Laikos

 

 Aktar dwar il-Ħniena Divina ...

IN-NOVENA TAL-ĦNIENA DIVINA

Novena lill-Ħniena Divina li Ġesu’ qalli niktibha u nagħmilha qabel il-Festa tal-Ħniena. Din tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

Jiena nixtieq li matul dawn id-disat ijiem inti ġġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, sabiex huma jieħdu minnha saħħa u serħan u dawk il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fit-tbatijiet tal-ħajja u, l-aktar, fis-siegħa tal-mewt.   Kuljum inti ġġib f’Qalbi grupp differenti ta’ erwieħ, u inti ddaħħalhom f’dan l-oċejan tal-ħniena Tiegħi, u Jiena nieħu dawn l-erwieħ kollha fid-dar ta’ Missieri. Inti tagħmel dan f’din il-ħajja u f’dik li ġejja; Jiena ma niċħad xejn lil ebda ruħ li inti ġġib fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Kuljum inti titlob lil Missieri, grazzji għal dawn l-erwieħ, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħi.

Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena ma nafx kif għandi nagħmel din in-Novena jew liema erwieħ għandi nġiblek l-ewwel fil-Qalb l-iktar ħanina Tiegħek.” Ġesu’ wieġeb li Hu kien ser jgħidli liema erwieħ kelli nġiblu kuljum fil-Qalb Tiegħu.

Klikkja l-istampi

L-Ewwel Jum

Illum ġibli l-umanita’ kollha, l-aktar il-midinbin kollha, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. B’dal-mod tfarraġni min-niket li jkolli minħabba t-telfa tal-erwieħ.

O Ġesu’ l-aktar Ħanin, li l-veru natura Tiegħek hi li jkollok mogħdrija lejna u li taħfrilna, la tħarisx lejn dnubietna imma lejn il-fiduċja li aħna għandna fit-tjieba Tiegħek bla qjies. Ilqagħna lkoll f’dak il-post f’Qalbek wisq ħanina, u tħallina qatt naħarbu minnha. Dan nitolbuhulek f’ġieħ l-Imħabba li tgħaqqdek mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-umanita’ kollha u l-iktar fuq l-imsejkna midinbin, li dawn huma miġburin ilkoll fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, urina l-ħniena Tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nfaħħru l-qawwa bla qjies tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

It-Tieni Jum

Illum ġibli l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi u għaddashom fil-ħniena Tiegħi bla qjies. Kienu huma li tawni s-saħħa biex nissaporti il-Passjoni ħarxa li batejt. Permezz tagħhom, tinżel il-ħniena Tiegħi tgelgel fuq l-umanita’.

O Ġesu’ l-iktar ħanin, li minnek ġej dak kollu li hu tajjeb, kattar il-grazzja Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu nwettqu xogħol siewi ta’ ħniena, u dawk kollha li jarawna, jagħtu glorja lill-Missier tal-ħniena li Hu fis-smewwiet.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn dawk li Inti għażilt fil-għalqa Tiegħek – fuq l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi; u ikisihom bil-qawwa tal-Barka Tiegħek. F’ġieħ l-imħabba tal-Qalb ta’ Ibnek fejn hemm jinsabu miġburin, agħtihom is-setgħa u d-dawl Tiegħek, ħalli jkunu jistgħu jmexxu lill-oħrajn fit-triq tas-salvazzjoni, u hekk b’vuċi waħda jkantaw tifħir lill-ħniena bla qjies Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

It-Tielet Jum

Illum ġibli l-erwieħ kollha devoti u fidili u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ tawni faraġ fit-triq tas-Salib. Kienu dik il-qatra ta’ faraġ f’nofs oċejan ta’ niket aħrax.

O Ġesu’ l-aktar ħanin, mit-teżor tal-ħniena Tiegħek, Inti tqassam il-grazzji Tiegħek b’abbundanza fuq kull wieħed u waħda minna. Ilqagħna f’dak il-post ta’ Qalbek wisq ħanina u tħallina qatt naħarbu minnha. Din il-grazzja nitolbuhielek f’ġieħ dik l-imħabba kbira u tal-għaġeb li għandek tkebbes f’Qalbek għall-Missier tas-Sema.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn l-erwieħ fidili, bħala l-wirt ta’ Ibnek. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, berikhom u ħarishom dejjem. B’hekk huma qatt ma jonqsu mill-imħabba jew jitilfu t-teżor tal-fidi mqaddsa, imma mal-qtajja’ tal-Anġli u l-Qaddisin, jkunu jistgħu ifaħħru l-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Klikkja l-istampi

Ir-Raba’ Jum

Illum ġibli lil dawk li ma jemmnux Fija u lil dawk li għadhom ma jafunix. Kont qed naħseb fihom ukoll matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi, u l-ħerqa li biha għad jitkebbsu kienet ta’ faraġ għal Qalbi. Għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi.

