Nixtieq insir qaddis

Francesco Pio Attard

 

Tiftakar meta fil-klassi tal-Primarja kienu jistaqsuna x’nixtiequ nilħqu la nikbru? Kont tisma’ lil min isemmi minn kull xorta ta’ karriera u vokazzjoni. Imma qatt ma naf li smajt lil ħadd jgħid li jrid isir qaddis!

 

Donnu għal bosta l-qdusija għandha prezz għoli wisq biex tinxtara. Ħafna jaħsbuha prerogattiva ta’ klassi ċkejkna ta’ nies li għandhom il-ħin biex jinqatgħu mill-bqija tad-dinja u jekk jista’ jkun mill-art ukoll. B’xorti ħażina, fost l-Insara hawn iddur l-idea żbaljata li l-qdusija hi tir li jista’ jintlaħaq biss f’xi spazju mistħajjel wara din il-ħajja, u li mqar hemm, xorta waħda hi riservata biss għal dawk li nagħmlulhom statwa u pedestall, inpoġġuhom f’niċċa, indawrulhom djadema ma’ rashom, u noqogħdu niftaħru bihom.

 

Imma r-realtà li jurina l-Vanġelu hi xort’oħra. L-Aħbar it-tajba li għadu kemm reġa’ fakkarna fiha l-Papa Franġisku hi li s-sejħa għall-qdusija hi universali, u li allura kulħadd jista’ jsir qaddis, qaddisa. Din mhix xi invenzjoni ta’ dan il-Papa. Il-Konċilju Vatikan II diġà kien fakkarna b’ċerta qawwa li bil-Magħmudija tagħna aħna lkoll imsejħin biex insiru qaddisin (ara Lumen gentium, n. 40).

 

Il-Papa ried itennilna dan kollu fl-Eżortazzjoni ġdida tiegħu Gaudete et exsultate, bil-Malti “Ifirħu u thennew”, kliem meħud minn fuq fomm Ġesù fid-Diskors tal-Muntanja (Mt 5-7). Eżortazzjoni mhix għajr ittra twila ta’ tagħlim, anzi tħeġġiġ, mir-Ragħaj tal-Knisja universali lill-Insara, jew aħjar, lill-bnedmin kollha “ta’ rieda tajba”, dwar xi suġġett li jħoss li għandu jiġbed l-attenzjoni dwaru fiż-żminijiet tal-lum. Fil-verità, f’din l-ittra tiegħu l-Papa mhux jiżvelalna xi tagħlim ġdid jew jagħtina trattat b’ħafna definizzjonijiet teoriċi, imma pjuttost jixtieq “li tidwi għal darb’oħra s-sejħa għall-qdusija, billi nfittxu li nlaħħmuha fil-kuntest attwali, bir-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu” (n. 2).

 

Mit-titlu ta’ dan id-dokument, li bħaż-żewġ Eżortazzjonijiet l-oħra ta’ Franġisku wkoll iduru mat-tema tal-ferħ, malajr naqbdu l-ġist ta’ dak li jixtieq jgħidilna l-Papa: f’dinja li tista’ tidher ostili għall-messaġġ ta’ Kristu u t-tagħlim tal-Vanġelu, li qed tagħmel persekuzzjoni ta’ kull għamla lin-Nisrani, fejn ħafna qed jipproponulna mezzi oħra mhux dejjem tajbin biex naslu għall-ferħ, Alla “jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, inkonsistenti” (n. 1).

 

Fil-qalba tal-Eżortazzjoni – kapitlu 3 – il-Papa jipproponi l-Beatitudnijiet (Mt 5:3-12) bħala “l-karta tal-identità tan-Nisrani” (n. 63), u allura jagħtina suġġerimenti prattiċi ħafna dwar kif nistgħu nimxu t-triq tal-qdusija, li fl-aħħar mill-aħħar mhi xejn għajr “l-imħabba li tingħax b’mod sħiħ” (n. 21) u għas-servizz tal-oħrajn. It-test hu mimli bi kwotazzjonijiet bibliċi kif ukoll oħrajn mill-kitbiet tal-qaddisin; lil dawn tal-aħħar jippreżentahomlna bħala “xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna” (n. 11) ħalli nixbhu iżjed lil Ġesù.

 

L-eżempji tal-qaddisin, jgħid il-Papa, m’għandhomx jaqtgħulna qalbna għax forsi naħsbu li m’għandniex il-gazz naslu sa fejn waslu huma. Pjuttost, il-qdusija niksbuha bil-ġesti żgħar ta’ mħabba, bl-attenzjoni għad-dettalji, u spiss anki bil-waqgħat ta’ kuljum li minnhom nerġgħu nqumu iktar b’saħħitna. It-tfixkil huwa ħafna – f’kapitlu 2 ifakkarna f’żewġ għedewwa sottili, li huma l-Injostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu, żewġ termini li jidhru tqal, imma meta naqraw il-kapitlu nifhmu kemm huma reali fi żmienna daqskemm kienu fis-snin bikrin tal-Knisja. Daqshekk ieħor hi reali t-tentazzjoni tax-Xitan, li jisħaq fuqha b’ċerta qawwa fl-aħħar kapitlu, u għalhekk kull Nisrani serju jrid jagħmel dixxerniment kontinwu fil-ħajja tiegħu.

 

Tant hu prattiku l-Papa fis-suġġerimenti tiegħu, li fir-raba’ kapitlu jagħtina ħames għodod li fid-dinja tal-lum jistgħu jgħinuna nsiru qaddisin: is-sabar u l-ħlewwa l-aktar fit-tiġrib; il-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu; il-kuraġġ u l-ħeġġa; il-komunità; u t-talb bla waqfien.

 

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li għandna nieħdu minn din l-Eżortazzjoni hu li l-qdusija hi għalina wkoll, u mhux biss ma teħdilna xejn, imma toffrilna “l-ħajja vera, il-ferħ li għalih ġejna maħluqin”. Għalhekk il-kisba tagħha tibda l-ewwel billi nħallu l-Ispirtu s-Santu jħeġġeġ f’qalbna x-xewqa ħerqana li nsiru qaddisin. Mela, ibda issa billi tgħid: “Nixtieq insir qaddis”!