mibdija bil-Magħmudija giet aktar imqawwija bis-Sagrament taż-żwieġ.  Permezz ta’ dan is-Sagrament, il-miżżewġin huma msaħħa u kważi konsagrati għat-twettiq fidil tad-dmirijiet proprji tagħhom, għat-twettiq tas-sejħa tagħhom sal-perfezzjoni, għax-xhieda nisranija tagħhom quddiem id-dinja.  Lilhom il-Mulej jafda l-missjoni li juru lill-bnedmin l-qdusija u l-ħlewwa tal-liġi li tgħaqqad l-imħabba tal-miżżewġin bejniethom mal-kooperazzjoni tagħhom fl-imħabba t’Alla, awtur tal-ħajja umana.

    Bl-ebda mod ma għandna l-ħsieb naħbu d-diffikultajiet, kultant serji, li tiltaqa’ magħhom il-ħajja tal-miżżewġin insara;  għalihom, kif għal kulħadd, “il-bieb u t-triq li jwasslu għall-ħajja huma dojoq” (Mattew, 7,14)  iżda t-tama ta’ din il-ħajja għandha ddawwal it-triq tagħhom, billi bil-kuraġġ jagħmlu mill-aħjar biex jgħixu b’għaqal, ġustizzja u ħniena fiż-żmien preżenti, għax jafu li l-affarijiet ta’ din id-dinja jgħaddu.

    Halli għalhekk il-miżżewġin jissaportu d-diffikultajiet meħtieġa, imsaħħa mill-fidi u mit-tama li ma jqarrqux, “għaliex l-imħabba t’Alla inxterdet f’qlubna bl-Ispirtu Santu li ġie mogħti lilna “ (Romani, 5,5).  Ħalli jitolbu bil-perseveranza l-għajnuna t’Alla;  isibu, l-aktar fl-Ewkaristija, l-għajn tal-grazzja u ta’ l-imħabba.  U jekk jerġgħu jaqgħu fid-dnub, ma għandhomx jiskoraġġixxu ruħhom, iżda jirrikorru b’perseveranza umli għall-ħniena t’Alla li tiġi mogħtija fis-Sagrament tal-Qrar.  Huma jkunu jistHuma jkunu jistgħu jwettqu fil-ħajja taż-żwieġ dak li qal l-Appostlu:  “Irġiel, ħobbu lill-mara tagħkom kif Kristu ħabb il-Knisja…  L-irġiel għandhom iħobbu lill-mara tagħhom bħal ġisem tagħhom.  Tħobb lil martek mhux forsi tħobb lilek innifsek?  Issa ħadd qatt ma bagħad ‘il ġismu, anzi jrabbih u jikkurah, kif għamel Kristu u l-Knisja…  Dan hu misteru kbir, irrid ngħid għal Kristu u l-Knisja.  Għalhekk kull wieħed minnkom, kien min kien, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara tirrispetta lil żewġha”  (Efesihn, 5,25; 28-29; 32-33).

 

Apostolat fid-dar

26.             Fost ir-riżultati li joħorġu minn sforz ġeneruż ta’ fedeltá lejn il-liġi divina, wieħed l-aktar prezzjuż hu dak li r-raġel u l-mara ta’ spiss iħossu x-xewqa li jgħaddu lil ħaddieħor l-esperjenza tagħhom.  B’hekk fil-kwadru tal-vokazzjoni tal-lajċi tidħol għamla ġdida u magħrufa ħafna ta’ apostolat bejn nies ta’ l-istess sejħa;  jkunu l-miżżewġin stess li jsiru appostli u gwidi ta’ mizzewġin oħrajn.  Din, fost tant għamliet ta’ apostolat, hi żgur waħda minn dawk li l-lum jidhru l-aktar xierqa.

 

Lit-tobba

27.             Għandna stima kbira lejn it-tobba u lejn dawk li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina li fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom għandhom għal qalbhom, aktar minn kull interess uman, l-iskopijiet superjuri tal-vokazzjoni nisranija tagħhom.  Ħalli jkomplu għalhekk, ispirati mill-fidi u mir-raġuni retta, ifittxu jħollu f’kull okkażjoni kull diffikultá u jagħmlu minn kollox biex iqanqlu l-konvinzjoni u r-rispett fl-ambjent tagħhom.  Għandhom ukoll jikkunsidraw bħala dmir tagħhom professjonali li jiksbu f’dan il-qasam delikat, ix-xjenza kollha meħtieġa, biex ikunu jistgħu jagħtu lill-miżżewġin li jitolbu l-parir tagħhom il-pariri għaqlin u d-direttivi tajba li huma l-miżżewġin bir-raġun jistennew minn għandhom.