O Ġesu’ l-iktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx. Agħmel lir-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna, ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u la tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

Missier Etern, itfa’ ħarstek ħanina fuq l-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux f’Ibnek, u ta’ dawk li għadhom ma jafukx, imma li diġa’ jinsabu fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Ressaqhom lejn id-dawl tal-Vanġelu. Dawn l-erwieħ ma jafux xi jfisser il-ferħ kbir li jħobbuk. Agħmel li dawn ukoll ifaħħru it-tjieba tal-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Il-Ħames Jum

Illum ġibli l-erwieħ tal-insara li huma mifrudin minn xuxlin, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi huma qattawli Ġismi u Qalbi; jiġfieri, il-Knisja Tiegħi. Meta jerġgħu jidħlu fil-għaqda mal-Knisja, l-ġrieħi Tiegħi jfiequ, u b’hekk huma jtaffuli l-Passjoni Tiegħi.

O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti li Int l-istess Tjieba, ma tiċħadx id-dawl lil min jitolbok. Ilqa’ fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek lill-erwieħ ta’ ħutna mifrudin minna. Agħtihom id-Dawl Tiegħek biex jerġgħu lura għall-għaqda mal-Knisja u tħallilhomx jitbiegħdu iżjed mill-kenn ta’ Qalbek mimlija mogħrdija; imma agħmel b’mod li huma wkoll jibdew ifaħħru l-kobor tal-ħniena Tiegħek.

Missier Etern, itfa’ l-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ ta’ ħutna mifrudin, dawk li ħlew il-ġid u l-grazzji li Inti sawwabt fuqhom, billi webbsu rashom fl-iżbalji tagħhom. Tħarisx lejn l-iżbalji tagħhom, imma ilqa’ l-imħabba ta’ Ibnek l-għażiż bil-Passjoni ħarxa li ġarrab minħabba fihom, ladarba huma wkoll qegħdin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Agħmel li huma wkoll jigglorifkaw l-ħniena kbira Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Is-Sitt Jum

Illum ġibli l-erwieħ ta’ qalb ħelwa u umli u t-tfal iċ-ċkejknin, u għaddashom fil-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbħu lil Qalbi. Huma tawni s-saħħa fil-ħin tal-agunija ħarxa Tiegħi. Jiena rajthom bħal anġli tal-art, li jishru mal-Altari Tiegħi. Insawwab fuqhom xmajjar sħaħ ta’ grazzji. Ir-ruħ umli biss tista’ tilqa’ l-grazzja Tiegħi. Għandi fiduċja kbira f’dawn l-erwieħ umli.

O Ġesu’ l-aktar Ħanin, Int stess għidt, “Itgħallmu minni, għax Jiena ta’ Qalb ħelwa u umli.” Ilqa’ fil-għamara tal-Qalb Tiegħek l-iżjed Ħanina l-bnedmin kollha ta’ qalb ħelwa u umli u l-erwieħ tat-tfal ċkejknin. Dawn l-erwieħ isaħħru s-smewwiet, u huma l-maħbubin tal-Missier fis-sema. Qishom bukkett fjuri ta’ riħa ħelwa quddiem it-Tron ta’ Alla; Alla nnifsu jitpaxxa bil-fwieħa tagħhom. Dawn l-erwieħ jgħammru għal dejjem fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, O Ġesu’, u jtennu bla waqfien għanja ta’ mħabba u ta’ ħniena.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq il-bnedmin ta’ qalb ħelwa u umli, u fuq l-erwieħ tat-tfal ċkejknin, li jinsabu miġburin fil-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbhu lil Ibnek l-għażiż. Il-fwieħa tagħhom titla’ mill-art sat-tron Tiegħek fis-sema. Missier ta’ ħniena u ta’ kull tjieba, nitolbok f’ġieħ l-imħabba li Inti għandek għal dawn l-erwieħ u f’ġieħ il-għaxqa li Inti ssib fihom: bierek id-dinja kollha sabiex il-bnedmin kollha flimkien jgħannu t-tifħir tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Klikkja l-istampi

Is-Seba’ Jum

Illum ġibli l-erwieħ li jqimu u jsebbħu l-ħniena Tiegħi b’mod speċjali u għaddashom fil-ħniena tiegħi. Dawn l-erwieħ tnikktu ħafna minħabba l-Passjoni li ġarrabt u daħlu fil-fond tal-Ispirtu Tiegħi. Huma xbihat ħajjin tal-Qalb ħanina Tiegħi. Dawn l-erwieħ għad jiddu b’dija speċjali fil-ħajja li ġejja. Ħadd minnhom mhu ser imur fin-nar tal-infern. Fis-siegħa ta’ mewthom, Jiena ser niddefendi b’mod partikulari lil kull wieħed u waħda minnhom.