 

Lis-saċerdoti

    28. Għeżież uliedna saċerdoti li ġejtu msejħa biex tkunu kunsilieri u gwidi spiritwali ta’ l-individwi u tal-familji, issa ngħidu b’fiduċja kelma lilkom.  L-ewwel dmir tagħkom  -  l-aktar ta’ dawk li jgħallmu t-Teoloġija Morali  -  hu li tfissru mingħajr ebda kliem ambigwu t-tagħlim tal-Knisja fuq iż-żwieġ.   Kunu ta’ l-ewwel li tagħtu, fit-twettiq tal-ministeru tagħkom, l-eżempju ta’ qima, leali, interna u esterna, lejn il-Maġisteru tal-Knisja.  Din il-qima, tafuh tajjeb hi meħtieġa għar-raġunijiet miġjuba, iżda wisq aktar imħabba d-dawl ta’ l-Ispirtu Santu li bih b’mod partikulari huma mogħnija r-Rgħajja tal-Knisja biex juru l-veritá.  Tafu wkoll li hi ta’ l-ogħla importanza għall-paċi tal-kuxjenzi u għall-għaqda tal-poplu nisrani, li fil-kap tal-morali kif f’dak tad-domma, kulħadd joqgħod għall-Maġisteru tal-Knisja u jitkellem bl-istess lingwaġġ.  Għalhekk b’qalbna kollha, inġeddulkom l-appell tal-kbir Appostlu Pawlu:  “Nitolbukom, ħuti, f’gieh l-isem tas-Sinjur tagħna Ġesú Kristu, li lkoll taqblu flimkien, ma jkunx hemm firda fostkom, iżda tkunu lkoll magħquda fl-istess spirtu u fl-istess ħsieb” ( l Kor. 1, 10).

    29. Tnaqqsu fl-ebda mod id-dutrina ta’ ġid ta’ Kristu li hi għamla eminenti ta’ karitá lejn l-erwieħ.  Wettqu l-ħidma tagħkom bil-paċenzja u t-tjubija li tagħhom tana l-eżempju l-Mulej meta kien jittratta mal-bnedmin.  Kristu li gie biex isalva u mhux biex jikkundanna, ma kienx iċedi għall-ħażen, iżda kien ħanin mal-bnedmin.

    J’Alla li fid-diffikultajiet tagħhom il-miżżewġin isibu dejjem fil-kelma u fil-qalb tas-saċerdoti l-eku tal-leħen u ta’ l-imħabba tar-Redentur.

    Tkellmu imbagħad bil-fiduċja, għażież uliedna, konvinti tabilħaqq li l-Ispirtu t’Alla waqt li jgħin lill-Maġisteru li jipproponi d-duttrina, idawwal internament il-qlub tal-fidili u jistedinhom jaċċettaw it-tagħlim tal-Maġisteru.  Għallmu lill-għarajjes il-ħtieġa tat-talb, ippreparawhom biex ta’ spiss jersqu b’fidi lejn is-Sagrament tal-Qrar u tat-Tqarbin, mingħajr qatt ma jiġu skoraġġiti mid-debbolezza tagħhom.

 

Lill-Isqfijiet

    30. Għeżież u Venerabbli ħutna fil-Veskovat, li magħkom naqsmu aktar mill-qrib il-ħsieb tal-ġid spiritwali tal-Poplu t’Alla;  fikom naħsbu fit-tmiem ta’ din l-Enċiklika.  Lilkom ilkoll nagħmlu stedina urġenti.  Flimkien mas-saċerdoti kooperaturi u mal-fidili tagħkom, aħdmu b’ħeġġa u mingħajr waqfien għall-ħarsien u għall-qdusija taż-żwieġ biex fil-ħajja taż-żwieġ ilkoll jgħixu f’perfezzjoni umana u nisranija.  Ikkunsidraw din il-missjoni bħala waħda mir-responsabbiltajiet tagħkom l-aktar urġenti fiż-żmenijiet tal-lum.  Din il-missjoni, kif tafu, iġġib magħha ħidma pastorali li tolqot l-oqsma kollha tal-ħidma umana, ekonomika, kulturali u soċjali:  infatti kull ma jsir ta’ ġid f’dawn id-diversi setturi jistá jirrendi l-ħajja tal-ġenituri u ta’ l-ulied mhux biss tollerabbli iżda aktar faċli u ferħana fi ħdan il-familja u iżjed paċifika u fraterna l-ħajja tas-soċjetá fil-fedeltá lejn il-pjan ta’ Alla fid-dinja.

 

L-AĦĦAR KELMA

    31. Venerabbli ħutna, maħbubin uliedna, u intom ilkoll nies ta’ rieda tajba;  kbira hi l-opra ta’ edukazzjoni, ta’ progress u ta’ imħabba li għaliha qegħdin insejħulkom fuq il-pedament tat-tagħlim tal-Knisja li tiegħu għandu d-depożitu u tiegħu hu l-interpretu s-suċċessur ta’ San Pietru, flimkien ma’ Ħutu l-Isqfijiet.  Aħna żguri li din hija opra tabilħaqq kbira għad-dinja u għall-Knisja għaliex il-bniedem ma jistax isib il-vera feliċitá  -  li għaliha jaħdem bil-ħila tiegħu kollha  -  jekk mhux bir-rispett tal-liġijiet miktuba minn Alla fin-natura tiegħu u li għandhom jiġu mħarsa b’intelliġenza u mħabba.  Fuq din l-opra aħna nitolbu, kif ukoll fuqkom, ilkoll, u b’mod speċjali fuq il-miżżewġin, l-abbundanza tal-grazzji t’Alla, grazzji ta’ qdusija u ta’ ħniena, u bħala rahan nagħtukom il-Barka Apostolika Tagħna.

    Mogħti f’Ruma f’San Pietru, fil-festa ta’ San Ġakbu Appostlu, 25 ta’ Lulju tas-sena 1968, is-sitt sena tal-Pontifikat tagħna.

 

PAULUS PP. VI