O Ġesu’ l-aktar ħanin, li Qalbek hija l-istess Imħabba, ilqa’ ġewwa l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek l-erwieħ ta’ dawk li jsebbħu u jqimu b’mod partikulari l-kobor tal-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma setgħana bl-istess setgħa ta’ Alla nnifsu. Huma jibqgħu mexjin ‘l quddiem fost l-hemm u t-tbatijiet kollha li jkollkom iġarrbu, għax jafdaw fil-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma maqgħudin Miegħek, O Ġesu’ u qed jerfgħu fuq spallejhom l-umanita’ kollha. Dawn l-erwieħ ma jiġux iġġudikati severament, imma l-ħniena Tiegħek tħaddanhom waqt li jkunu qed iħallu din il-ħajja.

Missier Etern , dawwar ħarstek ħanina fuq l-erwieħ li jsebbħu u jqimu l-akbar attribut Tiegħek, dik tal-ħniena Tiegħek bla qjies, u li jinsabu magħluqin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ huma Vanġelu ħaj; idejhom huma mimlijin b’għemejjel ta’ ħniena u l-ispirtu tagħhom imfawwar bil-ferħ, qed ikanta kantiku ta’ ħniena Lilek, O l-aktar Għoli! Nitolbok, O Alla, urihom il-ħniena Tiegħek skont it-tama u l-fiduċja li huma wrew Fik. Ħalli sseħħ fihom il-wegħda ta’ Ġesu’, meta qal, L-erwieħ li jqimu l-ħniena Tiegħi, Jiena stess niddefendihom f’ħajjithom u speċjalment fis-siegħa ta’ mewthom, għall-glorja Tiegħi. Ammen.

 

It-Tmien Jum

Illum ġibli l-erwieħ li jinsabu fil-ħabs tal-Purgatorju, u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Ħalli Demmi li xerridt bil-kotra jtaffi l-ħruq tan-nirien li qed ibatu. Dawn l-erwieħ kollha huma maħbubin ħafna Minni. Huma qed iħallsu l-prezz tal-ġustizzja Tiegħi. Inti tista’ sserraħhom. Agħmel ħiltek biex tirbaħ l-indulġenzi kollha miġburin fit-teżor tal-Knisja Tiegħi, u offrihom għal dawn l-erwieħ. O, li kieku taf x’turmenti qed isofru, toffri l-ħin kollu għalihom il-karita’ spiritwali u tħallas id-dejn li huma għandhom mal-ġustizzja Tiegħi.

O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti nnifsek għidt li trid issawwab il-ħniena ; għalhekk qed indaħħal fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek l-erwieħ tal-Purgatorju, li huma tant maħbubin minnek; iżda fl-istess ħin ikollhom iħallsu d-dejn li baqagħlhom mal-ġustizzja Tiegħek. Agħmel lix-xmajjar ta’ Demm u Ilma li ħarġu minn Qalbek jitfu l-fjammi tan-nar li jippurifka, sabiex hemmhekk ukoll tiġi meqjuma l-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

Missier Etern, ħares bil-ħniena l-erwieħ li qed isofru fil-Purgatorju u li jinsabu miġburin fil-Qalb tant ħanina ta’ Ġesu’. Nitolbok, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ġesu’ Ibnek, f’ġieħ l-imrar li fawwarlu r-ruħ l-iżjed qaddisa Tiegħu, uri l-ħniena Tiegħek ma’ dawn l-erwieħ li qegħdin taħt il-ħaqq ġust Tiegħek. Tħarisx lejhom ħlief permezz tal-Pjagi ta’ Ġesu’, Ibnek l-għażiż, għax aħna nemmnu bis-sħiħ li m’hemm l-ebda tarf għat-tjieba u l-ħniena Tiegħek. Ammen.

 

Id-Disa’ Jum

Illum ġibli l-erwieħ li waqgħu fil-bruda u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ iweġġgħuli Qalbi b’mod l-iktar kiefer. Fil-Ġnien taż-Żebbuġ ruħi ġarrbet stmerrija tal-biża’ minħabba l-erwieħ bierda. Kienu dawn l-erwieħ li ġegħluni ngħid: “Missier, warrab minni dan il-kalċi, jekk din hi r-Rieda Tiegħek.” L-aħħar tama ta’ salvazzjoni għalihom hi li jirrikorru għall-ħniena Tiegħi.

Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti l-istess mogħdrija. Qed inġiblek l-erwieħ bierda biex iddaħħalhom fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek. Kebbes mill-ġdid, f’dan in-nar ta’ mħabbtek safja, lil dawn l-erwieħ li l-bruda għamilthom qishom iġsma mejta li jġegħluk tistmellhom. O Ġesu’, l-aktar ħanin, ħaddem il-qawwa tal-ħniena Tiegħek u ħeġġiġhom bi mħabbtek; u sawwab fuqhom id-don tal-imħabba qaddisa, għax kollox hu fis-setgħa Tiegħek.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ bierda, li madankollu jinsabu mħaddna fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Missier tal-ħniena nitolbok f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ibnek u l-agunija li bata fuq is-Salib tul tliet sigħat, agħmel li dawn l-erwieħ ukoll jigglorifikaw l-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Ammen.

 

Mid-Djarju ta’ Santa Fawstina minn paragrafu 1209 sa paragrafu 1229.